Language of document : ECLI:EU:C:2024:407

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

16 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva (UE) 2019/1158 – Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri – Familja b’ġenitur wieħed – Trattament ugwali għal dak tal-familji b’żewġ ġenituri – Estensjoni tal-leave tal-maternità – Artikolu 5 – Leave parentali – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑673/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n1 de Sevilla (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Sevilla, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

CCC

vs

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Imħallef tas-Seba’ Awla, u M. L. Arastey Sahún, Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għat-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) u għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn M. Sánchez Jiménez u A. R. Trillo García, bħala letrados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU 2019, L 188, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, CCC u, min-naħa l-oħra, it-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) dwar ir-rifjut min-naħa ta’ dawn tal-aħħar li jestendu b’sittax‑il ġimgħa l-leave tal-maternità ta’ CCC li, flimkien mal-wild tagħha, tagħmel familja b’ġenitur wieħed.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 92/85/KEE

3        L-Artikolu 8, intitolat “Leave tal-Maternità”, tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14‑il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.      Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

 IdDirettiva 2019/1158

4        Il‑premessa 37 tad-Direttiva 2019/1158 hija fformulata kif ġej:

“Minkejja r-rekwiżit li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet tal-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għal-liv tal-ġenituri jenħtieġx li jiġu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ ġenituri f’sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għal-liv tal-paternità, il-liv tal-persuni li jindukraw u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli jenħtieġx li jiġu adattati għal bżonnijiet partikolari, bħal dawk ta’ ġenituri waħedhom, ġenituri adottivi, ġenituri b’diżabilità, ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jew b’mard fit-tul, jew ġenituri f’ċirkustanzi partikolari, bħal dawk relatati ma’ twelid multiplu u twelid prematur.”

5        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘liv tal-paternità’ tfisser liv mix-xogħol għall-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, għat-tieni ġenituri ekwivalenti, fl-okkażjoni tat-twelid ta' wild għall-finijiet ta’ indukrar;

(b)      ‘liv tal-ġenituri’ tfisser liv mix-xogħol għall-ġenituri minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild, għall-indukrar ta’ dak il-wild;

[...]”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Liv tal-paternità”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, it-tieni ġenituri ekwivalenti, ikollhom id-dritt għal liv tal-paternità ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, li għandu jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid tal-wild tal-ħaddiem. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk jippermettux li l-liv tal-paternità jittieħed parzjalment qabel jew esklussivament wara t-twelid tal-wild u jekk jippermettux li tali liv jittieħed b’modi flessibbli.

2.      Id-dritt għal-liv tal-paternità ma għandux ikun soġġett għal kwalifika ta’ perjodu ta’ xogħol jew għal kwalifika ta’ tul ta’ żmien fis-servizz.

3.      Id-dritt għal-liv tal-paternità għandu jingħata irrispettivament mill-istat ċivili jew l-istat tal-familja tal-ħaddiem, kif definit mil-liġi nazzjonali.”

7        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Liv tal-ġenituri”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu dritt individwali għal liv tal-ġenituri ta’ erba’ xhur li jrid jittieħed qabel ma l-wild jilħaq età speċifikata, sal-età ta’ tmien snin, li għandha tiġi speċifikata minn kull Stat Membru jew permezz ta’ ftehim kollettiv. Dik l-età għandha tiġi ddeterminata bil-għan li jkun żgurat li kull ġenitur jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal-liv tal-ġenituri b’mod effikaċi u fuq bażi ugwali.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xahrejn mil-liv tal-ġenituri ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

[...]

8.      L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-liv tal-ġenituri jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-ġenituri adottivi, tal-ġenituri b’diżabilità u tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jew b’marda fit-tul.”

8        L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2019/1158 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑2 ta’ Awwissu 2022. [...]”

 Iddritt Spanjol

 LIstatut talĦaddiema

9        L-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 2/2015 li japprova t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprevedi:

“It-twelid, li jinkludi l-ħlas u l-kustodja ta’ wild ta’ inqas minn tnax‑il xahar, jissospendi l-kuntratt ta’ xogħol tal-omm bijoloġika għal sittax‑il ġimgħa, li minnhom l-ewwel sitt ġimgħat wara t-twelid għandhom jittieħdu b’mod obbligatorju full-time, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ saħħet l-omm.

It-twelid jissospendi l-kuntratt ta’ xogħol tal-ġenitur li ma huwiex l-omm bijoloġika għal sittax‑il ġimgħa, li minnhom l-ewwel sitt ġimgħat wara t-twelid għandhom jittieħdu b’mod obbligatorju full-time, sabiex jitwettqu l-obbligi ta’ kura previsti fl-Artikolu 68 tal-Kodiċi Ċivili.

[...]

Ladarba jkunu għaddew l-ewwel sitt ġimgħat wara l-ħlas, is-sospensjoni tal-kuntratt ta’ kull wieħed mill-ġenituri, sabiex jittieħed ħsieb il-wild, tista’ tinqasam skont ir-rieda tal-ġenituri, permezz ta’ perijodi ta’ leave fil-ġimgħa li għandhom jittieħdu b’mod kumulattiv jew interrott, u tista’ tiġi eżerċitata mit-tmiem tas-sospensjoni obbligatorja wara l-ħlas sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ tnax‑il xahar. Madankollu, l-omm bijoloġika tista’ tantiċipa l-eżerċizzju tagħha sa erba’ ġimgħat qabel id-data prevista tal-ħlas. [...]

[...]”

 IlLiġi Ġenerali dwar isSigurtà Soċjali

10      L-Artikolu 177, intitolat “Sitwazzjonijiet protetti”, tat-texto refundido de la Ley General de la Seguridad Social (it-test riformulat tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), approvata bir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv 8/2015) tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261 tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali”), jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-benefiċċju mogħti fl-okkażjoni tat-twelid tal-wild sabiex jittieħed ħsieb tiegħu, previst f’din it-taqsima, għandhom jitqiesu bħala sitwazzjonijiet protetti, it-twelid, l-adozzjoni, il-kustodja għall-finijiet tal-adozzjoni u l-fostering, konformement mal-Kodiċi Ċivili jew mal-liġijiet ċivili tal-komunitajiet awtonomi li jirregolaw l-imsemmi fostering (bil-kundizzjoni li, f’dan il-każ tal-aħħar, it-tul tiegħu ma jkunx inqas minn sena), matul il-perijodi ta’ leave mogħtija għal dawn is-sitwazzjonijiet, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(4), (5) u (6) tal-[Istatut tal-Ħaddiema], u tal-Artikolu 49(a), (b) u (c) tat-[texto refundido de la Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (it-test ta’ riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Istatut Bażiku tal-Uffiċjali Pubbliċi)]”.

11      L-Artikolu 178 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni li jaqgħu taħt din is-sistema ġenerali, ikun xi jkun is-sess tagħhom, li jieħdu l-leave previst fl-artikolu preċedenti, għandhom dritt għall-allowance mħallsa fl-okkażjoni tat-twelid tal-wild sabiex jittieħed ħsieb tiegħu, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjoni ġenerali meħtieġa fl-Artikolu 165(1) u l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti b’mod leġiżlattiv, u li jipprovaw il-perijodi minimi ta’ kontribuzzjoni li ġejjin:

(a)      Jekk il-ħaddiem raġel jew il-ħaddiem mara jkollhom inqas minn 21 sena fid-data tat-twelid, jew fid-data tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ fostering jew ta’ kustodja għall-finijiet tal-adozzjoni jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi l-adozzjoni, ma huwa meħtieġ ebda perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni.

(b)      Jekk il-ħaddiem raġel jew il-ħaddiem mara jkunu laħqu l-età ta’ 21 sena u jkollhom inqas minn 26 sena fid-data tat-twelid, jew fid-data tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ fostering jew ta’ kustodja għall-finijiet tal-adozzjoni jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi l-adozzjoni, il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni meħtieġ huwa ta’ 90 jum matul is-seba’ snin immedjatament qabel il-bidu tal-leave. Il-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq titqies sodisfatta jekk, sussidjarjament, il-persuna kkonċernata tipprova 180 jum ta’ kontribuzzjoni matul il-ħajja tax-xogħol tagħha, qabel din id-data.

(c)      Jekk il-ħaddiem raġel jew il-ħaddiem mara jkollhom 26 sena fid-data tat-twelid, jew fid-data tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ fostering jew ta’ kustodja għall-finijiet tal-adozzjoni jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi l-adozzjoni, il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni meħtieġ huwa ta’ 180 jum matul is-seba’ snin immedjatament qabel il-bidu tal-leave. Din il-kundizzjoni titqies sodisfatta jekk, sussidjarjament, il-persuna kkonċernata tipprova 360 jum ta’ kontribuzzjoni matul il-ħajja tax-xogħol tagħha, qabel din id-data.

2.      Fil-każ ta’ twelid, l-età indikata fil-punt preċedenti tkun l-età li l-persuna kkonċernata tkun laħqet fil-mument li fih jibda l-leave, filwaqt li d-data tal-ħlas tittieħed bħala punt ta’ riferiment sabiex tiġi vverifikata l-prova tal-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni li jista’ jkun meħtieġ.

[...]”

12      L-Artikolu 179 ta’ din il-liġi jinkludi fih ir-regoli li japplikaw sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċju finanzjarju li għandu jingħata.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fil‑5 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali welldet tarbija. Hija u l-wild tagħha jagħmlu familja b’ġenitur wieħed. Bħala impjegata affiljata mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola, hija talbet lill-INSS sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-benefiċċju tal-maternità.

14      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 u tal‑14 ta’ Diċembru 2021, l-INSS taha l-allowance prevista minn din l-iskema għat-tul tal-leave tal-maternità tagħha, għall-perijodu mill‑5 ta’ Novembru 2021 sal‑24 ta’ Frar 2022.

15      Fit‑22 ta’ Frar 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-INSS estensjoni ta’ dan il-leave ta’ sittax‑il ġimgħa minħabba s-sitwazzjoni familjari tagħha ta’ ġenitur waħdu. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li l-leġiżlazzjoni Spanjola li tirregola l-leave parentali tiddiskrimina kontra t-tfal imwielda fi ħdan familji b’ġenitur wieħed meta mqabbla ma’ dawk imwielda f’familji b’żewġ ġenituri, inkwantu tal-ewwel ma jibbenefikawx, bħal dawk tat-tieni, mill-perijodu ta’ sittax‑il ġimgħa li matulu, f’familji b’żewġ ġenituri, il-ġenitur li ma huwiex l-omm bijoloġika jieħu ħsieb it-tfal.

16      L-INSS u t-TGSS ċaħdu l-imsemmija talba għar-raġuni li l-Artikolu 177 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jiddetermina l-ġenituri li jibbenefikaw mil-leave parentali b’mod individwali u fid-dawl tal-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni. B’hekk, f’familji b’żewġ ġenituri, ir-rikonoxximent tad-dritt għal leave parentali ma huwiex awtomatiku peress li kull ġenitur għandu jissodisfa, b’mod individwali, il-kundizzjonijiet legali għar-rikonoxximent tal-imsemmija benefiċċji. Għaldaqstant, l-għoti awtomatiku, favur l-omm bijoloġika ta’ wild imwieled fi ħdan familja b’ġenitur wieħed, tat-tul totali ta’ leave parentali li minnu jistgħu jibbenefikaw il-ġenituri f’familja b’żewġ ġenituri (jiġifieri s-sittax‑il ġimgħa tal-leave tagħha stess li magħhom jiżdiedu s-sittax‑il ġimgħa li huma rrikonoxxuti lill-ġenitur li ma huwiex l-omm bijoloġika) jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-familji b’żewġ ġenituri, li kull wieħed minnhom ma jingħatax awtomatikament id-dritt għal leave parentali ta’ sittax‑il ġimgħa.

17      Wara ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar ippreżentat rikors kontra l-INSS u t-TGSS quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Sevilla (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Sevilla, Spanja), il-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-estensjoni tal-leave tal-maternità tagħha bl-allowances u sabiex dan tal-aħħar ikopri perijodu ta’ 32 ġimgħa.

18      Dik il-qorti qiegħda tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tal-leave parentali mad-Direttiva 2019/1158 inkwantu din il-leġiżlazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-ġenituri ta’ familji b’ġenitur wieħed, li, meta mqabbla mal-ġenituri ta’ familji b’żewġ ġenituri, huma żvantaġġati fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata, kif ukoll tal-ħin li jqattgħu sabiex jieħdu ħsieb uliedhom.

19      B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex konformi ma’ din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn hija teskludi kull possibbiltà li jiġi estiż il-perijodu ta’ leave parentali għal omm li, flimkien mal-wild tagħha, tagħmel familja b’ġenitur wieħed u toħloq, għaldaqstant, inugwaljanza fit-trattament tagħha u tal-familji b’żewġ ġenituri li għandhom, tal-inqas, il-possibbiltà li jibbenefikaw minn leave parentali ta’ tul massimu ta’ 32 ġimgħa, li għaxar ġimgħat minnhom huma esklużivament intiżi sabiex jitwettaq l-obbligu taż-żewġ ġenituri li jieħdu ħsieb uliedhom. L-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Spanjola li jipprevedu miżuri jew kundizzjonijiet ta’ flessibbiltà għall-familji b’ġenitur wieħed twassal għal tnaqqis, għal dawn il-familji, fil-ħin li jqattgħu sabiex jieħdu ħsieb uliedhom meta mqabbel ma’ dak li l-ġenituri ta’ familja b’żewġ ġenituri jistgħu jiddedikaw għal uliedhom meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.

20      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-familji b’ġenitur wieħed jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 2019/1158, moqri flimkien mal-premessa 37 ta’ din id-direttiva, li tippermetti li jiġu adattati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-modalitajiet preċiżi ta’ applikazzjoni tal-leave parentali għall-bżonnijiet tal-ġenituri adottivi, tal-ġenituri b’diżabbiltà u tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jew li jsofru minn marda fit-tul. Hija tistaqsi wkoll jekk ir-regoli minimi tal-Unjoni imposti fuq l-Istati Membri jinkludux l-obbligu li jiġi previst qafas legali adattat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-familji b’ġenitur wieħed fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Sevilla) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-ommissjoni mil-leġiżlatur Spanjol fl-Artikolu 48[(4)] [tal-Istatut tal-Ħaddiema] u fl-Artikoli 177, 178 u 179 [tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali], ta’ leġiżlazzjoni li tinvolvi evalwazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-familja b’ġenitur wieħed, fil-kuntest tal-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, li għandha effett fuq il-perijodu intiż sabiex persuna tieħu ħsieb tarbija tat-twelid, meta mqabbel ma’ minuri mwieled fi ħdan familja b’żewġ ġenituri li fiha ż-żewġ ġenituri jistgħu jgawdu minn leave mħallas, fil-każ li dawn jissodisfaw, it-tnejn li huma, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-provvista [benefiċċju] tas-sigurtà soċjali, hija konformi mad-Direttiva 2019/1158, li timponi evalwazzjoni speċifika, b’mod partikolari, tat-twelid tal-wild fi ħdan familja b’ġenitur wieħed, sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u l-modalitajiet preċiżi ta’ dan tal-aħħar?

(2)      Ir-rekwiżiti dwar it-teħid tal-leave minħabba t-twelid ta’ wild, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-provvista finanzjarja [benefiċċju finanzjarju] tas-sigurtà soċjali u s-sistema tat-teħid tal-leave parentali u, b’mod partikolari, l-estensjoni possibbli tat-tul ta’ dan tal-aħħar jekk ma jkun hemm ebda ġenitur ieħor ħlief l-omm bijoloġika sabiex tieħu ħsieb il-wild, għandhom jiġu interpretati, fl-assenza ta’ regola speċifika prevista mil-leġiżlatur Spanjol, b’mod flessibbli konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. B’hekk, id-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qrati tar-rinviju “[j]kunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawżi li jkunu aditi bihom (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinarja tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      B’hekk, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun qiegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F.(Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali; meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta milli tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-leave parentali, previsti fid-Direttiva 2019/1158 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(8) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 37 tagħha.

27      Madankollu, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158, dwar il-leave parentali, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna talba għal estensjoni ta’ sittax‑il ġimgħa tal-leave tal-maternità minħabba l-istatus tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala ġenitur waħdu. Barra minn hekk, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema u l-Artikoli 177 sa 179 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, li l-qorti tar-rinviju qiegħda tikkontesta l-konformità tagħhom mal-Artikolu 5 li jirreferi għad-dritt għal-leave parentali, jidhru li jirregolaw il-leave tal-maternità jew tal-paternità.

28      Issa, il-kunċetti ta’ “leave parentali”, ta’ “leave tal-paternità” u ta’ “leave tal-maternità” għandhom sens preċiż u definit fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, leave parentali huwa ddefinit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(b) tagħha, bħala leave mix-xogħol ta’ erba’ xhur għall-ġenituri minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild sabiex jieħdu ħsiebu u li għandu jittieħed qabel ma l-wild jilħaq età partikolari ta’ mhux iktar minn tmien snin. Fir-rigward tal-leave tal-paternità, dan ifisser, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a) tagħha, leave mix-xogħol ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol għall-missirijiet jew, jekk hemm bżonn, għall-persuni rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala t-tieni ġenituri ekwivalenti, li għandu jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wild sabiex jittieħed ħsieb tiegħu. Finalment, kif jistabbilixxi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, leave tal-maternità huwa leave għall-ħaddiema nisa tqal jew li jkunu xtraw għal żmien kontinwu ta’ mill-inqas 14‑il ġimgħa qabel u/jew wara l-ħlas.

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-leave parentali u l-leave tal-maternità ifittxu għanijiet differenti. B’hekk, għalkemm il-leave parentali jingħata lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom u jista’ jittieħed sakemm dawn jilħqu età partikolari li ma taqbiżx it-tmien snin, il-leave tal-maternità huwa intiż sabiex tiġi żgurata kemm il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara, kif ukoll ir-relazzjoni speċjali bejn din tal-aħħar u wliedha matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u l-ħlas, billi jiġi evitat li din ir-relazzjoni tiġi mfixkla mill-ħafna piż li jirriżulta mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez, C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      B’hekk, fid-dawl tat-tilwima fil-kawża prinċipali li tikkonċerna talba għall-estensjoni ta’ leave tal-maternità, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju la tispjega għaliex hija qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158 fir-rigward tal-leave parentali u lanqas ir-rabta li teżisti bejn din id-dispożizzjoni u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati minnha li jirregolaw il-leave tal-maternità jew il-leave tal-paternità.

31      Fl‑4 ta’ Ottubru 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju u stedinha tippreċiża jekk it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinitx tirrigwarda leave tal-maternità, leave tal-paternità jew leave parentali. Kemm‑il darba din it-talba tirrigwarda leave parentali, il-qorti tar-rinviju ntalbet tippreċiża r-rwol u n-natura tal-intervent tal-INSS fil-kuntest ta’ tali talba. Kemm‑il darba din it-talba tirrigwarda leave tal-maternità jew leave tal-paternità, il-qorti tar-rinviju kienet mistiedna tippreċiża kif l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158 dwar il-leave parentali kienet meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

32      B’risposta għal din it-talba għal informazzjoni, il-qorti tar-rinviju indikat li huwa evidenti li n-natura tal-leave parentali msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158 u dik tal-leave tal-maternità mħallas, irregolat mill-Artikoli 177 et seq tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, huma simili u li l-leave tal-maternità kien jagħti protezzjoni ġuridika privileġġata tal-maternità. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tas-sigurtà soċjali hijiex konformi mad-Direttiva 2019/1158 inkwantu din il-leġiżlazzjoni la tirregola u lanqas tipprevedi s-sitwazzjoni partikolari tal-familji b’ġenitur wieħed, u dan indipendentement mill-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-leave inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li risposta għad-domandi tagħha hija meħtieġa sabiex jiġi evitat rifjut sistematiku tad-dritt għall-estensjoni mitluba minn applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni Spanjola li jista’ jippreġudika d-drittijiet tat-tfal imwielda f’familji b’ġenitur wieħed meta mqabbla ma’ dawk imwielda f’familji b’żewġ ġenituri, li għandhom il-possibbiltà, fid-dritt Spanjol, li jibbenefikaw minn perijodu ta’ 32 ġimgħa ta’ leave parentali.

33      Madankollu, din ir-risposta tal-qorti tar-rinviju ma tikkjarifikax ir-rabta bejn, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali li tikkonċerna talba għal estensjoni ta’ leave tal-maternità, irregolat mill-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema u mill-Artikoli 177 sa 179 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158 li jagħti dritt individwali lil kull ġenitur għal leave parentali u jippreċiża l-kundizzjonijiet tiegħu. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jikkonċernax il-leave tal-maternità u għalhekk ma jirregolax il-kwistjoni tal-estensjoni ta’ dan il-leave minħabba l-fatt li omm tagħmel, flimkien mal-wild tagħha, familja b’ġenitur wieħed, ħaġa li ma tistax tiġi kkontestata mill-allegat xebh bejn il-leave parentali u l-leave tal-maternità kif ukoll mir-riskju ta’ applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni Spanjola li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-familji b’ġenitur wieħed.

34      Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/1158 japplika ratione materiae għall-kawża prinċipali. Għalhekk, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2019/1158, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponuha fid-dritt intern tagħhom sa mhux iktar tard mit‑2 ta’ Awwissu 2022. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fit‑22 ta’ Frar 2022, talbet estensjoni tal-leave tal-maternità tagħha b’effett mill‑24 ta’ Frar 2022 u dan għal perijodu ta’ sittax‑il ġimgħa.

36      B’hekk, kemm id-data ta’ din it-talba kif ukoll kwalunkwe perijodu ta’ estensjoni tal-leave tal-maternità inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreċedu d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fid-Direttiva 2019/1158. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi stabbilit li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema u l-Artikoli 177 sa 179 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali ġew adottati bil-għan li jiġi antiċipat l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirrigwardaw il-leave parentali.

37      Konsegwentement, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1158 ma skadiex u peress li din id-direttiva ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għall-finijiet tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA, C‑165/98, EU:C:2001:162, punt 17).

38      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom la japplikaw ratione materiae u lanqas ratione temporis għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, id-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża għandhom natura ipotetika.

39      Dan ifisser li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social No 1 de Sevilla (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Sevilla, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat28 ta’ Settembru 2022, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.