Language of document : ECLI:EU:T:2014:852

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta inserzjoni — Disinn preċedenti — Novità — Karattru individwali — Karatteristiċi viżibbli ta’ komponent minn prodott kumpless — Evalwazzjoni tad-disinn preċedenti — Artikoli 3, 4, 5, 6 u l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑39/13,

Cezar Przedsiębiorstwo Produkcyjne Dariusz Bogdan Niewiński, stabbilita f’Ełk (il-Polonja), inizjalment irrappreżentata minn M. Nentwig u G. Becker, sussegwentement minn M. Nentwig, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn F. Mattina, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Poli-Eco Tworzywa Sztuczne sp. z o.o., stabbilita fi Szprotawa (il-Polonja), inizjalment irrappreżentata minn B. Rokicki, sussegwentement minn D. Rzazewska, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Novembru 2012 (Każ R 1512/2010‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Poli-Eco Tworzywa Sztuczne sp. z o.o. u Cezar Przedsiębiorstwo Produkcyjne Dariusz Bogdan Niewiński,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2013,

wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Fl-1 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti, Cezar Przedsiębiorstwo Produkcyjne Dariusz Bogdan Niewiński, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa maħsub sabiex jiġi applikat għaz-“zokkli”, li jaqa’ fil-klassi 25-02 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi Klassifika Internazzjonali għad-Disinni Industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not foundImage not found

3        Id-disinn ġie rreġistrat fil-jum tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bin-numru 000070438-0002 u ppubblikat fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji Nru 2003/035, tad-9 ta’ Diċembru 2003.

4        Fil-11 ta’ Settembru 2007, l-intervenjenti, Poli-Eco Tworzywa Sztuczne sp. z o.o., ippreżentat quddiem l-UASI talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn inkwistjoni. Ir-raġuni mogħtija insostenn tat-talba hija dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 tal-istess regolament.

5        L-intervenjenti sostniet li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid, peress li disinni identiċi kienu tqiegħdu fis-suq fl-1999 mill-kumpannija Torka Nil Plastik u mill-kumpanniji Ġermaniżi Bolta u Döllken. Insostenn tat-talba tagħha, l-intervenjenti ppreżentat b’mod partikolari paġni magħżula mill-katalgu “Programm 1999” ta’ Döllken (iktar ʼil quddiem il-“katalgu Döllken”) li għandhom ir-rappreżentazzjonijiet li ġejjin:

Image not found

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għar-raġuni li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid. Hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq waħda mir-rappreżentazzjonijiet tal-katalogu Döllken tal-1999, riprodotta hawn isfel (iktar ʼil quddiem “id-disinn preċedenti D1”):

Image not found

7        Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset, essenzjalment, li d-disinn ikkontestat ma kellu l-ebda differenza viżibbli mid-disinn preċedenti D1 minħabba l-fatt li huwa kien jagħmel parti minn prodott kumpless u li l-unika karatteristika tiegħu viżibbli waqt użu normali kienet il-wiċċ ta’ quddiem.

8        Fl-4 ta’ Awwissu 2010 r-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li d-disinn ikkontestat għandu jġi ddikjarata invalidu minħabba l-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali. B’mod iktar partikolari, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-disinn ikkontestat kien jagħmel parti minn prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-unika parti viżibbli ta’ dan il-prodott, waqt użu normali, kien il-wiċċ ċatt tal-parti tal-bażi. Sa fejn il-wiċċ ċatt tad-disinn ikkontestat kien jikkoinċidi mad-disinn preċedenti D1, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn iż-żewġ disinni kienu identiċi u li, konsegwentement, id-disinn ikkontestat ma kienx ġdid. Bl-istess mod, l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni konfliġġenti fuq utent informat tad-disinn ikkontestat, jiġifieri, f’dan il-każ, ħaddiem tas-sengħa li regolarment jixtri zokkli, ikunu identiċi. Konsegwentement, id-disinn ikkontestat huwa nieqes minn karattru individwali.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 63(1) tal-istess regolament u t-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 62 tal-istess regolament.

13      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn novità u minn karattru individwali.

14      L-UASI u l-intervenjenti jqisu li l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat li jqis li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn novità u minn karattru individwali.

15      L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jiddisponi:

“1.      Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

[...]

b)      jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 4 sa 9;

[...]”

16      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002:

“[...]

1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2. Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

a)      jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar; u

b)      safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

3. ʽUżu normaliʼ fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a) għandu jfisser l-użu mill-aħħar utent, bl-esklużjoni taż-żamma fl-ordni [manutenzjoni], is-servizz jew ix-xogħol tat-tiswija.”

17      Skont l-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, “prodott kumpless” huwa ddefinit bħala prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li posthom jista’ jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew armat mill-ġdid.

18      Mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li disinn irreġistrat għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun żvelat lill-pubbliku, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni. Huwa speċifikat fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu li d-disinni huma meqjusa identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.

19      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li huwa jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mogħtija lil dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità.

20      Huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq li għandu jiġi eżaminat din ir-rikors.

21      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Bord tal-Appell, li d-disinn ikkontestat jikkonsisti minn parti ċatta u minn żewġ partijiet tal-ġnub li jiftħu f’angolu kemmxejn ogħla minn 90 grad u għandhom projezzjonijiet li jħarsu ʼil barra fil-livell tat-“truf ħielsa” tagħhom u li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiddeskrivihom bħala li huma maħsuba li jiġu applikati għaz-zokkli.

22      Qabel ma jsir il-paragun tal-disinni konfliġġenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, għandu jiġi determinat jekk dan id-disinn jikkostitwixxix komponent minn prodott kumpless u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema huma l-partijiet viżibbli waqt użu normali. Għandu wkoll jiġi eżaminat id-disinn preċedenti D1 li fuqu l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, għaliex ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dan id-disinn mill-Bord tal-Appell u, konsegwentement, l-identità tal-disinni inkwistjoni.

 Fuq il-klassifikazzjoni tad-disinn ikkontestat ta’ komponent ta’ prodott kumpless

23      Il-Bord tal-Appell qies li d-disinn ikkontestat jikkostitwixxi l-komponent ta’ prodott kumpless li jikkonsisti minn zokklu li għandu kavità maħsuba sabiex jitqiegħdu fih kejbils tal-elettriku jew wajers tat-telefon u tad-disinn ikkontestat, jiġifieri inserzjoni maħsuba li tgħatti l-kavità, adattat għaz-zokklu li jista’ jiġi żarmat u mmuntat mill-ġdid. Bl-istess mod, dan id-disinn huwa komponent ta’ prodott kumpless meta jkun inkorporat f’tipi oħra ta’ zokkli, peress li l-parti ċatta tiegħu hija mmuntata fuq il-ħajt u li z-zokklu huwa mwaħħal mal-elementi tal-ġenb li jisporġu ʼl barra permezz ta’ sett ieħor ta’ elementi li jipproġettaw li jinsabu fuq il-wiċċ ta’ wara tiegħu. Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, id-disinn ikkontestat jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless.

24      Ir-rikorrenti ssostni li d-disinn ikkontestat huwa prodott multifunzjonali li jista’ jintuża b’diversi modi u li l-użu tiegħu ma jistax jiġi ristrett għal dak ta’ komponent ta’ prodott kumpless. Hija ssemmi, essenzjalment, żewġ modi ta’ użu tad-disinn ikkontestat, jiġifieri dak maħsub li jagħtti kavità f’zokklu u dak maħsub sabiex jiġi integrat mal-art jew ma’ ħajt. Issa, il-ħajt jew l-art ma jistgħux jitqiesu bħala prodott. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u li, għaldaqstant, disinn għandu jitqies li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless biss jekk dan l-użu huwa l-uniku mod ta’ użu raġonevoli.

25      L-UASI jqis li l-modi varji ta’ użu tad-disinn ikkontestat ppreżentati mir-rikorrenti jikkonfermaw li dan tal-aħħar jagħmel parti minn prodott kumpless.

26      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat jikkostitwixxix komponent ta’ prodott kumpless sa fejn, skont l-Artikolu 4(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-komponenti ta’ prodotti kumplessi, huma biss il-karatteristiċi viżibbli waqt użu normali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jitqabblu d-disinni inkwistjoni.

27      Fir-rigward tal-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess u b’mod partikolari mid-dokumenti mehmuża mar-rikors, id-disinn ikkontestat jikkostitwixxi l-komponent ta’ prodott kumpless meta huwa maħsub li jgħatti l-kavità ta’ zokklu u, b’mod aċċessorju, kavità li tinsab f’ħajt jew fl-art.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti, filwaqt li ssostni li l-disinn ikkontestat huwa prodott multifunzjonali, issemmi essenzjalment biss il-modi ta’ użu ta’ dan id-disinn bħala inserzjoni f’zokklu, f’ħajt jew fl-art. Ċertament, hija ssemmi wkoll il-possibbiltà li d-disinn ikkontestat jintuża bħala prodott indipendenti, jiġifieri bħala kanal, u tirreferi għal dan il-għan għall-Anness A7 tar-rikors. Meta mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, madankollu, li dan l-aħħar użu kien biss possibbiltà. Għalkemm l-użi potenzjali ta’ disinn ma għandhomx jiġu esklużi, madankollu għandu jiġi rrilevat li użu purament ipotetiku tal-disinn ikkontestat kif ippreżentat fl-Anness A7 tar-rikors ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni peress li jirriżulta b’mod ċar mill-proċess li, f’dan il-każ, id-disinn ikkontestat ser jiġi applikat essenzjalment għal komponent użat bħala inserzjoni sabiex jgħatti kavità.

29      Id-disinn ikkontestat jikkostitwixxi għaldaqstant komponent ta’ prodott kumpless.

 Fuq il-karatteristiċi viżibbli ta’ użu normali

30      Skont it-termini tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, karatteristiċi viżibbli ta’ disinn li jikkostitwixxu komponent minn prodott kumpless iridu jissodisfaw fihom infushom ir-rekwiżiti ta’ novità u ta’ karattru individwali. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-użu normali huwa l-użu mill-utent aħħari, bl-eċċezzjoni tal-manutenzjoni, tas-servizz jew tat-tiswija.

31      Għaldaqstant għandhom jiġu identifikati l-karatteristiċi viżibbli waqt użu normali tal-prodott.

32      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li għall-utent aħħari tad-disinn ikkontestat, jiġifieri l-utent ta’ swali li fihom ġew immuntati z-zokkli, il-wiċċ ċatt ta’ quddiem ta’ dan tal-aħħar biss kien baqa’ viżibbli meta kien iservi ta’ inserzjoni sabiex jgħatti l-kavità ta’ zokklu. Għall-kuntrarju, waqt l-użu kif muri fil-katalgu Döllken, l-ebda komponent tad-disinn ma kien jibqa’ viżibbli sa fejn huwa kien moħbi wara zokklu.

33      Ir-rikorrenti tikkontesta l-pretensjonijiet tal-Bord tal-Appell u ssostni li l-partijiet kollha tad-disinn ikkontestat jibqgħu viżibbli waqt użu normali tad-disinn, jiġifieri meta d-disinn ikkontestat huwa magħmul b’mod trasparenti, fil-każ ta’ irtirar tal-inserzjoni tal-kejbils fiz-zokklu kif ukoll meta t-truf ta’ zokklu ma humiex mgħottija.

34      L-UASI jqis li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li, waqt użu normali, l-uniku parti viżibbli tal-disinn ikkontestat huwa l-wiċċ ċatt tagħha hija fondata. Rigward l-argumenti tar-rikorrenti, huwa jsostni li t-tneħħija tal-inserzjoni taz-zokklu matul it-tiswija tal-kejbils jew it-tqegħid tagħhom fil-kavità ma jaqax taħt użu normali. Barra minn hekk, ikun illoġiku li wieħed jimmaġina li l-truf taz-zokklu jistgħu jitħallew mikxufa.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, id-disinn ikkontestat ma jistax jintuża flimkien ma’ zokklu kif muri fil-katalgu Döllken, jiġifieri jkun imwaħħal ma’ ħajt u mgħotti minn zokklu imwaħħal mal-elementi li jisporġu ʼl barra tad-disinn bl-għajnuna ta’ sett ta’ elementi li jisporġu ʼl barra li jinsabu fiz-zokklu stess. Din it-tranżazzjoni hija impossibbli b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-projezzjonijiet tad-disinn ikkontestat huwa twal wisq sabiex jidħlu fil-parti ta’ wara ta’ zokklu.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless huwa meqjus ġdid jew ikollu karattru individwali biss sa fejn dan il-komponent, ladarba inkorporata fil-prodott kumpless, jibqa’ viżibbli matul l-użu normali ta’ dan il-prodott. Isegwi li l-użu tad-disinn billi jitwaħħal fuq l-parti ta’ wara ta’ zokklu jrendi l-protezzjoni tiegħu impossibbli u, għaldaqstant, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. L-użu biss tad-disinn ikkontestat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami huwa dak tal-applikazzjoni tiegħu fl-inserzjoni sabiex jgħatti kavità. Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li ebda parti tal-komponent li fuqu d-disinn jiġi applikat ma tibqa’ viżibbli meta jitwaħħal mal-wara ta’ zokklu ma hijiex, għaldaqstant, rilevanti f’dan il-każ, mingħajr ma tali ċirkustanza jkollha impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax issostni utilment li l-projezzjonijiet tad-disinn ikkontestat huma twal wisq.

37      Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-viżibbiltà tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat meta dan huwa użat bħala inserzjoni sabiex jgħatti kavità f’zokklu jew f’ħajt.

38      Issa, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, huwa biss il-wiċċ ċatt tad-disinn ikkontestat li jibqa’ viżibbli meta dan huwa użat sabiex jgħatti kavità f’zokklu jew f’ħajt. Dan il-fatt huwa, barra minn hekk, muri mid-dokumenti prodotti fl-Annessi A8-A13 tar-rikors.

39      Huwa wkoll xieraq li jiġi kkunsidrat f’dan l-istadju, l-argument tar-rikorrenti li l-ħajt jew l-art li fihom jiddaħħal il-prodott li għalih huwa applikat id-disinn ikkontestat ma huwiex prodott fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li l-kriterju ta’ viżibbiltà ma għandux jiġu applikat għad-disinn ikkontestat.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-viżibbiltà hija kriterju essenzjali għall-protezzjoni tad-disinni Komunitarji. Fil-fatt, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-protezzjoni ma għandhiex tiġi estiża għall-komponenti li ma jkunux viżibbli matul użu normali ta’ prodott, lanqas għall-karatteristiċi ta’ komponent li ma humiex viżibbli meta l-prodott jiġi mmuntat. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, li jiġi evalwat jekk il-kavitajiet li d-disinn jew id-disinn ikkontestat huwa intiż li jgħatti jinsabux fi prodott fis-sens strett tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 iżda, għall-kuntrarju, jiġu evalwati l-karatteristiċi viżibbli waqt użu normali, kif għamel il-Bord tal-Appell f’dan il-każ.

41      L-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell.

42      L-ewwel nett, l-installazzjoni ta’ kejbils tal-elettriku jew tat-telefon fil-kavità ta’ zokklu mgħottija mill-inserzjoni, li għaliha huwa applikat id-disinn ikkontestat, taqa’ fl-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 6/2002, fis-sens li l-manutenzjoni, is-servizz jew it-tiswija ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu f’użu normali. Sa fejn dawn l-operazzjonijiet huma ta’ natura temporanja, l-istallazzjoni jew it-tibdil fil-kejbils f’kavità jikkorrispondi preċiżament għall-manutenzjoni jew għas-servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni msemmija iktar ʼil fuq. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata li, waqt użu normali, iz-zokkli jitneħħew biss f’każ ta’ tiġdid tas-sala, ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni ta’ kejbils jew ta’ wajers tat-telefon. Konsegwentement, huwa qies, ġustament, li l-użu normali ma jinkludix l-iżmantellar u l-ispezzjoni regolari tal-inserzjoni.

43      It-tieni nett, fir-rigward tal-possibbiltà li ma jitgħattewx it-truf ta’ zokklu, u b’hekk tibqa’ tidher is-sezzjoni trasversali tagħha u dik tal-inserzjoni, għandu jitqies li, kif irrileva l-UASI, ikun illoġiku li jitħallew mikxufa t-truf ta’ prodott, peress li dan il-prodotti huwa mfassal essenzjalment sabiex jaħbi l-kejbils. Barra minn hekk, mill-Anness A13 tar-rikors (p. 61-64) jirriżulta ċar li z-zokkli li fihom huwa mdaħħal il-komponent li għalih huwa applikat id-disinn ikkontestat jinkludu elementi sabiex jinħbew it-truf tagħhom. Apparti dan, huwa wkoll speċifikat, fl-Anness 14 tar-rikors (p. 66) li l-użu ta’ għotjiet tat-tmiem u ta’ adapters jippermetti li wieħed juża huwa stess installazzjoni faċli u rapida, u dan juri, f’dan il-każ, li huwa maħsub sabiex jgħatti l-partijiet tal-ġnub taz-zokkli.

44      It-tielet nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni li fiha d-disinn huwa manifatturat minn materjal trasparenti, għandu jiġi rrilevat li l-illustrazzjonijiet tal-użu tal-inserzjoni, mehmuża bħala annessi A8, A9 u A12 tar-rikors, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li wiċċ trasparenti iħalli li jidhru l-projezzjonijiet tal-insersjoni meta din tal-aħħar titwaħħal ma’ zokklu, ma’ ħajt jew mal-art. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata li ż-żewġ disinni inkwistjoni, kif ippreżentati, setgħu jiġu applikati għal prodotti magħmula minn diversi materjali, u mhux biss minn materjali trasparenti. Barra minn hekk, l-UASI jsostni, ġustament, li din il-karatteristika ma tidhirx fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tad-disinn ikkontestat.

45      Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-unika karatteristika viżibbli tad-disinn ikkontestat waqt użu normali hija l-wiċċ ta’ quddiem tagħha ma hija vvizzjata b’ebda żball.

 Fuq l-evalwazzjoni tad-disinn preċedenti

46      Il-Bord tal-Appell sostna li d-disinn preċedenti D1 huwa kkaratterizzat minn sempliċi linja b’żewġ ganċijiet sempliċi u qosra fit-truf tiegħu. Sa fejn ebda prodott tridimensjonali ma ikun irrappreżentat fuq dan id-disinn, kull idea ta’ wiċċ ċatt tibqa’ vaga u inċerta. Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-disinn preċedenti D1 jirrappreżenta prodott b’wiċċ ċatt, hija għaldaqstant żbaljata. Barra minn hekk, mid-dokument “Examination of Applications for Registered Community Designs ” tal-UASI jirriżulta li l-karatteristiċi ta’ disinn preċedenti li ma humiex irrappreżentati suffiċjentement f’immaġni li setgħet tiġi żvelata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

47      L-UASI jsostni li r-rappreżentazzjoni tad-disinn preċedenti kif jidher b’mod partikolari fil-katalogu Döllken jippermetti li “jinftiehem il-prodott innifsu” u, għaldaqstant, li jitqabbel b’mod utli d-disinn ikkontestat. Il-fatt li din ir-rappreżentazzjoni hija limitata għal veduta ta’ profil ma jipprekludix li jsir il-paragun mad-disinn ikkontestat, peress li l-forma u l-karatteristiċi tal-disinn preċedenti tkun perfettament identifikabbli f’din il-kawża, u dan anki jekk din ir-rappreżentanza kienet f’żewġ dimensjonijiet u ma tinkludix veduta f’perspettiva.

48      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi nnutat li r-Regolament Nru 6/2002 ma jirrikjedix li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament, ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ disinn li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, lanqas ta’ disinn li diġà ġie żvelat lill-pubbliku, li għandu veduta fil-perspettiva, sakemm din ir-rappreżentazzjoni grafika tippermetti li jiġu identifikati l-forma u l-karatteristiċi tad-disinn. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’ jqis ġustament li r-rappreżentazzjoni tad-disinn kif żvelat fil-katalogu Döllken ippermetta identifikazzjoni tal-forma u tal-karatteristiċi ta’ dan id-disinn preċedenti kif ukoll tal-mod ta’ użu tiegħu.

49      Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-viżibbiltà tad-disinn preċedenti waqt użu normali. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-unika karatteristika viżibbli, bħal fid-disinn ikkontestat, hija n-naħa ta’ quddiem ċatta. Issa, skont il-katalgu Döllken, li jinkludi b’mod partikolari d-disinn preċedenti D1, dan id-disinn huwa għandu jitwaħħal mal-parti ta’ wara ta’ zokklu. Minn dan isegwi li dan tal-aħħar ma huwiex viżibbli waqt użu normali tal-prodott kumpless li huwa parti minnu.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, meta evalwa l-użu tad-disinn ikkontestat, irrileva li z-zokkli kif ippreżentati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija komposta minn parti ta’ bażi ċatta ma’ elementi li jisporġu ʼl barra mmuntati fuq il-ħajt u fuq zokklu imwaħħal ma’ dawn l-elementi permezz ta’ numru ieħor ta’ elementi li jisporġu ʼl barra li jinsabu fuq il-wiċċ ta’ wara tagħha u li huwa mwaħħla fil-qrib ma’ xulxin. Huwa kkonkluda, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li, użat b’dan il-mod, l-element irrappreżentat kemm mid-disinn ikkontestat kif ukoll mid-disinn preċedenti ma kienx viżibbli.

51      Sa fejn disinn li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless li ma huwiex viżibbli matul użu normali ta’ dan il-prodott kumpless ma jistax jiġi protett skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li l-novità u l-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ma jistgħux jiġu evalwati billi jitqabbel dan id-disinn ma’ disinn preċedenti li, bħala komponent minn prodott kumpless, ma huwiex viżibbli waqt l-użu normali tiegħu.

52      Il-kriterju ta’ viżibbiltà, kif stabbilit fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 u mfakkar fil-punt 40 hawn fuq, għaldaqstant japplika għad-disinn preċedenti. L-UASI rrikonoxxa ukoll, waqt is-seduta, li l-istess kriterji kellhom jiġu applikati għaż-żewġ disinni konfliġġenti.

53      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qabbel id-disinni inkwistjoni peress li qies li, f’użu normali, il-parti ta’ quddiem tal-prodott li għaliha għandu japplika d-disinn preċedenti u li għandha tkun parti minn prodott kumpless tibqa’ viżibbli. F’dan is-sens, hija ma identifikatx b’mod korrett l-elementi viżibbli tal-disinn preċedenti. Issa, kif indikat fil-punt 51 hawn fuq, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tistax tkun ibbażata fuq disinn preċedenti li bħala komponent ta’ prodott kumpless, ma huwiex viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan tal-aħħar. Konsegwentement, l-eżami tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat li għamel il-Bord tal-Appell kien żbaljat. Din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed sabiex dan ir-rikors jintlaqa’.

54      Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqa’ dan il-motiv mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

56      Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

57      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-8 ta’ Novembru 2012 (Każ R 1512/2010‑3) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Cezar Przedsiębiorstwo Produkcyjne Dariusz Bogdan Niewiński.

3)      Poli-Eco Tworzywa Sztuczne sp. z o.o. għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.