Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2012 - Zafeiropoulos vs Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

(Kawża T-537/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Panteleimon Zafeiropoulos (Thessaloniki, il-Greċja) (rappreżentant: M. Kontogiorgos, avukat)

Konvenut: Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni taċ-Cedefop li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrent fil-kuntest ta' sejħa għal offerti permezz ta' proċedura ristretta u mħaffa għall-għoti tal-kuntratt "Provvista ta' servizzi mediċi għall-membri tal-persunal taċ-Cedefop" (Sejħa għal Offerti 2012/S115-189528), kif ukoll tannulla d-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt (2012/S208-341369/27.10.2012) li permezz tagħha dan il-kuntratt ingħata lil pedjatriku;

tannulla d-deċiżjoni li tiċħad t-talba għal konferma ppreżentata mir-rikorrent lill-konvenut fid-19 ta' Novembru 2012 u tordna lil dan tal-aħħar sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali t-test komplet tad-dokumenti kollha li jirrigwardaw il-proċedura kkontestata, sabiex ikun possibbli li jsir stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna liċ-Cedefop sabiex iħallas lir-rikorrenti l-kumpens ta' EUR 100 000 għad-dannu subit minħabba l-azzjonijiet tal-organi taċ-Cedefop li huma s-suġġett ta' dan ir-rikors; u

tikkundanna liċ-Cedefop għall-ispejjeż tal-proċedimenti u għall-ispejjeż l-oħra kollha sostnuti mir-rikorrent fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-azzjonijiet ikkontestati ta' Cedefop huma nieqsa minn motivazzjoni u jiksru d-dritt ta' difiża u d-dritt tar-rikorrent li jikseb protezzjoni effettiva, peress li mill-kontenut tad-deċiżjoni ta' għoti kkontestata u mid-dokumenti pprovduti bħala riżultat tat-talba tar-rikorrent jirriżulta li ma huwiex possibbli li tinsilet konklużjoni ċerta fir-rigward tal-modalità ta' evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, ta' klassifikazzjoni tal-offerti u li, konsegwentement, id-deċiżjoni finali tal-konvenut, Cedefop, ma kinitx immotivata suffiċjentement, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE ; minbarra dan, ir-rikorrent ma ġiex informat bil-karatteristiċi speċifiċi u l-vantaġġi komparattivi tal-offerta magħżula meta mqabbla mal-offerta tiegħu. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-elementi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni finali tal-kumitat ta' evalwazzjoni fil-proċedura kkontestata ta' għoti tal-kuntratt ta' provvista ta' servizzi mediċi lill-membri tal-persunal taċ-Cedefop qatt ma ġew ikkomunikati lilu, minkejja l-preżentazzjoni ta' din it-talba u ta' talba għal konferma f'dan ir-rigward.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li ċ-Cedefop wettaq żball ta' fatt u kiser il-prinċipji ta' objettività u ta' imparżjalità peress li l-evalwazzjonijiet/motivazzjonijiet tal-kumitat tal-evalwazzjoni taċ-Cedefop li jinsabu fir-rapport individwali ta' evalwazzjoni tar-rikorrent huma manifestament żbaljati u l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi tal-offerti ppreżentati huwa nieqes minn objettività.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li kien hemm ukoll ksur ta' klawżola fundamentali tas-sejħa għal offerti li tirrigwarda l-kapaċità teknika tal-offerenti u, b'mod partikolari, kien hemm ksur tal-klawżola li tirrigwarda l-"kapaċità teknika" tal-applikanti, peress li l-offerent rebbieħ ma għandux waħda mill-ispeċjalizzazzjonijiet mediċi fost dawk meħtieġa mis-sejħa għal offerti u għaldaqstant dan tal-aħħar kellu jiġi eskluż.

Fir-raba' lok, ir-rikorrent isostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta' proporżjonalità u tal-obbligu li jiġu ddefiniti kriterji ta' għoti li jippermettu evalwazzjoni komparattiva objettiva tal-offerti, peress li Cedefop, billi uża bħala kriterju ta' għoti l-"kwalità tal-intervista" kiser dan il-prinċipju u naqas milli jwettaq l-obbligu msemmi hawn fuq, peress li tali kriterju kien ifformulat b'mod tant impreċiż li l-applikanti ma kellhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw l-aħjar kapaċità li huma kellhom bżonn sabiex jiksbu l-iktar punti possibbli.

Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li l-kuntratt ta' provvista ta' servizzi kkontestat jikser ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, sa fejn, b'tali kuntratt, il-konvenut Cedefop, bħala korp rregolat mid-dritt pubbliku li jimpjega iktar minn 50 ħaddiem, naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li juża esklużivament is-servizzi ta' tabib bi speċjalizzazzjoni fil-mediċina ġenerali.

Fis-sitt lok, ir-rikorrent isostni li hemm ukoll ksur tal-prinċipju ta' trasparenza peress li l-konvenut Cedefop, billi naqas milli jikkomunika l-informazzjoni mitluba mir-rikorrent, kemm fit-talba tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2012, kif ukoll fit-talba tiegħu għal konferma tad-19 ta' Novembru 2012, kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 u tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament Nru 2342/2002/KE minħabba nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' ċaħda, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li t-talba tiegħu għal kumpens għad-danni hija fondata, peress li hija konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u fir-rikors huma esposti l-fatti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jagħtu lok għar-responsabbiltà extrakuntrattwali taċ-Cedefop, kif stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE.

____________

1 - Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].