Language of document : ECLI:EU:C:2024:30

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C624/22

Société BP France

vs

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva (UE) 2018/2001 — Promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli —Produzzjoni ta’ karburanti permezz ta’ ko-ipproċessar — Provi ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà — Metodu tal-bilanċ tal-massa — Metodi ta’ evalwazzjoni tal-perċentwali ta’ żjut veġetali idrotrattati fil-karburanti ko-ipproċessati —Metodu tar-radjokarbonju C14”






1.        Il-leġiżlatur Franċiż stabbilixxa taxxa (2) ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ karburanti ekoloġiċi (bijokarburanti). Permezz tagħha huwa maħsub li, fis-settur tat-trasport, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jilħaq livell konformi mal-miri tal-Unjoni f’termini ta’ sostenibbiltà u t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

2.        Sabiex jiġġustifika kemm enerġija minn sorsi rinnovabbli titqies meta tiġi kkalkulata din it-taxxa, ir-regola Franċiża teħtieġ li l-bijokarburanti importati jgħaddu minn analiżi tar-radjokarbonju C14 (3). Din l-analiżi tippermetti li jiġi vverifikat il-perċentwali reali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika li jinstabu fil-karburanti prodotti permezz tat-teknika ta’ ko-ipproċessar.

3.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-miżura nazzjonali deskritta, sa fejn tista’ ma tkunx konformi mal-metodi ta’ verifika stabbiliti fid-Direttivi ta’ inċentiv għall-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u, barra minn hekk, tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għandha ġurisprudenza (4) utli dwar l-użu ta’ dak li jissejjaħ il-metodu tal-bilanċ tal-massa (iktar ’il quddiem “BM”) sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti, previsti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28/KE (5). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi estrapolata għad-Direttiva l-ġdida (UE) 2018/2001 (6), iżda hemm bżonn li tiġi kompluta sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’qasam kunsiderevolment tekniku.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2018/2001

5.        Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 (“L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport”), jistipula:

“Sabiex jiġi integrat l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi obbligu fuq il-fornituri tal-karburant biex jiżgura li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan il-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport huwa mill-inqas 14 % sal-2030 (sehem minimu) skont it-trajettorja indikattiva stabbilita mill-Istat Membru […]”.

6.        Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 28 (“Dispożizzjonijiet oħra dwar l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport”), jipprovdi:

“Sal‑31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 35 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina s-sehem tal-bijokarburant u l-bijogass għat-trasport li jirriżulta mill-ipproċessar tal-bijomassa mal-karburanti fossili fi proċess komuni, u billi tispeċifika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat, li għandhom jiżguraw li ma jingħatax kreditu għal emissjonijiet evitati ta’ CO2 li l-qbid tagħhom diġà rċieva kreditu tal-emissjonijiet taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi”.

7.        Skont l-Artikolu 29 (“Kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, l-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa”):

“1.      L-enerġija mill-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan is-subparagrafu biss jekk tissodisfa l-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 u10:

a)      il-kontribut lejn il-mira tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu Artikolu 3(1) u l-ishma tal-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri;

b)      il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-obbligu stipulat fl-Artikolu 25;

c)      l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi, bijokarburanti u karburanti mill-bijomassa.

[…]

Il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 u 10 għandhom japplikaw indipendentement mill-oriġini ġeografika tal-bijomassa.

[…]

12.      Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25 u 26, l-Istati Membri ma għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-appoġġ pubbliku mogħti taħt skemi ta’ appoġġ approvati qabel l‑24 ta’ Diċembru 2018.

[…]”.

8.        Skont l-Artikolu 30 (“Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-kriterji ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra”):

“1.      Fejn bijokarburanti, bijolikwidi karburanti mill-bijomassa u/jew karburanti oħra li huma eliġibbli għall-għadd biex jintlaħaq in-numeratur imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1), għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 25 u fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stipulat fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) ġew sodisfatti. Għal dawk il-finijiet għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

a)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew karburanti b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra differenti pereżempju f’kontejner, faċilità loġistika jew tal-ipproċessar, infrastruttura jew sit tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

b)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima b’kontenut ta’ enerġija differenti jiġu mħallta għall-finijiet ta’ aktar proċessar, sakemm id-daqs tal-kunsinni jkun aġġustat skont il-kontenut tal-enerġija tagħhom;

c)      teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

d)      tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita u tirrikjedi li dan il-bilanċ jinkiseb tul medda xierqa ta’ żmien.

Is-sistema ta’ bilanċ tal-massa għandha tiżgura li kull kunsinna tiġi kkunsidrata darba biss fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), għall-finijiet tal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għandha tinkludi informazzjoni dwar jekk ġiex ipprovdut appoġġ lill-produzzjoni ta’ dik il-kunsinna, u jekk hekk, dwar it-tip ta’ skema ta’ appoġġ.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli dwar il-konformità mal-limiti ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti, u adottati skont, l-Artikolu 25(2), u mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra kif stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10), u li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri rilevanti, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. […]

[...]

4.      Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew, karburanti mill-bijomassa jew karburanti oħra li huma eliġibbli għall-għadd biex jintlaħaq in-numeratur imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1) jipprovdu data eżatta dwar tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 29(10), juru li l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(2) u (4) ġew rispettati, jew juru li kunsinni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7). […]

[...]

9.      Fejn operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba skont xi skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4 jew 6 ta’ dan l-Artikolu, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru ma għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10).

[…]”.

2.      Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1640 (7)

9.        Għalkemm ma huwiex applikabbli, ratione temporis, għal din il-kawża, ir-Regolament Delegat 2023/1640 joffri xi kriterji li jistgħu jkunu utli sabiex tiġi solvuta.

10.      Skont il-premessa 4 tiegħu:

“Sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-kostijiet tal-verifika u l-akkuratezza tat-testijiet, l-att delegat jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jew jużaw metodu ta’ ttestjar armonizzat komuni, ibbażat fuq l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C), jew li jużaw il-metodi ta’ ttestjar tagħhom stess, li jistgħu jkunu speċifiċi għall-kumpanija jew speċifiċi għall-proċess. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat metodu ta’ verifika komuni fis-suq, l-operaturi ekonomiċi li jużaw metodu ieħor li ma huwiex l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) bħala l-metodu ewlieni ta’ ttestjar jenħtieġ li jużaw b’mod regolari l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) tal-outputs biex jivverifikaw il-korrettezza tal-metodu ewlieni tal-ittestjar użat. Barra minn hekk, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidraw l-applikazzjoni tal-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) flimkien ma’ metodu ta’ ttestjar ieħor bħala metodu ewlieni, fl-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija hija permessa xi flessibbiltà dwar il-perċentwal aċċettabbli ta’ devjazzjoni bejn ir-riżultati tat-testijiet ta’ verifika ewlenija u dawk tat-tieni verifika”.

B.      Id-dritt Franċiż

1.      Il-kodiċi doganali

11.      Skont l-Artikolu 266 quindecies (8):

“I — Dawk obbligati sabiex iħallsu t-taxxa interna fuq il-konsum prevista fl-Artikolu 265 ser ikunu suġġetti għal taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti

[…]

III.— It-taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti hija kkalkulata fuq il-bażi tal-volum totali, rispettivament, tal-petrol u diżil li għalihom saret dovuta matul is-sena kalendarja. Ir-rata tat-taxxa għandha tiġi kkalkolata separatament, minn naħa waħda, għall-petrol u, min-naħa l-oħra, għad-diżil.

L-ammont tagħha ser ikun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-bażi taxxabbli ddefinita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu III bir-rata stabbilita fil-paragrafu IV, li għaliha jkun applikabbli koeffiċjent ugwali għad-differenza bejn il-perċentwali nazzjonali bil-għan tal-inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport, stabbilit fl-istess paragrafu IV, u l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli li jkun hemm fil-prodotti inklużi fil-bażi taxxabbli. Jekk il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli jkun ugwali jew ikbar mill-perċentwali nazzjonali bil-għan tal-inkorporazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, it-taxxa tkun ugwali għal żero.

[…]

V.— A.— Il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli jindika l-proporzjon, evalwat f’valur kalorifiku iktar baxx, ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li l-persuna taxxabbli tista’ turi li jinsab fil-karburanti inklużi fil-bażi […]. L-enerġija li tinsab fil-bijokarburanti ser tkun rinnovabbli meta dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà ddefiniti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 […] fil-verżjoni attwali tagħha fl‑24 ta’ Settembru 2018.

A bis. — Ser titqies biss l-enerġija li tinsab fil-prodotti li t-traċċabbiltà tagħhom tkun ġiet ggarantita mill-produzzjoni tagħhom.

Digriet ser jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ traċċabbiltà applikabbli għal kull prodott skont il-materja prima li jiġi minnha u l-istandards tal-kontabbiltà tal-enerġija li jiġu applikati skont dan il-paragrafu V

[...]”.

2.      Id-Digriet Nru 2019-570, dwar it-taxxa ta’ inċentiv għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport (9)

12.      Skont l-Artikolu 3 tiegħu, sabiex tiġi applikata l-ittra A tal-paragrafu V tal-Artikolu 266 quindecies tal-kodiċi doganali, il-persuna li għandha tħallas it-taxxa għandha turi li l-karburanti suġġetti għat-taxxa jkun fihom enerġija minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari permezz ta’ rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli.

13.      Skont l-Artikolu 4, dawn ir-rekords għandhom jirriflettu “id-dħul u l-ħruġ ta’ kwantitajiet ta’ prodotti eliġibbli miżmuma mid-detentur, b’kont meħud, b’mod partikolari, ta’ inkorporazzjonijiet, trasferimenti, akkwisti u ħruġ akkreditati minn ċertifikati”.

14.      Skont l-Artikolu 7, dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-ismijiet u l-kwantitajiet ta’ prodotti adattati sabiex jikkostitwixxu enerġija rinnovabbli, kemm jekk inkorporati fil-karburanti suġġetti għat-taxxa jew le, u “l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli pprovduta mill-Amministrazzjoni Doganali u tat-Taxxi Indiretti”.

15.      Skont l-Artikolu 8, l-eżistenza ta’ rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli ser tkun akkreditata permezz ta’ viża mis-servizzi doganali.

3.      Ċirkolari tat18 ta’ Awwissu 2020 dwar it-TIRIB (10)

16.      Iċ-Ċirkolari tinforma lill-operaturi u s-servizzi amministrattivi dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-TIRIB.

17.      Il-Kapitolu IV tagħha (“Modalitajiet għall-monitoraġġ tal-prodotti eliġibbli għat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa tat-TIRIB”) fih il-paragrafu V, relatat maż-żamma ta’ rekords, li l-ittra A tiegħu (“Kunsiderazzjoni tal-kontenut reali ta’ bijokarburanti fir-reġistrazzjoni tagħhom fir-rekord miżmum għall-finijiet tat-TIRIB”) tinkludi l-punti 109 sa 115 f’dawn it-termini:

“[109]      Il-volumi ta’ prodotti eliġibbli li jidhru bħala entrati fir-rekords ippreparati għall-finijiet tat-TIRIB għandhom jikkorrispondu mal-volum irrikonoxxut mis-servizzi doganali fil-ħin tal-wasla tal-prodott f’UE [(11)] jew EFS [(12)]. Dawn huma, fil-prinċipju, il-volumi li jidhru fid-dokumenti ta’ akkumpanjament (DAU, DAE, DSA jew DSAC).

Fil-każ ta’ kunsinni ta’ karburanti li jkun fihom bijokarburanti riċevuti f’UE jew EFS, għandha titwettaq analiżi tal-laboratorju fuq il-bażi ta’ kampjun meħud mill-kunsinna tal-karburant fil-ħin tal-ħatt tiegħu, li tippermetti li jkun magħruf il-kontenut attwali tal-bijokarburant tal-prodott riċevut. Din l-analiżi għandha ssir għat-tipi kollha ta’ bijokarburanti.

“[110] Id-dokumenti ta’ akkumpanjament għal kunsinni ta’ karburanti li jkun fihom bijokarburanti għandhom jindikaw il-volum attwali tal-prodott fornut u l-volum attwali ta’ bijokarburant li jinsab fil-karburant ikkunsinnat. Jekk id-dokumenti li jakkumpanjaw il-kunsinni tal-karburant jindikaw volum ta’ bijokarburant li ma jikkoinċidix mal-analiżi fiżika mwettqa minn laboratorju, huwa biss il-volum ta’ bijokarburant li jkun attwalment fil-karburant riċevut iddeterminat mill-analiżi fiżika mwettqa fil-ħin tad-dħul tal-prodott fil-maħżen fiskali, li jista’ jiġi rreġistrat bħala dħul fil-maħżen tat-taxxa. […].

[111]      Għaż-żjut veġetali idrotrattati tat-tip tal-petrol jew tad-diżil, l-analiżi fiżika fil-laboratorju tas-C14 għandha tikkorrispondi mal-volum li jidher fid-dokumenti ta’ akkumpanjament b’marġni ta’ +/-10 %. […].

[114] L-analiżi fiżika fil-laboratorju għandha tkun obbligatorja, għall-ewwel darba, għal kull kunsinna ta’ karburant li jkun fiha bijokarburant minn kull fornitur fis-sena 2020 u mbagħad fir-rigward ta’ kull fornitur ġdid. Jekk l-analiżijiet fiżiċi-kimiċi jirriflettu volum ta’ bijokarburanti konsistenti ma’ dak li jidher fid-dokument ta’ akkumpanjament, ma jibqax obbligatorju li jsiru analiżi fiżiċi tal-kunsinni futuri li jkunu ġejjin minn dak l-istess fornitur, għalkemm is-servizzi doganali jistgħu jeħtieġu li dan isir b’mod każwali.

L-importazzjonijiet, il-kunsinni intra-Komunitarji u l-kunsinni nazzjonali ta’ karburanti li fihom il-bijokarburanti huma suġġetti għal din l-analiżi fil-laboratorju meta jiġu riċevuti fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż.

[115] Din l-analiżi fiżika għandha l-iskop uniku li tiddetermina l-volumi ta’ bijokarburanti riċevuti f’UE jew f’EFS sabiex jiġi rreġistrat dak il-volum fid-dħul tal-kontabbiltà ta’ materjali miżmuma fil-qafas tat-TIRIB. Din l-analiżi ma hijiex maħsuba sabiex tiddetermina l-materja prima li minnha ġie prodott il-bijokarburant. Il-materja prima għandha tkun indikata fid-dokumenti mehmuża mal-kunsinna u, b’mod partikolari, fiċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà. Din il-materja tista’ tiġi ddeterminata bl-użu tal-metodu tal-bilanċ tal-massa rrikonoxxut mis-sistemi volontarji ta’ sostenibbiltà”.

II.    Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

18.      Il-kumpanija BP France timporta karburanti fi Franza li fihom żjut veġetali idrotrattati (iktar ’il quddiem “ŻVI”) (13), prodotti fi Spanja permezz tat-teknika ta’ ko-ipproċessar.

19.      Il-ko-ipproċessar jikkonsisti fl-inkorporazzjoni taż-żjut veġetali fil-materja fossili fir-raffinerija, qabel il-fażi tad-desulfurizzazzjoni, sabiex dawn iż-żjut veġetali jiġu ttrasformati fi ŻVI taħt l-effett tal-idroġenu.

20.      Il-karburanti hekk ko-ipproċessati jaslu fi Franza f’maħżen tat-taxxa, qabel jintbagħtu għall-konsum.

21.      BP France talbet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) sabiex tannulla ċ-Ċirkolari TIRIB. Hija kkontestat, b’mod partikolari, il-fatt li din iċ-ċirkolari tissuġġetta ż-ŻVI għal analiżi fiżika fil-laboratorju sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut reali tagħhom f’molekuli bijoġeniċi, fil-mument tal-wasla tagħhom fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż.

22.      Fil-qosor, BP France ressqet dawn l-argumenti fid-difiża tar-rikors tagħha:

–      Iċ-Ċirkolari TIRIB hija inkompatibbli mal-miri tad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001, peress li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jipprovdu evidenza ta’ konformità (mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti inklużi fil-bażi taxxabbli tat-taxxa) differenti minn dawk li jipprovdu tali Direttivi.

–      L-obbligu li ssir analiżi fiżika fil-mument meta l-karburanti li fihom il-bijokarburanti jidħlu f’maħżen tat-taxxa Franċiż għall-ħażna huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut reali ta’ molekuli bijoġeniċi fil-kunsinna inkwistjoni (14).

–      Peress li l-molekuli bijoġeniċi jitqassmu b’mod każwali fil-fluss tal-materja fossili minħabba l-ko-ipproċessar, il-kontenut imkejjel jista’ jiddevja minn dak li jidher fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna b’iktar minn 10 % awtorizzat fil-punt 111 taċ-Ċirkolari TIRIB. Il-kunsiderazzjoni tal-kontenut imkejjel, minflok dak li jidher fid-dokument ta’ akkumpanjament, jista’ jirriżulta fi tnaqqis żgħir tat-TIRIB.

–      Peress li r-raffinerija li joħorġu minnha l-bijokarburanti tifforma parti minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea bħala skema kompleta, il-metodu tal-BM, previst mid-Direttivi 2009/28 u 2018/2001, huwa biżżejjed sabiex jiġi evalwat, għall-finijiet taż-żamma tar-rekords speċifiċi tat-TIRIB, il-kontenut f’molekuli bijoġeniċi tal-karburanti li din il-kumpanija timporta fil-maħżen tat-taxxa tal-ħażna Franċiż.

23.      L-Amministrazzjoni konvenuta sostniet li l-uniku għan li għalih wieħed jirrikorri għal analiżi fiżika huwa sabiex jiġu ddeterminati l-volumi ta’ bijokarburanti riċevuti fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż, qabel ma dan il-volum jiġi rrekordjat bħala dħul fir-reġistru speċifikament stabbilit għall-finijiet tat-TIRIB. Għalhekk huwa maħsub li l-prodotti eliġibbli għat-tnaqqis tat-TIRIB jikkoinċidu mal-kwantitajiet ta’ bijokarburanti attwalment ikkunsinnati fi Franza.

24.      B’dan il-mod, l-Amministrazzjoni konvenuta żżid li l-Istat Franċiż jista’ jilħaq il-mira ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport stabbilit mid-Direttiva 2009/28. L-analiżi imposta miċ-Ċirkolari TIRIB ma tippruvax tidentifika l-materja prima li minnha ġie prodott il-bijokarburant, u lanqas li tivverifika jekk il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti mid-Direttivi 2009/28 u 2018/2001 humiex issodisfatti jew le.

25.      F’dan il-qafas, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28/KE […], u dawk tal-Artikolu 30 tad-Direttiva […] 2018/2001 […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-mekkaniżmi ta’ traċċar tal-bilanċ tal-massa, u s-sistemi nazzjonali jew volontarji li huma jipprevedu, li għandhom bħala suġġett biss l-evalwazzjoni u l-ġustifikazzjoni tad-durabbiltà tal-materji primi u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlit tagħhom, u b’hekk ma għandhomx bħala suġġett li jissorveljaw s-segwitu u t-traċċar, fi ħdan il-prodotti lesti minn ko-ipproċessar, min-naħa tal-enerġija tal-oriġini rinnovabbli inkluża f’dawn il-prodotti u b’riżultat ta’ dan, li jarmonizzaw t-teħid inkonsiderazzjoni tal-enerġija inkluża f’tali prodotti bil-għanijiet intiżi fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28 u fl-Artikolu 25 kif ukoll fl-ewwel subparagrafu punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu lil Stat Membru, biex jiffissa l-kwantità ta’ [HVO] li għandhom jinżammu fid-dħul tal-kontijiet tal-istokk li l-operaturi għandhom iżommu għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarbonati [bijokarburanti], illiberati f’dan l-Istat Membru meta l-parti tal-enerġija rinnovabbli fil-karburanti rilaxxati għall-konsum matul is-sena kalendarja hija inferjuri għal perċentwali nazzjonali fil-mira ta’ inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasporti, teħtieġ, mal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa nazzjonali ta’ importazzjonijiet ta’ karburanti li huma inklużi fil-prodotti HVO fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ proċess ta’ ko-trattament, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-kontenut fil-HVO ta’ dawn il-karburanti, inkluż meta l-fabbrika li fiha dawn il-karburanti ġew prodotti b’użu ta’ sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema voluntarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompleta?

3      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 34 [TFUE], jipprekludi miżura ta’ Stat Membru bħal dik deskritta (fit-tieni domanda), hekk li, minn naħa, il-karburanti li jinkludu l-bijokarburanti li jirriżultaw mill-ko-pproċessar fi ħdan ir-raffinerija sitwata fit-territorju tiegħu ma humiex suġġetti, meta huma rilaxxati għall-konsum f’dan l-Istat Membru direttament li ħierġin mill-fabbrika, għal tali analiżi fiżika, u b’hekk, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru jaċċetta, biex jiġi ddeterminat li ħiereġ minn fabbrika eżerċitat jew minn stabbiliment fiskali nazzjonali l-kontenut f’bijokarburanti li jistgħu jiġu allokati għall-bżonnijiet tat-taxxa bejn iċ-ċertifikati ta’ kontenut maħruġin f’perijodu, li jevalwa abbażi ta’ medju ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar tal-istabbiliment jew tal-fabbrika l-kontenut f’bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxx għall-konsum f’setturi oħra minbarra t-trasport?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2022.

27.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn BP France, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kemm huma pparteċipaw fis-seduta li saret fil‑25 ta’ Ottubru 2023.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Id-Direttiva applikabbli

28.      Id-Direttiva 2018/2001 daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ Diċembru 2018 u ħassret id-Direttiva 2009/28 b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021 (15). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tnejn li huma, u għalhekk niddeduċi li, għal raġunijiet li jikkonċernaw id-dritt intern, hija tqis li d-Direttiva 2018/2001 hija applikabbli għall-kawża.

29.      Jekk dan hu hekk, jidhirli biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi biss dwar id-Direttiva 2018/2001, li l-Artikoli 29 u 30 tagħha jikkoinċidu sostanzjalment mal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28. L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/2001 tkun, fi kwalunkwe każ, trasferibbli għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/28.

2.      Produzzjoni ta’ bijokarburanti

30.      Sabiex it-tilwima tinftiehem aħjar, huwa meħtieġ li jiġi spjegat fil-qosor, abbażi tal-informazzjoni fil-proċess, kif il-bijokarburanti (16) huma prodotti bl-użu tat-teknika ta’ ko-ipproċessar u l-metodi sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fil-prodott finali.

31.      Jeżistu faċilitajiet industrijali ddedikati esklużivament għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti (bijoraffineriji) li fihom ma tqumx il-problema tat-taħlit ta’ dawn ma’ materjali ta’ oriġini fossili. Iżda jeżistu ukoll, kif inhu l-każ tal-fabbrika ta’ Castellón (Spanja) li BP France timporta bijokarburanti minnha lejn Franza, impjanti li jużaw it-teknika ta’ ko-ipproċessar sabiex jittrattaw b’mod konġunt, fi proċess komuni, bijomassa u materja prima fossili.

32.      Permezz tal-ko-ipproċessar, raffinerija tipproċessa materja prima tal-bijomassa (17) flimkien ma’ materja prima fossili (li tipikament tiġi mill-petroljum) u tittrasformahom f’karburanti finali (18). Il-karburanti ko-ipproċessati b’dan il-mod għandu jkun fihom sehem ta’ bijokarburanti (19).

33.      Il-prodott finali miksub permezz ta’ ko-ipproċessar huwa għalhekk magħmul minn molekuli ta’ oriġini fossili flimkien ma’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika, mingħajr ma jkun teknikament possibbli li wieħed jifridhom minn xulxin. Ċertament għandu jkun fih ċertu perċentwali ta’ bijokarburanti, iżda huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-ammont tiegħu.

34.      L-ammont eżatt ta’ bijomassa fid-dħul tal-proċess industrijali fir-raffinerija jista’ jiġi kkontrollat b’mod preċiż (bil-kontabilizzazzjoni tal-materjali), iżda huwa diffiċli li jiġi ddeterminat bl-istess preċiżjoni, fil-ħruġ minn dan il-proċess, l-ammont li jikkorrispondi għall-bijomassa f’lott partikolari.

35.      Ir-raġuni għal din id-diffikultà hija li l-fluss tal-materjal waqt ir-raffinar iwassal għal distribuzzjoni każwali tal-molekuli ta’ oriġini bijoġenika. Għalhekk, lott partikolari li jirriżulta mill-ko-ipproċessar jista’ jkollu konċentrazzjoni ta’ iktar bijokarburanti minn ieħor.

36.      L-iktar metodu xjentifiku preċiż sabiex jitkejjel l-ammont ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika fil-karburanti ko-ipproċessati jidher li huwa dak ta’ C14. Dan jispjega għaliex il-Kummissjoni imponiet l-użu tiegħu meta approvat ir-Regolament Delegat 2023/1640 li, kif diġà spjegajt, ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża.

B.      L-ewwel domanda preliminari

37.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk il-metodu tal-BM previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001: a) huwiex użat biss sabiex tiġi ddeterminata s-sostenibbiltà tal-materja prima, il-bijokarburanti u t-taħlitiet tagħhom; jew b) iservix ukoll sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u t-traċċabbiltà tal-parti tal-enerġija rinnovabbli li tinsab fil-prodott finali li jirriżulta mill-ko-ipproċessar.

38.      Id-Direttiva 2018/2001 għandha l-mira li tippromwovi l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli, u għal dan il-għan l-Istati Membri:

–      Għandhom kollettivament jiżguraw li s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl‑2030 jilħaq mill-inqas 32 % (l-Artikolu 3(1)).

–      Għandhom jimponu fuq il-“fornituri tal-karburanti” l-obbligu li jżidu s-sehem minimu tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport għal 14 % (l-Artikolu 25(1)). Mod wieħed sabiex jintlaħaq dan il-limitu huwa l-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti.

39.      L-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2018/2001 fihom, rispettivament, il-kriterji dwar is-sostenibbiltà u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa (l-Artikolu 29) u r-regoli ta’ verifika tal-konformità ma’ dawn il-kriterji (l-Artikolu 30).

40.      Id-Direttiva 2009/28 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-kriterji ta’ sostenibbiltà, li nżammet mid-Direttiva 2018/2001. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu kriterji addizzjonali oħra, u lanqas jistgħu jonqsu milli jużaw xi wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 (20).

41.      Sabiex juri l-konformità ma’ dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà, fejn meħtieġ skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 (21), il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel il-metodu tal-BM (22), sakemm dan jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

42.      Il-metodu tal-BM jistabbilixxi katina ta’ sorveljanza mill-produzzjoni sal-kummerċjalizzazzjoni u huwa bbażat fuq sistema dokumentarja u ta’ kontabbiltà b’kontrolli indipendenti. Huwa, għalhekk, wieħed mill-“[…] mekkaniżmi ta’ verifika intiżi li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu [17 tad-Direttiva [2009/28] (ekwivalenti għall-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001)]” (23) jew, bl-istess mod, tal-kriterji ta’ sostenibbiltà meħtieġa għall-bijokarburanti.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tirreferi għal dan il-metodu fis-sentenza E.ON Biofor Sverige, filwaqt li enfasizzat li l-leġiżlatur għamel tali għażla sabiex “[…] jiżgura li tinżamm tali relazzjoni fiżika bejn il-mument tal-produzzjoni tal-bijokarburant sostenibbli u dak tal-konsum tiegħu. […] [Il-]leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza li l-applikazzjoni tal-metodu tal-bilanċ tal-massa għall-kontroll tal-konformità kellha żżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li tevita li l-industrija tkun suġġetta għal restrizzjonijiet inutli” (24).

44.      L-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2018/2001 jippermetti li l-kontroll tal-applikazzjoni tal-metodu tal-BM jitwettaq permezz ta’ skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali, approvati mill-Kummissjoni (25), u li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa li kapaċi jiġġustifikaw il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) (26).

45.      Kif jindika l-Gvern Olandiż, dawn l-iskemi volontarji jistgħu jiġu rrikonoxxuti biss mill-Kummissjoni jekk japplikaw metodu tal-BM (27).

46.      F’din il-kawża, ir-raffinerija li minnha BP France timporta bijokarburanti tapplika skema volontarja (28) rrikonoxxuta mill-Kummissjoni (29) sabiex turi l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tad-Direttiva 2018/2001.

47.      Din l-iskema volontarja tuża metodoloġija ta’ BM skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva 2018/2001. Dan huwa ddikjarat fis-sitt premessa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/602. Madankollu, din id-Deċiżjoni ma tindika xejn dwar il-possibbiltà li tintuża l-iskema volontarja tal-ISCC EU sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika f’karburant prodott permezz ta’ ko-ipproċessar.

48.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern Franċiż, mal-Gvern Olandiż u mal-Gvern Awstrijak li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 huwa limitat sabiex jistabbilixxi l-metodu tal-BM bħala adattat għall-verifika tal-konformità (tal-bijokarburanti) mal-kriterji ta’ sostenibbiltà ta’ din id-Direttiva, iżda mhux sabiex jintwera kemm hemm molekuli ta’ oriġini bijoġenika fil-bijokarburanti ko-ipproċessati.

49.      Ma hemm xejn fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 li jindika li l-metodu tal-BM għandu jintuża sabiex jiġi muri l-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti f’karburant prodott permezz ta’ ko-ipproċessar. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ skemi volontarji lanqas isemmu l-użu tal-metodu tal-BM għal dawn l-għanijiet (30).

50.      Il-metodu tal-BM jippermetti li jiġi kkontabilizzat il-bijokarburant li jidħol fir-raffinerija u li perċentwali ta’ sostenibbiltà proporzjonali tiġi attribwita lill-karburant prodott. Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-metodu ma jkunx addattat sabiex jitkejjel il-perċentwali eżatt ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti f’kull lott miksub permezz ta’ ko-ipproċessar.

51.      Minħabba din il-limitazzjoni tal-metodu tal-BM, l-Artikolu 28(5) tad-Direttiva 2018/2001 ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tadotta att delegat li jispeċifika l-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem ta’ bijokarburanti u bijogass għat-trasport miksub minn bijomassa pproċessata flimkien ma’ karburanti fossili.

52.      B’konformità ma’ dan il-mandat, il-Kummissjoni approvat ir-Regolament Delegat 2023/1640 li, kif diġà indikajt, għalkemm ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża (daħal fis-seħħ fit‑8 ta’ Settembru 2023), jista’ jipprovdi xi linji gwida ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2018/2001.

53.      Ir-Regolament Delegat 2023/1640, filwaqt li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jużaw il-metodi ta’ verifika tagħhom stess (31), jobbligahom jiċċekkjaw regolarment il-korrettezza tagħhom permezz tal-ittestjar tas-C14 (32). Verifika permezz tal-ittestjar tas-C14 ser tkun meħtieġa wkoll għall-outputs kollha li jiddikjaraw bijokontenut ibbażat fuq il-karbonju (l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat 2023/1640).

54.      Meta l-operaturi ekonomiċi jagħżlu l-metodu tal-BM, ir-rekwiżit imsemmi qabel huwa speċifikat fis-sens li għandhom japplikaw “[…] fatturi ta’ konverżjoni differenti għal kull output li jikkorrispondu bl-aktar mod akkurat għall-bijokontenut imkejjel permezz tar-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C […]” (33).

55.      Ir-Regolament Delegat 2023/1640 għalhekk jikkorrobora, fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ idoneità tal-metodu tal-BM sabiex jiġi identifikat, waħdu, il-kontenut ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti f’kull lott ta’ bijokarburant ko-ipproċessat.

56.      Fil-qosor, inqis li l-metodu tal-BM, previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001, huwa użat sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli għall-materja prima, il-bijokarburanti u t-taħlitiet tagħhom, iżda ma huwiex intiż sabiex ikejjel il-proporzjon ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika li jinsabu f’bijokarburant prodott permezz ta’ ko-ipproċessar.

C.      It-tieni domanda preliminari

57.      Il-qorti tar-rinviju tifformula t-tieni domanda preliminari tagħha fil-każ li r-risposta għall-ewwel waħda tkun dik li nipproponi.

58.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 jipprekludix regolament li jeħtieġ “[…] fil-mument tal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa nazzjonali ta’ importazzjonijiet ta’ karburanti li fihom ŻVI prodotti fi Stat Membru ieħor, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ dawn il-karburanti, anki jekk l-impjant li fih ġew prodotti […] juża sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompluta”.

59.      Franza rregolat it-TIRIB (li saret TIRUERT mill-2022) fl-Artikolu 266 quindecies tal-kodiċi doganali tagħha, fid-Digriet Nru 2019/570 u fiċ-Ċirkolari TIRIB. Il-persuni taxxabbli li jbigħu karburanti jħallsu din it-taxxa fuq id-differenza bejn il-perċentwali nazzjonali stabbilit bħala mira għall-inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport u l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli li tinsab fil-karburant mibjugħ.

60.      Peress li t-TIRIB hija bbażata fuq il-volum annwali ta’ karburant ikkonsmat, iċ-Ċirkolari teħtieġ analiżi fil-laboratorju tas-C14, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat il-kontenut reali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika fil-bijokarburanti riċevuti fi Franza.

61.      BP France tqis li r-rekwiżit li jintuża l-metodu tas-C14 ma huwiex xieraq għall-karburanti prodotti permezz ta’ ko-ipproċessar. Dan ir-rekwiżit, barra minn hekk, imur kontra l-użu tal-metodu tal-BM u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji approvati mill-Kummissjoni.

62.      Għar-raġunijiet li nispjega iktar ’il quddiem, ma naqbilx mal-argumenti ta’ BP France.

63.      L-ewwel, l-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament Delegat 2023/1640 ma kinitx tkun meħtieġa kieku l-metodu tal-BM u s-sistemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni kienu jkunu biżżejjed u xierqa sabiex jitkejjel il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika.

64.      Iżda, kif diġà indikajt, il-metodu tal-BM ma jidhirx adattat għall-kejl tal-perċentwali msemmi qabel. L-istess jiġri, fis-sitwazzjoni ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat 2023/1640, bl-iskemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li juru konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001 għall-bijokarburanti.

65.      Għalhekk, sabiex jitkejjel il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika fil-karburanti ko-ipproċessati, ir-Regolament Delegat 2023/1640 jipprovdi bħala metodu uniku, jew bħala metodu supplimentari jekk jintuża ieħor (BM, bilanċ tal-enerġija, metodi tar-rendiment), dak tas-C14.

66.      It-tieni, huwa minnu li, skont l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva 2018/2001, jekk operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba fil-qafas ta’ skema volontarja taċ-ċertifikazzjoni, approvata mill-Kummissjoni, l-Istat Membru ma għandux jobbliga lill-fornitur jipprovdi iktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) ta’ din id-Direttiva.

67.      Madankollu, dak li jipprevjeni din id-dispożizzjoni huwa li Stat Membru jeħtieġ evidenza addizzjonali (apparti dik ipprovduta bl-iskema volontarja taċ-ċertifikazzjoni) fir-rigward tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà (34). Ma jingħad xejn dwar din l-evidenza addizzjonali rigward il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika fil-karburanti prodotti permezz ta’ ko-ipproċessar.

68.      It-tielet, id-Direttiva 2018/2001 tippromwovi l-użu tal-iskemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni, suġġetti għal rekwiżiti msaħħa ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti, sabiex tiġi evitata l-frodi meta jiġu pprovduti evidenza u data ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà min-naħa tal-bijokarburanti (35).

69.      Dawn l-istess għanijiet (il-kisba ta’ data affidabbli u trasparenti, il-prevenzjoni tal-frodi) (36) jistgħu, fil-prinċipju, jiġġustifikaw standards nazzjonali li jimponu metodu iktar preċiż, bħal tas-C14, sabiex jitkejjel il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoloġika preżenti fil-karburanti prodotti permezz ta’ ko-ipproċessar.

70.      L-analiżijiet tas-C14, meħtieġa miċ-Ċirkolari TIRIB, ma jkunux, madankollu, iġġustifikati (minħabba li huma żejda) jekk l-iskema volontarja taċ-ċertifikazzjoni li japplika għaliha l-produttur ta’ karburant ko-ipproċessat tkun diġà tinkludi, oriġinarjament, dan it-tip ta’ analiżi. Dan jiġri meta din l-iskema tivverifika li l-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fil-karburant miksub ikun ġie mkejjel b’mod preċiż.

71.      Fis-seduta:

–      BP France spjegat li tuża l-analiżi tas-C14 fir-raffineriji li japplikaw is-sistema volontarja ISCC EU, iżda ma kkonfermatx li, b’mod konkret, il-lottijiet ta’ karburant ko-ipproċessat esportati lejn Franza mir-raffinerija ta’ Castellón (Spanja) kienu suġġetti għal analiżi tas-C14 ekwivalenti għal dik meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Franċiża.

–      Il-Gvern Franċiż irrapporta li, sa issa, l-ebda lott ta’ bijokarburanti ko-ipproċessati, importati fi Franza minn Stati Membri oħra, ma jipprovdi ċertifikazzjonijiet li juru li dawn ġew suġġetti għal analiżi tas-C14, sabiex jintwera l-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fihom.

72.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha ssolvi t-tilwima bejn il-partijiet dwar l-inklużjoni, fl-iskema volontarja taċ-ċertifikazzjoni li tapplika għaliha BP France, tal-analiżi tas-C14, bil-għan li tiġi permessa l-verifika tal-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fil-karburant importat.

73.      Minn dak li ntqal sa issa jista’ jiġi dedott li:

–      L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 ippermetta lil Stat Membru jadotta regola bħal dik Franċiża, sabiex ikejjel b’mod preċiż il-perċentwali ta’ molekuli bijoġeniċi preżenti fil-bijokarburanti ko-ipproċessati, bil-għan li japplika taxxa mmirata ta’ inċentiv għall-użu ta’ enerġija rinnovabbli.

–      Suġġett għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-użu ta’ sistemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni approvati mill-Kummissjoni, bħall-ISCC EU, ma jidhirx li jipprovdi prova adegwata tal-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika f’lottijiet ta’ bijokarburanti ko-ipproċessati importati.

74.      Għalkemm ir-Regolament Delegat 2023/1640 ma japplikax ratione temporis għall-kawża, l-adozzjoni tiegħu tbiddel is-sitwazzjoni preċedenti. Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex jitkejjel il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika f’karburanti ko-ipproċessati, dan ir-Regolament jipprovdi bħala metodu uniku (jew bħala metodu supplimentari jekk jintużaw oħrajn (tal-BM, tal-bilanċ tal-enerġija, metodi tar-rendiment)) l-analiżi tas-C14. Mat-twettiq ta’ din l-armonizzazzjoni eżawrjenti, l-Istati Membri mhux ser ikollhom iktar is-setgħa li jadottaw standards nazzjonali li jimponu metodu ta’ analiżi differenti minn dawk previsti f’dan ir-Regolament.

75.      Barra minn hekk, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, is-sistemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat 2023/1640 ser ikollhom jinkludu mhux biss il-metodu tal-BM sabiex tingħata prova tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà, iżda ukoll il-metodu tal-C14 sabiex jintwera l-perċentwali ta’ molekuli bijoġeniċi f’bijokarburanti ko-ipproċessati, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

76.      Fil-qosor, ir-risposta li nipproponi għat-tieni domanda preliminari hija li, sad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tar-Regolament Delegat 2023/1640, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 ma jipprekludix, bħala prinċipju, regola nazzjonali, bħal pereżempju dik inkwistjoni f’din il-kawża, li teħtieġ l-analiżi tas-C14 sabiex jitkejjel b’mod preċiż il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fil-karburant miksub permezz ta’ ko-ipproċessar, anki meta l-impjant ta’ produzzjoni juża metodu tal-BM iċċertifikat minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompleta.

D.      It-tielet domanda preliminari

77.      It-tielet domanda preliminari għandha formulazzjoni kumplessa. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk regola nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha tenfasizza żewġ karatteristiċi hijiex kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE (il-moviment liberu tal-merkanzija):

–      “Il-karburanti li fihom bijokarburanti minn ko-ipproċessar [miksuba] f’raffinerija li tinsab fit-territorju [Franċiż] ma humiex suġġetti għal din l-analiżi fiżika [C14] meta jiġu rrilaxxati għall-konsum f’dan l-Istat Membru [Franza] direttament mill-fabbrika”.

–      Franza “taċċetta, sabiex tiddetermina għall-finijiet tat-[TIRIB] il-kontenut ta’ bijokarburanti li jista’ jiġi assenjat lill-kunsinna korrispondenti fl-okkażjoni tal-ħruġ tagħha minn UE jew maħżen tat-taxxa nazzjonali, fost iċ-ċertifikati tal-kontenut maħruġa għal perijodu ta’ żmien, li tagħmel evalwazzjoni, abbażi ta’ medja ta’ kull xahar ta’ inkorporazzjoni tal-istabbiliment jew tal-UE, il-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew merkanzija rilaxxata għall-konsum f’setturi oħra għajr it-trasport”.

78.      Fid-dati li fihom saret il-kawża, l-Unjoni ma kinitx armonizzat b’mod eżawrjenti l-metodi li jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali ta’ molekuli bijoġeniċi fil-karburanti ko-ipproċessati. Din l-armonizzazzjoni twettqet sussegwentement permezz tar-Regolament Delegat 2023/1640, kif diġà enfasizzajt.

79.      Għalhekk, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jirregolaw tali metodi ta’ kejl, u hekk għamel l-Istat Franċiż. Meta jeżerċitaw din is-setgħa fuq materja mhux armonizzata, l-Istati Membri kellhom jirrispettaw id-dritt primarju (37) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 34 TFUE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet fil-kummerċ intra-Komunitarju, kif ukoll miżuri li għandhom effett ekwivalenti.

80.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (38), kull miżura minn Stat Membru li tista’, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, tfixkel il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni hija kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Dawn il-miżuri jinkludu dawk li direttament jew indirettament jiddiskriminaw kontra l-importazzjonijiet, dawk relatati mal-metodi ta’ bejgħ tal-merkanzija u dawk li jagħmluha diffiċli għall-prodotti li joriġinaw fi Stati Membri (39) oħra sabiex jaċċessaw is-suq ta’ Stat Membru.

81.      Madankollu, skont il-punt 114 taċ-Ċirkolari TIRIB, il-miżura inkwistjoni tapplika biss għall-bijokarburanti ko-ipproċessati importati minn Stati Membri oħra. L-analiżi fiżika tas-C14 hija mitluba biss għall-importazzjonijiet, l-introduzzjonijiet intrakomunitarji u l-kunsinni nazzjonali ta’ karburant li jkun fih bijokarburant fil-ħin tal-wasla tiegħu fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż, iżda mhux għal dawk prodotti fir-raffineriji Franċiżi. Il-qorti tar-rinviju tgħid hekk: “minn dak li ntqal waqt is-seduta preliminari, jidher li l-bijokarburanti manifatturati skont il-proċedura ta’ ko-ipproċessar f’raffinerija li tinsab fi Franza ma humiex suġġetti għal dan il-kontroll meta ma jiġux riċevuti f’maħżen tat-taxxa tal-ħażna qabel jintbagħtu għall-konsum”(40).

82.      Għalhekk, jeżisti trattament iktar favorevoli għall-karburant ko-ipproċessat kollu jew parti minnu prodott fi Franza, minħabba li huwa eżenti milli jgħaddi minn analiżi tas-C14. Għall-kuntrarju, dan l-istess tip ta’ karburant importat għandhom isirulu tali analiżijiet sabiex jiddetermina l-perċentwali ta’ molekuli bijoġeniċi għall-finijiet tat-TIRIB.

83.      Jekk din tkun is-sitwazzjoni li tirriżulta, il-miżura tagħmilha diffiċli sabiex ikun hemm aċċess għal karburant ipproċessat importat fi Franza minn Stati Membri oħra. Dan huwa ammess mill-Gvern ta’ dan il-pajjiż, li jirrikonoxxi li r-rekwiżit ta’ analiżi tas-C14 jista’ jfixkel l-importazzjoni ta’ karburanti minn dawn l-Istati Membri l-oħra.

84.      It-teżi tal-Gvern Franċiż hija, madankollu, li l-analiżi tas-C14 ma tapplikax biss għall-karburanti importati, iżda wkoll għal dawk ta’ oriġini nazzjonali (41).

85.      Mistoqsi waqt is-seduta dwar dan id-dettall, il-Gvern Franċiż irrikonoxxa li l-interpretazzjoni tiegħu ma kinitx tikkoinċidi ma’ dik li ppreżenta l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fid-digriet tar-rinviju. Skont dan il-Gvern:

–        It-trattament ugwali tal-karburanti kollha (importati jew le) suġġetti għal ko-ipproċessar huwa dedott mill-Artikolu 266 quindecies tal-kodiċi doganali, kif ukoll mill-punt (3) tal-Artikolu 3 tad-Digriet 2019-570, u mill-punti 30 u 33 taċ-Ċirkolari 20‑004 dwar l-iskema usine exercée (42).

–        Fi Franza hemm żewġ raffineriji li jipproduċu karburanti ko-ipproċessati. Fihom, qal, tiġi applikata skema doganali (usine exercée) li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-karburanti ko-ipproċessati mingħajr ma jgħaddu minn maħżen tat-taxxa, peress li l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżerċitaw kontroll permanenti fuq il-produzzjoni tagħhom (43).

86.      L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tibbaża ruħha fuq id-data pprovduta mill-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, ninsisti, għandha tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari billi taċċetta li l-kuntest ġuridiku u fattwali rilevanti huwa dak stabbilit mill-qorti tar-rinviju, minkejja li xi waħda mill-partijiet fil-kawża ma taqbilx ma’ dan.

87.      Abbażi ta’ din il-premessa, il-kontorni tar-rekwiżit ikkontestat, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, jippermettu li jiġi kklassifikat bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 34 TFUE. Mill-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi dedott li ċ-Ċirkolari TIRIB tiffavorixxi l-użu ta’ bijokarburanti li ġew ko-ipproċessati fi Franza, filwaqt li tagħmilha diffiċli li jintużaw l-istess prodotti meta jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra.

88.      Barra minn hekk, din ir-regola jkollha wkoll in-natura ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni, anki jekk tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju u ugwalment għall-bijokarburanti ko-ipproċessati importati u għal dawk prodotti fi Franza: ir-rekwiżit ta’ analiżi tas-C14, fi kwalunkwe każ, jagħmel l-importazzjonijiet ta’ tali bijokarburanti fit-territorju Franċiż diffiċli.

89.      Huwa possibbli, madankollu, li din il-miżura restrittiva jkollha ġustifikazzjoni li tagħmilha kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, ikun ferm iktar diffiċli li wieħed jargumenta favur tali ġustifikazzjoni jekk il-miżura tapplika biss għall-bijokarburanti ko-ipproċessati importati u mhux għal dawk prodotti domestikament.

1.      Ġustifikazzjoni tal-miżura?

90.      Regolament jew prattika nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li jkollha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti obbligatorji. Fiż-żewġ każijiet, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq, filwaqt li jkun f’idejn l-Istat Membru awtur tal-miżura li jiġġustifika l-konformità mal-imsemmi prinċipju (44).

91.      Il-Gvern Franċiż jinvoka r-rekwiżiti imperattivi tal-ħarsien tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-frodi bħala ġustifikazzjoni għall-miżura restrittiva. Huwa jallega li l-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fit-tnaqqis tat-TIRIB għandu jibbenefika biss karburanti mogħtija għall-konsum fit-territorju nazzjonali li l-kontenut reali tagħhom ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika effettivament jaqbeż il-perċentwali oġġettiv ta’ inkorporazzjoni fis-settur tat-trasport, stabbilit fl-Artikolu 266 quindecies tal-kodiċi doganali.

92.      Skont il-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja (45), ir-rekwiżiti obbligatorji jistgħu jiġġustifikaw biss miżuri nazzjonali li huma ugwalment applikabbli għal prodotti nazzjonali u importati. Konsegwentement, kieku l-miżura Franċiża kienet, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ bijokarburanti ko-ipproċessati u mhux għall-produzzjoni nazzjonali ta’ dan it-tip ta’ merkanzija, ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ prevenzjoni ta’ frodi ma jistgħux iservu sabiex jiġġustifikaw dan.

93.      Huwa minnu li din il-ġurisprudenza tradizzjonali iktar tard saret flessibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi ġiet analizzata l-ġustifikazzjoni ta’ miżuri li huma applikabbli b’mod differenti f’xi rekwiżit obbligatorju, jew billi xi wħud minn dawn ġew sottomessi għal raġuni tal-Artikolu 36 TFUE (46).

94.      Għalhekk, ser nanalizza l-ġustifikazzjoni possibbli mill-perspettiva tal-protezzjoni ambjentali u tal-prevenzjoni tal-frodi, rekwiżiti imperattivi aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju (47).

95.      Fil-prinċipju, iċ-Ċirkolari TIRIB tista’ tingħata ġustifikazzjoni suffiċjenti, peress li hija orjentata u kapaċi li:

–      Minn naħa waħda, tipproteġi l-ambjent permezz tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-użu ta’ analiżi tas-C14 jippermetti li jingħataw benefiċċji (inċentivi) għal ċerti karburanti, billi jitnaqqas il-piż tat-taxxa tagħhom fuq il-bażi tal-perċentwali ta’ bijokarburant tagħhom.

–      Min-naħa l-oħra, tevita r-riskju ta’ frodi (48) fil-katina ta’ produzzjoni ta’ karburanti ko-ipproċessati. Il-metodu tas-C14 jippermetti l-għarfien b’ċertezza tal-perċentwali reali ta’ molekuli bijoġeniċi ta’ ŻVI preżenti f’dawk il-karburanti u, b’dik l-informazzjoni, l-applikazzjoni korretta ta’ taxxa li tippromwovi l-użu ta’ bijokaruranti.

2.      Huwa osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità?

96.      Ladarba tiġi ammessa l-ġustifikazzjoni, irid jiġi vverifikat jekk il-miżura restrittiva tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ikun il-każ biss jekk tkun adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq, minħabba li ma teżistix alternattiva inqas restrittiva.

97.      Minn din il-perspettiva, tista’ tiġi aċċettata l-adegwatezza tar-rekwiżit impost miċ-Ċirkolari TIRIB sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, peress li:

–      Id-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ molekuli bijoġeniċi fil-karburanti ko-ipproċessati jidher li ma huwiex possibbli b’alternattivi inqas restrittivi minbarra analiżi tas-C14.

–      Il-metodu tal-BM għandu użu limitat għal dawn l-għanijiet u jipprovdi biss riżultati approssimattivi. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament Delegat 2023/1640 stabbilixxa l-analiżi tas-C14 bħala metodu ta’ verifika komuni sabiex jitkejjel il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika preżenti fil-karburanti ko-ipproċessati, kif ukoll l-użu regolari (supplimentari) tiegħu meta l-manifatturi jużaw metodi oħra (bħal dak tal-BM).

98.      Favur il-proporzjonalità tal-miżura, għandu jiġi nnutat ukoll li ċ-Ċirkolari TIRIB ma teħtieġx analiżi fiżika fil-laboratorju tas-C14 fi kwalunkwe każ u għall-importazzjonijiet kollha ta’ karburanti ko-ipproċessati  (49): ladarba tkun saret l-ewwel analiżi, jekk ikun hemm koinċidenza (b’marġni ta’ 10 %) mal-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika ddikjarati mill-kumpanija li timporta, l-analiżi tas-C14 jiġu rripetuti biss b’mod każwali (50).

99.      Madankollu, miżura restrittiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit biss jekk tegħleb effettivament il-problema li dan jitlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (51).

100. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza fid-digriet tagħha (52) tliet ċirkustanzi li jipprevjenu din il-koerenza sistematika milli tiġi evalwata:

–      L-analiżi tas-C14 huma meħtieġa biss għall-importazzjonijiet, l-introduzzjonijiet intra-Komunitarji u l-kunsinni nazzjonali ta’ karburant li fihom bijokarburant fil-ħin tal-wasla tagħhom fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż.

–      Il-bijokarburanti minn ko-ipproċessar prodotti f’raffinerija li tinsab fit-territorju Franċiż ma humiex suġġetti għall-analiżi tas-C14 meta jiġu rrilaxxati għall-konsum f’dak l-Istat Membru direttament mill-fabbrika, mingħajr ma jgħaddu minn maħżen tat-taxxa.

–      L-Istat Franċiż jaċċetta li jevalwa l-kontenut tal-bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tal-merkanzija mibgħuta għall-konsum f’setturi minbarra t-trasport, b’kont meħud taċ-ċertifikati ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti ta’ kull xahar u mingħajr ma jsiru l-analiżijiet C14.

101. Fl-istess linja, BP France tispjega (53) li, sabiex jiksbu t-tnaqqis tat-taxxa tat-TIRIB (jew tat-TIRUERT), l-awtoritajiet Franċiżi jeħtieġu, minn naħa waħda, ċertezza assoluta permezz ta’ testijiet tas-C14 ta’ preżenza effettiva ta’ enerġija rinnovabbli fil-ħin tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott importat (bijokarburanti li jirriżultaw minn ko-ipproċessar ) u, min-naħa l-oħra, sempliċi kalkolu prorata annwali li ma joffri l-ebda garanzija ta’ traċċabbiltà, b’differenza mill-BM fil-każ tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

102. Minn din id-data jista’ jiġi dedott li l-miżura inkwistjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 34 TFUE, fis-sens li ma hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi b’mod koerenti u sistematiku l-kisba tal-miri li jistgħu jiġġustifikawha.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fis-sitwazzjoni leġiżlattiva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat tal-Kumissjoni (UE) 2023/1640 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 dwar il-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta mill-bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni, kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–      Il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandu bħala suġġett d-determinazzjoni tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001, applikabbli għall-materji primi, il-bijokarburanti kif ukoll it-taħlit tagħhom, u ma huwiex maħsub sabiex ikejjel il-proporzjon ta’ oriġini bijoġenika li jinsab f’bijokarburant prodott minn ko-ipproċessar.

–      Fil-prinċipju, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001 ma jipprekludix, sad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tar-Regolament Delegat 2023/1640, regola interna li tirrikjedi t-twettiq ta’ analiżi tar-radjokarbonju (C14) fil-ħin tal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa nazzjonali tal-bijokarburanti importati li ġew prodotti permezz ta’ ko-ipproċessar, sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika rilevanti għall-kalkolu ta’ taxxa għall-promozzjoni tal-użu ta’ bijokarburanti. Huwa irrilevanti, għal dawn l-għanijiet, li r-raffinerija li fiha ġew prodotti l-imsemmija karburanti tuża sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompleta.

–      L-Artikolu 34 TFUE jipprekludi regola nazzjonali li teħtieġ li ssir analiżi tar-radjokarbonju (C14) fil-ħin tal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa nazzjonali ta’ bijokarburanti importati li jkunu ġew prodotti permezz ta’ ko-ipproċessar, sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwal ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika rilevanti għall-kalkolu ta’ taxxa għall-promozzjoni tal-użu ta’ bijokarburanti, jekk din l-istess analiżi ma tkunx meħtieġa għall-produzzjoni nazzjonali ta’ bijokarburanti ko-ipproċessati”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Din hija t-taxe incitative relative à l’incorporation de biocarburants (taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti; iktar ’il quddiem “TIRIB”). Mill‑1 ta’ Jannar 2022, isimha huwa taxe incitative relative à l’utilisation de l’énergie renouvelable dans le transport (taxxa ta’ inċentiv għall-użu ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport; iktar ’il quddiem “TIRUERT”).


3      Il-karbonju 14 huwa isotopu radjuattiv tal-karbonju li jista’ jintuża sabiex tiġi investigata l-preżenza ta’ elementi bijoloġiċi eżistenti f’kampjuni bħal taħlitiet ta’ bijodiżil jew kampjuni likwidi oħra ta’ oriġini totalment jew parzjalment organika, pereżempju, żjut veġetali.


4      B’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490; iktar ’il quddiem, “is-sentenza E.ON Biofor Sverige”).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, ĠU 2021, L 224, p. 42, u ĠU 2022, L 41, p. 37). Verżjoni kkonsolidata tas-7 ta’ Ġunju 2022.


7      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1640 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 dwar il-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta mill-bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni (ĠU 2023, L 205, p. 1).


8      Fil-verżjoni applikabbli ratione temporis għall-kawża. Sussegwentement ġie emendat bil-Liġi Nru 2022-1726, tat‑30 ta’ Diċembru 2022, l-Artikolu 67 (V).


9      Décret n° 2019-570 du 7 juin 2019 portant sur la taxe incitative relative à l’utilisation d'énergie renouvelable dans les transports (JORF nru 133, tad‑9 ta’ Ġunju 2019). Ġie emendat permezz tad-Décret n° 2022-1330 du 17 octobre 2022 (JORF nru 242, tat‑18 ta’ Ottubru 2022).


10      Circulaire du 18 août 2020 du ministre délégué chargé des comptes publiques aux opérateurs économiques et aux services des douanes sur la taxe incitative relative à l’incorporation de biocarburants (TIRIB) (NOR: ECOD2020901C) (Ċirkulari tat‑18 ta’ Awwissu 2020, mill-Ministru delegat responsabbli għall-kontijiet pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi u għas-servizzi doganali, dwar it-taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti (TIRIB); iktar ’il quddiem, “Ċirkolari TIRIB”).


11      “Usine exercée” (UE): huwa meqjus bħala tali, stabbiliment jew faċilità tat-taxxa li jippermetti l-produzzjoni, ir-riċeviment jew il-ġarr ta’ prodotti tal-enerġija taħt skema ta’ sospensjoni tat-taxxa applikabbli għal dawn il-prodotti. Skont il-Gvern Franċiż (punt 84 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu), “l-iskema tal-Unjoni […] – il-fabbrika li tikkorrispondi għal raffinerija Franċiża” hija waħda miż-żewġ skemi doganali previsti għar-riċeviment tal-bijokarburanti.


12      “Entrepôt fiscal de stockage” (EFS): applikat għall-prodotti taż-żejt, huma kkunsidrati bħala tali mħażen tat-taxxa li fihom dawn il-prodotti jistgħu jiġu riċevuti, miżmuma jew mibgħuta taħt reġim ta’ sospensjoni ta’ ċerti taxxi.


13      “Hydrotreated Vegetable Oil” bl-Ingliż, magħrufa bl-akronimu tagħhom HVO.


14      Fil-kawża oriġinali, skont id-digriet tar-rinviju, il-partijiet ma kkontestawx il-fatt li, bħalissa, il-metodu tar-radjokarbonju (C14) huwa l-uniku wieħed li jippermetti li jiġi mkejjel dan il-kontenut, fir-rigward tal-karburanti li fihom ŻVI prodotti skont il-metodu ta’ ko-ipproċessar.


15      L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2018/2001: “Id-Direttiva 2009/28/KE […] hija mħassra b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021, […] Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness XI”.


16      Bijokarburanti tfisser “karburant likwidu għat-trasport prodott mill-bijomassa” (il-punt 33 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/2001).


17      Bijomassa tfisser “il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura, inkluż sustanzi veġetali u mill-annimali, mill-industriji forestali u industriji relatati, inkluż is-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart, inkluż l-iskart industrijali u muniċipali ta’ oriġini bijoloġika” (il-punt 24 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/2001). Il-bijomassa tista’ tikkonsisti, pereżempju, f’materjali b’bażi ta’ lipidi (bħal żejt veġetali, żejt tat-tall mhux raffinat jew żejt tal-piroliżi).


18      Il-karburanti finali prodotti minn din it-taħlita huma tipikament diżil, karburant tal-ġettijiet, karburant għat-tisħin, karburant tal-baħar, petrol, komponenti tal-petrol u, xi kultant, gass propan, komponent ta’ gass likwifikat miż-żejt, iżda wkoll jistgħu jkunu preżenti frazzjonijiet minuri ta’ prodotti oħra.


19      Ara l-ewwel premessa tar-Regolament Delegat 2023/1640.


20      Din hija l-fehma espressa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta’ sostenibbiltà tal-UE għal bijokarburanti u bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għal bijokarburanti (ĠU 2010 C 160, p. 8).


21      Traskritti fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Kif irrimarkajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:25), punti 44 u 45, din l-għażla tfisser li jitneħħew il-metodu ta’ preservazzjoni tal-identità, li jipprevjeni t-taħlit tal-bijokarburanti bejniethom jew ma’ tipi ta’ karburanti oħra, u l-metodu taċ-ċertifikati negozjabbli (“book and claim”), li ma jeżiġi l-ebda relazzjoni diretta bejn il-bijokarburant ikkummerċjalizzat u l-produzzjoni tiegħu minn bijomassa li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà.


23      Sentenza E.ON Biofor Sverige, punt 39.


24      Sentenza E.ON Biofor Sverige, punt 64.


25      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2018/2001, “Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3). Tali deċiżjonijiet għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin”.


26      L-iskemi volontarji kellhom rwol importanti sabiex jipprovdu evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-bijokarburanti u bijolikwidi skont id-Direttiva 2009/28. Id-Direttiva 2018/2001 espandiet ir-rwol tagħhom, sabiex issa jistgħu jservu biex: a) jiċċertifikaw li l-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa, inklużi karburanti gassużi u solidi, jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà u sabiex jipprovdu data eżatta dwar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom; b) jiċċertifikaw li l-karburanti likwidi u gassużi rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (iddestinat għas-settur tat-trasport) u l-karburanti tal-karbonju riċiklat jissodisfaw il-kriterji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra; c) juru konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2018/2001 għall-kalkolu tal-elettriku rinnovabbli fit-trasport; d) juru li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni preċiża fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar karburanti rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport, skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 2018/2001; u e) jiċċertifikaw bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ bdil indiretta tal-użu tal-art.


27      L-iskemi volontarji rrikonoxxuti mill-Kummissjoni jistgħu jiġu kkonsultati fuq https://energy.ec.europa.eu/topics/renewable-energy/bioenergy/voluntary-schemes_en.


28      Imsemmija “International Sustainability & Carbon Certification (ISCC EU)”.


29      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/602 tat‑8 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “International Sustainability & Carbon Certification - ISCC EU” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat (ĠU 2022, L 114, p. 182).


30      Dan ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fis-seduta.


31      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat 2023/1640, “L-operaturi ekonomiċi li jikkoproċessaw il-bijomassa jistgħu jiżviluppaw u jużaw metodu ta’ ttestjar speċifiku għall-kumpanija jew speċifiku għall-proċess biex jiddeterminaw is-sehem ibbażat fuq il-karbonju tal-bijokontenut li huwa adattat għad-disinn partikolari tal-fabbrika u għat-taħlita ta’ materja prima partikolari tagħhom. Dak il-metodu ewlieni ta’ ttestjar għandu jkun ibbażat fuq il-bilanċ tal-massa jew tal-enerġija, il-metodi tar-rendiment, jew l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) [jiġifieri d-detezzjoni tar-radjokarbonju permezz tal-Ispettrometrija tal-Massa bl-Aċċellerazzjoni (AMS) jew tal-metodu tal-Għadd bix-Xintillazzjoni Likwida (LSC)] tal-outputs”.


32      Ara l-premessa 4, traskritta fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat 2023/1640.


34      Ara l-premessa 110 tad-Direttiva 2018/2001.


35      Ara l-Artikolu 30(8) tad-Direttiva 2018/2001 u l-premessa 108 tagħha.


36      Il-kontribut tal-metodu tal-BM u tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għall-prevenzjoni tal-frodi ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018 L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 66, u fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2018:318, punti 84 u 97).


37      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2017:751, punt 40).


38      Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5); tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 31), u tad‑9 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 37).


39      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punti 35 u 37).


40      Digriet tar-rinviju, punt 16.


41      Osservazzjonijiet bil-miktub, punti 93 sa 100.


42      Circulaire du ministre de l’action et des comptes publics aux opérateurs économiques et aux services des douanes, du 4 février 2020, relative au régime de l’usine exercée (NOR: CPAD1917906C) (Ċirkolari tal-Ministru responsabbli għall-azzjoni u l-kontijiet pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi u għas-servizzi doganali tal‑4 ta’ Frar 2020 dwar l-iskema tal-“usine exercée”). Ma hemm l-ebda referenzi għal din iċ-Ċirkolari fid-digriet tar-rinviju.


43      Il-produtturi nazzjonali għandhom jimlew skeda teknika għal kull prodott manifatturat li jiġi suġġett għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali, karta li tinkludi t-twettiq tal-analiżi tas-C14.


44      Sentenza E.ON Biofor Sverige, punti 46 u 90.


45      Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1997, Pistre et (C‑321/94 sa C-324/94, EU:C:1997:229, punt 52); u tas‑17 ta’ Ġunju 1981, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (113/80, EU:C:1981:139, punt 11).


46      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 77 sa 119); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’dik il-kawża (C‑573/12, EU:C:2014:37, punt 79). L-Avukat Ġenerali Bot ippropona li jiġu applikati wkoll ir-rekwiżiti obbligatorji fil-ġustifikazzjoni tal-miżuri diskriminatorji, filwaqt li madankollu tkun meħtieġa ġustifikazzjoni “msaħħa”.


47      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde (C‑443/10, EU:C:2011:641, punt 34); tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 77 sa 82); u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 64).


48      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż indika li r-regolamenti kkontestati kellhom l-għan li jindirizzaw ċerti azzjonijiet frawdolenti, peress li kienu nstabu ċertifikazzjonijiet ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà li fihom ġie ddikjarat li l-lottijiet esportati lejn Franza kien fihom perċentwal ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġeniċi ħafna ogħla minn dak reali. Pereżempju, jekk raffinerija pproduċiet bijokarburant ko-ipproċessat b’50 % ta’ bijomassa, akkreditat bl-użu tal-metodu tal-BM, il-lottijiet esportati lejn Franza kienu jiġu ddikjarati li fihom 80 % molekuli ta’ oriġini bijoġenika, sabiex ma jħallsux TIRIB.


49      Punt 114, traskritt fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Jidher ċar li l-proporzjonalità ma tkunx osservata kieku kien hemm duplikazzjoni tar-rekwiżiti għall-karburanti ko-ipproċessati importati. Jiġifieri, kieku analiżi tas-C14 kienet obbligatorja fl-Istat tal-oriġini, dan l-istess eżami ma jistax ikun meħtieġ fl-Istat tad-destinazzjoni. Bl-istess mod, kieku l-perċentwali ta’ molekuli ta’ oriġini bijoġenika kien ippruvat b’mod preċiż bid-data pprovduta mill-manifattur b’applikazzjoni ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja, lanqas l-analiżi tas-C14 ma tista’ tkun meħtieġa. Xejn ma jindika li dan iseħħ fit-tilwima, suġġett għall-verifika li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju.


51      Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et  (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 37).


52      Punti 16 u 19.


53      Punti 72 sa 79 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.