Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2016 – Zoetis Belgium vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-363/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Zoetis Belgium (Ottignies-Louvain-la-Neuve, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Vanhulle, B. van de Walle de Ghelcke, C. Borgers u N. Baeten, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għanuna mill-Istat li tikkonċerna l-eżenzjoni fuq il-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN), implementata mir-Renju tal-Bejġju;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tal-allegata miżura ta’ għajnuna mill-Istat u fil-klassifikazzjoni tagħha bħala skema ta’ għajnuna skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 1 u l-Artikolu 107 TFUE.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107 TFUE, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-konstatazzjoni li l-iskema Belġjana ta’ aġġustament tal-profitt żejjed tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill 2015/1589 u tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi meta ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(6) TFUE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll fuq l-użu ħażin ta’ poter minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar għajnuna mill-Istat sabiex tiġi pprojbita l-iskema Belġjana ta’ aġġustament tal-profitt żejjed.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, p. 9).