Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2016 – Portigon vs SRB

(Kawża T-365/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Portigon AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Bliesener u V. Jungkind, avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

tannulla d-deċiżjonijiet tal-konvenut li fuqhom huma bbażati l-avviżi ta’ rkupru tal-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (aġenzija federali għall-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju), bid-data tat-22 ta’ April 2016 (Protokoll Nru 2208101-2016-JB) u tal-10 ta’ Ġunju 2016 (Protokoll Nru 2208102-2016-JB2), dwar il-kontribuzzjonijiet annwali għall-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni għas-sena 2016 imħallsa mir-rikorrenti;

tordna lill-konvenut jippreżenta d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 1 moqrija flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/81 2 moqri flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE 3

Il-konvenut wettaq żball meta ssuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond, billi l-istituzzjoni inkwistjoni ma kinitx esposta għal riskji, riżoluzzjoni tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 kienet eskluża u din bl-ebda mod ma kienet se taffettwa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Ir-rikorrenti ma għadhiex topera iktar fis-suq. Sa mill-bidu tal-2012 hija ma wettqitx operazzjonijiet ġodda u ġiet suġġetta għal stralċ fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna. Hija żżomm il-parti kbira tal-passiv rimanenti tagħha b’titolu fiduċjarju għan-nom ta’ entità ġuridika oħra li aċċettat l-opportunitajiet u r-riskji ta’ din l-attività.

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 4 , li ma jipprevedi ebda eċċezzjoni għal istituzzjonijiet bħalma hija r-rikorrenti, jikser, min-naħa tiegħu, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

Id-deċiżjonijiet jiksru l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti b’paragun ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra marbuta li jħallsu l-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, dawn jaffettwaw b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti.

It-tielet motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 moqrija flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/81 moqri flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet, il-konvenut wettaq żball meta naqas milli jeskludi mill-passiv rilevanti għall-finijiet tal-irkupru tal-kontribuzzjonijiet l-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti li ġew iddikjarati iżda li huma mingħajr riskju.

Ir-raba’ motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet, il-konvenut wettaq żball meta kkalkola, fir-rigward tal-kuntratti dderivati tar-rikorrenti, evalwazzjoni gross u mhux evalwazzjoni nett li tirrifletti r-riskju.

Il-ħames motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet, il-konvenut wettaq żball meta qies lir-rikorrenti bħala istituzzjoni f’fażi ta’ ristrutturazzjoni. L-indikatur ta’ riskju fis-sens tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 kellu jassumi l-valur minimu.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta, peress li l-konvenut kellu l-ewwel jisma’ lir-rikorrenti qabel ma jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta, peress li l-konvenut ma mmotivax suffiċjentement id-deċiżjonijiet tiegħu.

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, p. 1).

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81, tad-19 ta’ Diċembru 2014, li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).

3 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 173, p. 190).

4 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63, tal-21 ta’ Ottubru 2014, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44).