Language of document : ECLI:EU:C:2024:10

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Artikolu 8 – Obbligu ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur min-naħa tal-kreditur – Regolarizzazzjoni ta’ ksur minħabba l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu – Artikolu 23 – Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Nullità tal-kuntratt ta’ kreditu u dekadenza tad-dritt tal-kreditur għall-ħlas tal-interessi miftiehma – Assenza ta’ konsegwenza li tikkawża preġudizzju lill-konsumatur – Responsabilizzazzjoni tal-kredituri u l-prevenzjoni ta’ prattiki irresponsabbli fil-kuntest tal-għoti ta’ krediti lill-konsumaturi”

Fil-Kawża C‑755/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresní soud Praha-západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

Nárokuj s.r.o.

vs

EC Financial Services, a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nárokuj s.r.o., minn R. Pukl, advokát,

–        għal EC Financial Services, a.s., minn F. Petráš, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, S. Šindelková u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nárokuj s.r.o. u EC Financial Services, a.s., dwar il-ħlas lura ta’ somom marbuta ma’ kreditu li din tal-aħħar tat lil konsumatur.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 7, 9 u 26 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(7)      Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. [...]

[...]

(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. [...]

[...]

(26)      L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu prattiki responsabbli matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ kreditu filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ kreditu tagħhom. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, per eżempju, l-għoti ta' informazzjoni lil u l-edukazzjoni tal-konsumaturi, inklużi twissijiet rigward ir-riskji ta' nuqqas ta' ħlas jew ta' dejn eċċessiv. Fis-suq ta’ kreditu li qed jikber huwa, b’mod partikolari, importanti li l-kredituri jiddeżistu milli a jimpenjaw ruħhom f’self irresponsabbli jew jagħtu kreditu qabel ma jivvalutaw l-affidabbilità finanzjarja, u l-Istati Membri għandhom jwettqu s-superviżjoni meħtieġa biex tiġi evitata tali mġieba u għandhom jiddeterminaw il-mezzi meħtieġa biex jissanzjonaw lil kredituri fil-każ fejn dan jiġri. [...] [I]l-kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà [affidabbiltà finanzjarja] tal-konsumatur. Għal dan il-għan huma għandhom ikunu permessi li jużaw informazzjoni provduta mill-konsumatur mhux biss matul it-tħejjija tal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu konċernat, iżda anki matul relazzjoni kummerċjali li tkun ilha teżisti. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu wkoll struzzjonijiet u linji gwida adatti lill-kredituri. Il-konsumaturi għandhom jaġixxu wkoll bi prudenza u jirrispettaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.”

4        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta' konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk il-partijiet jaqblu li jibdlu l-ammont totali ta’ kreditu wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jaġġorna l-informazzjoni finanzjarja għad-dispożizzjoni tiegħu dwar il-konsumatur u jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur qabel ma ssir kwalunkwe żieda sinifikanti fl-ammont totali ta’ kreditu.”

5        Skont kliem l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali [Sanzjonijiet]”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali [is-sanzjonijiet] applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

 Iddritt Ċek

6        L-Artikolu 86 taż-zákon č. 257/2016 Sb., o spotřebitelském úvěru (il-Liġi Nru 257/2016, fuq il-Kreditu għall-Konsum), kif emendat biz-zákon č. 96/2022 Sb. (il-Liġi Nru 96/2022) (iktar il-quddiem il-“Liġi Nru 257/2016, fuq il-kreditu għall-konsum”), jipprevedi:

“(1)      Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum jew qabel ma ssir bidla fl-obbligi li jirriżultaw minn tali kuntratt u li tikkonsisti f’żieda sinjifikattiva fl-ammont globali ta’ kreditu għall-konsum, il-kreditur għandu jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, fuq il-bażi ta’ informazzjoni neċessarja, affidabbli, suffiċjenti u proporzjonata, ipprovduta mill-konsumatur u, jekk neċessarju, billi jikkonsulta database li tippermetti evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, jew minn sorsi oħra. Il-kreditur għandu jagħti kreditu lill-konsum biss jekk mill-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur jirriżulta li ma hemm ebda dubji leġittimi dwar il-kapaċità tal-konsumatur li jirrimborsa l-kreditu.

(2)      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, il-kreditur għandu jevalwa b’mod partikolari l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jirrimborsa l-ħlasijiet regolari ta’ kull xahar miftiehma tal-kreditu għall-konsum, u dan abbażi ta’ tqabbil bejn id-dħul u l-infiq tal-konsumatur u abbażi tal-osservanza tad-dejn eżistenti. Huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-beni biss jekk mill-kuntratt konkluż ma’ konsumatur jirriżulta li l-kreditu għall-konsum għandu jiġi rrimborsat parzjalment jew totalment permezz tal-qligħ mill-bejgħ tal-beni tal-konsumatur u mhux permezz ta’ ħlasijiet regolari ta’ kull xahar, jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur turi li huwa ser ikun jista’ jirrimborsa l-kreditu għall-konsum indipendentement mid-dħul tiegħu.”

7        L-Artikolu 87(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk kreditur jagħti lil konsumatur kreditu għall-konsum bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 86(1), il-kuntratt huwa null. Il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-nullità ex officio. Il-konsumatur għandu jħallas lura l-ammont prinċipali tal-kreditu għall-konsum f’perijodu proporzjonali għall-possibbiltajiet tiegħu.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

8        Konsumatur issottoskriva kreditu għall-konsum li jammonta għal 50 000 krona Ċeka (CZK) (madwar EUR 2000) mal-kumpannija JET Money s.r.o., li hija l-predeċessur tal-kumpannija EC Financial Services. Qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-konsumatur ipprovda ċertu numru ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali u ekonomika tiegħu. Sussegwentement, huwa rrimborsa dan il-kreditu, billi ħallas ammont totali ta’ CZK 85 000 (madwar EUR 3500), li kien jinkludi l-ispejjeż anċillari għall-imsemmi kreditu. Huwa ma ressaq ebda lment kontra l-imsemmi kuntratt matul il-perijodu ta’ rimbors tal-istess kreditu.

9        Nárokuj, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija kummerċjali li lilha l-konsumatur ittrasferixxa d-dejn li seta’ jinvoka kontra l-kreditur abbażi tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. Quddiem l-Okresní soud Praha-západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent), li hija l-qorti tar-rinviju, din il-kumpannija ssostni n-nullità ta’ dan il-kuntratt minħabba li l-kreditur naqset milli josserva l-obbligu tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur. Fil-kuntest tar-rikors tagħha bbażat fuq arrikkiment indebitu, hija titlob il-ħlas ta’ ammont ta’ CZK 35 000, li jikkonsisti fid-differenza bejn l-ammont prinċipali tal-imsemmi kreditu u l-ammont irrimborsat mill-konsumatur, flimkien mal-interessi moratorji legali.

10      EC Financial Services, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, tqis, min-naħa tagħha, li l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur ġiet evalwata b’mod suffiċjenti u li, fi kwalunkwe każ, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi ma japplikawx peress li l-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadux iktar miżmum minn konsumatur, iżda minn kumpannija kummerċjali.

11      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tad-Direttiva 2008/48, kreditur jistax jiġi ssanzjonat fil-każ fejn il-ksur tal-obbligu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja ta’ konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu ma tax lok għal konsegwenza li tikkawżaw preġudizzju għal dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, hija tindika li, għalkemm ċerti qrati nazzjonali wieġbu fl-affermattiv għal din id-domanda anki fil-każ fejn il-kreditu inkwistjoni jkun ġie rrimborsat kompletament u mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-konsumatur, jidher li interpretazzjoni kuntrarja, ibbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi taż-żewġ partijiet għall-imsemmi kuntratt u li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur huwa wkoll responsabbli għall-aġir tiegħu, hija konċepibbli.

12      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-għan tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġi evitat li l-konsumatur jiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji matul ir-rimbors tal-kreditu, b’tali mod li jista’ jitqies li l-obbligu impost fuq il-kreditur li jeżamina l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur ma jikkostitwixxix l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, iżda mezz li jippermetti li dan l-għan jintlaħaq.

13      Barra minn hekk, din il-qorti tqis li l-affidabbiltà finanzjarja ta’ konsumatur ma tistax tiġi evalwata b’mod iżolat, abbażi biss tal-elementi li l-kreditur jitlob mingħandu, iżda li din għandha tiġi evalwata wkoll skont il-mod li bih żvolġiet ir-relazzjoni kuntrattwali meta mqabbel mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2008/48.

14      Fl-aħħar nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ bona fide, sa fejn kreditur li jkun ta kreditu lil konsumatur li dan sussegwentement ikun irrimborsa għandu jkun jista’ jkollu fiduċja fil-fatt li, permezz tal-pagamenti tiegħu, il-konsumatur ikun ħallas id-dejn kuntrattwali tiegħu. Peress li dan il-konsumatur ma jkun ġarrab ebda konsegwenza li tikkawża preġudizzju, ma huwiex neċessarju li tiġi applikata sanzjoni unikament b’għan ta’ prevenzjoni.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresní soud Praha-západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2008/48] hija intiża li tissanzjona kreditur minħabba l-evalwazzjoni inkompleta tiegħu tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, anki fil-każ fejn il-konsumatur irrimborsa kompletament il-kreditu u ma invoka ebda lment kontra l-kuntratt matul ir-rimbors tal-kreditu?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà

16      Il-Kummissjoni Ewropea tqis li d-domanda preliminari hija ipotetika, minħabba li l-premessa li fuqha din hija bbażata, jiġifieri li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur ikkonċernat ma twettqitx konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-dispożizzjoni, hija żbaljata. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi li juru li din l-evalwazzjoni kienet effettivament insuffiċjenti.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss, b’mod partikolari, jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

20      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju huma msejsa fuq l-ipoteżi, ifformulata minn Nárokuj u kkontestata minn EC Financial Services, li tgħid li din tal-aħħar naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur previst fl-Artikolu 86 tal-Liġi Nru 257/2016, fuq il-kreditu għall-konsum, b’mod partikolari minħabba li hija ma vverifikatx b’mod affidabbli l-ammont reali tal-ispejjeż tal-konsumatur ikkonċernat.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 ma tistabbilixxix b’mod eżawrjenti l-informazzjoni li permezz tagħha l-kreditur għandu jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 36).

22      Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-kreditur, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, issodisfatx l-obbligu impost fuqu mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 taqa’, essenzjalment, taħt evalwazzjoni tar-rekwiżiti previsti għal dan l-għan mid-dritt nazzjonali.

23      Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta, peress li, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti u tad-dritt nazzjonali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ ta’ self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Indirizz tal-posta elettronika ta’ qorti), C‑60/22, EU:C:2023:373, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 2008/48 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

25      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli, peress li huwa sottontiż li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-kreditur effettivament naqasx milli jwettaq l-obbligu impost fuqu mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48.

 Fuq ilmertu

26      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta l-kreditur ikun kiser l-obbligu tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, dan il-kreditur jiġi ssanzjonat, konformement mad-dritt nazzjonali, bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u bid-dekadenza tad-dritt tiegħu għall-ħlas tal-interessi miftiehma, minkejja li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-partijiet u li l-konsumatur ma jkunx ġarrab konsegwenza li tikkawżaw preġudizzju minħabba dan il-ksur.

27      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija unikament bejn professjonisti ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 fil-kuntest ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jiddependix mill-identità tal-partijiet fit-tilwima inkwistjoni, iżda mill-kwalità tal-partijiet għall-kuntratt ta’ kreditu (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 20).

28      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kreditu li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali huwa bbażat fuq obbligu ta’ ħlas lura li nħoloq mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn konsumatur u JET Money, li ġiet issuċċeduta fid-dritt minn EC Financial Services, u li dan id-dejn ġie ċedut minn dan il-konsumatur lil Nárokuj wara r-rimbors tal-kreditu.

29      Dan premess, għandu jiġi rrilevat li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jistgħu jinftiehmu bħala li jirrigwardaw kemm l-eventwali regolarizzazzjoni ta’ allegat ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 minħabba l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu, kif ukoll il-konformità mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva tal-miżuri previsti mid-dritt Ċek sabiex jiġi ssanzjonat tali ksur. Sabiex tingħata risposta utli għad-domanda preliminari, hemm lok li dawn iż-żewġ aspetti jiġu indirizzati suċċessivament.

30      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eventwali regolarizzazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 minħabba l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u, b’mod partikolari, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li l-kreditur huwa obbligat li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat in-natura prekuntrattwali ta’ dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 45).

32      Madankollu, dan is-sempliċi fatt ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu tista’ tirrimedja l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, peress li d-Direttiva 2008/48 la tiddetermina l-mod kif il-kreditur għandu jissodisfa dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 36), u lanqas l-obbligi imposti fuqu skont ir-riżultat tal-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta Ġunju 2019, Schyns, C‑58/18, EU:C:2019:467, punti 42 u 43).

33      F’dak li jirrigwarda l-eżami tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/48, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur previst fl-Artikolu 8 tagħha, sa fejn huwa intiż li jipproteġi lill-konsumaturi mir-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, jgħin sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 9 tagħha, f’li tiġi prevista, fil-qasam ta’ kreditu għall-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ċentrali, li titqies bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsumatur li jiffunzjona tajjeb (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 42 u tal‑5 ta Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 21).

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, fid-dawl tal-premessa 26 tad-Direttiva 2008/48, dan l-obbligu huwa intiż ukoll kemm sabiex jirresponsabilizza lill-kredituri kif ukoll sabiex jevita l-għoti ta’ self lil konsumaturi li ma humiex finanzjarment affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 35; tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 20, u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg), C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 28).

35      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-obbligu tal-kreditur li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur huwa intiż sabiex jipprevjeni s-sempliċi riskju ta’ dejn eċċessiv jew ta’ insolvenza li jirriżulta minn verifika insuffiċjenti tal-kapaċità u tat-tendenza tal-imsemmi konsumatur li jirrimborsa l-kreditu. Issa, tali konsegwenzi finanzjarji tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur jistgħu jseħħu wkoll wara r-rimbors tal-kreditu.

36      Min-naħa l-oħra, ir-responsabilizzazzjoni tal-kredituri u l-prevenzjoni ta’ prattiki irresponsabbli fil-kuntest tal-għoti ta’ krediti lill-konsumaturi jikkontribwixxu b’mod essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq tal-kreditu għall-konsum. Peress li dawn l-għanijiet huma indipendenti mis-sitwazzjoni jew mill-aġir ta’ konsumatur partikolari, dawn ma jintlaħqux mis-sempliċi fatt li l-kuntratt ta’ kreditu konkluż minn dan tal-aħħar ġie eżegwit b’mod sħiħ. Kull interpretazzjoni oħra tkun tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza, mill-kreditur, tal-obbligu impost fuqu abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 u x’aktarx li ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

37      Minn dan isegwi li analiżi bbażata fuq l-għanijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 tippermetti li jiġi konkluż li ksur tal-obbligu li jikkonsisti, għall-kreditur, fil-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst f’din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi rregolarizzat sempliċement minħabba l-fatt li l-kuntratt ta’ kreditu ġie eżegwit b’mod sħiħ. Il-fatt li l-konsumatur ma ressaq l-ebda lment kontra dan il-kuntratt matul il-perijodu ta’ rimbors huwa irrilevanti.

38      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt preċedenti ma humiex ikkonfutati mill-punt 279 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tikkostitwixxi l-mekkaniżmu naturali ta’ terminazzjoni tal-obbligi kuntrattwali u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, konsumatur ma jistax iktar jinvoka d-dritt ta’ rtirar mogħti lilu mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ladarba l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-partijiet u ladarba l-obbligi reċiproċi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ikunu, minħabba f’hekk, intemmu.

39      Fil-fatt, il-fatt li, wara l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu, il-partijiet għalih ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jinvokaw l-impenji reċiproċi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ma għandux effett fuq l-eżistenza ta’ kreditu bbażat fuq obbligu ta’ restituzzjoni tal-ammont imħallsa indebitament li nħoloq mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona, konformement ma’ dak li huwa rikjest mill-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, il-ksur tal-obbligu li jikkonsisti, għall-kreditur, fil-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva.

40      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, din is-sistema għandha tiġi ddefinita b’tali mod li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għal dan l-għan, il-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma intiżi li jrażżnu, billi jiżguraw effett realment dissważiv mingħajr madankollu ma jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 26, u tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Landespolizeidirektion Steiermark (Magni tal-logħob), C‑231/20, EU:C:2021:845, punt 45).

42      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali, is-sanzjonijiet inkwistjoni quddiemha jissodisfawx ir-rekwiżiti li jinsabu fil-punt preċedenti, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tipprovdilha preċiżazzjonijiet sabiex tiggwidaha fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 27 u 28).

43      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dritt Ċek, il-ksur tal-obbligu li jikkonsisti, għall-kreditur, fl-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 86 tal-Liġi Nru 257/2016, fuq il-kreditu għall-konsum, huwa ssanzjonat bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, kif previst fl-Artikolu 87(1) ta’ din il-liġi, li twassal għad-dekadenza tad-dritt tal-kreditur għall-ħlas tal-interessi miftiehma.

44      Il-qorti tar-rinviju, kif ukoll EC Financial Services u l-Kummissjoni, iqisu, essenzjalment, li, meta l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie eżegwit b’mod sħiħ mingħajr ma l-konsumatur ikun ġarrab konsegwenza li tikkawża preġudizzju, l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni tkun sproporzjonata peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema xierqa ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur, mill-kreditur, tal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2008/48, l-importanza tal-preġudizzju li l-aġir tal-kreditur ikkawża lill-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 58). Meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri daqstant ieħor xierqa għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tintgħażel l-inqas miżura oneruża, fejn huwa sottointiż li, fi kwalunkwe każ, l-inkonvenjenzi kkawżati mill-miżura kkonċernata ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’ Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, fil-każ fejn kuntratt ta’ kreditu sottoskritt minn konsumatur ikun ġie eżegwit b’mod sħiħ mingħajr ma dan il-konsumatur ma jkun ġarrab konsegwenza li tikkawża preġudizzju matul jew wara din l-eżekuzzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex intiż biss li jipproteġi lill-konsumaturi kontra tali riskji, iżda wkoll li jirresponsabilizza lill-kredituri u li jevita l-għoti ta’ self lil konsumaturi li ma humiex finanzjarment affidabbli.

47      Fid-dawl ta’ dan l-għan doppju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza essenzjali li dan l-obbligu għandu fil-kuntest tad-Direttiva 2008/48, il-ksur tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat, konformement mad-dritt nazzjonali, bid-dekadenza tad-dritt tal-kreditur għall-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 39 u 40).

48      Barra minn hekk, f’kawża li tikkonċerna l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jidher li sanzjoni li timplika, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, id-dekadenza tad-dritt tal-kreditur għall-interessi miftiehma hija proporzjonata għall-gravità tal-ksur li hija intiża li trażżan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 30).

49      Issa, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-fatt li l-applikazzjoni ta’ sanzjoni li tinvolvi n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu kif ukoll id-dekadenza tad-dritt, għall-kreditur, li jikseb il-ħlas tal-interessi miftiehma tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-konsumatur ikun ġarrab konsegwenza li tikkawża preġudizzju jista’ jiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza, mill-kredituri, tal-obbligu impost fuqhom mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48. Fil-fatt, b’dan il-mod dawn jistgħu jkunu mħeġġa li ma jwettqux evalwazzjoni sistematika u eżawrjenti tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumaturi kollha li lilhom huma jagħtu krediti, u dan ikun imur kontra l-għanijiet ta’ responsabilizzazzjoni tal-kredituri u ta’ prevenzjoni ta’ prattiki irresponsabbli fil-kuntest tal-għoti ta’ krediti lil konsumaturi. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika n-natura realment dissważiva tas-sanzjoni prevista.

50      Min-naħa l-oħra, għalkemm is-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din timplika t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, tista’ mingħajr ebda dubju tipproduċi konsegwenzi serji fir-rigward tal-kreditur, dan is-sempliċi fatt la jimplika li dan tal-aħħar għandu neċessarjament isofri inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għan doppju mfittex mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 u lanqas, kif issostni EC Financial Services fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li r-riskju li jiġu esposti għal dawn il-konsegwenzi anki wara r-rimbors tal-kreditu jikkostitwixxi preġudizzju għal-libertà ta’ intrapriża.

51      Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludix lil Stat Membru milli jagħżel li jissanzjona l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu u bid-dekadenza tad-dritt tal-kreditur għall-ħlas tal-interessi miftiehma, minkejja li l-konsumatur ma jkunx ġarrab konsegwenza li tikkawża preġudizzju minħabba dan il-ksur.

52      Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, meta l-kreditur ikun kiser l-obbligu tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, dan il-kreditur jiġi ssanzjonat, konformement mad-dritt nazzjonali, bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u bid-dekadenza tad-dritt tiegħu għall-ħlas tal-interessi miftiehma, minkejja li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-partijiet u li l-konsumatur ma jkunx ġarrab konsegwenza li tikkawżaw preġudizzju minħabba dan il-ksur.

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li, meta l-kreditur ikun kiser l-obbligu tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, dan il-kreditur jiġi ssanzjonat, konformement mad-dritt nazzjonali, bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u bid-dekadenza tad-dritt tiegħu għall-ħlas tal-interessi miftiehma, minkejja li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-partijiet u li l-konsumatur ma jkunx ġarrab konsegwenza li tikkawżaw preġudizzju minħabba dan il-ksur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.