Language of document : ECLI:EU:C:2024:16

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C22/23

“Citadeles nekustamie īpašumi” SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Punt 7(c) tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘fornituri ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji’ – Sid ta’ proprjetà immobbli li kkonkluda kuntratti ta’ kiri ma’ persuni ġuridiċi – Kunsens sabiex jiġi rreġistrat uffiċċju reġistrat f’din il-proprjetà – Artikolu 4 – Estensjoni tal-kunċett ta’ ‘entitajiet marbutin b’obbligu’ għall-professjonijiet u għall-kategoriji ta’ impriżi minbarra dawk imsemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849”






I.      Introduzzjoni

1.        Sid li jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil kumpannija u li jagħti l-kunsens tiegħu sabiex din il-kumpannija tirreġistra l-uffiċċju reġistrat tagħha fiha għandu jkun ikkunsidrat bħala “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” skont id-Direttiva (UE) 2015/849 (2) u, għalhekk għandu jiġi kklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” li għandha tosserva l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva?

2.        Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina f’din il-kawża li tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849. Din it-talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn kumpannija u l-awtorità kompetenti Latvjana dwar multa imposta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat‑terroriżmu.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tispjega l‑portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” skont id-Direttiva 2015/849, u tagħti indikazzjonijiet dwar il‑possibbiltà ta’ estensjoni mill-Istati Membri tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lil entitajiet marbuta b’obbligu differenti minn dawk espressament imsemmija fiha.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/849 jistipula:

“Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat‑terroriżmu.”

5.        Il-punt 3 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva jistipulaw:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin:

[…]

3)      il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

a)      awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa, jew kwalunkwe persuna oħra li timpenja ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħra li magħhom hija relatata dik il-persuna l-oħra, għajnuna materjali, assistenza jew pariri dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bħala l-attività ta’ negozju jew professjonali prinċipali;

b)      nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem, kemm jekk jaġixxu f’isem jew għan-nom tal‑klijent tagħhom fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl-ippjanar jew fit-twettiq ta’ transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw:

i)      ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew ta’ entitajiet kummerċjali;

[…]

c)      fornituri ta’ servizzi ta’ trust jew ta’ kumpanniji li mhumiex diġà koperti mill-punti (a) jew (b);

d)      aġenti immobbiljari inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli, iżda dan biss b’rabta ma’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kera fix-xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar;

[…]

7.      Fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat‑terroriżmu għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lil kwalunkwe attività finanzjarja li minħabba n-natura tagħha titqies li għandha probabbiltà għolja li tintuża jew tiġi abbużata għal finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat‑terroriżmu.

[…]”

6.        Il-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7)      ‘fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji’, tfisser kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha jipprovdi xi wieħed mis‑servizzi li ġejjin lil partijiet terzi:

a)      il-formazzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra;

b)      taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala direttur jew segretarju ta’ kumpannija, jew bħala soċju f’soċjetà, jew f’xi pożizzjoni simili marbuta ma’ persuni ġuridiċi oħra;

c)      il-forniment ta’ uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor;

d)      taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala fiduċjarju ta’ express trust jew ta’ arranġament legali simili ieħor;

e)      taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala azzjonist nominat għal persuna oħra li mhijiex kumpannija elenkata f’suq regolat li hija soġġetta għar-rekwiżiti ta’ żvelar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti.”

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849 jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-ambitu ta’ din id-Direttiva tiġi estiżi kollha kemm hi jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl‑Artikolu 2(1), li jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.      Fejn Stat Membru jestendi l-ambitu ta’ din id-Direttiva għal professjonijiet jew għal kategoriji ta’ intrapriżi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jinforma lill‑Kummissjoni b’dan.”

8.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 huwa redatt bil-mod segwenti:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l‑ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal‑Unjoni.”

B.      Iddritt Latvjan

9.        Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu fid-dritt Latvjan jinsabu fin-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni) tas‑17 ta’ Lulju 2008 (3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal‑Flus”), li ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, tittrasponi d‑Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Latvjan.

10.      Din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, fil-punt 10 tal-Artikolu 1 tagħha, tiddefinixxi l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika”. Skont din id-dispożizzjoni, dan huwa persuna ġuridika jew fiżika li tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju ma’ klijent u tipprovdi, fost l-oħrajn, skont il-punt (c) ta’ din id‑dispożizzjoni, “lill-arranġamenti legali jew l-persuni ġuridiċi, uffiċċju reġistrat, indirizz postali, indirizz tal-post ta’ tranżazzjonijiet u servizzi oħra simili.”

11.      L-Artikolu 3 tal-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus jistipula:

“(1)      L-entitajiet marbutin b’obbligu huma l-persuni li jeżerċitaw attività kummerċjali jew professjonali:

[…]

4)      in-nutara pubbliċi, l-avukati u l-fornituri indipendenti l-oħra ta’ servizzi legali, meta jaġixxu f’isem jew għan-nom tal-klijenti tagħhom, joffru assistenza għall-ippjanar jew għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet, jipparteċipaw fihom jew jeżerċitaw attivitajiet professjonali oħra marbuta ma’ tranżazzjonijiet għall-benefiċċju tal-klijent tagħhom f’dak li jirrigwarda:

a)      ix-xiri jew il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli [jew] ta’ azzjonijiet f’kumpannija kummerċjali,

[…]

5)      il-fornituri ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika;

6)      l-aġenti immobbiljari.”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża, ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

A.      Ilfatti li wasslu għallkawża u lproċedura filkawża prinċipali

12.      Citadeles nekustamie īpašumi SIA (iktar ’il quddiem “Citadeles”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija kummerċjali rreġistrata fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti b’mod partikolari fix-xiri u fil-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli li tagħhom hija l-proprjetarja kif ukoll fil-kiri u fil-ġestjoni ta’ dawn il-proprjetajiet.

13.      Matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Settembru 2021 u l‑4 ta’ Frar 2022, il-Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”) wettqet spezzjoni fuq Citadeles fil-qasam tal‑ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li tat lok għal rapport ta’ spezzjoni.

14.      F’dan ir-rapport ta’ spezzjoni, il-VID ikkonstatat li Citadeles kienet kriet proprjetà immobbli li tappartjeni lilha billi kkonkludiet kuntratti ta’ kiri ma’ kerrejja, inkluż ma’ persuni ġuridiċi u arranġamenti legali, li kienu rreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’postijiet li kienu jinsabu f’din il-proprjetà immobbli.

15.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-imsemmi rapport ta’ spezzjoni, Citadeles ma kinitx irreġistrat mal-VID attività bħala “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika” skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus u naqset milli tosserva l-obbligi li jirriżultaw minn din il-liġi.

16.      Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2022, il-VID imponiet fuq Citadeles multa ta’ EUR 1 000 minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stipulati fil-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus. Din id-deċiżjoni kienet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-VID tal‑15 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17.      Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni tal-VID li l‑attività kummerċjali ta’ Citadeles tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi għall-ħolqien u għall-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika peress li, fil-kuntratti tal-kiri inkwistjoni, din il‑kumpannija awtorizzat lill-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-postijiet ikkonċernati. B’hekk, skont il-VID, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala entità marbuta b’obbligu skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus.

18.      Permezz ta’ rikors tal‑15 ta’ Lulju 2022, Citadeles talbet lill‑Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), il-qorti tar-rinviju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

19.      Insostenn tar-rikors tagħha, Citadeles issostni li hija ma tikkwalifikax bħala entità marbuta b’obbligu skont id-Direttiva 2015/849 u l-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus u li għalhekk ma hijiex obbligata tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-VID. Fil-fatt, fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tieħu ħsieb il-ġestjoni u l-kiri ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilha u ma tipprovdix “servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika” skont l-imsemmija liġi. Citadeles tiddikjara li l-kuntratti ta’ kiri konklużi jistipulaw biss l-possibbiltà li l-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom hija waħda mid‑drittijiet tal-kerrejja, u l-kera miftehma ma tiddependix mill-fatt li l-kerrej ikunx irreġistra jew le l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Citadeles tiddikjara li hija ma ntrabtitx li tipprovdi, u li ma tipprovdix, lill-kerrejja servizzi oħra ħlief il-kiri tal-postijiet.

B.      Iddomandi preliminari

20.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika” skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus tikkorrispondi ma’ dik tal-“fornitur ta’ servizz lill-kumpanniji” li tinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849.

21.      Madankollu, la din id-dispożizzjoni u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2015/849 ma tispeċifika jekk il-kunċett ta’ “servizz lill‑kumpanniji”, li jikkonsisti fil-provvista ta’ uffiċċju reġistrat, ta’ indirizz kummerċjali, ta’ korrispondenza jew amministrattiv u ta’ servizzi oħra relatati, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda servizz partikolari li ma jirriżultax minn tranżazzjoni li tikkonsisti fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess jew li ma huwiex relatat ma’ tali tranżazzjoni.

22.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dritt Latvjan, sal‑31 ta’ Lulju 2021, sabiex kumpannija tkun tista’ tiġi rreġistrata fir-reġistru tal‑kummerċ, hija obbligata li tippreżenta l-kunsens tas-sid tal-proprjetà immobbli fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-uffiċċju reġistrat fil-proprjetà. Peress li l-kuntratti ta’ kiri eżaminati mill-VID ġew konklużi qabel l‑1 ta’ Awwissu 2021, il-kunsens ta’ Citadeles li jidher f’dawn il-kuntratti ta’ kiri jista’ jiġi kkunsidrat bħala sempliċi kunsens mogħti sabiex jissodisfa r‑rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Kummerċ, u mhux bħala servizz partikolari lill-kumpanniji. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2021, tali kunsens ma baqax meħtieġ. F’tali ċirkustanzi, dik il-qorti tqis li sid il-kera ta’ proprjetà immobbli ma għandux jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849.

23.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi l-każijiet li fihom l-uffiċċju reġistrat huwa mogħti bħala servizz partikolari sabiex jinkiseb indirizz li jikkorrispondi għal sempliċi “kaxxa tal-ittri” jew indirizz li fih jsiru ċerti tranżazzjonijiet, iżda li fih l-persuna ġuridika jew l‑arranġament legali ma jeżerċitax realment attività kummerċjali fil-ħajja ta’ kuljum.

24.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, ma jinkludix il-kiri ta’ proprjetajiet immobbli mill-proprjetarju stess huwa kkorroborat mill‑premessa 8 u minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li minnhom jirriżulta li l-imsemmija direttiva tapplika għan-nutara u għall-membri l-oħra tal-professjonijiet legali indipendenti, u għall-aġenti immobiljari, filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-fornituri ta’ servizzi lill-kumpanniji huma kkunsidrati bħala entitajiet distinti skont l-istess direttiva, mingħajr rabta mat-tranżazzjonijiet immobiljari.

25.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2015/849, Stat Membru jista’ jikkunsidra b’mod wiesa’ l‑attivitajiet eżerċitati minn persuni li jistgħu jwasslu għat-twettiq ta’ għan illeċitu. Għalhekk hija tqis li huwa possibbli li, meta jkun qed jikkonkludi kuntratti ta’ kiri, sid il-kera ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu jkun involut fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat‑terroriżmu u li, sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ tali każijiet, għandu jkun ikkunsidrat ukoll bħala fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji fil-każijiet fejn huwa jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil kerrej li fiha huwa jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew fiha jeżerċita attività kummerċjali.

26.      Barra minn hekk, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-persuni kollha li jikru proprjetà immobbli li tappartjeni lilhom għandhomx ikunu kkunsidrati bħala fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji b’tali mod li, meta proprjetà immobbli tinkera minn persuna fiżika, din għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika.

27.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administratīvā rajona tiesa (il‑Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizz lil kumpannija’ li jinsab [fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3] tad-[Direttiva 2015/849] […] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħmel riferiment għal servizz differenti li ma jirriżultax minn tranżazzjoni li tikkonsisti fil-kiri ta’ proprjetajiet immobbli li wieħed ikun il-proprjetarju tagħhom jew li ma huwiex marbut ma’ tali tranżazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-[sid tal-kera] tax il-kunsens tiegħu jew le sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-proprjetà immobbli mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet hemmhekk?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizzi lil kumpannija’ li jinsab [fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3] tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l‑kiri ta’ proprjetà immobbli jsir minn persuna fiżika, din tal-aħħar għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika jew fuq struttura legali, indipendentement miċ‑ċirkustanzi fattwali bħan-numru ta’ proprjetajiet immobbli li l‑imsemmija persuna fiżika għandha u tikri, mill-fatt li l-kiri tal-proprjetà immobbli ma jkunx relatat mal-attività kummerċjali, jew minn ċirkustanzi oħra?”

28.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Citadeles, mill-VID u mill-Kummissjoni Ewropea. Fi tmiem il-fażi tal‑proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi mingħajr seduta.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

29.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849 għandux ikun interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma jirriżultax minn – jew ma huwiex marbut ma’ – tranżazzjoni li tikkonsisti biss fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk sid il-kera tax il‑kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil‑proprjetà mikrija u fiha jwettaq tranżazzjonijiet.

30.      Preliminarjament, infakkar li, skont il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849, “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” jfisser “kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha” toffri servizz li jikkonsisti fil-“forniment ta’ uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor”.

31.      Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat li operatur ipprovda “servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tal‑imsemmija dispożizzjoni, minħabba l-fatt li huwa kera proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil xi kumpanniji, filwaqt li jagħti espliċitament, fil-kuntratti ta’ kiri, il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċji reġistrati tagħhom fil-proprjetà immobbli mikrija. Jekk ikollu jiġi konkluż li, f’tali sitwazzjoni, dan l-operatur ipprovda “servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tad-Direttiva 2015/849, allura dan l-operatur għandu jkun ikklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” u b’hekk ikun obbligat josserva l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuha fid-dritt intern.

32.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” kif iddefinit fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849.

2.      Dwar linterpretazzjoni talpunt 7(c) talArtikolu 3 tadDirettiva 2015/849

33.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (4).

34.      Fir-rigward, qabel kollox, tal-analiżi testwali tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, nirrileva li mill-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta espliċitament li d-definizzjoni tat-tip ta’ “servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” (5) inkluża fiha tkopri servizz li jikkonsisti fil-provvista lil kumpannija jew kwalunkwe arranġament legali ieħor simili ta’ “uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati” (6).

35.      Issa, servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew “indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv”, fl-opinjoni tiegħi, ma jikkoinċidix ma’ servizz li jikkonsisti fis-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli. L-ewwel servizz għandu, fil-fatt, kontenut differenti u iktar wiesa’.

36.      L-eżistenza ta’ uffiċċju reġistrat jew, tal-inqas, ta’ indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, huwa element essenzjali ta’ kull attività ta’ impriża, u b’mod iktar ġenerali ta’ kull attività professjonali. Uffiċċju reġistrat huwa normalment meħtieġ sabiex tiġi stabbilita u ġestita kumpannija, peress li jippermetti lill‑awtoritajiet kif ukoll lil kwalunkwe persuna oħra li tidħol f’relazzjoni mal-kumpannija, li tikkomunika magħha, billi jkun hemm punt ta’ kuntatt u fejn tiġi rċevuta l-korrispondenza u kwalunkwe komunikazzjoni oħra.

37.      Is-servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew ta’ “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv” jimplika għalhekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ punt ta’ kuntatt għal finijiet professjonali jew amministrattivi għall-kumpannija jew l‑arranġament legali kkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli jikkonsisti esklużivament f’impenn li l-proprjetà titqiegħed għad-dispożizzjoni inkambju għall-ħlas ta’ kera għall-użu ta’ din il-proprjetà.

38.      Ċertament, is-servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew ta’ “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv”, jista’, f’ċerti każijiet, jinkludi l-kiri tal-proprjetà immobbli użata sabiex jiġi stabbilit dan l-uffiċċju reġistrat jew dan l-indirizz. Madankollu, il-kiri tal-proprjetà ma huwa la element suffiċjenti u lanqas neċessarju għal dan it-tip ta’ servizz. Fil-fatt, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-imsemmi servizz jippresupponi xi ħaġa iktar minn sempliċi kiri tal-proprjetà immobbli. Min-naħa l-oħra, huwa pjuttost possibbli li operatur jintrabat li jipprovdi uffiċċju reġistrat jew indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv lil arranġament legali mingħajr ma jikkonkludi miegħu kuntratt ta’ kiri li jikkonċerna l-proprjetà immobbli li fih l‑uffiċċju reġistrat jew l-indirizz huwa stabbilit.

39.      Barra minn hekk, l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u” fit‑test tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 (7) juri, fl-opinjoni tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi dan it-tip ta’ servizz lill‑kumpanniji mhux bħala li huwa esklużivament limitat għat-tqegħid għad-dispożizzjoni – bħala titolu ta’ kera jew kwalunkwe titolu ieħor – ta’ post li fih il-kumpannija jew l-entità legali tista’ tistabbilixxi l-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, iżda li huwa talab ukoll il-provvista ta’ “servizzi oħra relatati”.

40.      Din il-kunsiderazzjoni tikkonferma li s-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ proprjetà immobbli li fiha huwa stabbilit “uffiċċju reġistrat” jew “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv” ma huwiex biżżejjed sabiex servizzi jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz lill-kumpanniji” kif iddefinit fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Għal dan il-għan, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jiġu pprovduti “servizzi oħra relatati”, jiġifieri servizzi kumplimentari li – kif jirriżulta b’mod ċar mill-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjoni (8) – għandhom ikunu servizzi relatati mal-provvista tal-uffiċċju reġistrat jew tal-indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv.

41.      Minn din il-perspettiva wkoll, għalhekk, it-tip ta’ servizzi koperti bil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jidher li għandhom natura differenti mis-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli lil kumpannija. Fil‑fatt, dan is-servizz jirrikjedi, bħala regola, parteċipazzjoni iktar attiva min-naħa tas-sid il-kera, li għandu jipprovdi servizzi kumplimentari marbuta mal-provvista tal-post li fih l-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz kummerċjali, l-indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv huwa stabbilit. Tali servizzi jistgħu, pereżempju, jinkludu servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ punt ta’ kuntatt għall-attivitajiet amministrattivi tal-entità, servizz ta’ ġestjoni tal-korrispondenza jew servizzi oħra simili (9).

42.      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi kunsens mogħti minn sid il-kera fil‑kuntratt ta’ kiri sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil‑proprjetà immobbli mikrija u minnha jwettaq tranżazzjonijiet ma għandux jaqa’ fil-kunċett ta’ “servizz ieħor relatat” skont il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849. Fil-fatt, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-qafas ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, id-dritt li jintuża l-indirizz tal-proprjetà mikrija, fost l-oħrajn bħala uffiċċju reġistrat jew indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, ma huwa xejn ħlief dritt relatat li jirriżulta mill-provvista prinċipali – jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-proprjetà –, li l-eżerċizzju tiegħu ma jirrikjedix il-parteċipazzjoni attiva ta’ sid il-kera. Fir-realtà, lanqas ma huwa servizz ipprovdut minn sid il-kera, iżda pjuttost sempliċi kunsens espliċitu għall-użu tal-proprjetà għal skop speċifiku (10).

43.      Barra minn hekk, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, dan il-kunsens ġie mogħti minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali – li sussegwentament ġiet abrogata – li tirrikjedi l-preżentazzjoni mandatorja tal-kunsens tas-sid tal-proprjetà immobbli sabiex kumpannija tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ. Tali kunsens espliċitu kien għalhekk neċessarju de jure għal kull kiri ta’ proprjetà immobbli lil kumpanniji li jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-proprjetà mikrija. Kif tirrileva l-qorti tar‑rinviju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali kunsens jikkostitwixxi għalhekk forma ta’ awtorizzazzjoni mogħtija sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti stipulati mil-liġi u mhux servizz ipprovdut lill-kumpanniji. Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-każ, il-proprjetà mikrija hija l-post li fih l-attività kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati effettivament isseħħ issaħħaħ in-natura reali tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

44.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi letterali tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 timmilita favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li t-tip ta’ “servizzi lill-kumpanniji” msemmija fih jirrigwardaw servizzi li huma distinti minn sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli lil kumpannija u dan irrispettivament mill-kunsens tas-sid il-kera sabiex il-kerrej jirreġistra l‑uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija. Dan it-tip ta’ servizz ma għandux b’hekk jikkoinċidi ma sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-proprjetà mikrija.

45.      L-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2015/849, tikkorrobora din l-interpretazzjoni tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

46.      Fil-fatt, kif korrettament tosserva l-qorti tar-rinviju, mill-punt 3(b)(i) u (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li, fost l‑“entitajiet marbutin b’obbligu” huma inklużi “nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem […], fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl‑ippjanar jew fit-twettiq ta’ transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw […] ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli” u “l-aġenti immobbiljari inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli, iżda dan biss b’rabta ma’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kera fix-xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar”.

47.      Kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal dawn it-tipi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu, il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, ma jorbotx, u wisq inqas jissuġġetta, id-definizzjoni ta’ “fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” għal tranżazzjonijiet immobiljari. Din il-konstatazzjoni timmilita wkoll favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li s-servizzi msemmija fih għandhom natura differenti minn sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli lil kumpannija.

48.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, id-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat‑terroriżmu, peress li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi sabiex jistabbilixxu għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju sabiex jiġi evitat li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, jheddu s-suq intern tagħha u kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (11).

49.      F’dan ir-rigward, ir-riskju li sid il-kera jkun involut f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fil-qafas tal-kiri ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil persuni ġuridiċi jew lil arranġamenti legali li fiha jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom ma jistax jiġi eskluż. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, tali riskju jista’, b’mod partikolari, jeżisti fil-każijiet ta’ dawk l-imsejħa “kumpanniji tal-kaxxi tal-ittri”, jiġifieri persuni ġuridiċi jew arranġamenti legali li ma jeżerċitaw l-ebda attività kummerċjali fil-postijiet mikrija u li jużawhom biss sabiex jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ arranġament legali, li normalment issir għal raġunijiet leċiti, tista’ tintuża b’mod abbużiv, pereżempju sempliċement sabiex jinkiseb aċċess għas-sistema finanzjarja nazzjonali bil-ftuħ ta’ kont bankarju sabiex jintefgħu fih fondi, anki fl-assenza ta’ rabta reali mal-pajjiż ikkonċernat.

50.      Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 38 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli ma huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti t-twaqqif ta’ “kumpannija tal-kaxxi tal-ittri”, peress li servizzi oħra kumplimentari – bħal dawk indikati fl-eżempji pprovduti fl‑imsemmi punt 41 – huma neċessarji għal dan il-għan. B’hekk, in‑nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala “entità marbuta b’obbligu” skont id‑Direttiva 2015/849 ta’ sid il-kera li sempliċement jikri l-proprjetà immobbli tiegħu lil kumpannija jew entità oħra ġuridika li tistabbilixxi fiha l-uffiċċju reġistrat tagħha, ma jidhirx, bħala regola, li jista’ jagħti lok għal riskji ta’ abbuż tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

51.      Min-naħa l-oħra, u mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjonijiet li ser nagħmel fil-punti 55 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, naqbel mal-pożizzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li tgħid li interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, fis-sens li kull sid ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu li jikriha lil kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’din il-proprjetà u teżerċita fiha l-attività tagħha għandu jkun ikklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” skont id‑Direttiva 2015/849 u jkun għalhekk suġġett għar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni li tinsab f’din id-direttiva, mhux neċessarjament tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha kif imsemmija fil-punt 48 hawn fuq. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tinkludi l-estensjoni tal-kunċett ta’ “entità marbuta b’obbligu” u ta’ obbligi li jirriżultaw minnha għal numru sinjifikattiv ħafna ta’ entitajiet, li l-attività tagħhom – jiġifieri s-sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli mill-proprjetarju stess – ma hijiex, bħala regola, partikolarment possibbli li tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun possibbli li jiġi mistoqsi jekk tali interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hijiex kompatibbli mar‑rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirrikjedi li miżura għandha tkun xierqa sabiex tiżgura, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li din ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (12).

53.      Mill-analiżi letterali, sistematika u teleoloġika preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji”, li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet minnha.

3.      Fuq lestensjoni millIstati Membri talkamp ta’ applikazzjoni tadDirettiva 2015/849 għal professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi oħra

54.      Minkejja dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2015/849. Hija tqis li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jippermetti lil Stat Membru li jkopri b’mod wiesa’ l-attivitajiet eżerċitati minn persuni li jistgħu jwasslu għat-twettiq ta’ għan illeċitu. B’hekk, sabiex inaqqas il-probabbiltà li meta jikkonkludi kuntratti ta’ kiri, is-sid ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu jiġi involut fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat-terroriżmu, għandu jkun possibbli li jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi lill‑kumpanniji.

55.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2015/849 twettaq biss armonizzazzjoni minima, peress li l-Artikolu 5 tagħha jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal‑flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni (13).

56.      Fil-ġurisprudenza li llum hija stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-espressjoni “dispożizzjonijiet aktar stretti” msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 tista’ tikkonċerna s-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u tal‑finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, peress li dan l-Artikolu 5 jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, tal-Kapitolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali” ta’ din id-direttiva, dan japplika għad-dispożizzjonijiet kollha li jaqgħu fil-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva (14).

57.      B’hekk, id-Direttiva 2015/849 tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri, kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tal-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu, jevitaw jew tal-inqas jostakolaw dawn l‑attivitajiet (15).

58.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2015/849 tirrikonoxxi wkoll li l‑Istati Membri jistgħu jkunu kkonċernati b’mod differenti minn riskji differenti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, li jistgħu jiddependu fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru u jistgħu jvarjaw skont numru ta’ parametri bħas-sitwazzjoni ġeografika jew is‑sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tiegħu (16).

59.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li ngħataw f’dan il-qasam, huwa possibbli li l-Istati Membri jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849 billi jikkunsidraw bħala “entitajiet marbutin b’obbligu” professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi, minbarra dawk imsemmija espliċitament fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, filwaqt li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari proprja ta’ kull Stat Membru.

60.      Madankollu, id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2015/849 għal dan il-għan ma hijiex dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, l-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kontenut tagħha, din id‑dispożizzjoni ma tirrigwardax l-identifikazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu, iżda tirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu għall-finijiet tal-Artikolu 2 biss.

61.      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni rilevanti hija l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849 li tistipula li l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jiġi estiż kollu kemm hu jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li jeżerċitaw attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

62.      Mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, meta Stat Membru jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849 għal professjonijiet jew għal kategoriji ta’ impriżi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 2, għandu jinforma lill-Kummissjoni.

63.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849, ma jispeċifikax il-modalitajiet ta’ tali estensjoni. B’hekk, fid-dawl tan‑natura dinamika kemm tar-relazzjonijiet ekonomiċi kif ukoll tal‑attivitajiet kriminali, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li d‑dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, ma jipprekludix li l-liġijiet nazzjonali ma jistabbilixxux b’mod eżawrjenti l-professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi li jikkostitwixxu l‑entitajiet marbutin b’obbligu, sakemm l-entitajiet suġġetti minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2015/849 li għalihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa estiż, huma indikati ulterjorment f’atti li mhux neċessarjament għandhom l‑istatus ta’ liġi iżda jiġu ppubblikati b’mod xieraq (17).

64.      Madankollu, estensjoni minn Stat Membru tal-kunċett ta’ “entità marbuta b’obbligu” lil entitajiet oħra minbarra dawk imsemmija fid‑Direttiva 2015/849 ma hijiex possibbli ħlief, minn naħa waħda – kif jirriżulta mit-test stess tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva –, jekk dawn “jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu” u, min-naħa l‑oħra, jekk tali estensjoni sseħħ bir-rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jiżgura l-libertajiet fundamentali.

65.      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, in concreto, jekk, fl-ordinament ġuridiku Latvjan, operatur, bħal Citadeles, li sempliċement jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu u, għal dan il-għan, ikkonkluda kuntratti ta’ kiri ma’ kerrejja, filwaqt li espliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex dawn jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’din il-proprjetà, għandux jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti minn professjoni jew kategorija ta’ impriżi minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, li għaliha r-Repubblika tal-Latvja, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849, estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus previsti mill-imsemmija direttiva.

66.      F’dan ir-rigward, madankollu jista’ jkun hemm dubju li dan huwa l-każ. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ddikjarat espliċitament li ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Gvern Latvjan, skont l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2015/849, li tgħid li r-Repubblika tal-Latvja kienet estendiet l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal professjonijiet jew kategoriji ta’ impriżi oħra, jiġifieri għal persuni li jikru proprjetajiet immobbli li jappartjenu lilhom.

4.      Konklużjoni fuq lewwel domanda preliminari

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet fiha.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

68.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis‑sens li, meta l-kiri ta’ proprjetajiet immobbli jsir minn persuna fiżika, dan huwiex suġġett għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika jew arranġament legali, irrispettivament mill-elementi ta’ fatt bħan-numru ta’ proprjetajiet immobbli li għandha u li huma mikrija, mill-fatt li l-kiri tal-proprjetà immobbli ma huwiex relatat mal‑attività kummerċjali jew minn ċirkustanzi oħra.

69.      Peress li t-tieni domanda saret fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 fis-sens li jiena pproponejt fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

70.      Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni domanda hija inammissibbli. Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess li għandha l-Qorti tal‑Ġustizzja ma jirriżultax li l-kawża prinċipali tirrigwarda, anki parzjalment, il-kiri ta’ proprjetajiet immobbli magħmula minn persuna fiżika.

71.      Minn dan isegwi li l-fatt li tingħata risposta għat-tieni domanda f’dawn iċ-ċirkustanzi jfisser b’mod ċar li tingħata opinjoni konsultattiva fuq domanda ipotetika, kuntrarjament għall-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl‑Artikolu 267 TFUE (18).

V.      Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) bil-mod segwenti:

Il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil- punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ikopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet fiha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73.), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 156, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”).


3      Latvijas Vēstnesis, 2008, no116.


4      Ara, reċentament, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja) (C‑430/22 u C‑468/22, EU:C:2023:458, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata) u tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 81).


5      Is-subparagrafi (a), (b), (d) u (e) tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva jiddefinixxu tipi oħra ta’ “servizzi ta’ trusts jew kumpanniji”.


6      Korsiv miżjud minni.


7      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad‑dispożizzjoni inkwistjoni jidhru li qegħdin jużaw konġunzjoni ta’ koordinazzjoni ekwivalenti għall-kelma “et” bil-Franċiż. B’hekk, bħala eżempju, il-verżjoni Spanjola tuża l-kelma “y”, il-verżjoni Ġermaniża tuża l-kelma “und”, il-verżjoni Ingliża tuża l-kelma “and”, il-verżjoni Taljana u dik Portugiża jużaw il‑kelma “e”, il-verżjoni Litwana tuża l-kelma “ir”, il-verżjoni Olandiża tuża l-kelma “en”, il-verżjoni Pollakka tuża l-kelma “i”, il-verżjoni Rumena tuża l‑kelma “și” u l-verżjoni Slovakka tuża l-kelma “a”.


8      Fil-verżjoni Ġermaniża tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, il-leġiżlatur uża t-termini “und anderer damit zusammen hängender Dienstleistungen”, jiġifieri litteralment “u servizzi oħra relatati”, jiġifieri l-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv”. L-analiżi tal-verżjoni Ingliża li tuża t-termini “other related services”, tal-verżjoni Pollakka li tuża t-termini “i innych pokrewnych usługétaye”, u tal-verżjoni Spanjola, Taljana u Portugiża jsostnu din l-interpretazzjoni.


9      Servizzi oħra kumplimentari, tipikament offruti f’dan il-kuntest, jistgħu jinkludu s-servizz iddedikat ta’ faks u ta’ trasferiment ta’ telefonati, il-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet bankarji, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kmamar għal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi jew ta’ organi oħra ta’ tmexxija tal-kumpannija, il-kuntatt ma’ fornituri speċjalizzati għall-provvisti oħra bħal, pereżempju, ir-reġistrazzjoni tal‑karozzi.


10      Fl-assenza ta’ projbizzjoni espliċita fil-kuntratt ta’ kiri, jista’ wkoll jiġi kkunsidrat li tali kunsens huwa mogħti impliċitament minn sid il-kera, sa fejn jirrigwarda użu tal-proprjetà mikrija li ma huwiex barra minn normal.


11      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


12      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 46).


14      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 47) u, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 77).


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:381, punti 44 et seq.).


16      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:381, punt 45).


17      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 51). F’dan ir-rigward, ara wkoll, b’analoġija, il‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:381, punti 54 sa 57).


18      Ara, ex multis, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et (C‑160/20, EU:C:2022:101, punti 82 u 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).