Language of document : ECLI:EU:T:2014:852

Kawża T‑39/13

Cezar Przedsiębiorstwo Produkcyjne Dariusz Bogdan Niewiński

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta inserzjoni — Disinn preċedenti — Novità — Karattru individwali — Karatteristiċi viżibbli ta’ komponent minn prodott kumpless — Evalwazzjoni tad-disinn preċedenti — Artikoli 3, 4, 5, 6 u l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2014

1.      Disinni Komunitarji — Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni — Disinn li jikkostitwixxi komponent minn prodott kumpless — Komponent li għandu jibqa’ viżibbli matul l-użu normali ta’ dan il-prodott sabiex jitqies bħala ġdid u għandu natural individwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 12 u Artikolu 4(2)(a))

2.      Disinni Komunitarji — Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni — Disinn li jikkostitwixxi komponent minn prodott kumpless — Komponent li għandu jibqa’ viżibbli matul l-użu normali ta’ dan il-prodott sabiex jitqies ġdid u li għandu karattru individwali — Impossibbiltà ta’ evalwazzjoni ta’ kundizzjonijiet permezz ta’ tqabbil ma’ disinn jew mudell preċedenti bħala komponent ta’ prodott kumpless

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 4(2)(a))

1.      Skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinni Komunitarji, disinn li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless huwa meqjus ġdid jew ikollu karattru individwali biss sa fejn dan il-komponent, ladarba inkorporata fil-prodott kumpless, jibqa’ viżibbli matul l-użu normali ta’ dan il-prodott.

Il-viżibbiltà hija kriterju essenzjali għall-protezzjoni tad-disinni Komunitarji. Fil-fatt, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-protezzjoni ma għandhiex tiġi estiża għall-komponenti li ma jkunux viżibbli matul użu normali ta’ prodott, lanqas għall-karatteristiċi ta’ komponent li ma humiex viżibbli meta l-prodott jiġi mmuntat.

(ara l-punti 36, 40)

2.      Sa fejn disinn li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless li ma huwiex viżibbli matul użu normali ta’ dan il-prodott kumpless ma jistax jiġi protett skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li n-novità u l-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ma jistgħux jiġu evalwati billi jitqabbel dan id-disinn ma’ disinn preċedenti li, bħala komponent minn prodott kumpless, ma huwiex viżibbli waqt l-użu normali tiegħu. Il-kriterju ta’ viżibbiltà, kif stabbilit fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 u mfakkar fil-punt 40 hawn fuq, għaldaqstant japplika għad-disinn preċedenti.

(ara l-punti 51, 52)