Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-22 ta’ Mejju 2023 – Inspektorat kam Visshia sadeben savet

(Kawża C-313/23, Inspektorat kam Visshia sadeben savet)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Inspektorat kam Visshia sadeben savet

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tal-funzjonijiet ta’ korp, li jista’ jimponi sanzjonijiet dixxiplinari fuq il-membri tal-ġudikatura u li għandu s-setgħa jikkonstata data dwar il-patrimonju tagħhom, lil hinn mill-iskadenza tal-mandat stabbilit kostituzzjonalment ta’ dan il-korp u mingħajr terminu stabbilit b’mod ċar, tistabbilixxi fiha nnifisha jew taħt ċerti kundizzjonijiet ksur tar-rekwiżit li l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jiggarantixxu rimedji legali effettivi għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti? Jekk tali estensjoni tal-mandat hija ammissibbli, taħt liema kundizzjonijiet?

L-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività li tinvolvi t-tneħħija tas-sigriet bankarju bil-għan li jiġi vverifikat il-patrimonju tal-membri tal-ġudikatura, li sussegwentement jiġi żvelat lill-pubbliku, tikkostitwixxi attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni? Ir-risposta tkun differenti f’sitwazzjoni fejn din l-attività tinkludi wkoll l-iżvelar ta’ data dwar il-membri tal-familja tal-membri tal-ġudikatura, li ma jkollhomx il-kwalità ta’ membri tal-ġudikatura?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli: il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali u għalhekk jikkostitwixxi “kontrollur” ta’ data personali?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli u fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda: l-Artikolu 51 tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom, huwa responsabbli sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament u għalhekk għandu l-kwalità ta’ “awtorità superviżorja” fir-rigward ta’ din id-data?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli u fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda mit-tielet jew mir-raba’ domanda: l-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament 2016/679 u l-Artikolu 57(1)(a) tal-istess regolament, rispettivament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom, huwa obbligat, meta jkollu data dwar ksur preċedenti tas-sigurtà ta’ data personali mwettaq mill-korp li lilu jkun ser jagħti aċċess, jitlob informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tad-data u jevalwa l-adegwatezza ta’ dawn il-miżuri huwa u jieħu deċiżjoni jekk jagħtix tali aċċess?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli u irrispettivament mir-risposti għat-tielet u għar-raba’ domanda: l-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jipprevedi li kategoriji speċifiċi ta’ data għandhom jiġu żvelati biss wara awtorizzazzjoni ġudizzjarja, il-qorti li tagħti din l-awtorizzazzjoni hija obbligata tiżgura ex officio l-protezzjoni tas-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tkun ser tiġi żvelata, billi tobbliga lill-korp pubbliku li jitlob aċċess għad-data u li jkun magħruf li wettaq ksur tas-sigurtà tad-data personali jippreżenta informazzjoni dwar il-miżuri meħuda taħt l-Artikolu 33(3)(d) tar-Regolament 2016/679 u dwar l-implimentazzjoni effettiva tagħhom?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.