Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ April 2024 minn Dexia, li kienet Dexia Crédit Local mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-24 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-405/21, Dexia Crédit Local vs SRB

(Kawża C-254/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Dexia, li kienet Dexia Crédit Local (rappreżentanti: H. Gilliams, advocaat, J.-M. Gollier, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħgobha:

tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Jannar 2024, Dexia Crédit Local vs SRB (T-405/21, ECLI:EU:T:2024:33), sa fejn, filwaqt li tiddikjara nulla d-deċiżjoni tal-Bond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“SRB”) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, bin-Numru ta’ Referenza SRB/ES/2021/22 (id-“deċiżjoni tas-SRB”), hija żżomm temporanjament fis-seħħ l-effetti tagħha;

tannulla d-deċiżjoni tas-SRB; u

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż tal-proċedura (inkluża l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali).

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

1.    L-ewwel aggravju sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 1 jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 114(1) TFUE.

2.    It-tieni aggravju sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jikkostitwixxux dispożizzjonijiet fiskali fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

3.    It-tielet aggravju sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li t-trattament irriżervat għall-appellanti ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

4.    Ir-raba’ aggravju sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li t-trattament irriżervat għall-appellanti ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________

1     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).