Language of document : ECLI:EU:C:2024:18

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawżi C662/22 sa C667/22

Airbnb Ireland UC (C662/22)

Expedia Inc. (C663/22)

Google Ireland Limited (C664/22)

Amazon Services Europe Sàrl (C665/22 u C667/22)

Eg Vacation Rentals Ireland Limited (C666/22)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l‑Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2019/1150 – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 3 – Regolamenti tekniċi relatati mas‑servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi tat-tfittxija online l-obbligu li jirreġistraw f’reġistru ta’ operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni u li jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt tal-Unjoni

1. IrRegolament 2019/1150

2. IdDirettiva 2015/1535

3. IdDirettiva 2000/31

4. IdDirettiva 2006/123

B. Iddritt Taljan

1. IlLiġi Nru 249/1997 u lemendi tagħha permezz talLiġi Nru 178/2020 kif ukoll idDeċiżjoni Nru 666/2008 u l-emendi tagħha permezz tadDeċiżjoni Nru 200/2021 

2. Iddeċiżjoni talPresident talAGCOM Nru 14/2021

3. IdDeċiżjoni Nru 397/2013 u lemendi tagħha permezz tadDeċiżjoni Nru 161/2021

III. Ilfatti li minnhom oriġinaw ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

A. IlKawżi magħquda C662/22 u C667/22

B. Il-Kawżi magħquda C-664/22 u C-666/22

C. IlKawża C663/22

D. IlKawża C665/22

IV. Ilproċeduri quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

V. Analiżi

A. Fuq lammissibbiltà

1. FilKawża C663/22

2. FilKawża C665/22

B. Fuq irRegolament 2019/1150

1. Limplimentazzjoni ta’ regolament

2. IrRegolament 2019/1150 u lgħan tiegħu

3. Il-ġbir ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni tarRegolament 2019/1150

4. Evalwazzjoni

5. Osservazzjonijiet addizzjonali

C. Fuq illibertà li jiġu pprovduti servizzi firrigward talArtikolu 56 TFUE u tadDirettivi 2000/31 u 2006/123

1. Fuq idDirettiva 2000/31

a) Rimarki preliminari dwar id-domandi preliminari li jirrigwardaw illibertà li jiġu pprovduti servizzi

b) Irrekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat

1) Spjegazzjoni talproblema

2) Rimarki ġenerali fuq ilportata talqasam ikkordinat

3) Evalwazzjoni

c) Irrestrizzjoni għallibertà li jiġu pprovduti servizzi

1) Innuqqas ta’ applikabbiltà tallinja ġurisprudenzjali relatata malArtikolu 56 TFUE

2) Restrizzjoni talmoviment liberu tasservizzi minn soċjetà talinformazzjoni fildawl talġurisprudenza

3) Ġurisprudenza relatata mallibertà li jiġu pprovduti servizzi

d) Ilkundizzjonijiet sostantivi previsti flArtikolu 3(4) tadDirettiva 2000/31

1) Innatura tal-miżuri ta’ deroga

2) Lgħan talmiżuri nazzjonali inkwistjoni

3) Miżura meħuda fil-konfront ta’ servizz li effettivament jikkawża preġudizzju għal wieħed millgħanijiet msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tadDirettiva 2000/31 jew li jikkostitwixxi riskju ta’ preġudizzju għal dawn lgħanijiet

4) Proporzjonalità

e) Konklużjoni preliminari

2. Fuq idDirettiva 2006/123

3. Fuq lArtikolu 56 TFUE

4. Fuq leffett tarRegolament 2019/1150

5. Konklużjoni

D. Fuq lobbligi ta’ notifika minn qabel ta’ miżuri nazzjonali previsti midDirettivi 2000/31 u 2015/1535

1. Rimarki preliminari dwar irrilevanza taddomandi preliminari

2. Espożizzjoni talproblema

3. Lobbligu ta’ notifika firrigward tadDirettiva 2000/31

4. Lobbligu ta’ notifika firrigward tadDirettiva 2015/1535

VI. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Id-domandi preliminari magħmula fil-kawżi li għalihom jirreferu dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 (2) u tad-Direttivi 2000/31/KE (3), 2006/123/KE (4) u (UE) 2015/1535 (5). Dawn id-domandi joriġinaw mill-kontestazzjoni minn fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi tat-tfittxija online (iktar ’il quddiem il-“fornituri ta’ servizzi online”) tal‑leġiżlazzjoni adottata mir-Repubblika Taljana li timponi fuqhom, b’mod partikolari, l-obbligu li jirreġistraw f’reġistru u li jibagħtu informazzjoni relatata mal-istruttura tagħhom u mas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom.

2.        L-imsemmija domandi jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni, minn naħa waħda, tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tar‑Regolament 2019/1150 u dwar il-marġni ta’ manuvra li għandhom l‑Istati Membri sabiex jimplimentawh.

3.        Min-naħa l-oħra, huma jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru japplika l-obbligi inkwistjoni għall-fornituri stabbiliti fi Stat Membri oħra li ma humiex dawk li fih huma stabbiliti. Nindika, anki jekk dan ifisser li nantiċipa l-argumenti sussegwenti tiegħi, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi mekkaniżmu li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi għal tali fornituri.

4.        Ċertament, jista’ jiġi sostnut li l-mekkaniżmu stabbilit fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jagħti protezzjoni partikolarment estiża lill-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fl‑Unjoni kontra l-miżuri adottati mill-Istati Membri li ma humiex dak li fih huma stabbiliti. Madankollu, jiena tal-opinjoni li l-intenzjoni tal‑leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, li hija l-frott ta’ żmienu, kienet li jistabbilixxi sistema ta’ bażi li tipproteġi b’mod speċifiku l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

5.        F’din il-perspettiva, id-Direttiva 2000/31 hija intiża sabiex tadatta s-soluzzjonijiet previsti fit-trattat għall-isfidi li ġab miegħu l-iżvilupp tal‑internet. Fl-istess ħin, din id-direttiva serviet bħala punt ta’ tluq għall‑iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi online (6). Jekk meħtieġ, il-leġiżlatur jista’, jekk saħansitra għandu, jintervjeni u jintroduċi soluzzjonijiet armonizzati adattati għar-realtà soċjo‑ekonomika (7). Tali interventi seħħew matul is-snin (8) u d-Digital Services Act (9) hija eżempju reċenti perfett.

6.        Barra minn hekk, in-natura ekonomika tal-informazzjoni li għandhom jagħtu l-fornituri ta’ servizzi online skont l-obbligi inkwistjoni tista’ tagħti x’tifhem li din hija utli sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-fornituri josservawx l-obbligi fiskali tagħhom. Madankollu, il‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ma huwiex applikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni (10). Mill-perspettiva tad-dritt tal‑Unjoni, il-legalità tal-miżuri esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal‑Artikolu 56 TFUE (11). Madankollu, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il‑Gvern Taljan ma jsostnu li l-obbligi inkwistjoni huma marbuta man‑neċessità li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi fiskali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt tal-Unjoni

1.      IrRegolament 2019/1150

7.        L-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1150, intitolat “Infurzar”, jistipula:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura infurzar adegwat u effettiv ta’ dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistipulaw il‑miżuri applikabbli għall-ksur ta dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-miżuri previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

8.        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Monitoraġġ”, jistipula:

“Il-Kummissjoni [Ewropea], fkooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha timmonitorja mill-qrib l-impatt ta dan ir-Regolament fuq ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom u bejn il-magni tat-tiftix online u l-utenti tas-siti web korporattivi tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-bidliet fdawn ir‑relazzjonijiet, inkluż billi twettaq studji rilevanti. L-Istati Membri għandhom jassistu lill-Kummissjoni billi jipprovdu, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni rilevanti miġbura inkluż dwar każijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni tista għall-finijiet ta dan l-Artikolu u tal‑Artikolu 18, tfittex li tiġbor informazzjoni mingħand il-fornituri tas‑servizzi tal-intermedjazzjoni online.”

2.      IdDirettiva 2015/1535

9.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      ‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

e)      ‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r‑riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

f)      ‘regolament tekniku’, tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir‑regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l‑fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l‑istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

[…]”

10.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil‑pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l‑leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

11.      Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir‑regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

a)      jikkonformaw ma’ atti tal-Unjoni li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi jew ir-regoli dwar servizzi;

[…]”

3.      IdDirettiva 2000/31

12.      Id-Direttiva 2000/31 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(a) tagħha, il‑kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” billi tirreferi għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 (12).

13.      L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi “qasam ikkordinat” bħala “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.”

14.      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suq intern”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit‑territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill‑paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)      il-miżuri għandhom ikunu:

i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad‑dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

[…]

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5.      L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta' urġenza, jidderogaw mill‑kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il‑miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill‑Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6.      Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta’ l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il‑kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta’ Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill‑Istat Membru f’dak il-każ li jibqa’ lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f’dak il-każ.”

4.      IdDirettiva 2006/123

15.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà tal‑provvista ta’ servizzi”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

[…]

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

c)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

b)      obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru […];

[…]”.

B.      Iddritt Taljan

16.      Fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-miżuri intiżi sabiex jimplimentaw ir-Regolament 2019/1150 – jiġifieri, b’mod partikolari, id‑Deċiżjonijiet Nri 14/2021 (13) u 200/2021 (14), u, probabbilment, id‑Deċiżjoni Nru 161/2021 (15) – ġew adottati abbażi tal-Artikolu 1(515) sa (517) tal-legge n. 178 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021-2023 (il-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 – Estimi baġitarji tal-Istat għas-sena finanzjarja 2021 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin mill‑2021 sal‑2023) (16) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 178/2020”), li emendat il-legge n. 249 – “Istituzione dell'Autorita’ per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo” (il-Liġi Nru 249/1997 tal‑31 ta’ Lulju 1997 li tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal‑Komunikazzjonijiet u li twaqqaf Standards dwar is-Sistemi ta’ Telekomunikazzjoni u tar-Radjuteleviżjoni) (17) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 249/1997”), li kienet stabbilixxiet l-AGCOM.

1.      IlLiġi Nru 249/1997 u lemendi tagħha permezz talLiġi Nru 178/2020 kif ukoll idDeċiżjoni Nru 666/2008 u l-emendi tagħha permezz tadDeċiżjoni Nru 200/2021 (18)

17.      L-Artikolu 1(6) tal-Liġi Nru 249/1997 ġie emendat permezz tal‑Artikolu 1(515) tal-Liġi Nru 178/2020, li jistipula:

“Sabiex jippromwovi l-ekwità u t-trasparenza favur utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl‑adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, l-Artikolu 1 tal-Liġi [Nru 249/1997] huwa emendat kif ġej:

a)      fil-paragrafu 6:

[…]

2)      fil-punt (c), […] jiżdied it-[test] segwenti:

“14-a [il-Kunsill tal-AGCOM] għandu jiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti”;

[…]”

18.      Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 178/2020 imponew ċerti obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi online li kienu joffru servizzi fl-Italja, anki jekk ma kinux stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-obbligu li jirreġistraw fir-registro degli operatori di comunicazione (ir-Reġistru tal-Operaturi fil-qasam tal‑Komunikazzjoni, iktar ’il quddiem ir-“ROC”) u, fit-tieni lok, l‑obbligu li jħallsu kontribuzzjoni annwali lill-AGCOM.

19.      Għalhekk, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-obbligu li jirreġistraw fir-ROC, fis‑26 ta’ Novembru 2008, l-AGCOM adottat id-delibera n. 666/08/CONS, Regolamento per l’organizzazione e la tenuta del [ROC] (id-Deċiżjoni Nru 666/08/CONS, Regolament li jirregola l‑organizzazzjoni u t-tmexxija tar-[ROC]) (19) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni Nru 666/2008”). L-Artikolu 2 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/2008 jelenka l-kategoriji ta’ entitajiet li huma obbligati jirreġistraw fir-ROC.

20.      Fis-17 ta’ Ġunju 2021, l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni Nru 200/2021. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-AGCOM emendat l‑Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/2008, billi inkludiet fil-lista ta’ kategoriji ta’ entitajiet obbligati jirreġistraw fir-ROC lill-fornituri ta’ servizzi online, kif iddefiniti mir-Regolament 2019/1150, li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu tali servizzi lill-utenti kummerċjali stabbiliti jew residenti fl-Italja. L-AGCOM emendat ukoll l-Anness B tad-Deċiżjoni Nru 666/2008, billi estendiet għall-fornituri ta’ servizzi online l-obbligu li jipproduċu, meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal reġistrazzjoni fir-ROC, dikjarazzjonijiet fuq l-istruttura soċjali tagħhom u fuq l-attività eżerċitata, kif ukoll l-obbligu li jipproduċu dikjarazzjonijiet annwali sussegwenti.

21.      Id-Deċiżjoni Nru 666/2008 tipprevedi li r-reġistrazzjoni fir-ROC hija suġġetta għal rekwiżiti fil-qasam ta’ proċedura u ta’ komunikazzjoni. Għalhekk, il-fornituri ta’ servizzi online għandhom, b’mod partikolari, jiġbru u mbagħad jibagħtu lill-AGCOM sensiela ta’ informazzjoni fuq l-istruttura soċjali tagħhom, jinnotifikaw lill-AGCOM, f’termini stretti (30 jum), b’kull bidla ta’ kontroll u ta’ proprjetà, jiġifieri kull trasferiment ta’ 10 % jew iktar (jew ta’ 2 % fil-każ ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża) tal-azzjonijiet tagħhom (20), jagħtu lill-AGCOM notifiki annwali u jżommuha informata f’kull ħin dwar kwalunkwe bidla tal-informazzjoni mibgħuta (21). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-opinjoni tagħha, il-kumpanniji rreġistrati fir-ROC huma pprojbiti milli “jiġbru, direttament jew permezz ta’ entitajiet oħra li huma jikkontrollaw jew li magħhom huma marbuta […] dħul ogħla minn 20 % tad-dħul ġenerali ġġenerat fis-sistema integrata ta’ komunikazzjoni” (22).

22.      Il-fornituri ta’ servizzi online li ma jonorawx dawn l-obbligi huma suġġetti għal sanzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tikklassifika bħala “sinjifikattivi”. Għalkemm dik il-qorti ma tagħtix informazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’tali każ, is-sanzjonijiet applikati huma dawk previsti fl-Artikolu 1(29) sa (32) tal-Liġi Nru 249/1997 (23). Dawn is-sanzjonijiet jinkludu multi u, f’ċerti każijiet, is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-fornitur fl-Italja, u saħansitra sanzjonijiet kriminali. L-AGCOM tista’ tordna wkoll ir-reġistrazzjoni ex officio ta’ fornitur fir-ROC.

23.      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-obbligu li tħallas kontribuzzjoni annwali lill-AGCOM, l-Artikolu 1(517) tal-Liġi Nru 178/2020 jipprevedi “sabiex jiġi kopert l-ammont totali tal-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji, ta’ superviżjoni, ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u ta’ sanzjoni mogħtija lill-[AGCOM] mil-liġi fl‑oqsma msemmija fil-paragrafu 515”, iż-żieda, fl-Artikolu 1 tal-[legge n. 266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) (il-Liġi Nru 266 tat‑23 ta’ Diċembru 2005, dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat (il-Liġi tal-Finanzi 2006) (24) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”), tal-paragrafu segwenti: “66a. Fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni, għas-sena 2021, l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas mill-fornituri ta’ servizzi online msemmija fil-punt 5 tal‑Artikolu 1(6)(a) tal-Liġi Nru 249/1997 huwa stabbilit għal 1.5 għal kull elf tad-dħul iġġenerat fit-territorju nazzjonali, anki jekk dan huwa rreġistrat fil-karti tal-bilanċ tal-kumpanniji li għandhom s-sede tagħhom barra mill-pajjiż, u li huma marbuta mal-valur tal-produzzjoni li jidher fil-karta tal-bilanċ tas-sena finanzjarja ta’ qabel, jew, għall-entitajiet li ma humiex obbligati jistabbilixxu din il-karta tal-bilanċ, entrati oħra ta’ kontabbiltà li juru l-valur totali tal-produzzjoni. Għas-snin sussegwenti, eventwali bidliet tal-ammont u tal-modalitajiet tal-kontribuzzjoni jistgħu jiġu adottati mill‑[AGCOM] skont il-paragrafu 65, sa massimu ta’ 2 għal kull elf mid-dħul evalwat skont is-sentenza preċedenti.”

2.      Iddeċiżjoni talPresident talAGCOM Nru 14/2021

24.      Id-Deċiżjoni Nru 14/2021 (25) speċifikat l-ammont u l-modalitajiet tal‑ħlas, mill-fornituri ta’ servizzi online, tal-kontribuzzjoni prevista fl‑Artikolu 1(66a) tal-Liġi Nru 266/2005.

3.      IdDeċiżjoni Nru 397/2013 u lemendi tagħha permezz tadDeċiżjoni Nru 161/2021 

25.      Fil-25 ta’ Ġunju 2013, l-AGCOM adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 397/13/CONS, Informativa economica di sistema (id-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS, Dikjarazzjoni Ekonomika Sistematika) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 397/2013”). L-Artikolu 2(1) ta’ din id‑deċiżjoni jelenka l-kategoriji ta’ persuni li huma obbligati jibagħtu lill‑AGCOM dokument intitolat “Informativa economica di sistema” (Dikjarazzjoni Ekonomika Sistematika) (iktar ’il quddiem l-“IES”).

26.      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/2021 (26), l-AGCOM estendiet għall-fornituri ta’ servizzi online l-obbligu li jibagħtulha l-IES meta joperaw fit-territorju Taljan, filwaqt li invokat il-ħtieġa li “kull sena tinġabar informazzjoni rilevanti u jittieħdu l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-[Regolament 2019/1150]” u l‑“eżerċizzju tal-funzjonijiet mogħtija lill-[AGCOM] permezz tal-[Liġi Nru 178/2020]”.

27.      Skont din id-deċiżjoni, l-IES hija “dikjarazzjoni annwali li l‑operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni għandhom jippreżentaw u li tikkonċerna d-data personali u ekonomika relatata mal-attività eżerċitata mill-entitajiet kkonċernati, intiża sabiex tiġbor l-elementi neċessarji sabiex jitwettqu obbligi legali preċiżi, fosthom il-valorizzazzjoni tas‑sistema integrata ta’ kommunikazzjoni (SIK) u l-verifika tal-limiti ta’ konċentrazzjoni fil-qafas tagħha, l-analiżi tas-suq u ta’ eventwali pożizzjonijiet dominanti jew li fi kwalunkwe każ huma ta’ ħsara għall‑pluraliżmu, ir-rapport annwali u l-investigazzjonijiet, u li tippermetti wkoll l-aġġornament tal-bażi statistika tal-operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni”.

28.      Fil-prattika, l-imsemmija deċiżjoni timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi online l-obbligu li jibagħtu informazzjoni importanti u preċiża relatata mas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Bħala eżempju, l-entitajiet li jagħtu servizzi ta’ intermedjazzjoni fuq sit ta’ bejgħ online għandhom jindikaw id-dħul totali li ġej minn dan is-sit, l-ispejjeż ta’ abbonament u l-ispejjeż fissi (reġistrazzjoni, affiljazzjoni, abbonament, eċċ) minħabba l-użu tal-pjattaforma ta’ bejgħ online minn utenti stabbiliti fl-Italja sabiex joffru prodotti u servizzi lill-konsumaturi, kif ukoll il-kummissjonijiet fissi u varjabbli miġbura fuq il-bejgħ (jew il-parti netta tal-bejgħ) li sar permezz ta’ din il-pjattaforma.

29.      In-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-IES jew il-komunikazzjoni ta’ data ineżatta twassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl‑Artikolu 1(29) u (30) tal-Liġi Nru 249/1997.

III. Ilfatti li minnhom oriġinaw ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

A.      IlKawżi magħquda C662/22 u C667/22

30.      Airbnb Ireland UC (iktar ’il quddiem “Airbnb”), li s-sede tagħha tinsab fl-Irlanda, tiġġestixxi portal telematiku ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli bl-istess isem li jippermetti li tpoġġi f’kuntatt, minn naħa waħda, sidien ta’ akkomodazzjoni u, min-naħa l-oħra, persuni li qed ifittxu akkomodazzjoni, billi tirċievi mill-klijent l-pagament relatat mat‑tqegħid għad-dispożizzjoni tal-akkomodazzjoni qabel il-bidu tal‑kirja u tittrasferixxi dan il-pagament lis-sid wara li tkun bdiet il-kirja, jekk ma jkunx hemm kontestazzjoni min-naħa tal-inkwilin.

31.      Amazon Services Europe Sàrl (iktar ’il quddiem “Amazon”), li s‑sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu, tiġġestixxi pjattaforma online intiża sabiex tpoġġi f’kuntatt bejjiegħa terzi u konsumaturi sabiex bejniethom jitwettqu tranżazzjonijiet għall-bejgħ ta’ prodotti.

32.      L-emendi tal-qafas ġuridiku nazzjonali li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178/2020 u mid-Deċiżjonijiet Nri 200/2021 u 14/2021 kellhom l‑effett li jissuġġettaw lil Airbnb u Amazon, fil-kwalità tagħhom ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, għall-obbligu li jirreġistraw fir-ROC u li jibagħtu, konsegwentement, sensiela ta’ informazzjoni lill-AGCOM, kif ukoll li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja.

33.      Airbnb u Amazon ippreżentaw rikors kull wieħed quddiem it‑Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjonijiet Nri 200/2021 u 14/2021. Dawn il‑kumpanniji jsostnu li l-Liġi Nru 178/2020 u dawn id-deċiżjonijiet huma kuntrarji għar-Regolament 2019/1150 u għad-Direttivi 2000/31, 2006/123 u 2015/1535.

34.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, minn naħa waħda, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1150 jagħti lill-Istati Membri l-funzjoni li jiżguraw l-infurzar “adegwat” u “effettiv” tiegħu. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistipulaw il-miżuri applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Min-naħa l-oħra, l‑Artikolu 16 tal-imsemmi regolament iżid li l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-impatti ta’ dan ir-regolament u tiġbor informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-bidliet fir-relazzjonijiet bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom u bejn il-magni tat-tiftix online u l-utenti tas-siti web korporattivi tagħhom, inkluż billi twettaq studji rilevanti.

35.      Minkejja li, skont il-leġiżlatur nazzjonali, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC jikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tar‑Regolament 2019/1150, il-qorti tar-rinviju tosserva li dan l-obbligu għandu l-għan li jinforma lill-AGCOM, prinċiparjament, fuq l-istruttura tal-proprjetà tal-kumpannija u l-organizzazzjoni amministrattiva tal‑entitajiet li huma suġġetti għaliha, mingħajr ma tagħti l-iċken indikazzjoni dwar l-osservanza tal-obbligi previsti mir‑Regolament 2019/1150 jew dwar it-trasparenza u l-ekwità tar‑relazzjonijiet mal-utenti kummerċjali. B’dan il-mod, il-leġiżlatur nazzjonali introduċa kontroll li huwa totalment differenti u kuntrarju għal dak previst għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament u li ma huwiex adattat għall-għan li għandu jiġi segwit, peress li dan il-kontroll ma huwiex relatat mal-osservanza effettiva mill-fornituri ta’ servizzi online tal‑obbligi previsti mill-imsemmi regolament sabiex jiġu żgurati t‑trasparenza u l-ekwità tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-utenti kummerċjali, iżda ma’ elementi suġġettivi inerenti għal dawn il-fornituri.

36.      Fit-tieni lok, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tqis li d‑dispożizzjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni fir-ROC jintroduċu speċifikament rekwiżit ġenerali għall-provvista ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni u li għalhekk kellhom jiġu kkomunikati lill‑Kummissjoni, skont l-obbligi previsti mid-Direttiva 2015/1535. Min‑naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jidhru li jistgħu jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ fornitur tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, dik il-qorti ma teskludix li dawn il-miżuri kellhom jiġu nnotifikati lill‑Kummissjoni, skont l-obbligu previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31.

37.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmi fl-Artikolu 56 TFUE, kif iddefinit mid‑Direttivi 2000/31 u 2006/123, u tqis li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir‑ROC jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għall‑moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni.

38.      B’mod iktar konkret, dik il-qorti tinnota li, fid-dawl tas‑soluzzjonijiet previsti mid-Direttiva 2000/31 għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC previst mil-Liġi Nru 178/2020 u d-Deċiżjoni Nru 200/2021 u l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jidhru li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni sa fejn huma imposti minn Stat Membru li ma huwiex dak li fih huwa stabbilit il-fornitur.

39.      Barra minn hekk, dik il-qorti tindika, dejjem fil-kuntest tal‑prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li d-Direttiva 2006/123 tistipula, essenzjalment, li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza Schnitzer (27), hija tosserva li l‑impożizzjoni fuq tali fornitur tal-obbligi li jirreġistra fir-ROC u li jħallas kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tikser dan il-prinċipju, sa fejn dawn l‑obbligi jirriżultaw f’oneri finanzjarji u amministrattivi li jistgħu jostakolaw il-funzjonament tas-suq komuni u jittardjaw, jikkumplikaw jew jagħmlu iktar oneruża l-provvista ta’ servizzi fl-Istat Membru ospitanti.

40.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) permezz ta’ digrieti tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 u fil‑21 ta’ Ottubru 2022 rispettivament, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ir-[Regolament 2019/1150] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex tippromwovi l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, timponi fuq [il‑fornituri ta’ servizzi online] obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l‑organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

2)      Id-[Direttiva 2015/1535] tobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-[fornituri ta’ servizzi online] obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t‑trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l‑applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?

3)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 […] jipprekludi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, sabiex jippromwovu l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħar-reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l‑ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

4)      Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl‑Artikolu 56 TFUE u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123[…] jipprekludu l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, sabiex jippromwovu l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħar-reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l‑organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

5)      L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31[…] jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il‑[fornituri ta’ servizzi online] obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l‑organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?”

B.      Il-Kawżi magħquda C-664/22 u C-666/22

41.      Google Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Google”), li s-sede tagħha tinsab fl-Irlanda, toffri servizzi ta’ reklamar online u tiġġestixxi l‑mutur tat-tfittxija bl-istess isem fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha.

42.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2019, l-AGCOM ipproċediet bir-reġistrazzjoni ex officio ta’ Google fir-ROC, minħabba li din l-impriża kienet operatur li jeżerċita l-attività ta’ ġestjoni ta’ reklamar fuq l-internet u li, minkejja li s-sede tagħha kienet barra mill-pajjiż, kienet tirċievi dħul fl-Italja.

43.      Bħala konsegwenza ta’ din ir-reġistrazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2020, l-AGCOM imponiet fuq Google il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ funzjonament tagħha għas‑sena 2020.

44.      Google kkontestat dawn id-deċiżjonijiet tal-AGCOM quddiem it‑Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio).

45.      Wara emendi tal-qafas ġuridiku nazzjonali li rriżultaw mil-Liġi Nru 178/2020 u mid-Deċiżjoni Nru 200/2021, adottati mil-leġiżlatur Taljan u mill-AGCOM, b’mod partikolari sabiex jiżguraw l-osservanza tar-Regolament 2019/1150, Google emendat it-talbiet tagħha sabiex titlob ukoll l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni inkwantu estendiet l‑obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC għall-fornituri ta’ servizzi online.

46.      Eg Vacation Rentals Ireland Limited (iktar ’il quddiem “EGVR”), li s-sede tagħha tinsab fl-Irlanda, tamministra u tiġġestixxi pjattaforma online u diversi mezzi u funzjonijiet disponibbli permezz ta’ din il‑pjattaforma li jippermettu, minn naħa waħda, lis-sidien u lill-operaturi ta’ beni immobbli jippubblikaw reklami dwar proprjetà u, min-naħa l‑oħra, lill-vjaġġaturi jagħżlu dawn il-proprjetajiet u jinteraġġixxu ma’ dawn il‑proprjetarji u dawn l-operaturi sabiex jikru l-proprjetà tagħhom.

47.      L-emendi tal-qafas ġuridiku nazzjonali msemmija fil-punt 45 ta’ dawn il‑konklużjonijiet kellhom l-effett li jissuġġettaw lil EGVR għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC u li tibgħat, konsegwentement, sensiela ta’ informazzjoni lill-AGCOM, kif ukoll li tħallas lil din tal-aħħar kontribuzzjoni finanzjarja. EGVR ippreżentat rikors quddiem it‑Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) għall-annullament tad‑Deċiżjoni Nru 200/2021.

48.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Google u EGVR sostnew li l-Liġi Nru 178/2020 u d-Deċiżjoni Nru 200/2021, inkwantu jimponulhom l‑obbligi inkwistjoni, huma kuntrarji għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għar-Regolament 2019/1150 u għal diversi direttivi.

49.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni, fl-ewwel lok, filwaqt li tinvoka d-Direttivi 2000/31 u 2006/123, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi li dawn id-direttivi huma intiżi sabiex jiżguraw tista’ titpoġġa f’dubju mill-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

50.      Fit-tieni lok, peress li d-dispożizzjonijiet relatati mar‑reġistrazzjoni fir-ROC jintroduċu rekwiżit ġenerali għall-provvista ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni u jidhru li jistgħu jirrestrinġu l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ fornitur tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l-obbligi ta’ notifika previsti mid‑Direttivi 2000/31 u 2015/1535 japplikawx għall-miżuri inkwistjoni fil‑kawżi prinċipali.

51.      Fit-tielet lok, filwaqt li tressaq l-istess argument bħal dak li jinsab fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tosserva li r‑Regolament 2019/1150 jintroduċu sett ta’ regoli sabiex jiġi żgurat ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli għat-tranżazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern. Hija tfakkar li dan ir-regolament jistipula, fl-Artikolu 15 tiegħu, li kull Stat Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva tal-imsemmi regolament u għandu jistabbilixxi l‑miżuri applikabbli għall-ksur tiegħu, liema miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Hija tinnota li, skont il-leġiżlatur nazzjonali, l-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ġġustifikati mill-funzjoni tal-AGCOM, li hija li tistabbilixxi u tiġbor mingħand operaturi tas-settur tas-suq taħt is-sorveljanza tagħha d-data tal‑kontabbiltà u dik li ma hijiex tal-kontabbiltà meqjusa rilevanti għall‑eżerċizzju tal-funzjonijiet istituzzjonali tagħha. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-għan jiġġustifikax ir-reġistrazzjoni fir-ROC kif ukoll l-obbligi u l-projbizzjonijiet li jirriżultaw minnu u jekk l-obbligi u l‑projbizzjonijiet imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio), permezz ta’ digrieti tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikolu 1(515) [sa] (517) tal-[Liġi Nru 178/2020], li jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor, iżda li joperaw fl-Italja, oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru speċifiku u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja? B’mod partikolari, tali dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31[…] li tipprovdi li fornitur ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni […] huwa suġġett esklużivament għal‑leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit?

2)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikolu 1(515) [sa] (517) tal-[Liġi Nru 178/2020], li jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja? B’mod partikolari, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji analogi li jirriżultaw mid-[Direttivi 2006/123 u 2000/31], jipprekludu miżura nazzjonali li, għall-eżerċizzju tal-istess attività, timponi fuq l‑intermedjarji li joperaw fl-Italja, iżda li ma humiex stabbiliti hemmhekk, oneri addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk previsti fil‑pajjiż ta’ oriġini tagħhom?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva [2015/1535] kien jimponi fuq l-Istat Taljan l-obbligu li jikkomunika lill‑Kummissjoni l-introduzzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir‑ROC, impost fuq il-[fornituri ta’ servizzi online]? B’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu, stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex l-Italja, jista’ jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri adottati mill-leġiżlatur Taljan (fl‑Artikolu 1(515) [sa] (517) tal-[Liġi Nru 178/2020], li jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni, meta tali miżuri ma jkunux ġew ikkomunikati konformement ma din id-dispożizzjoni?

4)      Ir-Regolament [2019/1150] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew miżura adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li joperaw fi Stat Membru obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni (ROC), segwit minn sensiela ta’ obbligi formali u proċedurali, obbligi ta’ kontribuzzjoni u projbizzjonijiet li jsiru profitti ogħla minn ċertu ammont?”

C.      IlKawża C663/22

53.      Expedia Inc. hija kumpannija bis-sede tagħha f’Seattle (l-Istati Uniti tal-Amerika) li tiġġestixxi pjattaformi tal-informatika li jippermettu li jingħataw servizzi ta’ reżervazzjoni ta’ akkomodazzjoni u ta’ vjaġġi online.

54.      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/2021, l-AGCOM estendiet għall‑fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online – kategorija li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, mingħajr dubju Expedia taqa’ fiha – l-obbligu li tiġi ikkomunikata lilha l-IES meta huma joperaw fit‑territorju Taljan.

55.      Din id-deċiżjoni ġiet espressament adottata fl-eżerċizzju tal‑funzjoni mogħtija lill-AGCOM fil-punt 14a tal-Artikolu 1(6)(c) tal‑Liġi Nru 249/1997, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150, b’mod partikolari permezz tal-ġbir annwali ta’ informazzjoni rilevanti.

56.      Expedia ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) għall‑annullament tad-Deċiżjoni Nru 161/2021. Din il-kumpannija ssostni li r-Regolament 2019/1150 ma jistipulax li l-implimentazzjoni tiegħu għandha sseħħ permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/2021. Sa fejn dan ir-regolament jintroduċi miżura ta’ armonizzazzjoni ispirata mill‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa ma jippermettix li jiżdiedu r‑rekwiżiti proċedurali imposti fuq l-operaturi, irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti fl-Unjoni jew le.

57.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-obbligu ta’ trażmissjoni tal-IES previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali mar‑Regolament 2019/1150.

58.      Filwaqt li rreferiet għall-Artikoli 15 u 16 tar‑Regolament 2019/1150, dik il-qorti tosserva li l-IES, li ġiet estiża għall-fornituri ta’ servizzi online preċiżament sabiex kull sena tinġabar informazzjoni rilevanti u sabiex jittieħdu l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament, tinvolvi t‑trażmissjoni ta’ informazzjoni li prinċiparjament tirrigwarda d-dħul ta’ dawn il-fornituri. Madankollu, din l-informazzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar l-osservanza tal-obbligi previsti mill-imsemmi regolament u lanqas dwar it-trasparenza u l-ekwità tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri u l-utenti kummerċjali. L-ordinament ġuridiku intern jidher b’hekk qiegħed jintroduċi kontroll totalment differenti u kuntrarju għal dak previst għall‑implimentazzjoni tal-istess regolament u li ma huwiex adattat għall-għan segwit, sa fejn dan il-kontroll ma jirrigwardax l-osservanza effettiva mill-imsemmija fornituri tal-obbligi previsti mir‑Regolament 2019/1150 sabiex ikunu żgurati t-trasparenza u l-ekwità tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-utenti kummerċjali, iżda jirrigwarda s‑sitwazzjoni ekonomika tagħhom.

59.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ir-[Regolament 2019/1150] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew miżura adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti – bħal dawk imsemmija fil-parti ddedikata għall-motivi – li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online stabbiliti barra mill-pajjiż jippreżentaw dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni mhux relatata mal-għanijiet ta[’ dan ir]-regolament?

2)      Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mitluba permezz tat‑trażmissjoni tal-IES (dikjarazzjoni ekonomika sistematika) tista’ titqies li hija rilevanti u utli għall-implimentazzjoni adegwata u effettiva tar-[Regolament 2019/1150]?”

D.      IlKawża C665/22

60.      Amazon tiġġestixxi pjattaforma online intiża sabiex tpoġġi f’kuntatt bejjiegħa terzi u konsumaturi bil-għan li tippermetti t-twettiq ta’ tranżazzjonijiet bejniethom li jwasslu għall-bejgħ ta’ prodotti.

61.      L-emendi tal-qafas ġuridiku nazzjonali li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178/2020 u mid-Deċiżjoni Nru 161/2021, adottati mil-leġiżlatur Taljan u mill-AGCOM, rispettivament, b’mod partikolari sabiex jiżguraw l-osservanza tar-Regolament 2019/1150, kellhom l-effett li jissuġġettaw lil Amazon, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, għall-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM.

62.      Amazon ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) sabiex titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 161/2021. Quddiem il-qorti tar-rinviju, Amazon sostniet li d-Deċiżjoni Nru 161/2021, inkwantu timponilha l-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM, tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Regolament 2019/1150 u diversi direttivi.

63.      Ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22 jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 161/2021. Hemm lok li jiġi rrilevat li, differenti mir‑rikorrenti fl-ewwel kawża, dik tat-tieni kawża hija stabbilita fi Stat Membru u ssostni li din id-deċiżjoni tmur kontra mhux biss ir‑Regolament 2019/1150, iżda wkoll il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u diversi direttivi.

64.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna r‑Regolament 2019/1150 u l-interpretazzjoni tiegħu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji li jixbhu lil dawk imqajma fil-Kawża C‑663/22 (28).

65.      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, dik il-qorti tqis li l-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM previst mid-Deċiżjoni Nru 161/2021 jista’ jikkostitwixxi, fid-dawl tad-Direttiva 2000/31, restrizzjoni li tmur kontra dan il-prinċipju. Hija żżid li l-kundizzjonijiet, stipulati l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, li jippermettu lill-Istat Membru jintroduċi limitazzjonijiet, inklużi fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jidhrux li huma ssodisfatti. B’hekk, fl-opinjoni tagħha, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tal-IES lill-AGCOM kienet prevista fil‑qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 u, għalhekk, sabiex jiġu protetti b’mod indirett il-konsumaturi, it-talba għal informazzjoni relatata mad-dħul hija kompletament sporporzjonata meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq, sa fejn din l-informazzjoni ma tikkonċernax l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament u lanqas l-osservanza tal-obbligi li huma stipulati fih.

66.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-imsemmi prinċipju, il-qorti tar‑rinviju ssostni li, irrispettivament mill-applikabbiltà tad‑Direttiva 2000/31, id-Direttiva 2006/123, b’mod iktar ġenerali, tistipula, fl-Artikolu 16(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih huma stabbiliti u ma jistgħux jagħmlu l-aċċess għal attività ta’ servizz, jew l-eżerċizzju tagħha, fit-territorju tagħhom suġġett għal konformità ma’ rekwiżiti li ma josservawx il-prinċipji stipulati f’din id‑dispożizzjoni.

67.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa waħda, li, fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri previsti mid-Direttiva 2015/1535, id‑dispożizzjonijiet relatati mat-trażmissjoni tal-IES jintroduċu rekwiżit ġenerali għall-provvista ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni u għalhekk kellhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Hija ssostni li d‑Deċiżjoni Nru 161/2021 hija intiża prinċiparjament sabiex tirregola s‑servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-muturi tat-tfittxija online. Min-naħa l‑oħra, dik il-qorti tirrileva li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad‑Direttiva 2000/31 jistipula li l-intenzjoni li jittieħdu miżuri li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill‑Istat Membru fejn l-impriża hija stabbilita.

68.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio), permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ir-Regolament [2019/1150] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, bil-għan speċifiku li tiġi ggarantita l-implimentazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan l-istess regolament, b’mod partikolari bil-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, timponi fuq [fornituri ta’ servizzi online] obbligu li jittrażmettu perjodikament informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom?

2)      Skont ir-Regolament [2019/1150], l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f[l-IES], li tirrigwarda prinċipalment d-dħul magħmul, tista’ titqies li hija rilevanti u utli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament?

3)      Id-Direttiva [2015/1535] tobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-[fornituri ta’ servizzi online] obbligu li jittrażmettu perjodikament informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl‑applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l‑applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?

4)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2000/31] jipprekludi l-adozzjoni mill‑awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament [2019/1150], jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor, iżda li joperaw fl-Italja, oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji?

5.      Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/123] u d-Direttiva 2000/31/KE jipprekludu l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament [2019/1150] jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji?

6)      L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva [2000/31] jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il‑[fornituri ta’ servizzi online] obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?”

IV.    Ilproċeduri quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

69.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawżi kollha mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, mill-Gvern Taljan, dak Ċek u dak Irlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni. Ma saritx seduta f’dawn il-kawżi.

70.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Diċembru 2022, il-Kawżi C‑662/22 u C‑667/22, minn naħa waħda, u l‑Kawżi C‑664/22 u C‑666/22, min-naħa l-oħra, ġew magħquda għall‑finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas‑sentenza. Il-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22 ma kinux suġġetti għal deċiżjoni simili.

71.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-punti komuni li jeżistu bejn dawn il-kawżi, deher opportun li jiġu ppreżentati konklużjonijiet komuni għas-suġġett tagħhom.

V.      Analiżi

72.      Dawn il-kawżi joriġinaw mit-talbiet għall-annullament, ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, ta’ miżuri nazzjonali li jimponulhom ċerti obbligi. Essenzjalment, l-obbligi inkwistjoni fil‑Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 u fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22 jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni fir-ROC, li tinvolvi t‑trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq l-istruttura tal-fornituri kkonċernati (29) u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni annwali lill-AGCOM, filwaqt li dawk inkwistjoni fil-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22 jirrigwardaw il‑komunikazzjoni tal-IES. Dawn l-obbligi huma imposti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali li, għallinqas parzjalment, hija rilevanti għal dawn il-kawżi kollha (30).

73.      Barra minn hekk, il-parti l-kbira tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi jista’ jiġu mqassra, essenzjalment, fi tliet domandi interdipendenti.

74.      L-ewwel waħda hija dwar jekk ir-Regolament 2019/1150 jipprekludix miżuri nazzjonali li permezz tagħhom il-leġiżlatur ta’ Stat Membru jimponi, bil-għan iddikjarat li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, ċerti obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi online (Titolu B).

75.      It-tieni waħda hija dwar jekk, fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stipulat fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll tad‑Direttivi 2000/31 u 2006/123, l-obbligi inkwistjoni f’dawn il-kawżi kollha jistgħux jiġu imposti fuq fornitur ta’ servizzi online stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex dak li ppreveda dawn l-obbligi (Titolu C).

76.      It-tielet waħda hija dik dwar jekk miżuri nazzjonali li jintroduċu l‑obbligi inkwistjoni kellhomx jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, skont l‑obbligi stipulati mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535 (Titolu D).

77.      Nippreċiża li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑663/22 tikkonċerna biss l-ewwel waħda minn dawn it-tliet domandi. Fil-fatt, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża ma hijiex stabbilita fi Stat Membru u naħseb li din hija r-raġuni li għaliha d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss ir-Regolament 2019/1150. Fil‑fatt, il-mekkaniżmi tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttivi 2000/31 u 2006/123 relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma humiex applikabbli għall-fornituri stabbiliti fi Stat terz li ma huwiex fl-Unjoni (31). Il-qorti tar-rinviju lanqas tqajjem domanda dwar id-Direttiva 2015/1535.

78.      Qabel ma jiġu analizzati dawn it-tliet domandi, għandha tiġi diskussa l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari fil-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22 (Titolu A).

A.      Fuq lammissibbiltà

1.      FilKawża C663/22

79.      Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari fil-Kawża C‑663/22. Fil-fatt, skont dan il-Gvern, iż-żewġ domandi magħmula huma kontradittorji inkwantu l-qorti tar-rinviju, minn naħa waħda, tiddikjara, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għal dan, li l‑obbligu ta’ trażmissjoni tal-IES lill-AGCOM ma huwiex relatat mal‑implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 u min-naħa l-oħra, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rilevanza u l-utilità tal‑informazzjoni li għandha tingħata fl-IES fid-dawl tal-għan ta’ dan ir‑regolament, li jimplika li għandhom isiru evalwazzjonijiet fattwali, li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda f’dik tal-qorti tar-rinviju.

80.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan fis-sens li l-kontradizzjoni li jqajjem tirriżulta mill-fatt li l-qorti tar-rinviju, minn naħa waħda, tindika li l-informazzjoni li tinsab fl-IES hija “mhux relatata mal-għanijiet tar-Regolament 2019/1150” (l-ewwel domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, tistaqsi jekk din l‑informazzjoni tistax tkun rilevanti u utli għall-implimentazzjoni “adegwata u effettiva” ta’ dan ir-regolament (it-tieni domanda preliminari), u dan il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxih abbażi tal-evalwazzjonijiet fattwali tagħha.

81.      Ċertament, it-tieni domanda preliminari tista’ tinqara fis-sens li, biha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, irrispettivament mir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, id-Deċiżjoni Nru 161/2021 taqax taħt il-kompetenzi tal-AGCOM. Fil-fatt, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi Nru 178/2020 tagħti lill-AGCOM b’mod esklużiv il-funzjoni li tiżgura limplimentazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150. Madankollu, l-istess terminoloġija hija użata fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir‑regolament, imsemmi fl-ewwel domanda, li jistipula li kull Stat Membru għandu jiżgura infurzar adegwat u effettiv tal-imsemmi regolament. Anki jekk l-kontradizzjoni inkwistjoni teżisti, jista’ jiġi argumentat li din toriġina mid-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni korretta tal-istess regolament.

82.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li ż-żewġ domandi preliminari jiġu analizzat flimkien mill-perspettiva rilevanti waħda tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri minn dik tar-Regolament 2019/1150, billi jiġi eżaminat jekk dan ir-regolament jipprekludix miżuri bħal dawk li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178/2020. F’dan il-każ, il-kontradizzjoni mqajma mill-Gvern Taljan ma tqumx u, fi kwalunkwe każ, ma tkunx tista’ twassal għall‑inammissibbiltà tad-domandi preliminari.

83.      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-Gvern Taljan li l-formulazzjoni tad-domandi preliminari tistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja tagħmel evalwazzjonijiet fattwali, hemm lok li jiġi osservat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta r-regoli tad-dritt intern ta’ Stat Membru, hija tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju l-kjarifiki meħtieġa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jipprekludu tali regoli.

2.      FilKawża C665/22

84.      Il-Gvern Taljan isostni li t-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑665/22 hija inammissibbli għaliex, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-utilità tal-obbligi inkwistjoni għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament 2019/1150. Skont dan il-Gvern, dan l-eżerċizzju ta’ interpretazzjoni, peress li jimplika konstatazzjonijiet ta’ fatt, jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li bl-ebda mod ma tispjega għaliex it-talba għal informazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux rilevanti u mhux utli.

85.      F’dan ir-rigward, ċertament għandu jiġi osservat li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma tistax tinterpreta r-regoli tad-dritt intern ta’ Stat Membru. Madankollu, kif fakkart fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju l-kjarifiki mitluba fir-rigward tad‑dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jipprekludu dawn ir-regoli.

86.      Minn dan isegwi li d-domandi preliminari fil-Kawża C‑663/22 u t-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑665/22 huma ammissibbli.

B.      Fuq irRegolament 2019/1150

87.      Diversi domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi jirrigwardaw ir-Regolament 2019/1150 (32).

88.      Minkejja li ma humiex ifformulati b’mod identiku u ma jirrigwardawx l-istess miżuri nazzjonali, id-domandi kkonċernati jirrigwardaw il-punt dwar jekk, essenzjalment, ir-Regolament 2019/1150 jipprekludix miżuri nazzjonali adottati bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament.

89.      B’mod iktar konkret, l-obbligi inkwistjoni fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 u fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, jiġifieri dawk relatati mar-reġistrazzjoni fir-ROC u mal-ħlas ta’ kontribuzzjoni annwali lill-AGCOM, ġew estiżi għall-fornituri ta’ servizzi online minħabba l-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150, “sabiex tippromwovi l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online” (33). Bl-istess mod, l-obbligu inkwistjoni fil-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22, jiġifieri dak li jiġi trażmess l-IES lill-AGCOM (lill-awtoritajiet Taljani), ġie impost fuq il-fornituri ta’ servizzi online bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 (34).

90.      Huwa veru, fid-dawl tad-domandi l-oħra magħmula lill-Qorti tal‑Ġustizzja f’dawn il-kawżi, li huwa opportun li jiġi mistoqsi qabel xejn jekk id-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġi implimentat ir‑Regolament 2019/1150 jiħdux preċedenza fuq il-mekkaniżmi użati mid-Direttivi 2000/31 u 2006/123 f’dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll fuq dawk użati minn din l-ewwel direttiva u mid-Direttiva 2015/1535 f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ notifika previsti minn dawn id-direttivi. Fil-fatt, dawn it-tliet direttivi jistgħu jipprekludu Stat Membru milli jimponi r-regoli tiegħu stess fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, għalkemm, minn naħa waħda, il‑miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-imsemmija direttivi u din tipprekludi lil Stat Membru milli jimponi dawn il-miżuri fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru u għalkemm, min-naħa l-oħra, l-istess direttivi ma jistipulawx eċċezzjoni għar-Regolament 2019/1150 u għall-miżuri nazzjonali li jimplimentawh, ftit huwa rilevanti jekk l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirriżultawx jew le minn miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir‑regolament.

91.      Madankollu, id-Direttivi 2000/31 u 2006/123 ma jidhrux li huma applikabbli fil-Kawża C‑663/22 (35), b’tali mod li l-qorti tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, għandha tapplika biss ir‑Regolament 2019/1150. Fil-fatt, dan ir-regolament japplika wkoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online stabbiliti fi Stat terz, sakemm l-utenti professjonali tagħhom ikunu stabbiliti fl‑Unjoni u joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom għal konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni (36).

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kawżi ħlief il-Kawża C‑663/22, il-kwistjoni hija qabel xejn dwar jekk l‑istrumenti tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal, b’mod partikolari, id-Direttiva 2000/31, jew dawk relatati mal-obbligu ta’ notifika, bħal, b’mod partikolari, id‑Direttiva 2015/1535, jipprekludux Stat Membru milli jimponi obbligi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. It-tieni nett, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandha tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk dawn id-direttivi jistipulawx trattament differenti għall-miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150. Jekk din l-aħħar domanda tingħata risposta fin-negattiv, ma jibqax lok li jiġi mistoqsi jekk l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi kollha jirriżultawx mill‑miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Ser nanalizza dawn id-domandi fil-partijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet iddedikati, rispettivament, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (titolu C) u għall-obbligi ta’ notifika (titolu D).

93.      F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑663/22, il‑kwistjoni hija dik dwar jekk ir-Regolament 2019/1150 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 15 u 16 tiegħu għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il‑fornituri ta’ servizzi online l-obbligu li jippreżentaw perijodikament dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u li tistipula l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas. Din l-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet (titolu B) hija ddedikata għal din id-domanda.

1.      Limplimentazzjoni ta’ regolament

94.      Hemm lok li jitfakkar li regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’tali mod li d‑dispożizzjonijiet tiegħu, bħala regola, ma jeħtieġu ebda miżura ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri. Madankollu, uħud mid‑dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ tali miżuri (37). Stat Membru jista’ għalhekk jadotta miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni ta’ regolament anki jekk dan ma jawtorizzahomx espressament (38).

95.      Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux l-obbligu jew jippermettux lill‑Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari, f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil‑kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lil kull Stat Membru (39).

96.      Permezz tal-miżuri ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jostakolaw l-applikabbiltà diretta ta’ regolament, jaħbu n-natura tiegħu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jew jaqbżu l-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (40). Meta l-implimentazzjoni ta’ regolament taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali, l-użu tar-regoli nazzjonali huwa possibbli biss sa fejn huwa neċessarju għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament u sakemm dan la jippreġudika l-portata tiegħu u lanqas l-effikaċja tiegħu (41).

97.      Meta ssir tali implimentazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (42), bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, dan il‑prinċipju, li huwa impost b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji tal-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal‑Unjoni, jirrikjedi li l-mezzi użati minn dispożizzjoni għandhom ikunu adattati sabiex jintlaħaq l-għan previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.

98.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat l-għan tar-Regolament 2019/1150 u jiġu identifikati d‑dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu għall-implimentazzjoni tiegħu mill‑Istati Membri u, fuq din il-bażi, fit-tieni lok, li l-qorti tar-rinviju tingħata indikazzjonijiet iktar speċifiċi li jippermettulha tivverifika jekk il-miżuri li permezz tagħhom il-leġiżlatur nazzjonali impona l-obbligi inkwistjoni jikkostitwixxux effettivament miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u humiex adattati u neċessarji għall-għan li għandu jintlaħaq.

2.      IrRegolament 2019/1150 u lgħan tiegħu

99.      L-għan tar-Regolament 2019/1150 huwa li jikkontribwixxi għall‑funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiġi stabbilit ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli għall-attività ekonomika online fi ħdan is-suq intern (43). Għal dan il-għan, dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn, minn naħa waħda, il-fornituri ta’ servizzi online u, min-naħa l-oħra, l-utenti kummerċjali ta’ dawn is‑servizzi u l-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi fir-rigward tal-magni tat‑tiftix online, sabiex l-imsemmija servizzi jiġu pprovduti b’mod trasparenti u ġust u sabiex tali utenti professjonali ikun jista’ jkollhom fiduċja fl‑istess servizzi (44).

100. B’mod iżjed konkret, ir-Regolament 2019/1150 jistabbilixxi obbligi speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-kundizzjonijiet ġenerali u l‑emendi tagħhom (l-Artikolu 3), ir-restrizzjoni, is-sospensjoni u t‑terminazzjoni ta’ servizz (l-Artikolu 4), it-trasparenza tal‑klassifikazzjonijiet (l-Artikolu 5), il-prodotti u servizzi anċillari (l‑Artikolu 6), it-trattament differenzjat (l-Artikolu 7), il-klawżoli kuntrattwali speċifiċi abbużivi (l-Artikolu 8), l-aċċess għad-data (l‑Artikolu 9) u l-ilmenti u l-medjazzjoni (l-Artikoli 11 sa 14).

101. Il-maġġoranza ta’ dawn l-obbligi jikkonċernaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni. Il-fornituri ta’ muturi tat-tfittxija online huma kkonċernati biss bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/1150 relatati mal-klassifikazzjoni (l-Artikolu 5), mat-trattament differenzjat (l‑Artikolu 7) u mal-proċeduri ġudizzjarji relatati mal-azzjonijiet li jirrigwardaw nuqqasijiet tar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament (l-Artikolu 14).

102. F’dan ir-rigward, skont l-informazzjoni li tinsab fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, hija biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑664/22, jiġifieri Google, li tidher li taqa’ fil-kategorija ta’ fornituri ta’ muturi tat-tfittxija online. Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tagħti importanza partikolari għad-distinzjoni li jagħmel ir‑Regolament 2019/1150 bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-fornituri ta’ muturi tat-tfittxija online. Dan jista’ jiġi spjegat bil-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tidher li timponi obbligi identiċi, jew għallinqas analogi, lil dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri. Iktar importanti minn hekk, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-kwistjonijiet legali mqajma mill-interazzjonijiet bejn din il‑leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni huma fi kwalunkwe każ identiċi.

103. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/1150 rilevanti għall-infurzar tiegħu mill-Istati Membri, il-qorti tar‑rinviju korrettament tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall‑Artikoli 15 u 16 tiegħu.

104. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150, intitolat “Monitoraġġ” (“Überwachung” fil-lingwa Ġermaniża, “Monitoring” fil-lingwa Ingliża, “Monitoraggio” fil-lingwa Taljana u “Monitorowanie” fil-lingwa Pollakka), moqri flimkien mal-Artikolu 18 tiegħu, jaqsam ir-rwoli bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sorveljanza tal-impatti ta’ dan ir-regolament u r-rieżami tiegħu.

105. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija għandha dmirijiet ta’ monitoraġġ u rieżami. Fil-fatt, din l-istituzzjoni, f’kollaborazzjoni mill‑qrib mal-Istati Membri, għandha timmonitorja mill-qrib l-impatt tar‑Regolament 2019/1150 fuq ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom u bejn il-muturi tat-tfittxija online u l-utenti ta’ siti internet korporattivi tagħhom (45). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid perijodikament dan ir-regolament u timmonitorja mill-qrib l-impatt tiegħu fuq l‑ekonomija tal-pjattaformi online (46).

106. B’mod iktar konkret, il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni rilevanti sabiex timmonitorja l-bidliet f’dawn ir-relazzjonijiet (47). Din l‑istituzzjoni tista’ tfittex li tiġbor tali informazzjoni kif ukoll dik meħtieġa sabiex twettaq rieżami tar-Regolament 2019/1150 mingħand fornituri ta’ servizzi online (48).

107. Fir-rigward tal-Istati Membri, ir-rwol tagħhom jikkonsisti f’li “jassistu lill-Kummissjoni [fid-dmirijiet ta’ monitoraġġ tagħha] billi jipprovdu, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni rilevanti miġbura inkluż dwar każijiet speċifiċi” (49). Ir-rwol tal-Istati Membri hekk iddefinit huwa rifless fit-tieni sentenza tal-premessa 47 tar-Regolament 2019/1150, li tistipula li “[l]Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jkollhom f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni”. Terminoloġija simili hija użata fl-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, li jistipula li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kull informazzjoni rilevanti “li jkollhom” li l-Kummissjoni tista’ titlob għall-finijiet tad-dmir ta’ rieżami tagħha.

108. Fit-tieni lok, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1150, intitolat “Infurzar” (“Durchsetzung” fil-lingwa Ġermaniża, “Enforcement” fil-lingwa Ingliża, “Applicazione” fil-lingwa Taljana u “Egzekwowanie” fil‑lingwa Pollakka), moqri fid-dawl tal-premessa 46 tiegħu (50), jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw ir-regoli li jistabbilixxu l-miżuri (effettivi, proporzjonati u dissważivi) applikabbli għall-ksur tal-imsemmi regolament u jiżguraw l‑infurzar tiegħu. B’hekk, id-dmir ta’ monitoraġġ u rieżami tar‑Regolament 2019/1150 huwa prinċiparjament mogħti lill‑Kummissjoni, u dak li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament huwa mogħti lill-Istati Membri.

109. B’dan il-mod, l-Istati Membri, minn naħa waħda, għandhom “l‑opzjoni li jinkarigaw l-awtoritajiet eżistenti, ikluż il-qrati, bl-infurzar tar-[Regolament 2019/1150]” u, min-naħa l-oħra, ma humiex obbligati jipprevedu “infurzar ex officio jew li jimponu multi” (51).

110. Irrispettivament mid-drittijiet tal-utenti kummerċjali u tal-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi li jibdew kwalunkwe azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, skont ir-regoli tad-dritt tal-Istat Membru, bil-għan li jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar‑Regolament 2019/1150 (52), sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-regolament, l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti kummerċjali u l-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi, kif ukoll, eventwalment, ċerti korpi pubbliċi stabbiliti fl-Istati Membri (53), għandu jkollhom il-possibbiltà li jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, skont id-dritt nazzjonali, sabiex jitterminaw jew jipprojbixxu ksur tar-regoli tal-imsemmi regolament (54). Kull Stat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni relatata ma’ dawn il-korpi u jibgħatha lill-Kummissjoni (55).

111. Sabiex isaħħu l-effikaċja tal-mekkaniżmi stabbiliti, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korpi pubbliċi kompetenti jew lill-awtoritajiet kompetenti l-funzjoni li joħolqu reġistri ta’ atti illegali li kienu s-suġġett ta’ ordnijiet ta’ inġunzjoni quddiem il-qrati nazzjonali (56).

112. Minn dan isegwi li r-Regolament 2019/1150 ma jippreġudikax kategorikament il-mekkaniżmu li permezz tiegħu għandha tiġi żgurata l‑implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri, li jistgħu jagħżlu l‑mekkaniżmu ta’ infurzar mis-settur privat (private enforcement) (57) u jissupplimentawh b’dak bbażat fuq l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement).

3.      Il-ġbir ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni tarRegolament 2019/1150

113. Bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ att tad‑dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament 2019/1150, Stat Membru jista’ jiġbor biss informazzjoni dwar l-obbligi imposti fuqu minn dan ir‑regolament u l-għanijiet tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 96 u 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament li l‑implimentazzjoni tiegħu taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru għandhom ikunu xierqa (adegwati) u neċessarji (ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju) sabiex jintlaħaq l-għan indikat mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

114. Ir-Regolament 2019/1150, fl-Artikoli 16 u 18 tiegħu, isemmi li l‑Istati Membri jista’ “ikollhom” ċertu informazzjoni rilevanti għall‑monitoraġġ tal-impatti ta’ dan ir-regolament u r-rieżami tiegħu. Madankollu, Stat Membru ma għandux jiġbor informazzjoni magħżula b’mod arbitrarju għaliex din tista’ tintalab sussegwentement mill‑Kummissjoni fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ monitoraġġ u rieżami tagħha. Fil-fatt, il-ġbir ta’ informazzjoni fuq tali bażi jippermetti lil Stat Membru jevita r-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament ma jimponix obbligu attiv fuq l-Istati Membri li jiġbru l-informazzjoni li l-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha. Tali informazzjoni tiġi ppreżentata biss “fuq talba” ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tfittex li tiġbor informazzjoni mingħand fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online.

115. Min-naħa l-oħra, Stat Membru jista’ jkollu ċerta informazzjoni miġbura fil-qafas tal-eżerċizzju tal-obbligu tiegħu ta’ infurzar tar‑Regolament 2019/1150.

116. Fil-fatt, jekk, sabiex jissodisfa l-obbligu impost fuqu permezz tal‑Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1150, Stat Membru għażel ukoll mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament mis-settur pubbliku, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jagħti lill-awtorità inkarigata minn din il-funzjoni l-informazzjoni li tippermettilha tipprevjeni jew tissanzjona l-ksur tal-obbligi li l-imsemmi regolament jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi online jew, għallinqas, li tidentifika tali ksur u, eventwalment, tirreġistrah.

117. Bħala estensjoni ta’ dan l-argument, sa fejn kull Stat Membru huwa obbligat li jipprevedi mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni adegwat u effettiv tar-Regolament 2019/1150 (mis-settur privat jew ukoll mis-settur pubbliku), u, jekk ikun il-każ, li jibdel jew jirranġa l-mekkaniżmu eżistenti, fid-dawl tal-bidla tas-sitwazzjoni fis-suq, kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jiġbor l-informazzjoni neċessarja għal dan l-għan mingħand operaturi ekonomiċi attivi fit-territorju tiegħu.

118. Bħala eżempju, fiż-żewġ eżempji msemmija fil-punti 116 u 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali informazzjoni tista’ tirrigwarda l‑kundizzjonijiet li bihom l-atturi ekonomiċi jagħtu s-servizzi tagħhom (rilevanti sabiex jiġu identifikati u, jekk ikun il-każ, isiru proċeduri minħabba ksur tar-Regolament 2019/1150 u jiġi evalwat il-kobor tar‑riskju assoċjat ma’ dan il-ksur) u d-daqs tas-suq u n-numru ta’ atturi ekonomiċi li huma attivi fih (b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti r‑riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament). Barra minn hekk, il-ġbir sistematiku ta’ tali informazzjoni jippermetti li jiġu mmonitorjati ċerti tendenzi kif ukoll, minn naħa waħda, li jiġi deċiż kif għandhom jinbidlu l-mekkaniżmi eżistenti fid-dritt nazzjonali sabiex tkun żgurata l-effikaċja tar‑Regolament 2019/1150 u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi sostnuta fid-dmirijiet ta’ monitoraġġ u rieżami tagħha.

4.      Evalwazzjoni

119. F’dan il-każ, l-informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi online għandhom jagħtu fl-IES tikkonċerna essenzjalment is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom.

120. F’dan ir-rigward, fil-Kawża C‑663/22, il-Gvern Taljan isostni, fl‑ewwel lok, li l-informazzjoni li tinsab fl-IES hija “bla dubju utli għall‑funzjonijiet ta’ sorveljanza attiva [u] preventiva fir-rigward ta’ eventwali distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni, li ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħajr konoxxenza kompleta u speċifika tal-entitajiet kollha li jeżerċitaw l-attività”. Dan il-Gvern jindika, fit-tieni lok, li din l‑informazzjoni sservi sabiex jinftiehem globalment il-valur tas-suq Taljan, sabiex jiġi stabbilit id-daqs ta’ kull operatur f’dan is-suq u sabiex tinftiehem id-dinamika ekonomika tiegħu kif ukoll sabiex tiġi vverifikata l-veraċità u l-eżawriment tad-data mogħtija (58).

121. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kif semmejt fil-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Stat Membru jista’ jkollu interess li jistabbilixxi d‑daqs tas-suq tas-servizzi online. Madankollu, il-valur tas-suq u d-daqs tal‑operaturi f’dan is-suq ma jikkostitwixxux data li tista’ tiġi sfruttata faċilment sabiex tinkiseb informazzjoni rilevanti sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament 2019/1150, jiġifieri sabiex ikun stabbilit ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli għall-attività ekonomika online fi ħdan is-suq intern. Fi kwalunkwe każ, l-identifikazzjoni ta’ eventwali “distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni”, li għaliha jirreferi l-Gvern Taljan, ma tidhirx li taqa’ fl-għan ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal‑kompetizzjoni (59).

122. Fit-tieni lok, l-informazzjoni mitluba mill-fornituri ta’ servizzi online abbażi tar-Regolament 2019/1150 hija rilevanti pjuttost għall-utenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tas-servizz ipprovdut. Għall-kuntrarju, dawn il-fornituri bl-ebda mod ma huma obbligati jinfurmaw lill-utenti dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, b’tali mod li, mill-perspettiva ta’ dan ir-regolament, il-kwistjoni dwar il‑veraċità ta’ tali informazzjoni ma tqumx.

123. Fit-tielet lok, irrid nammetti li għandi diffikultà nara r-rabta, bejn, minn naħa waħda, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ fornitur ta’ servizzi online u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ provvista tas-servizzi tiegħu lill‑utenti kummerċjali. Jekk tali rabta teżisti, tista’ tkun biss indiretta. Fil-fatt, minn naħa waħda, il-Gvern Taljan stess iqis li l-għan tar‑Regolament 2019/1150 huwa li tiġi rrikonoxxuta u evalwata n-natura ġusta tal-kundizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti mill-pjattaformi lill-utenti kummerċjali fi ħdan l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx ċar kif informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi dedotta minn informazzjoni dwar is‑sitwazzjoni ekonomika ta’ fornitur ta’ servizzi online.

124. Għalhekk, mingħajr il-ħtieġa li niddeċiedi dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inqis li r-Regolament 2019/1150 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-Kawża C‑663/22. Dawn il-miżuri nazzjonali ma jikkostitwixxux miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Effettivament, kif jirriżulta mid-domandi preliminari f’din il-kawża, l‑għan tal-imsemmija miżuri huwa differenti minn dak tal-imsemmi regolament, b’tali mod li ma għandux jiġi kkunsidrat li dawn jaqgħu fil-limiti li fihom Stat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ applikazzjoni tiegħu.

125. Nipproponi għalhekk li r-risposta għad-domandi preliminari fil-Kawża C‑663/22, irriformulati fil-punt 93 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, għandha tkun fis-sens li r-Regolament 2019/1150 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 15 u 16 tiegħu, għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi online obbligu li jippreżentaw perijodikament dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni dwar is‑sitwazzjoni ekonomika tagħhom u li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu. Sa fejn tali leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dan ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

5.      Osservazzjonijiet addizzjonali

126. Ir-risposta li għadni kemm ipproponejt ma tfissirx li r‑Regolament 2019/1150 jipprekludi l-miżuri nazzjonali kkonċernati. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi mill‑fatt li, minn naħa waħda, il-Liġi Nru 178/2020 tat lill-AGCOM id‑dmir li “[t]iżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta[’ dan i]r‑Regolament, b’mod partikolari b[i]l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti” u li, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 161/2021, huwa fuq din il-bażi li l-AGCOM estendiet għall-fornituri ta’ servizzi online l-obbligu li jibagħtulha l-IES.

127. Min-naħa l-oħra, jekk, fid-dawl tal-kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħmel fis-sentenza li ser tagħti, il-qorti tar-rinviju tasal għall‑konklużjoni li hemm rabta bejn l-għan tar-Regolament 2019/1150 u l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, hija jkollha tivverifika jekk dawn humiex adegwati u neċessarji.

128. Personalment, ma naħsibx li dan huwa l-każ. Fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 121 sa 123 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jista’ jkun hemm dubji dwar in-natura adegwata tal‑informazzjoni li għandha tingħata mill-fornituri ta’ servizzi online dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, hemm informazzjoni oħra li l-ġbir tagħha huwa inqas vinkolanti għall-operaturi tas-suq u li tkun tippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

C.      Fuq illibertà li jiġu pprovduti servizzi firrigward talArtikolu 56 TFUE u tadDirettivi 2000/31 u 2006/123

129. Diversi domandi preliminari jirrigwardaw il-punt dwar jekk l‑obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jostakolawx il-prinċipju tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn id-domandi preliminari jsemmu l-Artikolu 56 TFUE (60) u d-Direttivi 2000/31 u 2006/123 (61).

130. L-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma, minn naħa waħda, ir-reġistrazzjoni fir-ROC, li timplika t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq l-organizzazzjoni tal-fornitur u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza u, min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni tal-IES, obbligi li l-ksur tagħhom iwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji.

131. Madankollu, mill-perspettiva tal-mekkaniżmi previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawn l‑obbligi għandhom jiġu analizzati b’mod indipendenti (62). F’dan il-każ, l‑analiżi għandha tirrigwarda l-obbligi ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni fuq l-istruttura tal-fornitur ta’ servizzi online, ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fil-forma tal-IES u tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja.

132. Il-kwistjoni li tqum preliminarjament hija dik dwar jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tad‑Direttiva 2000/31, fid-dawl tad-Direttiva 2006/123 jew fid-dawl tat‑tnejn. Sabiex nirrispondi għal din il-mistoqsija, għandu qabelxejn jiġi vverifikat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħux fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn id-direttivi.

1.      Fuq idDirettiva 2000/31

a)      Rimarki preliminari dwar id-domandi preliminari li jirrigwardaw illibertà li jiġu pprovduti servizzi

133. Il-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni” jikkostitwixxi kunċett ċentrali tad-Direttiva 2000/31, anki jekk ma tagħtix definizzjoni tiegħu. Fil-fatt, din id-direttiva tirreferi għad‑definizzjoni mogħtija mid-Direttiva 2015/1535.

134. F’dan ir-rigward, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar‑rinviju, il-klassifikazzjoni tas-servizzi ipprovduti mir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali bħala “servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni” hija evidenti (63) jew, għallinqas, jidher li ma hijiex ikkontestata fil-kawżi li jirrigwardaw id-Direttiva 2000/31 (64). Peress li l-qorti tar‑rinviju ma tipprovdix informazzjoni ddettaljata li tippermetti l-verifika ta’ tali klassifikazzjoni u li din tidher iġġustifikata fid-dawl tad-deskrizzjonijiet ġenerali tas-servizzi ppreżentati minn dik il-qorti (65), nitlaq mill-premessa li s-servizzi tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni”.

135. Kunċett ċentrali ieħor tad-Direttiva 2000/31 huwa dak tal-“qasam ikkordinat”. Dan ikopri r-rekwiżiti relatati mal-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u mal-eżerċizzju ta’ din l-attività li hija ta’ natura ġenerali kif ukoll dawk speċifikament ikkonċepiti għall‑fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew għal servizzi simili (66).

136. Fornitur ta’ tali servizzi huwa suġġett għar-rekwiżiti li jaqgħu fil‑qasam ikkordinat stipulati mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit (l‑Istat Membru ta’ oriġini) (67). Stat Membru ieħor li fih dan il-fornitur jopera (l-Istat Membru ta’ destinazzjoni) ma jistax, bħala regola, jillimita l-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi “għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat” (68). Il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31 jintroduċi għalhekk il-prinċipju tal-Istat Membru ta’ oriġini u r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attività tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (u l-eżerċizzju tagħhom) (69).

137. B’mod eċċezzjonali, Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jidderoga mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 permezz ta’ miżuri meħuda “fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni” u jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 3(4)(a) u (b) ta’ din id-direttiva.

138. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad‑domandi tagħha dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, il-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22 u fil-Kawża C‑665/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi miżuri nazzjonali ta’ natura ġenerali u astratta li permezz tagħhom Stat Membru jimponi fuq il-fornitur ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor a) obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, b) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tiegħu, c) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u d) obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fid-dawl tal-ispjegazzjoni relatata mar‑Regolament 2019/1150 li tinsab fil-punt 92 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li dawn il-miżuri nazzjonali ġew adottati bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l‑implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 jistax jaffettwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id‑direttiva.

139. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, qabelxejn, għandu jiġi stabbilit jekk l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jimponux rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat, fis-sens tad‑Direttiva 2000/31, sussegwentement, jekk l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi tidderogax mill‑moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni u, fl‑aħħar nett, jekk il-miżuri meħuda sabiex jiġu imposti l‑imsemmija obbligi jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 3(4)(a) u (b) ta’ din id-direttiva. Fit-tieni lok, irridu nħarsu lejn l-impatt tar‑Regolament 2019/1150 fuq ir-riżultat tal-analiżi relatata mad‑Direttiva 2000/31.

b)      Irrekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat

1)      Spjegazzjoni talproblema

140. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxu rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat, fis-sens tad‑Direttiva 2000/31.

141. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan isostni li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni fir-ROC u ta’ trażmissjoni tal-IES huma sempliċement obbligu ta’ informazzjoni. Dawn l-obbligi ma jipprekludux lil fornitur ta’ servizzi online milli jeżerċita regolarment l-attività tiegħu. Dan il-Gvern jenfasizza li r-rikorrenti fil-Kawżi prinċipali C‑662/22 u C‑665/22 għadhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom minkejja li ma humiex irreġistrati fir-ROC.

142. F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi inkwistjoni jagħti lok għal sanzjonijiet sinjifikattivi. Barra minn hekk, jidher li l-AGCOM tista’ tordna s-sospensjoni tal-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi online u, f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni fir-ROC, tipproċedi b’dan ex officio (70). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżattezza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tagħti lil dik il-qorti l-kjarifiki li jippermettulha tistabbilixxi jekk dawn l-obbligi jaqgħux fil-qasam ikkordinat.

2)      Rimarki ġenerali fuq ilportata talqasam ikkordinat

143. Il-kunċett ta’ “qasam ikkordinat”, iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva 2000/31, ikopri r-rekwiżiti li fornitur ta’ servizzi online għandu jissodisfa u li jikkonċernaw “il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” jew “il-prattika [ta’ tali] attività” (iktar ’il quddiem, rispettivament ir-“rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività” u r-“rekwiżiti ta’ prattika”).

144. Mill-perspettiva tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31, id-distinzjoni bejn ir-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività u r-rekwiżiti ta’ prattika ma għandhiex implikazzjonijiet prattiċi. Madankollu, inqis opportun li nħares lejn din id-dikotomija sabiex nagħti lill-qorti tar-rinviju kjarifiki fuq il-portata tal-qasam ikkordinat.

145. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività u ta’ prattika huma imposti prattikament mingħajr eċċezzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini.

146. Fil-fatt, skont il-loġika tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31, meta jissodisfa r-rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat stabbiliti mill-Istat Membru ta’ oriġini, il-fornitur ikun jista’ jopera kemm fis-suq ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll fis-suq ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jiżgura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fuq it-territorju tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan l-Istat Membru li jaqgħu fil-qasam ikkordinat (71). Dan il-kontroll, li għandu jsir fis-sors, għandu jiżgura protezzjoni effikaċi tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, u dan mhux biss għall-utenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, iżda wkoll għall-utenti kollha tal-Unjoni (72).

147. B’hekk, kull Stat Membru għandu responsabbiltà partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tar-rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat. Dawn ir‑rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti b’mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi inkwistjoni mhux biss fl-Istat Membru ta’ oriġini, iżda wkoll f’kull Stat Membru ieħor. Fil-każ kuntrarju, l-Istat Membru ta’ oriġini jkun jista’ jiskatta fi Stat Membru ta’ destinazzjoni r-reazzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Il-portata tal-qasam ikkordinat għandha għalhekk tkun suffiċjenti sabiex tiżgura s-sors tal-legalità u l‑kontroll effikaċi tal-attivitajiet tas-soċjetà tal-informazzjoni mhux biss fl-interess tal-Istat Membru ta’ oriġini, iżda wkoll fl-interess ta’ kull Stat Membru (73).

148. Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 jikkjarifika li r-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività jinkludu, b’mod partikolari, “[dawk] li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni”, filwaqt li r‑rekwiżiti ta’ prattika jinkludu, b’mod partikolari, “[dawk] li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz”. Min-naħa l-oħra, il-qasam ikkordinat hekk iddefinit “ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online” (74), bl‑esklużjoni ta’ dawk applikabbli għall-merkanzija bħala tali, għall‑kunsinna tal-merkanzija u għas-servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi (75).

149. Minn dan jirriżulta li l-“komponent online” biss huwa rilevanti mill‑perspettiva tal-qasam ikkordinat. Għalhekk ma għandhiex tiġi injorata n-natura mhux territorjali tal-attività li fuqha huma imposti r‑rekwiżiti koperti minn dan il-qasam.

150. Is-servizzi online ftit li xejn huma adattati għall-kunċett ta’ territorjalità: fornitur stabbilit fi Stat Membru jista’ jopera b’mod fit-tul u kontinwu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma jkun stabbilit fih jew saħansitra mingħajr ma jmur fih.

151. Kif kelli l-okkażjoni nosserva dan f’kuntest ieħor (76), bħal f’ħafna oqsma oħra, l-internet qalleb bis-sħiħ kategoriji stabbiliti fid-dinja “reali”. Fil-fatt, għalkemm it-Trattat jassoċja, minn naħa waħda, l-eżerċizzju fit-tul tal-attività fi Stat Membru ma’ stabbiliment permanenti f’dan l‑istess Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju temporanju ta’ attività bl-assenza ta’ tali stabbiliment, l-internet jippermetti madankollu l-eżerċizzju fit-tul ta’ attività fi Stat Membru mingħajr stabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru.

152. Li wieħed isegwi l-loġika tal-libertà ta’ stabbiliment f’każ bħal dan tkun twassal għar‑riżultat assurd li fornitur li ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizz tiegħu madankollu jkun ikkunsidrat bħala stabbilit hemm u jkollu jikkonforma ruħu mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat Membru mhux biss f’dak li jirrigwarda l-attività tiegħu fiha nnifisha, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-impriża tiegħu. Dan isir wisq iktar assurd jekk wieħed iżomm f’moħħu li l‑attivitajiet eżerċitati fuq l-internet huma ħafna drabi indirizzati lejn diversi Stati Membri, jekk mhux lejn l-Istati Membri kollha.

153. Billi ġabret id-dispożizzjonijiet rilevanti taħt l-isem “Suq intern” (77), id-Direttiva 2000/31 ma tiħux pożizzjoni ovvja dwar id‑distinzjoni bejn libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontroll fis-sors kif ukoll minħabba r-raġunijiet ippreżentati fil-punti 149 sa 152 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-mekkaniżmu stabbilit fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistrieħ fuq il-loġika li fornitur ta’ servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jopera fis-suq stabbiliti minn kull Stat Membru li fih huwa attiv. Għall-kuntrarju, sa fejn dan il-mekkaniżmu huwa intiż sabiex jipprevjeni tali sitwazzjoni, il-qasam ikkordinat għandu jkopri wkoll il‑kundizzjonijiet li jistabbilixxu r-regolarità tal-attività li sseħħ f’suq.

154. Fit-tielet lok, il-portata tal-qasam ikkordinat għandha tinkludi l‑kundizzjonijiet li jistabbilixxu r-regolarità tal-attività ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni. Fil-fatt, in-natura “mhux territorjali” ta’ tali attività ħafna drabi tippermetti, b’mod jew ieħor, li tiġi mmirata de facto il‑klijentela ta’ Stat Membru mingħajr ma tiffaċċja l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-kunċett ta’ “territorju”. Il-fatt li fornitur jista’, mingħajr ma jissodisfa waħda minn dawn ir-rekwiżiti, ikompli bl-attività tiegħu fit‑territorju ta’ Stat Membru ma għandux jeskludi dan ir-rekwiżit mill‑qasam ikkordinat.

155. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-qasam ikkordinat ikopri kemm ir-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività kif ukoll dawk ta’ prattika u li d‑Direttiva 2000/31 ma tipprovdix konsegwenzi legali għal din id‑dikotomija, xorta tista’ ssir distinzjoni bejniethom. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rekwiżiti ta’ prattika, “bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz [jew] ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s‑servizz”(78), għandhom l-għan li jindikaw kif għandha titwettaq, b’mod regolari, l-attività ta’ servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni vis-à-vis il‑pubbliku, il-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi oħrajn. Huma għalhekk jikkostitwixxu modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ tali attività fl-aspett orizzontali tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività jkopru l-kundizzjonijiet li l-fornitur għandu jissodisfa, prinċiparjament fil-konfront ta’ Stat Membru u l-awtoritajiet tiegħu, sabiex ikun jista’ jibda u jwettaq l-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod regolari, fl-Istat Membru ta’ oriġini u, b’estensjoni, fis-suq ta’ kull Stat Membru ieħor.

156. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi stabbilit jekk l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħux fil-qasam ikkordinat.

3)      Evalwazzjoni

157. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, li l-ksur tiegħu jagħti lok għal sanzjonijiet sinjifikattivi u li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jipproċedi ex officio, dan jikkostitwixxi rekwiżit li jaqa’ fil-qasam ikkordinat.

158. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, il-fatt li, mingħajr ma jissodisfa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, fornitur jista’ de facto jibda u jkompli l-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jfissirx li dan ir-rekwiżit ma jikkonċernax il-bidu għal din l-attività fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31. Barra minn hekk, peress li jirrigwarda reġistrazzjoni f’reġistru, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li din issir meta tibda l-attività: din għandha tinżamm matul din l-attività sabiex tkun regolari.

159. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu li tiġi trażmessa informazzjoni dwar l-istruttura u s-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża, il-Gvern Taljan jiddikjara li din l-informazzjoni hija utli, saħansitra neċessarja, sabiex l‑AGCOM tkun tista’ teżerċita l-funzjoni regolatorja, ta’ superviżjoni, ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u ta’ sanzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kontroll tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni fis-sors, tali funzjoni tista’ titwettaq, fl-interess ta’ kull Stat Membru, mill-Istat Membru ta’ oriġini. L-obbligu li tiġi kkomunikata informazzjoni li tippermetti li jiġi eżerċitat tali kontroll għandu għalhekk jaqa’ fil-qasam ikkordinat.

160. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja, skont il‑Gvern Taljan, din hija intiża sabiex tkopri l-ammont totali ta’ spejjeż amministrattivi fl-Italja minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji, ta’ superviżjoni, ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u ta’ sanzjoni mogħtija lill‑AGCOM. L-ammont tagħha huwa stabbilit skont id-dħul iġġenerat f’dan l-Istat Membru.

161. L-obbligu ta’ ħlas ta’ tali kontribuzzjoni jikkostitwixxi wkoll rekwiżit li jaqa’ fil-qasam ikkordinat. Fil-fatt, hija tikkundizzjona r‑regolarità tal-aċċess fit-tul ta’ fornitur fis-suq ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, b’konformità mal-prinċipju ta’ kontroll fis-sors tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, din il-kontribuzzjoni għandha tintalab mill-korp li, skont dan il-prinċipju, għandu jeżerċita l-kontroll fuq il-fornitur fl-interess tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit u ta’ kull Stat Membru ieħor.

162. Fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31 li qiegħed nipproponi, l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxu rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat fis-sens ta’ din id-direttiva.

c)      Irrestrizzjoni għallibertà li jiġu pprovduti servizzi

163. Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fuq fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxix restrizzjoni tal-moviment liberu ta’ tali servizzi u, minħabba f’hekk, tidderoga mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit f’liema sitwazzjoni miżura meħuda minn Stat Membru ta’ destinazzjoni tirrestrinġi l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni. F’dan il-każ, il‑kwistjoni hija wkoll dwar jekk il-ġurisprudenza relatata mal‑Artikolu 56 TFUE tistax tapplika fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit minn din id-direttiva.

1)      Innuqqas ta’ applikabbiltà tallinja ġurisprudenzjali relatata malArtikolu 56 TFUE

164. Il-partijiet jirreferu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, għal linja ġurisprudenzjali relatata mal-Artikolu 56 TFUE li leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi applikata fil-konfront tal-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fuq it-territorju nazzjonali li ma għandhiex bħala għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista tas‑servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu (79).

165. Madankollu, inqis li din il-ġurisprudenza ma tapplikax fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31.

166. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rekwiżiti ta’ prattika li jaqgħu fil‑qasam ikkordinat ma jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmija ġurisprudenza sa fejn għandhom, eżattament, “l-għan li jirregolaw il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati”.

167. Min-naħa l-oħra, u iktar importanti minn hekk, f’dak li jirrigwarda kull rekwiżit li jaqa’ fil-qasam ikkordinat, inklużi r-rekwiżiti ta’ bidu ta’ attività, ma għandux jintesa li, permezz ta’ direttiva, il-leġiżlatur tal‑Unjoni jista’ jispeċifika l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tas-suq intern u jistabbilixxi kundizzjonijiet li huma saħansitra iktar favorevoli għall-funzjonament tajjeb ta’ dan is-suq minn dawk previsti mid-dritt primarju.

168. Dan huwa l-każ tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31, li jistrieħ fuq l-idea tal-kontroll fis-sors u jintroduċi l-prinċipju tal-Istat Membru ta’ oriġini u tar-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri ta’ kundizzjonijiet ta’ bidu u ta’ prattika (80). L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini tmur kontra dan il-prinċipju. Din l-interpretazzjoni ssib l-espressjoni tagħha fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ dan il-mekkaniżmu.

2)      Restrizzjoni talmoviment liberu tasservizzi minn soċjetà talinformazzjoni fildawl talġurisprudenza

169. Fis-sentenza eDate Advertising et (81), il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni bejn l‑Istati Membri huwa żgurat abbażi tal-mekkaniżmu stabbilit fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 bil-fatt li tali servizzi jiġu suġġetti għas-sistema legali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-fornituri tagħhom. Dawn il-fornituri għalhekk ma jistgħux ikunu suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fis-seħħ fl‑Istati Membri ta’ oriġini rispettivi tagħhom (82).

170. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Airbnb Ireland (83), il-qorti tar‑rinviju telqet mill-premessa li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni li jistipulaw l-obbligu ta’ pussess ta’ liċenzja professjonali kienu tali li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Din il-premessa ġiet espressament ikkonfermata mill‑Qorti tal-Ġustizzja (84). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta rekwiżit ta’ pussess ta’ liċenzja professjonali jiġi applikat, b’mod partikolari, għall-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l‑Istat Membru ta’ destinazzjoni, dan ir-rekwiżit jirrendi, minħabba f’hekk, il-provvista ta’ servizzi f’dan l-aħħar Stat Membru iktar diffiċli (85). Jiena tal-opinjoni li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja riedet tindika, fid-dawl tas-sentenza eDate Advertising et (86), li l-imsemmi rekwiżit jagħmel il-provvista ta’ servizzi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni iktar diffiċli milli fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkordinat applikabbli f’dan l-Istat Membru.

171. Fis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (87), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-erba’ rekwiżiti introdotti mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni, essenzjalment, li projbizzjoni li tirrestrinġi l-possibbiltà għal fornitur ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni li jagħmel lilu nnifsu magħruf mal‑klijentela potenzjali tiegħu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew li jiġbed din il-klijentela u jippromwovi s-servizz ta’ bejgħ tal-prodotti tiegħu online għandha tiġi meqjusa bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

172. Minkejja li l-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa differenti minn dak użat fis-sentenzi eDate Advertising et (88) u Airbnb Ireland (89), il‑Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, fis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (90), fuq l-istess loġika li fuqha huma bbażati dawn is-sentenzi. Fil-fatt, ma kienx ikkontestat li l-fornitur ikkonċernat kien qiegħed imexxi l-attività tiegħu skont ir-rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini (91). Għalhekk, rekwiżit li jimponi kundizzjonijiet iktar restrittivi f’dak li jirrigwarda l-aġir tal‑fornitur kien neċessarjament jikser l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni kinux jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (4) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx għall-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 56 TFUE (92).

173. Minn dawn it-tliet sentenzi niddeduċi li, jekk l-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni tiġi suġġetta, fit-territorju ta’ Stat Membru, għal rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkordinat li jmorru lil hinn minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini, dan ikun jirrestrinġi l-moviment liberu ta’ dan is-servizz u, b’dan il-mod, jista’ jirriżulta biss minn miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

174. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni li l-linja ġurisprudenzjali relatata mal-Artikolu 56 TFUE, imsemmija fil-punt 164 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, ma għandhiex tkun applikata fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jidher li hija kkorroborata mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju, li fil-qafas tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet konjizzjoni tal-fatt li rekwiżit partikolari kien diġà suġġett għal verifika fl-Istat Membru ta’ oriġini.

3)      Ġurisprudenza relatata mallibertà li jiġu pprovduti servizzi

175. Qabelxejn, il-Kummissjoni sostniet, fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (93), li obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru u s‑sanzjonijiet serji previsti f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu kienu jagħmlu r-reġistrazzjoni f’dan ir-reġistru kundizzjoni essenzjali tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li stipula l-imsemmi obbligu. Wara li ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-obbligu inkwistjoni kien applikabbli wkoll għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor li kien diġà jissodisfa, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, formalitajiet ekwivalenti għal dawk mitluba skont dan l-obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-imsemmi obbligu ma kienx josserva l-Artikolu 56 TFUE (94).

176. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’kawża għal deċiżjoni preliminari relatata mal-Artikolu 56 TFUE u ma’ direttiva li tistipula essenzjalment sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal‑esperjenza professjonali akkwistata fil-pajjiż ta’ oriġini, li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mill-Istat Membru ospitanti ma għandhiex tittardja u lanqas tikkumplika l-eżerċizzju tad-dritt ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor li tagħti s-servizzi tagħha fit-territorju tal-ewwel Stat, peress li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attivitajiet ikkonċernati sar u kien ġie stabbilit li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Ladarba l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti, eventwali rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tal-Istat Membru ospitanti jista’ jkun biss awtomatiku, ma jistax jikkostitwixxi prerekwiżit għall-provvista ta’ servizzi, u lanqas jista’ jwassal għal spejjeż amministrattivi għall-fornitur ikkonċernat, jew jiġġenera obbligu ta’ kontribuzzjonijiet lill-Kamra tal-Kummerċ (95).

177. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-istabbiliment li jopera fit-territorju tiegħu obbligu li jipprovdi dikjarazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet “suspettużi” u informazzjoni “mitluba” direttament lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inkwantu tirriżulta f’diffikultajiet u spejjeż addizzjonali għall-attivitajiet imwettqa taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u x’aktarx tiżdied mal-verifiki li diġà jsiru fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment inkwistjoni, u b’hekk tiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar milli jiddedika ruħu għal dawn l-attivitajiet (96).

178. Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjoni ppreżentata fil‑punt 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impożizzjoni tal-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fuq fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu ta’ tali servizzi u għalhekk tista’ ssir biss abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

d)      Ilkundizzjonijiet sostantivi previsti flArtikolu 3(4) tadDirettiva 2000/31

179. Il-miżuri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni għandhom jissodisfaw kemm il‑kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll il-kundizzjonijiet proċedurali previsti mid-Direttiva 2000/31. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (97).

180. Sa fejn il-kundizzjonijiet proċedurali jirrigwardaw l-obbligu ta’ notifika, ser nanalizzahom, mal-obbligu ta’ notifika previst mid‑Direttiva 2015/1535, fl-aħħar parti tal-konklużjonijiet tiegħi u hawn ser nikkonċentra biss fuq il-kundizzjonijiet sostantivi. Madankollu, qabel ma nanalizzahom, nixtieq nagħmel rimarka fuq in-natura tal-miżuri ta’ deroga.

1)      Innatura tal-miżuri ta’ deroga

181. F’kuntest differenti, diġà wrejt il-preferenza tiegħi lejn l‑interpretazzjoni li dispożizzjonijiet ġenerali u astratti ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “miżuri” fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tad‑Direttiva 2000/31. Nirreferi għalhekk għall-analiżi li tinsab fil‑konklużjonijiet ikkonċernati (98), li fihom ikkunsidrajt, essenzjalment, li l-miżuri msemmija minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu suffiċjentement limitati. L-argumenti prinċipali ta’ din l-analiżi ġew segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Google Ireland et (99), skont liema l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li miżuri ġenerali u astratti li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta f’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

182. F’dan il-każ, il-miżuri li bihom il‑leġiżlatur nazzjonali jimponi l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw kull fornitur ta’ servizzi online, mingħajr ma jispeċifikaw settur speċifiku jew l-Istat Membru li minnu ġejjin dawn is-servizzi. Konsegwentement, dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31 u l-leġiżlatur nazzjonali ma jistax, permezz tal‑imsemmija miżuri, jidderoga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

183. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jissodisfawx il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31. Madankollu, ser inkompli bl-analiżi tiegħi għal finijiet ta’ kompletezza u sabiex nirrispondi bis-sħiħ għall-preokkupazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll għall-argumenti tal-partijiet.

184. Infakkar li, skont l-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, il‑miżura restrittiva kkonċernata għandha tkun meħtieġa sabiex tiżgura l‑ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, għandha tittieħed fir-rigward ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li effettivament jippreġudika dawn l‑għanijiet jew jikkostitwixxi riskju serju u gravi ta’ preġudizzju lil dawn tal-aħħar u għandha tkun proporzjonata għall-imsemmija għanijiet. Ser neżamina dawn il-kundizzjonijiet f’din l-ordni.

2)      Lgħan talmiżuri nazzjonali inkwistjoni

185. Skont il-qorti tar-rinviju, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni ġew adottati bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar‑Regolament 2019/1150. Il-Gvern Taljan jaqbel ma’ din il-pożizzjoni u jżid li l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jidentifikaw u jiġġestixxu d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni (100).

186. Infakkar li r-Regolament 2019/1150 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli għall‑attività ekonomika online fi ħdan dan is-suq. Anki jekk nassumu li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi sabiex jiżguraw dan l-għan, insib diffikultà sabiex nidentifika r-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li huma jsegwu wieħed mill-għanijiet imsemmija fl‑Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31.

187. Fil-fatt, faċilment jistgħu jiġu esklużi l-għanijiet relatati mal-ordni pubbliku, mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u mas-sigurtà pubblika. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi analizzat jekk dawn il-miżuri nazzjonali jsegwux l‑għan marbut mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

188. Madankollu, il-protezzjoni tal-konsumaturi ma tinkludix il‑protezzjoni tal-impriżi u r-Regolament 2019/1150 jistabbilixxi biss ir-regoli relatati mar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ servizzi online u l‑utenti professjonali.

189. Huwa veru li, sabiex jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament 2019/1150 jieħu inkunsiderazzjoni l-post fejn jinsabu l‑konsumaturi koperti mill-attivitajiet tal-utenti professjonali (101). Barra minn hekk, dan ir-regolament jirrikonoxxi, fil-premessa 3 tiegħu, l‑eżistenza ta’ rabta bejn “it-trasparenza u l-fiduċja fl-ekonomija tal‑pjattaformi online f’relazzjonijiet bejn negozju u ieħor” u t-tisħiħ tal‑fiduċja tal-konsumaturi fl-istruttura tal-pjattaformi online.

190. Madankollu, kif tistipula din il-premessa, din ir-rabta hija biss indiretta. Aktar importanti minn hekk, ir-Regolament 2019/1150 jikkonferma li “[l]-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal‑pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati minn liġi oħra tal-Unjoni, speċjalment l-acquis tal-konsumatur” (102).

191. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jidhru li jsegwu ebda wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad‑Direttiva 2000/31.

3)      Miżura meħuda fil-konfront ta’ servizz li effettivament jikkawża preġudizzju għal wieħed millgħanijiet msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tadDirettiva 2000/31 jew li jikkostitwixxi riskju ta’ preġudizzju għal dawn lgħanijiet

192. La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Taljan ma jagħtu informazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni sostantiva prevista fl‑Artikolu 3(4)(a)(ii) tad‑Direttiva 2000/31.

193. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għandhiex informazzjoni li tippermettilha tikkjarifika b’mod utli l-kontenut leġiżlattiv ta’ din id‑dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ provi li juru li servizz inkwistjoni effettivament jikkawża preġudizzju għal wieħed mill‑għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31 jew hemm riskju li jikkawża preġudizzju għalihom, Stat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax jidderoga mill-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni.

4)      Proporzjonalità

194. Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(4)(a)(i) u (ii) tad‑Direttiva 2000/31. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l‑proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, ser nanalizza fil-qosor il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità prevista fl-Artikolu 3(4)(a)(iii) ta’ din id-direttiva.

195. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, miżura ta’ deroga għandha tkun proporzjonali għal wieħed mill-għanijiet imsemmija fl‑Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31. Barra minn hekk, tali miżura għandha wkoll tkun, kif titlob din id-dispożizzjoni, “meħtieġa” sabiex jintlaħaq l-għan ikkonċernat.

196. Huwa f’dan l-ispirtu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li, fir‑rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza relatata mal-Artikoli 34 u 56 TFUE għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn l-imsemmija kundizzjonijiet fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu ma’ dawk li għalihom huwa suġġett kwalunkwe ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz ta’ dawn l-artikoli tat-Trattat FUE (103).

197. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-miżuri adottati mill‑Istati Membri ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas vinkolanti u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imsemmija.

198. F’dan ir-rigward, mir-Regolament 2019/1150 isegwi li r-rabta bejn l-għan ta’ dan ir-regolament u l-protezzjoni tal-konsumaturi hija indiretta biss u li “[l]-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati […] minn liġi oħra tal‑Unjoni” (104). B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess jikkunsidra li d‑dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma humiex xierqa għat-twettiq tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-istess għandu jkun f’dak li jirrigwarda l‑miżuri ta’ applikazzjoni tal-istess regolament.

e)      Konklużjoni preliminari

199. Sabiex nikkonkludi l-analiżi tiegħi relatat mad-Direttiva 2000/31, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jikkostitwixxux miżuri ta’ deroga, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31 (105) u, fi kwalunkwe każ, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sostantivi previsti f’din id-dispożizzjoni. Dawn il-miżuri nazzjonali għalhekk ma jistgħux jiġu applikati għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbiliti fi Stati Membri differenti minn dak li adotta tali miżuri.

200. Madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk dan ir-riżultat huwiex ikkontestat mid-Direttiva 2006/123 jew, jekk jiġi preżunt li l-obbligi inkwistjoni jirriżultaw minn miżuri ta’ applikazzjoni tar‑Regolament 2019/1150, minn dan ir-regolament.

2.      Fuq idDirettiva 2006/123

201. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva 2006/123 f’diversi mid-domandi preliminari tagħha (106).

202. Kif isegwi mit-talbiet għal domandi preliminari, dawn id‑domandi kollha jikkonċernaw l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jipprovdu servizzi fi Stat Membru differenti minn dak li fih huma stabbiliti. L-imsemmija direttiva tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista’ jidderoga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn il-kundizzjonijiet huma differenti minn dawk previsti fl‑Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31.

203. Mill-analiżi tiegħi jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi li l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jkunu imposti fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id‑Direttiva 2006/123 tistax taffettwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31.

204. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-atti li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-bidu tal-attività ta’ servizzi jew l-prattika tagħha f’setturi speċifiċi jipprevalu fuq dawk ta’ din id-direttiva f’każ ta’ kunflitt. Il-mekkaniżmu stabbilit fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jirrigwarda biss is-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni u l-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni. Din l‑aħħar dispożizzjoni tirrigwarda għalhekk kemm l-aċċess għal attività ta’ servizzi f’settur speċifiku kif ukoll l-eżerċizzju ta’ tali attività. Hija tikkostitwixxi għalhekk lex specialis meta mqabbla mal-Artikolu 16 tad‑Direttiva 2006/123 u tipprevali fuqu (107).

205. Sussidjarjament, huwa veru li, kif għamlu l-partijiet, jista’ jiġi mistoqsi jekk, f’dan il-każ, hemmx “kunflitt”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123. Madankollu, fi kwalunkwe każ, din id-direttiva ma għandhiex tikkontesta r-riżultat tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 u lanqas twassal sabiex timponi l-obbligi li jirriżultaw mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

206. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ “kunflitt”, l-Artikolu 16 tad‑Direttiva 2006/123 għandu jċedi għall-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31. Fin-nuqqas ta’ “kunflitt”, jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fl-istess ħin, l-ewwel waħda ma tistax taħbi l-fatt li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet sostantivi stipulati fit-tieni waħda.

207. Għalhekk ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domandi preliminari li jirrigwardaw id-Direttiva 2006/123.

3.      Fuq lArtikolu 56 TFUE

208. Kif indikajt fil-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domandi preliminari li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkopru kemm id-Direttivi 2000/31 u 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE.

209. Madankollu l-interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi ser tkun suffiċjenti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawżi prinċipali fir-rigward tad‑dritt tal-Unjoni. Effettivament, kull miżura nazzjonali meħuda f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fid-dritt tal‑Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dritt primarju, iżda ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (108). Sa fejn l-imsemmija direttivi jippreċiżaw il-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament tas-suq intern stabbiliti mid-dritt primarju, ma hemmx lok niffukaw fuq dan tal-aħħar. Għalhekk ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domandi relatati mal-Artikolu 56 TFUE sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawżi prinċipali.

4.      Fuq leffett tarRegolament 2019/1150

210. Tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk, fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, għandux jiġi rriżervat trattament differenti għall-miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150. L‑analiżi ta’ din il-kwistjoni għandha interess doppju.

211. Fil-fatt, minn naħa waħda, kif diġà indikajt fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-Kawża C‑663/22 u, b’estensjoni, fil-Kawża C‑665/22 ma jikkostitwixxux miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 (109). Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑665/22, li tikkonċerna fornitur stabbilit fi Stat Membru, il-qorti tar‑rinviju jkollha tistabbilixxi jekk l-inapplikabbiltà ta’ dawn il-miżuri għal tali fornitur hijiex ikkontestata bil-fatt li dawn jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

212. Min-naħa l-oħra, ir-risposta għall-imsemmija domanda tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju f’kawżi oħra koperti minn dawn il‑konklużjonijiet, sa fejn dawn jikkonċernaw l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja.

213. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, l-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2000/31 jistipula li din tikkumplimenta d-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni mingħajr preġudizzju għal-livell ta’ protezzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas‑saħħa pubblika u tal-interessi tal-konsumaturi, stabbilit mill‑istrumenti tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentahom “sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni”. Min-naħa l-oħra, mill‑Artikolu 1(5) tar‑Regolament 2019/1150 jsegwi li dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni applikabbli, b’mod partikolari, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

214. Huwa ċar li d-Direttiva 2000/31 hija applikabbli f’dan il-qasam. Miżura ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 għalhekk ma tipprevalix fuq il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, il-fatt li miżuri nazzjonali ġew adottati bil-għan iddikjarat li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jistax jaffettwa l‑inapplikabbiltà tagħhom li tirriżulta minn dan il-mekkaniżmu.

5.      Konklużjoni

215. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposti għad‑domandi preliminari magħmula fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22 u fil-Kawża C‑665/22, irriformulati fil-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri nazzjonali ta’ natura ġenerali u astratta li permezz tagħhom Stat Membru jimponi fuq il-fornitur ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor a) obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, b) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tiegħu, c) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u d) obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi. Il-fatt li dawn il-miżuri nazzjonali ġew adottati bil-għan iddikjarat li jiżguraw l‑implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 ma għandux jaffettwa l‑inapplikabbiltà tagħhom għal tali fornitur.

D.      Fuq lobbligi ta’ notifika minn qabel ta’ miżuri nazzjonali previsti midDirettivi 2000/31 u 2015/1535

1.      Rimarki preliminari dwar irrilevanza taddomandi preliminari

216. Diversi domandi preliminari f’dawn il-kawżi relatati mal-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri ta’ oriġini rispettivi tagħhom jikkonċernaw l‑obbligi ta’ notifika minn qabel previsti mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535 (110).

217. Minn perspettiva pragmatika, analiżi ta’ dawn id-domandi tkun żejda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tiegħi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31.

218. Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jidhru li jimponu rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, u jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni. Mill-perspettiva ta’ din id-direttiva, huma ma jistgħux għalhekk ikunu applikati għall-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri li ma humiex dak li adotta dawn il-miżuri.

219. Barra minn hekk, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, għaliex dawn il-miżuri huma ta’ natura ġenerali u astratta (111). Fi kwalunkwe każ, din il-kunsiderazzjoni ma għandhiex effett fuq il‑konstatazzjoni magħmula fil-punt 217 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Stat Membru ma jistax jevita l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u jimponi rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkordinat permezz ta’ miżura ġenerali u astratta.

220. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, u f’każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi relatata mad‑Direttiva 2000/31, iktar ’il quddiem ser neżamina l-obbligi ta’ notifika previsti minn din id-direttiva u mid-Direttiva 2015/1535.

2.      Espożizzjoni talproblema

221. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi ta’ notifika previsti mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535 iwassal għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-miżuri kkonċernati fil-konfront tal-individwi (112).

222. Ċertament, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst mid‑Direttiva 2000/31 iwassal għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-miżura nazzjonali fil-konfront tal-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex dak tal-oriġini, filwaqt li l-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst mid‑Direttiva 2015/1535 iwassal għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ din il‑miżura fil-konfront tal-fornituri stabbiliti f’kull Stat Membru. Madankollu, il-kawżi kollha li fihom il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda relatata mal-obbligu ta’ notifika (ħlief il-Kawża C‑663/22) jirrigwardaw fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra u mhux l-Italja.

223. Xejn ma jindika li l-obbligi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu s-suġġett tan-notifika prevista mid-Direttiva 2000/31 jew tan-notifika prevista mid-Direttiva 2015/1535.

224. Madankollu, il-Gvern Taljan isostni, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jikkostitwixxux regoli tekniċi li għandhom ikunu nnotifikati skont id-Direttiva 2015/1535. Inżid li, fil‑kuntest ta’ dawn il-kawżi, dan l-argument iqajjem kwistjoni ġdida relatata mad-delimitazzjoni tal-portati rispettivi tal-obbligi ta’ notifika previsti mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535.

225. Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan isostni li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika minħabba li jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150.

226. Għalhekk, għandhom jiġu analizzati dawn iż-żewġ argumenti li jikkonċernaw, rispettivament, il-portata tal-obbligu ta’ notifika previst kemm mid-Direttiva 2000/31 kif ukoll mid-Direttiva 2015/1535 u l‑impatt eventwali tar-Regolament 2019/1150 fuq l-eżistenza ta’ dan l‑obbligu.

3.      Lobbligu ta’ notifika firrigward tadDirettiva 2000/31

227. Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31, qabel ma jittieħdu l-miżuri u mingħajr preġudizzju għal proċess ġudizzjarju, inklużi l-proċeduri preliminari u l-atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri restrittivi kkonċernati lill‑Kummissjoni u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz involut.

228. Il-portata tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 3(4)(b) tad‑Direttiva 2000/31 hija stabbilita, minn naħa waħda, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u mill-kunċett ċentrali tagħha, jiġifieri dak ta’ “qasam ikkordinat” u, min-naħa l-oħra, min-natura tal-miżuri li permezz tagħhom Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

229. Fil-fatt, il-qasam ikkordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, ikopri r-rekwiżiti li għandhom natura ġenerali u dawk li huma speċifikament maħsuba għall-fornituri tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jew għal tali servizzi (l-Artikolu 2(h)). Stat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, jirrestrinġi l-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkordinat (l-Artikolu 3(2)). L-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva għalhekk ikopri biss miżuri li jaqgħu fil-qasam ikkordinat li jirrestrinġu l-moviment liberu tas‑servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni.

230. Barra minn hekk, il-portata tal-obbligu ta’ notifika hija ddeterminata min-natura tal-miżuri li permezz tagħhom Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni li ġejjin minn Stat Membru. Minn dawn il‑konklużjonijiet isegwi li miżuri ġenerali u astratti li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta f’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 (113). Konsegwentement, bħalma joħroġ mis-sentenza Google Ireland et (114), tali miżuri nazzjonali ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva.  Il‑miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom tali natura ġenerali u astratta u jidhru li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ ċerti kategoriji ta’ servizzi.

231. Konsegwentement, minn naħa waħda, ir-Repubblika Taljana ma kellhiex l-obbligu li tinnotifika l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ta’ natura ġenerali u astratta taħt l-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31. Min‑naħa l-oħra, iktar importanti minn hekk, dawn il-miżuri bl-ebda mod ma jistgħu jiġu applikati għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex dak li adotta tali miżuri (115). Anki jekk l-imsemmija miżuri nazzjonali jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, din iċ-ċirkustanza ma tistax taffettwa l-inapplikabbiltà tagħhom (116).

232. L-analiżi tiegħi tista’ tieqaf hawn. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll id-Direttiva 2015/1535, ser neżamina wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni kellhomx jiġu nnotifikati skont din id‑direttiva. Nippreċiża li r-risposta għal din id-domanda ma taffettwax il‑konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ dawn il-miżuri nazzjonali fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex dak li adotta tali miżuri.

4.      Lobbligu ta’ notifika firrigward tadDirettiva 2015/1535

233. L-obbligu ta’ notifika huwa stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2015/1535 li jistipula, essenzjalment, li Stat Membru għandu jikkomunika immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku.

234. Il-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinsab għalhekk fil-qofol tad‑Direttiva 2015/1535 u jistabbilixxi l-portata tal-obbligu ta’ notifika impost b’din id-direttiva. Id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija mogħtija fl-Artikolu 1(1)(f) tal-imsemmija direttiva. Skont din id-definizzjoni, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali li taffettwa servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku”, hija mhux biss għandha taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “regola dwar is-servizzi”, iddefinita fl-Artikolu 1(1)(e) tal-istess direttiva, iżda għandha tkun obbligatorja de jure jew de facto, b’mod partikolari, għall‑provvista tas-servizz ikkonċernat jew l-użu tiegħu fi Stat Membru jew f’parti kbira minnu (117).

235. Regola dwar is-servizzi tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535, rekwiżit ta’ natura ġenerali relatat mal-bidu tal-attivitajiet ta’ servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni u għall-prattika tagħhom, “b’mod partikolari id‑dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is‑servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi” (118).

236. F’dan ir-rigward, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw espliċitament is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u muturi tat-tfittxija online. Tali servizzi jikkostitwixxu l-aqwa eżempji ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (119).

237. Ċertament, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma limitati għall‑estensjoni tal-obbligi li kienu diġà eżistenti għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri. Madankollu, ma hemmx lok li jiġi mistoqsi jekk, qabel l-emendi introdotti minn dawn il-miżuri, dawn l-obbligi kinux imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “regola dwar is-servizzi” ma tirrikjedix li miżura nazzjonali tkopri esklużivament is-servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni. Huwa biżżejjed li l-miżura inkwistjoni tkopri tali servizz b’mod espliċitu u mmirat, anki f’ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi (120). Kif indikajt fil-punt 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan huwa l-każ f’dan il-każ.

238. Il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu għalhekk “regoli dwar is-servizzi”, fis-sens tad-Direttiva 2015/1535. Barra minn hekk, huwa paċifiku li għandhom natura obbligatorja u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “regolamenti tekniċi”. Għalhekk, huma kellhom ikunu s-suġġett ta’ notifika skont din id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, individwu jista’ jinvoka n-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ dawn ir-regoli fil-konfront tiegħu.

239. Fl-aħħar nett, għadu jrid jiġi stabbilit jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħux madankollu jkunu infurzabbli fir-rigward ta’ individwu fil-każ li jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni tar‑Regolament 2019/1150.

240. Ċertament, l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2015/1535 jistipula li l-obbligu ta’ notifika ma japplikax għal-“liġijiet, ir-regolament u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri […] jikkonformaw ma’ atti tal-Unjoni li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ […] regoli dwar servizzi”.

241. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2015/1535 tkopri d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li ġew adottati sabiex ikunu konformi ma’ att vinkolanti tad-dritt tal‑Unjoni (121). Madankollu, meta att tad-dritt tal-Unjoni jħalli marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-Istati Membri, il-miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet nazzjonali li huma konformi ma’ tali att vinkolanti (122).

242. L-unika dispożizzjoni tar-Regolament 2019/1150 li fiha indikazzjonijiet iktar speċifiċi fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra tal‑Istati Membri hija l-Artikolu 15. Skont dan l-artikolu, kull Stat Membru għandu jiżgura applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament u jistabbilixxi r-regoli li jistipulaw il-miżuri (effettivi, proporzjonati u dissważivi) applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni tal‑imsemmi regolament ma tagħti indikazzjoni dwar il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri waqt il-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-istess regolament.

243. Hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2015/1535. Għalhekk, dawn kellhom ikunu s-suġġett ta’ notifika skont din id-direttiva. Fin‑nuqqas ta’ dan, individwu jista’ jinvoka n-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ dawn ir-regoli fil-konfront tiegħu.

VI.    Konklużjoni

244. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mit‑Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) bil-mod segwenti:

1)      Fil-Kawża C‑663/22:

Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat‑trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u, b’mod partikolari, l-Artikoli 15 u 16 tiegħu

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi tat-tfittxija online obbligu li jippreżentaw perijodikament dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u li tipprevedi l‑applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l‑obbligu.

Sa fejn tali leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament, dan ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

2)      Fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 u fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22 u fil-Kawża C‑665/22:

L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi miżuri nazzjonali ta’ natura ġenerali u astratta li permezz tagħhom Stat Membru jimponi fuq il-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor a) obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, b) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tiegħu, c) obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u d) obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, u jipprevedi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi.

Il-fatt li dawn il-miżuri nazzjonali ġew adottati bil-għan iddikjarat li jiżguraw l-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 ma għandux jaffettwa l-inapplikabbiltà tagħhom għal tali fornitur.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il‑promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is‑servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).


6      Ara l-premessa 21 tad-Direttiva 2000/31 li tistipula li dan “huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità”.


7      Bla dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas tinjora r-realtà soċjo-ekonomika, b’mod partikolari, waqt l-interpretazzjoni tat-Trattat (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punti 1 sa 5)). Madankollu, f’qasam armonizzat, huwa iktar diffiċli li tiġi kkunsidrata din ir-realtà każ b’każ u l‑intervent tal-leġiżlatur Ewropew huwa iktar u iktar neċessarju.


8      Ara, bħala eżempju, id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal‑Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, u rettifika ĠU 2012, L 18, p. 7) u r‑Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU 2021, L 172, p. 79).


9      Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).


10      Ara l-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31.


11      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 38).


12      Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/1535, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 kien jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” bħala “servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva [98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337]), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).” Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2015/1535, dan ir-riferiment għandu jinftiehem li qiegħed isir għall-Artikolu 1(1)(b) tagħha.


13      Provvedimento presidenziale n. 14/21/PRES, recante “Misura e modalità di versamento del contributo dovuto all’[Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM)] per l’anno 2021 dai soggetti che operano nel settore dei servizi di intermediazione online e dei motori di ricerca online” (Deċiżjoni tal-President Nru 14/21/PRES li tirrigwarda “Ammont u modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni dovuta lill-(Awtorità garanti fil-qasam tal-komunikazzjoni (AGCOM)) għas-sena 2021 mill‑persuni li joperaw fis-settur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u tal-muturi ta’ tfittxija online”), tal‑5 ta’ Novembru 2021 (GURI Nru 304 tat‑23 ta’ Diċembru 2021) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2021”), irratifikata mill‑AGCOM bir-Riżoluzzjoni 368/21/CONS (id-Deċiżjoni Nru 368/21/CONS).


14      Delibera n. 200/21/CONS – Modifiche alla delibera n. 666/08/CONS recante “regolamento per la tenuta del [ROC]” a seguito dell’entrata in vigore della legge 30 dicembre 2020, n. 178, recante Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021‑2023 (Deċiżjoni Nru 200/21/CONS li temenda d-Deċiżjoni Nru 666/08 wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 178/2020) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 200/2021”).


15      Delibera n. 161/21/CONS. Modifiche alla delibera n. 397/13 (Deċiżjoni Nru 161/21/CONS li emendat id-Deċiżjoni Nru 397/13) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni Nru 161/2021”).


16      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 322 tat‑30 ta’ Diċembru 2020.


17      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 169 tal‑25 ta’ Awwissu 1997.


18      Din il-parti tal-kuntest ġuridiku hija rilevanti għall-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, il-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22 kif ukoll, sa fejn tikkonċerna l-Liġi Nru 178/2020, il-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22.


19      GURI nru 25, tal‑31 ta’ Jannar 2009.


20      Ara l-Artikoli 8 u 9 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/2008.


21      Ara l-Anness B u l-Artikoli 10 u 11 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/2008.


22      Dwar ir-rilevanza ta’ din il-projbizzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


23      Ara l-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/2008 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(5) tiegħu u l-Artikolu 9(7) tiegħu.


24      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 211 tad‑29 ta’ Diċembru 2005.


25      Din il-parti tal-kuntest ġuridiku hija rilevanti għall-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22.


26      Din il-parti tal-kuntest ġuridiku hija rilevanti għall-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22.


27      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003 (C‑215/01, EU:C:2003:662).


28      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, kif jirriżulta mir-raba’ domandi tagħha fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, li l-kumpanniji rreġistrati fir-ROC huma pprojbiti milli jiġġeneraw profitti ogħla minn ċertu ammont (ara l-punt 21 ta’ dawn il‑konklużjonijiet). Il-Gvern Taljan jikkontesta din il-konstatazzjoni. Il-Kummissjoni tosserva li din il-projbizzjoni ġiet invokata minn EGVR fil-kawża prinċipali. Bħall‑Gvern Taljan, dik l-istituzzjoni tindika li l-qafas ġuridiku nazzjonali ma għadux jipprevedi tali projbizzjoni. Fi kwalunkwe każ, sa fejn, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju ma tindikax għaliex hija tikkunsidra l-imsemmija projbizzjoni bħala li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u ma tiġbidx l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 u sa fejn, min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-istess projbizzjoni sabiex tingħata risposta għad‑domandi preliminari b’mod utli għall-qorti tar-rinviju, ser niffoka fuq iċ-ċirkustanza li r‑reġistrazzjoni fir-ROC tinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l‑istruttura tal-fornituri inkwistjoni.


30      F’dan ir-rigward, nippreċiża li r-riferiment li sar mill-qorti tar-rinviju, fid-domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, għall-Artikolu 1(516) tal-Liġi Nru 178/2020 jidhirli li ma għandux rilevanza. Din id-dispożizzjoni, li l-kliem tagħha lanqas ma huwa riprodott fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ma tidhirx li hija relatata mad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tipprevedi li “[i]d‑dispożizzjonijiet preċedenti huma mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(1a) tal-Kodiċi tal-Konsum […]”. Madankollu, dan l-artikolu tal-imsemmi kodiċi jikkonċerna l‑kompetenza biex tittieħed azzjoni kontra l-prattiki kummerċjali żleali.


31      Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/31 u l-Artikolu 56 TFUE, is‑sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Viagogo (C‑70/22, EU:C:2023:350, punti 25 sa 31 u 33). F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/123, ara l-Artikolu 2(1) tagħha, moqri fid-dawl tat-tielet sentenza tal-premessa 36 tagħha, li tistipula li “il-kunċett ta’ fornitur ma għandux ikopri l-każ ta’ fergħat fi Stat Membru ta’ kumpanniji minn terzi pajjiżi għaliex taħt l-Artikolu [56 TFUE], il-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi tista’ tibbenefika biss lil kumpanniji kostitwiti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, amministrazzjoni ċentrali jew post prinċipali ta’ negozju fi ħdan [l-Unjoni]”.


32      Jiġifieri l-ewwel domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C-667/22, ir‑raba’ domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, iż-żewġ domandi preliminari fil-Kawża C‑663/22, u l-ewwel u t-tieni domandi preliminari fil-Kawża C‑665/22.


33      Ara l-formulazzjoni tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C-667/22.


34      Ara l-formulazzjoni tal-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari fil-Kawża C‑665/22. F’din l-ordni ta’ ideat, id-Deċiżjoni Nru 161/21, inkwistjoni fil-Kawżi C‑663/22 u C‑665/22, li permezz tagħha l-obbligu li jiġi trażmess l-IES ġie estiż għall-fornituri ta’ servizzi online, ġiet adottata “sabiex tinġabar kull sena informazzjoni rilevanti u jittieħdu l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni adegwata u effettiva tar-[Regolament 2019/1150]” kif ukoll l-“eżerċizzju tal‑funzjonijiet mogħtija lill-[AGCOM] permezz tal-[Liġi Nru 178/2020]”. Ara l‑punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Ara l-Artikolu 1(2) u l-premessa 9 tar-Regolament 2019/1150.


37      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punti 109 u 110).


38      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punti 31 sa 33).


39      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services (C‑814/18, EU:C:2020:27, punt 35).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 48).


41      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1999, Adidas (C‑223/98, EU:C:1999:500, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punti 49 u 50). Ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2014, Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit (C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara l-premessa 6 tar-Regolament 2019/1150.


44      Ara l-Artikolu 1(1) u l-premessi 7 u 51 tar-Regolament 2019/1150.


45      Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150.


46      Ara l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/1150.


47      Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150.


48      Ara r-raba’ sentenza tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150.


49      Ara t-tielet sentenza tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150.


50      Il-premessa 46 tar-Regolament 2019/1150 tistipula li “[l]-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiżguraw infurzar adegwat u effikaċji ta’ dan ir-Regolament. Diġà jeżistu sistemi differenti ta’ infurzar fl-Istati Membri, u jenħtieġ li dawn ma jkunux obbligati jistabbilixxu korpi nazzjonali ġodda tal-infurzar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-opzjoni li jinkarigaw l-awtoritajiet eżistenti, inkluż il-qrati, bl-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu infurzar ex officio jew li jimponu multi”.


51      Ara t-tieni u t-tielet sentenzi tal-premessa 46 tar-Regolament 2019/1150.


52      Ara l-Artikolu 14(9) tar-Regolament 2019/1150.


53      Ara l-Artikolu 14(5) tar-Regolament 2019/1150.


54      Ara l-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2019/1150, moqri fid-dawl tal-premessa 45 tiegħu.


55      Ara l-ewwel u t-tieni sentenza tal-premessa 45 tar-Regolament 2019/1150.


56      Fil-fatt, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2019/1150 jistipula li “[i]l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u informazzjoni ma’ Stati Membri oħra, abbażi tar-reġistri ta’ atti illegali li kienu soġġetti għal ordnijiet ta’ inġunzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, fejn tali reġistri huma stabbiliti minn korpi pubbliċi jew awtoritajiet rilevanti”.


57      Ara, f’dan is-sens, Franck, J.U, “Individual Private Rights of Action under the Platform-to-Business Regulation”, European Business Law Review, 2023, vol. 34, no4, p. 528.


58      Għal finijiet ta’ kompletezza, argument analogu huwa ripetut f’dak li jirrigwarda l‑obbligu tal-fornituri ta’ servizzi online li jirreġistraw f’reġistru li jinvolvi t‑trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti fuq l-organizzazzjoni tagħhom, imsemmija f’kawżi oħra koperti minn dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2019/1150.


60      L-Artikolu 56 TFUE huwa msemmi mir-raba’ domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, mit-tieni domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, u mill-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑665/22.


61      Huwa ċertament veru li r-raba’ domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 jirreferu biss għall-Artikolu 56 TFUE u għall-Artikolu 16 tad‑Direttiva 2006/123, mingħajr ma jsemmu d-Direttiva 2000/31. Madankollu, ċerti domandi preliminari f’dawn il-kawżi jsemmu din l-aħħar direttiva.


62      Dan l-approċċ huwa konformi ma’ dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal‑Artikolu 56 TFUE (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 41)) u tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31 (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 46)).


63      Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ fil-Kawżi C‑665/22 u C‑666/22.


64      Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22 u l-Kawża C‑664/22.


65      Ara, f’dak li jirrigwarda l-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, bħala eżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland (C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 31), u, f’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti mill-operaturi kummerċjali ta’ muturi ta’ tfittxija fuq l-internet, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, VG Media (C‑299/17, EU:C:2019:716, punt 30).


66      Ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31.


67      Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31.


68      Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.


69      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża LEA (C‑10/22, EU:C:2023:437, punt 49).


70      Kif għamlet l-AGCOM fil-Kawża C‑664/22. Ara l-punt 42 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


71      Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31.


72      Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2000/31.


73      Ara wkoll, f’dan is-sens, Crabit, E., “La directive sur le commerce électronique: le projet “Méditerranée”, Revue du droit de l’Union européenne, 2000, Nru 4, p. 767.


74      Ara t-tieni sentenza tal-premessa 21 tad-Direttiva 2000/31.


75      Ara l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31.


76      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża LEA (C‑10/22, EU:C:2023:437, punti 61, 63 u 64).


77      Titolu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31. Din l-ambigwità tidher fil-bażi legali ta’ din id-direttiva, li tirrigwarda kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll fil-premessi 1, 5 u 6 tagħha.


78      Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31.


79      Ara, reċentement, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual (C‑411/21, EU:C:2022:836, punt 29), li tirrigwarda taxxa intiża sabiex tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda l-obbligi relatati mal-qasam tat-tassazzjoni eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland (C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 42), u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 45).


80      Ara l-punt 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 66). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, G (C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 70).


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 66 u 67).


83      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 71).


84      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 81).


85      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 82).


86      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 66).


87      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764, punti 61 u 62).


88      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).


89      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 71).


90      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).


91      Ara l-punt 7 tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, li jistipula li “ma huwiex ikkontestat li l-kumpannija [ikkonċernata] hija legalment awtorizzata tbiegħ il-prodotti mediċinali lill-pubbliku fil-[Pajjiżi l-Baxxi] fejn hija stabbilita b’mod legali”.


92      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:467, punt 55).


93      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑358/98, EU:C:2000:114, punt 11).


94      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑358/98,, EU:C:2000:114, punti 13 u 14).


95      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C‑215/01, EU:C:2003:662, punti 36 u 37).


96      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 59).


97      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 83 u 99).


98      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 134 u 135), LEA (C‑10/22, EU:C:2023:437, punt 51), u Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:467, punt 54).


99      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023 (C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 60).


100      Ara l-punt 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


101      Ara l-Artikolu 1(2) u l-premessa 9 tar-Regolament 2019/1150.


102      Ara l-premessa 3 tar-Regolament 2019/1150.


103      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 64).


104      Ara l-punt 190 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


105      Ara l-punti 181 u 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


106      Id-Direttiva 2006/123 tissemma fir-raba’ domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, fit-tieni domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, u fil-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑665/22.


107      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 40 sa 42). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:692, punt 90).


108      Ara, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2000/31, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 34), u, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2006/123, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 23 et seq.).


109      Ara l-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


110      Fil-fatt, dawn l-obbligi huma msemmija fit-tieni u l-ħames domandi preliminari fil‑Kawżi magħquda C‑662/22 u C‑667/22, fit-tielet domandi preliminari fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22, u fit-tielet u s-sitt domandi preliminari fil‑Kawża C‑665/22.


111      Ara l-punti 181 u 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


112      Ara, f’dak li jikkonċerna d-Direttivi 2000/31 u 2015/1535, rispettivament, is‑sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 100), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 57).


113      Ara l-punti 181 u 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


114      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023 (C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 37).


115      Ara l-punt 219 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116      Ara l-punt 214 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


117      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C-62/19, EU:C:2020:980, punt 61).


118      L-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tiegħu, żewġ kjarifiki addizzjonali f’dan ir-rigward. B’hekk, minn naħa waħda, regola għandha tiġi kkunsidrata li hija speċifikament immirata lejn is-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni meta, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tagħha jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat. Min-naħa l-oħra, regola ma hijiex ikkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni jekk din taffettwa dawn is-servizzi b’mod impliċitu jew aċċidentali biss.


119      Ara l-punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


120      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:983, punti 35 u 36), mogħtija taħt id-direttiva li ppreċediet id-Direttiva 2015/1535, jiġifieri d-Direttiva 98/34, li regola nazzjonali li għandha bħala mira u bħala għan li testendi regola eżistenti għal servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi”, fis-sens ta’ din id-direttiva.


121      Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1) tad‑Direttiva 98/34, li kien jistipula eċċezzjoni simili, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑500/03, EU:C:2005:515, punt 33).


122      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496, punt 29).