Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta Mejju 2012 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-198/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u A. Wiedmann)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1348 finali], tal-1 ta' Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta' limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, innotifikata fit-2 ta' Marzu 2012,

sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati li jżommu valuri limitu għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju ma humiex approvati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1), u

sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati li jżommu valuri limitu għaċ-ċomb u għall-barju huma approvati biss sal-21 ta' Lulju 2003 (it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattati fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114 TFUE, sa fejn il-limitazzjoni ratione temporis tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb u l-barju hija illegali.

Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni approvat id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati li jżommu valuri limitu għaċ-ċomb u għall-barju sal-21 ta' Lulju 2003 biss, id-deċiżjoni kkontestata tikser it-Trattati fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn l-iffissar ta' terminu jrendi mingħajr sens is-sistema ta' approvazzjoni prevista fl-Artikolu 114 TFUE.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tat-tieni ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jikkonsisti fi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb u l-barju.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, kisret forom proċedurali sostanzjali fis-sens tat-tieni ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn approvat id-dispożizzjonijiet nazzjonali mitluba li jżommu l-valuri limiti għaċ-ċomb u għall-barju sal-21 ta' Lulju 2003 biss.

It-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta' poter fis-sens tar-raba' ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn l-approvazzjoni dwar iċ-ċomb u l-barju hija suġġetta għal terminu ta' validità.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattati fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE minħabba n-nuqqas ta' osservanza tal-kriterju ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju.

Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-Gvern Ġermaniż ma stabbilixxiex li d-Direttiva 2009/48/KE  ma kinitx għadha tipprovdi livell ta' protezzjoni suffiċjenti, jew li din tipperikola s-saħħa, id-deċiżjoni hija illegali fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u dan sa fejn il-Kummissjoni ma osservatx il-kriterju ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE sabiex tiddetermina jekk u sa fejn għandha tiġi approvata ż-żamma ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġġustifikati mir-rekwiżiti importanti previsti fl-Artikolu 36 TFUE wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni.

Ir-rikorrenti tqis li - skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Marzu 2003, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C-3/00, Ġabra p. I-2643) - il-kriterju huwa jekk l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkunx stabbilixxa li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jiggarantixxu livell ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika ogħla mill-miżura ta' armonizzazzjoni Komunitarja u li dawn id-dispożizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattati fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE minħabba applikazzjoni żbaljata, fil-fatt u fid-dritt, tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju.

Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-Gvern Ġermaniż ma stabbilixxiex li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu jiggarantixxu livell ta' protezzjoni ogħla mid-Direttiva 2009/48/KE, id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE u b'hekk tikser it-Trattati fis-sens tat-tielet ipoteżi prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u dan sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiffissaw il-limiti għall-arseniku, l-antimonju u l-merkurju fil-ġugarelli jiggarantixxu effettivament livell ta' protezzjoni tas-saħħa tat-tfal ogħla minn dak iggarantit mid-Direttiva 2009/48/KE, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u sa fejn il-Gvern Ġermaniż barra minn hekk stabbilixxa dan il-fatt b'mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt inkonformità mal-ġurisprudenza.

____________

1 - Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Ġunju 2009, dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, p. 1).