Language of document : ECLI:EU:T:2002:283

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C-766/21 P

Il-Parlament Ewropew

vs

Axa Assurances Luxembourg SA,

Bâloise Assurances Luxembourg SA,

La Luxembourgeoise SA,

Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV

“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-Unjoni Ewropea – Artikoli 123 u 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Konvenut kontumaċi – Sentenza fil-kontumaċja – Rikors għall-oppożizzjoni ta’ sentenza fil-kontumaċja – Artikoli 41 u 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà tal-appell u tal-appell inċidentali”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kawża preżenti tikkonċerna appell ippreżentat mill-Parlament Ewropew mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament Ewropew vs Axa Assurances Luxembourg et (2), kif ukoll appell inċidentali ppreżentat minn Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “NN”) minn din is-sentenza.

2.        F’dawn il-konklużjonijiet – it-tieni li qiegħed nissottometti f’din il-kawża, peress li l-fażi orali nfetħet mill-ġdid wara l-preżentazzjoni tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi fit‑18 ta’ Jannar 2024 (3) – ser nittratta l-kwistjoni ta’ jekk l-appell ippreżentat mill-Parlament Ewropew għandux jiġi ddikjarat inammissibbli, fid-dawl tal-prinċipji li joħorġu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC (4).

II.    Ilkuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) jgħid:

“Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. […]”

4.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut jipprovdi:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.”

5.        L-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“RPQĠ”) (intitolat “Sentenzi fil-kontumaċja”) jgħid:

“1. Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, regolarment intimat, ma jkunx irrisponda għar-rikors fil-forma u fit-terminu previsti […] ir-rikorrent jista’, f’terminu ffissat mill-President, jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.

[…]

3. Fis-sentenza fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

[…]”

6.        L-Artikolu 166 tar-RPQĠ (intitolat “Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja”) jipprovdi:

“1. Skont l-Artikolu 41 tal-Istatut, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista’ tkun suġġetta għal oppożizzjoni.

2. L-oppożizzjoni għandha ssir mill-konvenut kontumaċi f’terminu ta’ xahar li jiddekorri min-notifika tas-sentenza fil-kontumaċja. […]

3. Wara n-notifika tal-oppożizzjoni, il-President għandu jiffissa terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

[…]

5. Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li ma tistax tkun suġġetta għal oppożizzjoni.”

III. Sfond għallkonklużjonijiet preżenti

7.        L-aspetti l-iktar rilevanti tal-kuntest fattwali u legali tal-kawża, sal-preżentazzjoni tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, huma esposti fil-punti 13 sa 31 ta’ dawk il-konklużjonijiet. Ma narax il-ħtieġa li nirrepetihom hawnhekk.

8.        Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi – li, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, iffokaw fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali u xi kwistjonijiet proċedurali oħra – ipproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja: (i) tikkonstata li t-tweġiba ta’ NN għall-appell tal-Parlament hija ammissibbli, u (ii) tiċħad l-appell inċidentali ta’ NN bħala inammissibbli. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis l-appell inċidentali ta’ NN bħala ammissibbli, jiena pproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata minħabba ksur tal-Artikolu 123(3) tar‑RPQĠ (5).

9.        Fl-istess jum li ppreżentajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat is-sentenza tagħha fil-kawża Eulex Kosovo msemmija hawn fuq, u li tagħha ser niddiskuti l-aspetti ewlenin fil-qosor.

10.      Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet talbet l-annullament ta’ deċiżjoni adottata minn Eulex Kosovo u kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-aġir ta’ Eulex Kosovo. Min-naħa tagħha, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà tar-rikors, iżda naqset milli tippreżenta risposta fit-terminu previst.

11.      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tagħti sentenza fil-kontumaċja. Fis-sentenza tagħha, mogħtija fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kontra Eulex Kosovo (6).

12.      Eulex Kosovo ressqet oppożizzjoni kontra s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja abbażi tal-Artikolu 166 tar-RPQĠ u, ftit wara, ippreżentat ukoll appell minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

13.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell, għar-raġuni li “appell ippreżentat minn sentenza mogħtija fil-kontumaċja li hija s-suġġett ta’ oppożizzjoni huwa inammissibbli”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “peress li [l-preżentata ta’ rikors għall-oppożizzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kontumaċja] għandha l-effett li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, sentenza mogħtija fil-kontumaċja li kienet is-suġġett ta’ [tali rikors] ma tistax titqies li hija deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Artikolu 56 [tal-Istatut]” (7).

14.      Fid-dawl tas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) iddeċidiet, b’digriet tal‑20 ta’ Marzu 2024, li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u li żżomm seduta, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jiddiskutu, u l-Avukat Ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet, dwar it-tifsira li għandha tingħata lis-siltiet ta’ din is-sentenza ċċitata hawn fuq u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-proċedura preżenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-appell tal-Parlament. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll żewġ mistoqsijiet lill-partijiet sabiex tingħatalhom tweġiba fis-seduta.

15.      Axa Assurances Luxembourg SA, Bâloise Assurances Luxembourg SA, La Luxembourgeoise SA, (flimkien, iktar ’il quddiem, il-“konvenuti l-oħra”), NN (8) u l-Parlament ippreżentaw il-fehmiet tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li saret fis‑17 ta’ April 2024.

IV.    Analiżi

16.      Fil-fehma tiegħi, l-appell ippreżentat mill-Parlament Ewropew huwa ammissibbli. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-konvenuti waqt is-seduta, il-konklużjoni kuntrarja ma hija konformi la mar-regoli proċedurali rilevanti tal-Unjoni, u lanqas mas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo.

A.      Issentenza appellata bħala ġabra ta’ sentenzi

17.      Qabel kollox, nixtieq nenfasizza li s-sentenza appellata ma hijiex sentenza mogħtija fil-kontumaċja fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Istatut fl-intier tiegħu. Dan jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni: “Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza [kontra tagħha] fil-kontumaċja tagħha” (9).

18.      Għalhekk, hija biss il-parti tas-sentenza li tikkonċerna lil NN li ngħatat fil-kontumaċja, peress li din hija l-parti li “[naqset] milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub”. Il-kumplament tas-sentenza huwa differenti f’dan ir-rigward, peress li l-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza pparteċipaw debitament f’dawn il-proċeduri.

19.      Imbagħad, in-natura komposta tas-sentenza appellata hija riflessa wkoll fl-istruttura u l-kontenut tagħha. Din is-sentenza hija maqsuma f’żewġ partijiet: waħda tikkonċerna t-talbiet tal-Parlament kontra NN (il-punti 45 sa 61 tal-motivazzjonijiet tas-sentenza u l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv), u l-oħra tikkonċerna t-talbiet tal-Parlament kontra t-tliet konvenuti l-oħra (il-punti 62 sa 138 tal-motivazzjonijiet tas-sentenza u l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv). Għalhekk, iż-żewġ partijiet tas-sentenza huma distinti u indipendenti.

20.      Ir-raġuni għal dan tinsab fil-fatt li, filwaqt li fit-tieni parti tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-talbiet tar-rikorrenti billi wettqet stħarriġ sħiħ tal-fatti u tad-dritt rilevanti, fl-ewwel parti hija eżaminat it-talbiet tagħha skont l-eżami stabbilit fl-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ, li, kif iddikjarajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, jistabbilixxi forma ta’ stħarriġ “ħafif” (10).

21.      Huwa għalhekk li s-sentenza appellata għandha titqies li hija “ġabra ta’ sentenzi”. Hija taffettwa l-pożizzjoni legali tal-erba’ konvenuti b’mod individwali u speċifiku (11). Fil-fatt, il-Parlament seta’ jiftaħ kawża separata kontra kull konvenut, li kien jagħti lok għal erba’ sentenzi distinti mill-Qorti Ġenerali.

22.      Kif irrileva ġustament il-Parlament waqt is-seduta, il-fatt li l-erba’ konvenuti huma marbuta bl-istess kuntratt ma jeskludix il-possibbiltà li l-pożizzjoni legali tagħhom tista’ tiġi ddifferenzjata. Dan huwa a fortiori minnu f’dan il-każ, peress li l-kuntratt inkwistjoni jistabbilixxi forma ta’ responsabbiltà konġunta, iżda mhux separata, fost l-erba’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-kuntratt, inkluż fil-klawżola ta’ arbitraġġ stabbilita fl-Artikolu I.19 tiegħu, li jeħtieġ li l-Parlament jaġixxi kontra l-konvenuti kollha fl-istess ħin.

23.      Il-fatt li l-Parlament għażel li jaġixxi kontra l-konvenuti fl-istess proċedura ġudizzjarja ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward. Tabilħaqq, ir-riżultat ta’ proċedura bħal dik preżenti mhux neċessarjament ikun l-istess għall-konvenuti kollha involuti. Il-konvenuti jistgħu, pereżempju, jagħżlu linji ta’ difiża differenti jew xi wħud minnhom jistgħu jiddeċiedu li jaslu li jirregolaw il-kwistjoni mar-rikorrenti li tista’, min-naħa tagħha, tirtira parti mit-talbiet tagħha (12).

24.      Is-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo, iċċitata iktar ’il fuq, ma titfax dubju fuq dak li ntqal hawn fuq. Fil-fatt, kif issemma fil-punti 10 sa 12 iktar ’il fuq, dik il-kawża kienet tikkonċerna konvenut wieħed, li kien naqas milli jippreżenta risposta fit-terminu stabbilit. Il-proċedura kollha fl-ewwel istanza twettqet in absentia u, konsegwentement, is-sentenza kollha ngħatat fil-kontumaċja. Għalhekk, is-sentenza kollha kienet is-suġġett tal-proċedura mibdija mill-konvenut taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ (13).

25.      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk peress li, fir-rikors tagħha taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ (14), NN talbet biss l-annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Wara kollox, ma setax ikun mod ieħor: dawn huma l-uniċi partijiet tas-sentenza mogħtija – fi kliem l-Artikolu 41 tal-Istatut – fil-kontumaċja kontra NN.

B.      Innatura parzjalment definittiva tassentenza appellata

26.      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-sempliċi fatt li wieħed mill-konvenuti fit-tilwima inkwistjoni naqas milli jippreżenta r-risposta fl-ewwel istanza ma jċaħħadx is-sentenza tal-Qorti Ġenerali min-natura definittiva tagħha fir-rigward tat-talbiet tal-Parlament kontra l-konvenuti l-oħra.

27.      Sa fejn jirrigwarda dawn il-konvenuti, din is-sentenza tikkostitwixxi “deċiżjoni definittiva” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut u tista’, għalhekk, tkun suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tas-sentenza appellata, ma hemm – biex nuża l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo – l-ebda rimedju legali ieħor li huwa disponibbli.

28.      B’mod partikolari, dawk il-partijiet ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-konvenut kontumaċi taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ. Il-konklużjoni opposta kieku twassal għal sitwazzjoni pjuttost stramba. Il-Qorti Ġenerali jkollha teżamina mill-ġdid mhux biss il-kwistjonijiet li jkunu ġew evalwati abbażi ta’ eżami ħafif tal-fatti u l-liġijiet rilevanti (fir-rigward ta’ NN (15)), iżda wkoll dawk li fuqhom hija tkun wettqet eżami komplet (fir-rigward tal-konvenuti l-oħra).

29.      Barra minn hekk, ikollha tagħmel dan minkejja l-fatt li l-konvenuti l-oħra ma jipparteċipawx fil-proċedura għall-oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja. Fil-fatt, l-Artikolu 166 tar-RPQĠ jagħmilha ċara li “il-parti l-oħra” biss (jiġifieri, ir-rikorrent) tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-proċedura mibdija mir-rikors għall-oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni ftit li xejn tkun konsistenti mal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tal-konvenuti l-oħra u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali.

30.      Ċertament, wieħed jista’ jargumenta li l-użu tas-singular fil-kelma “parti” f’din id-dispożizzjoni – li, inżid ngħid jien, huwa konsistenti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tar-RPQĠ – mhux bilfors jipprekludi l-possibbiltà li, f’ċerti każijiet, ikun hemm iktar minn parti waħda.

31.      Madankollu, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 166 tar-RPQĠ tmur kontra l-loġika tal-mekkaniżmu previst fih. Il-proċedura stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma hijiex forma ta’ appell, u lanqas reviżjoni ta’ sentenza. Pjuttost, hija mezz proċedurali li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ta’ kawża (16), li jippermetti lill-parti kontumaċi tingħaqad mal-proċedura sabiex kwistjoni li kienet provviżorjament aġġudikata inaudita altera parte (17) tkun tista’ finalment tiġi deċiża wara proċedura kontradittorja li fiha l-prinċipju ta’ audi alteram partem jiġi rrispettat (18). Minn din il-perspettiva, jidher ċar li ma hemmx lok li l-konvenuti l-oħra jiġu involuti fi proċedura mibdija taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ peress li huma jkunu diġà nstemgħu.

32.      F’dan il-kuntest, inżid ukoll, mingħajr ma nelabora, li interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 166 tar-RPQĠ tirriskja li twitti t-triq għal abbużi proċedurali. Tabilħaqq, fi proċedimenti mressqa kontra bosta konvenuti, wieħed minnhom jista’ jagħżel strateġikament li jibqa’ barra mill-ewwel sett ta’ proċedimenti sabiex, fil-każ li l-konvenuti l-oħra jitilfu, it-talba għall-oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja tippermetti lill-konvenuti kollha li jkollhom “ċans ieħor” fil-kawża tagħhom. F’dan is-sett ġdid ta’ proċeduri, il-konvenuti jgawdu wkoll mill-vantaġġ li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom l-argumenti invokati sa dak il-punt ikunu naqsu milli jikkonvinċu lill-Qorti Ġenerali (19). Barra minn hekk, dan inaqqas b’mod sinjifikattiv l-effettività, f’tali ċirkustanzi, tad-dispożizzjonijiet dwar l-oneru tal-allegazzjoni tal-partijiet inklużi fir-Regoli tal-Proċedura (20).

33.      Għalhekk, ma hemm ebda bażi biex jitqies li n-natura provviżorja ta’ parti minn sentenza mogħtija fil-kontumaċja testendi għall-partijiet l-oħra tas-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali tkun eżaminat kwistjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja u tkun tat deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa mill-partijiet kollha kkonċernati. Għaldaqstant, dawn il-partijiet tas-sentenza jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 56 tal-Istatut.

C.      Terminu biex jiġi ppreżentat appell

34.      Waqt is-seduta, il-konvenuti pproponew ukoll interpretazzjoni alternattiva tal-qafas proċedurali rilevanti. Huma sostnew li, fir-rigward tal-konvenuti l-oħra, is-sentenza appellata hija tabilħaqq definittiva (kif sostna wkoll il-Parlament), iżda ma tistax tiġi kkontestata fl-appell sakemm il-proċedura ta’ oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja, mibdija minn NN, tkun ġiet konkluża. Fil-fehma tagħhom, dan ikun meħtieġ sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tad-difiża ta’ NN u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti dwar l-istess kwistjonijiet.

35.      Mhux konvint minn dawn l-argumenti.

36.      Il-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut huwa ċar ħafna meta jgħid li appell minn (inter alia) deċiżjoni definittiva tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi ppreżentat “fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata”. L-ebda dispożizzjoni tal-Istatut, tar-RPQĠ jew tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“RĠtQĠ”) ma tipprovdi xi eċċezzjoni għal din ir-regola (21).

37.      L-argument tal-konvenuti huwa wkoll inkonsistenti mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, minn tal-inqas żewġ bnadi.

38.      L-ewwel, dan itawwal b’mod sinjifikattiv it-tul tal-proċedura – u konsegwentement l-istat ta’ inċertezza legali– fir-rigward tal-partijiet tal-kawża li ma jkunux is-suġġett tal-proċedura taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ. It-tieni, dan de facto jagħti lill-partijiet li beħsiebhom jappellaw kontra dawk il-partijiet tas-sentenza mhux mogħtija fil-kontumaċja terminu itwal (ħafna drabi, b’mod sinjifikattiv) li fih jippreparaw l-appell tagħhom. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali sa fejn il-partijiet l-oħra fil-kawża rilevanti quddiem il-Qorti Ġenerali (b’mod partikolari dawk li jopponu t-talbiet tar-rikorrenti) ikollhom biss xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti tal-appellanti (22).

39.      Jiena wkoll mhux konvint bir-riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti mqajma mill-konvenuti. Hemm mekkaniżmi proċedurali speċifiċi li ġew maħsuba għal dan il-għan. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 54 tal-Istatut, l-Artikolu 69 tar-RPQĠ u l-Artikolu 55 tar-RPQtĠ, kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jordnaw, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, is-sospensjoni tal-proċedura sakemm il-qorti l-oħra tkun tat is-sentenza tagħha.

40.      Tabilħaqq, dan huwa proprju dak li seħħ f’din it-tilwima, peress li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja mibdija minn NN ġiet sospiża sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha f’din il-proċedura ta’ appell.

41.      F’dan il-kuntest, nenfasizza wkoll li l-possibbiltà ta’ eżiti differenti fi proċeduri separati, f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ inkwistjoni, ma timplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti. Fil-fatt, kif semmejt qabel fil-punt 23, il-pożizzjoni ta’ kull konvenut tista’ tkun differenti ħafna kemm mil-lat sostantiv kif ukoll minn dak proċedurali. Fi kwalunkwe każ, hija tipikament ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-konsistenza fil-ġurisprudenza, billi tagħti deċiżjoni fuq appell(i) minn deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza.

42.      Lanqas ma jiena konvint mill-argumenti dwar ksur tad-dritt tad-difiża tal-konvenut kontumaċi. Jekk fhimt sewwa, il-qofol tal-argument huwa kif ġej: il-proċedura ta’ oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ tiġi mċaħħda minn kull sinjifikat peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ definittivament il-kwistjonijiet rilevanti fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-konvenuti l-oħra.

43.      Madankollu, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 44 sa 65 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, peress li NN kienet konvenuta fl-ewwel istanza, u għandha “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”, hija tista’ tissottometti risposta għall-appell ippreżentat mill-Parlament. Il-fatt li, fl-ewwel istanza, kienet konvenuta kontumaċi ma jbiddilx dan. Waħda mir-raġunijiet tal-pożizzjoni tiegħi f’dan ir-rigward hija li, fid-dawl tax-xebh tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati fiż-żewġ proċeduri (l-oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali, u l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), kien meħtieġ li jiġi protett id-dritt ta’ NN għal rimedju effettiv u d-dritt tagħha li tinstema’.

44.      Għalhekk, NN tista’ tesprimi l-veduti tagħha fuq il-kwistjonijiet kollha li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ fl-appell. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jkun hemm ebda ksur tad-dritt tagħha li tinstema’.

45.      Forsi ma jkunx prattiku għal NN li l-pożizzjoni legali tagħha tkun qiegħda tiġi evalwata f’żewġ proċeduri separati (direttament quddiem il-Qorti Ġenerali fil-proċedura ta’ oppożizzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja, u indirettament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura ta’ appell) iżda dan huwa sempliċement ir-riżultat tal-għażla tagħha stess li ma tidhirx fil-proċedura oriġinali mibdija mill-Parlament.

46.      Fl-aħħar nett, inżid biss li l-interpretazzjoni alternattiva tal-konvenuti tal-qafas proċedurali rilevanti tfakkar fix-xewqa proverbjali li wieħed igawdi kemm minn beni u kemm mill-frott tal-bejgħ tagħhom. Fil-fatt, huma jissuġġerixxu li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-talbiet tal-Parlament kontra l-konvenuti l-oħra jkunu – fl-istess ħin – “definittivi”, peress li ma humiex suġġetti għall-proċedura mibdija minn NN taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ, u fl-istess ħin mhux miftuħa għal kwalunkwe appell sakemm din il-proċedura tkun pendenti.

47.      Fil-fehma tiegħi, waħda biss miż-żewġ ipoteżi tista’ tkun korretta: bil-proċedura taħt l-Artikolu 166 tar-RPQĠ, jew kollox jerġa’ jintefa’ “fuq il-mejda”, jew l-aħħar partijiet tas-sentenza appellata jistgħu jkunu suġġetti għal appell fit-terminu standard ta’ xahrejn. Għar-raġunijiet spjegati f’dawn il-konklużjonijiet, jiena konvint li din tal-aħħar hija l-waħda korretta. Konsegwentement, l-appell tal-Parlament għandu jitqies ammissibbli.

V.      Konklużjoni

48.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell ippreżentat mill-Parlament Ewropew ammissibbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      T‑384/19, EU:T:2021:630 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3      Konklużjonijiet fil-kawża Il‑Parlament Ewropew vs Axa Assurances Luxembourg et (C‑766/21 P, EU:C:2024:63) (iktar ’il quddiem l-“ewwel konklużjonijiet tiegħi”).


4      C‑785/22 P, EU:C:2024:52 (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Eulex Kosovo”).


5      Dawn il-konklużjonijiet għadhom validi. Għalhekk, mhux ser niddiskuti l-aspetti relatati tat-tilwima preżenti.


6      Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17 RENV, EU:T:2022:637).


7      Punti 31 u 32 tas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo.


8      NN u l-konvenuti l-oħra minn hawn ’il quddiem ser jissejħu l-“konvenuti”.


9      Enfasi miżjuda.


10      Punt 132 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


11      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il‑Kummissjoni (C‑354/87, EU:C:1990:371, punt 23).


12      Fil-fatt, f’dan il-każ, l-eżitu tal-proċedura għal NN u għall-konvenuti l-oħra kien differenti, għalkemm dan kien ir-riżultat ta’ dak li nqis li huwa żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Ara l-punti 120 sa 148 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


13      Ara l-punt 32 tas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo.


14      Kawża T‑384/19 OP, Il‑Parlament vs Axa Assurances Luxembourg et, bħalissa pendenti.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 130 sa 132 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


16      Ara l-punt 31 tas-sentenza fil-kawża Eulex Kosovo.


17      Ara, f’dan is-sens, il-punt 40 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


18      Fir-rigward tal-importanza ta’ dan il-prinċipju fil-proċeduri ġudizzjarji tal-Unjoni, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Bl-elaborazzjoni ta’ dan ir-raġunament ad absurdum, wieħed jista’ saħansitra jaħseb f’sitwazzjonijiet li fihom diversi konvenuti jiddeċiedu li ma jipparteċipawx fl-ewwel sett ta’ proċeduri, u mbagħad jikkontestaw wieħed wieħed, skont l-Artikolu 166 tar-RPQĠ, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, li jwassal għal “xmara” ta’ proċedimenti tal-ewwel istanza. Tabilħaqq, sakemm ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn il-konvenuti kollha jkunu debitament ħadu sehem fil-proċedimenti, dejjem ser ikun hemm parti mis-sentenza li tingħata fil-kontumaċja.


20      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 84 (“Motivi ġodda”) u l-Artikolu 85 (“Provi u provi proposti”) tar-RPQĠ.


21      Ta’ min jinnota li ż-żewġ korpi ta’ regoli fihom numru ta’ dispożizzjonijiet li, f’ċerti ċirkustanzi, jippermettu s-sospensjoni ta’ xi termini stabbiliti fihom. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 55(3), l-Artikolu 71(2) u l-Artikolu 147(7) tar-RPQĠ, u l-Artikolu 46(3), l-Artikolu 55(5) u l-Artikolu 186(3) tar-RPtQĠ.


22      Ara l-Artikolu 172 tar-RPQĠ, li jgħid ukoll li “t-terminu għall-preżentata ta’ risposta għall-appell ma jistax jiġi pprorogat”.