Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ April 2024 minn Alisher Usmanov mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-237/22, Usmanov vs Il-Kunsill

(Kawża C-274/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Alisher Usmanov (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, V. Villante, M. Pirovano u M. Moretto, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-237/22, Alisher Usmanov vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, EU:T:2024:56 ikkomunikata lill-appellant fl-istess jum;

tannulla:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat-28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat-13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza msemmija iktar ’il fuq u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appellant, kemm fir-rigward tal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka sitt aggravji prinċipali.

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kisret l-Artikolu 274 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-appellant u kisret l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ audi alteram partem.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret u interpretat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ inklużjoni (a) taħt l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 1 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 269/2014 2 ; sussidjarjament, l-appellant iqajjem oġġezzjoni ta’ illegalità u inapplikabbiltà tal-imsemmi kriterju (a) skont l-Artikolu 77 TFUE.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, wettqet ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE u applikat b’mod żbaljat il-kriterju (a) imsemmi iktar ’il fuq għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tas-Sur Medvedev f’Kommersant.

Il-ħames aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi dwar il-libertà editorjali ta’ Kommersant, applikat b’mod żbaljat regoli dwar l-oneru u r-rekwiżiti tal-prova u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

Is-sitt aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret u interpretat b’mod żbaljat id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas- 17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).