Language of document : ECLI:EU:C:2005:626

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

20 ta' Ottubru 2005(*)

«Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Fawna u flora selvaġġa»

Fil-kawża C-6/04

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-9 ta' Jannar 2004,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u L. Flynn, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq, irrappreżentat minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi li, minħabba li l-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar 'il quddiem id-"Direttiva habitats") ma ġewx trasposti b'mod korrett, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond din id-Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva habitats, l-għan ta’ din l-istess Direttiva huwa li tikkontribwixxi biex tiġi assigurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat.

3       Konformement ma' l-Artikolu 3(1) ta' l-istess Direttiva, l-Istati Membri jinnominaw żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar 'il quddiem "ŻSK"), bl-għan li jinżammu jew jiġu ripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tipi ta’ habitats naturali u ta' habitats naturali ta’ l-ispeċi li huma ta' interess Komunitarju. Dawn iż-żoni għandhom ikunu parti minn network ekoloġiku Ewropew taħt l-isem ta’ "Natura 2000".

4       L-Artikolu 6 tad-Direttiva habitats jirrigwarda l-miżuri neċessarji għall-ħarsien ta' ŻSK. Is-sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u ta' l-ispeċi ta' interess Komunitarju hija rregolata mill-Artikolu 11 ta' din id-Direttiva. L-Artikoli 12 u 13 ta' din jikkonċernaw miżuri għall-ħarsien ta' l-ispeċi ta’ l-annimali u tal-pjanti. L-Artikolu 14 huwa dwar it-teħid ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa. L-Artikolu 15 jipprojbixxi ċerti mezzi indiskriminati [mhux selettivi] ta' qbid jew qtil ta’ ċerti speċi ta' fawna selvaġġa. F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 16 ta' l-imsemmija Direttiva, huwa jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi meta l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, għal skopijiet speċifiċi, minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

5       Konformement ma' l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva habitats, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn li jibda jiddekorri minn meta tiġi nnotifikata u billi jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwarhom. L-imsemmija Direttiva ġiet notifikata lill-Istati Membri fl-10 ta' Ġunju 1992.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Il-miżuri prinċipali ta' traspożizzjoni tad-Direttiva habitats fir-Renju Unit, rilevanti fil-kawża preżenti, huma dawn li ġejjin:

–       Ir-Regolament ta' l-1994 dwar il-konservazzjoni ta' habitats naturali [Conservation (Natural Habitats, &c.) Regulations 1994, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' l-1994"], li japplika għall-Ingilterra, Wales u l-Iskozja.

–       Ir-Regolament ta' l-1995 dwar il-konservazzjoni ta' habitats naturali fl-Irlanda ta' fuq [Conservation (Natural Habitats, etc.) Regulations (Northern Ireland) 1995, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' l-1995"], li japplika għall-Irlanda ta' fuq.

–       L-Ordinanza ta' l-1991 dwar il-ħarsien tan-natura (Nature Protection Ordinance 1991), kif emendata mir-Regolament ta' l-1995 dwar il-ħarsien tan-natura [Nature Protection Ordinance (Amendment) Regulations 1995, iktar 'il quddiem l-"Ordinanza ta' l-1991"], li tapplika fit-territorju ta' Ġibiltà.

–       Il-ligi ta' l-1970 dwar il-ħarsien ta' foki (Conservation of Seals Act 1970, iktar 'il quddiem il-"liġi dwar il-foki").

7       L-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' l-1994 jipprovdi li s-Segretarju ta' l-Istat, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Ikel u l-korpi għall-ħarsien tan-natura għandhom iwettqu l-funzjonijiet li ngħataw lilhom mil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tan-natura b'mod li tiġi assigurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats.

8       L-Artikolu 3(4) ta' l-istess Regolament jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, kull awtorità kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni, meta twettaq il-funzjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats safejn dawn jistgħu jiġu affettwati mit-twettiq ta' l-imsemmija funzjonijiet.

 Il-proċedura ta' qabel il-kawża

9       Fis-6 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha hija sostniet li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats ma kinux ġew trasposti b'mod korrett fid-dritt nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

10     L-awtoritajiet Britanniċi wieġbu għal din l-intimazzjoni permezz ta' ittra tas-27 ta' Frar 2001. Huma ammettew li tali intimazzjoni kienet fondata fuq żewġ punti li jirrigwardaw l-attivitajiet fil-baħar li għandhom x'jaqsmu mal-petroleum u l-gass u t-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva habitats barra mill-ibħra territorjali, iżda kkontestaw ħafna mill-ilmenti li qajmet il-Kummissjoni.

11     Billi ma kinitx konvinta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Renju Unit, il-Kummissjoni ħarġet, fit-18 ta’ Lulju 2001, opinjoni motivata li fiha sostniet mill-ġdid l-ilmenti tagħha u stiednet lill-dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn minn meta tiġi notifikata lilu.

12     Bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2001, li kellu l-intenzjoni jbiddel il-leġiżlazzjoni tiegħu sabiex jistabbilixxi iktar ċertezza legali u ċarezza fir-rigward ta' diversi punti in kwistjoni fl-opinjoni motivata, filwaqt li insista, b’mod ġenerali, li l-miżuri fis-seħħ ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats (iktar ‘il quddiem l-“ittra tas-27 ta’ Novembru 2001”).

13     Fl-aħħarnett, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2003, l-awtoritajiet Britanniċi informaw lill-Kummissjoni dwar il-progress fil-proċess ta’ adozzjoni tat-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali intiżi sabiex jassiguraw traspożizzjoni tad-Direttiva habitats.

14     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċiediet tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-mod kif għandha tiġi trasposta d-Direttiva habitats

L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit ma wettaqx traspożizzjoni adegwata tad-Direttiva habitats fis-sistema legali tiegħu. B’mod partikolari, hija tikkunsidra li dan l-Istat Membru adotta inkorrettament dispożizzjoni ġenerali, bl-għan li jelimina l-lakuni eventwali fid-dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi sabiex tiġi assigurata tali traspożizzjoni.

16     Ir-Renju Unit isostni li huwa wettaq traspożizzjoni korretta tad-Direttiva habitats billi adotta, sabiex jassigura t-traspożizzjoni ta' din, leġiżlazzjoni li fiha mhux biss kundizzjonijiet speċifiċi, iżda wkoll obbligi ġenerali u proċeduri amministrattivi. Dawn l-obbligi ġenerali għandhom jinqraw flimkien mal-kundizzjonijiet speċifiċi ta' din il-leġiżlazzjoni, li jikkumplimentawhom, u b'hekk tiġi assigurata implimentazzjoni adegwata ta' l-imsemmija Direttiva.

17     L-awtoritajiet Britanniċi jibbażaw ruħhom b'mod partikolari fuq l-Artikolu 3(2) u (4) tar-Regolament ta' l-1994 fejn id-dispożizzjonijiet ekwivalenti huma, għall-Irlanda ta' fuq, l-Artikolu 3(2) u (4) tar-Regolament ta' l-1995 u, għal Ġibiltà, l-Artikolu 17A ta' l-Ordinanza ta' l-1991. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq il-ministri, il-korpi għall-ħarsien tan-natura kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti kollha l-obbligu li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod li jiġi aċċertat li l-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats jiġu osservati.

18     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ġenerali invokati mir-Renju Unit mhumiex preċiżi biżżejjed sabiex jiggrantixxu t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' obbligi speċifiċi li timponi l-imsemmija Direttiva.

19     Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat l-iskop tad-drittijiet u ta' l-obbligi tagħhom, il-persuni privati jkollhom kull darba jirreferu għad-Direttiva habitats, liema fatt ma jissodisfax la l-kundizzjonijiet ta' ċertezza legali u lanqas il-kundizzjonijiet ta' speċifiċità, ta' preċiżjoni u ta' ċarezza rikjesti mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20     Il-Kummissjoni żżid tgħid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-loġika ta' raġunament tar-Renju Unit, l-imsemmija Direttiva setgħet probabbilment tiġi trasposta fl-intier tagħha minn tali dispożizzjoni ġenerali, liema fatt kien jikser il-kundizzjoni ta' speċifiċità msemmija ħafna drabi fil-ġurisprudenza li titratta dwar t-traspożizzjoni ta' Direttivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Għandu jiġi mfakkar, fuq bażi purament preliminari, li skond t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, id-Direttiva torbot kull Stat Membru destinatarju f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li għandu jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi ta' implimentazzjoni tad-direttiva kkonċernata fid-dritt nazzjonali f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, konformement ma' ġurisprudenza kostanti, jekk it-traspożizzjoni ta' direttiva fid-dritt nazzjonali ma tirrikjedix neċessarjament traspożizzjoni formali u testwali tal-kontenut tagħha f'dispożizzjoni legali espressa u speċifika u tista', skond il-kontenut tagħha, tiġi sodisfatta permezz ta' kuntest ġuridiku ġenerali, dan jista' jsir biss bil-kundizzjoni li tiġi assigurata l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b'mod ċar u preċiz biżżejjed (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' April 1987, Kummissjoni vs l-Italja, 363/85, Ġabra p. 1733, punt 7; tat-30 ta' Mejju 1991, Kummissjoni vs l-Ġermanja, C- 361/88, Ġabra p. I-2567, punt 15, u tas-7 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni vs Spanja, C-58/02, Ġabra p. I-621, punt 26).

22     F'dan ir-rigward, huwa importanti li f'kull każ tiġi ddeterminata n-natura tad-dispożizzjoni prevista mid-direttiva, li fuqha jittratta r-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, sabiex jiġi ddeterminat safejn jasal l-obbligu ta' traspożizzjoni impost fuq l-Istati Membri (ara s-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, il-Kummissjoni vs. Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 77).

23     Ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-Renju Unit li l-mod l-iktar adattat sabiex id-Direttiva habitats tiġi implimentata huwa li jingħataw setgħat speċifiċi lill-korpi għall-konservazzjoni tan-natura u li jiġi impost fuqhom l-obbligu ġenerali li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod li jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats jiġu osservati.

24     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-eżistenza ta' regoli nazzjonali tista' tirrendi t-traspożizzjoni, permezz ta' miżuri leġiżlattivi jew regolamentarji speċifiċi, superfluwa biss jekk dawk ir-regoli jassiguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva kkonċernata mill-awtoritajiet nazzjonali.

25     It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-premessi numri erba' u ħdax ta' l-imsemmija Direttiva li l-habitats u l-ispeċi fil-periklu jagħmlu parti mill-patrimonju naturali tal-Komunità Ewropea u li l-perikli li huma jiffaċċjaw huma spiss ta' natura transkonfinali, b'mod li l-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni hija r-responsabbiltà komuni ta' l-Istati Membri kollha. Konsegwentement, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tagħha, l-akkuratezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari f'każ, bħal dan preżenti, fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri [ara, b'analoġija, għad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), is-sentenza tat-8 ta' Lulju 1987, il-Kummissjoni vs l-Italja, 262/85, Ġabra p. 3073, punt 39, u tas-7 ta' Diċembru 2000, il-Kummissjoni vs Franza, C-38/99, Ġabra p. I-10941, punt 53].

26     Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tad-Direttiva habitats, li timponi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tal-liġi dwar l-ambjent, l-Istati Membri huma obbligati b'mod partikolari li jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, tkun ċara u preċiża, inkluż dak li jirrigwarda l-obbligi essenzjali ta' sorveljanza u kontroll, bħal dawk imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali permezz ta' l-Artikoli 11, 12(4) u 14(2) ta' l-imsemmija Direttiva.

27     Jirriżulta mill-eżami tal-leġiżlazzjoni invokata mir-Renju Unit li din hija tant ġenerali li ma tikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats bil-preċiżjoni u ċ-ċarezza rikjesti sabiex tiġi sodisfatta totalment il-kundizzjoni taċ-ċertezza legali (ara, b'analoġija, is-sentenza tas-17 ta' Settembru 1987, il-Kummissjoni vs l-Olanda, 291/84, Ġabra p. 3483, punt 15) u li lanqas ma tistabbilixxi qafas legali preċiż fil-qasam ikkonċernat, b'mod li tiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa u kompluta ta' din id-Direttiva u li tippermetti l-implimentazzjoni armonizzata u effikaċji tar-regoli li hija tistabbilixxi (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-10 ta' Marzu 2005, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-531/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

28     Minn dan jirriżulta li l-obbligi ġenerali previsti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma jistgħux jassiguraw traspożizzjoni sodisfaċjenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats imsemmija fir-rikors tal-Kummissjoni u li għalhekk ma jeliminawx il-lakuni eventwali fid-dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi sabiex tiġi assigurata tali traspożizzjoni. Konsegwentement, m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-Renju Unit ibbażati fuq l-obbligi ġenerali li jinsabu fl-imsemmija leġiżlazzjoni waqt l-analiżi ta' ilmenti preċiżi invokati mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats

29     Meta ħadet in kunsiderazzjoni ċerti kjarifiki mogħtija mir-Renju Unit, il-Kummissjoni rrinunċjat, fir-replika tagħha u fis-seduta, għall-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats, f’dak li jirrigwarda l-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ fuq, iżda żammet l-ilment f’dak li jirrigwarda Ġibiltà.

30     Il-Kummissjoni ssostni li, billi illimita ruħu li ma jħallix kwalsiasi attività fis-siti indikati li setgħet tikkawża problemi, mingħajr ma jara wkoll li tiġi evitata kull deterjorazzjoni li tirriżulta minn negliġenza jew ommissjoni, ir-Renju Unit ma assigurax li titwettaq traspożizzjoni sħiħa ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva f’Ġibiltà.

31     Il-Gvern tar-Renju Unit, mingħajr ma verament ikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, isostni li huma biss id-deterjorazzjonijiet mhux naturali li għandhom jiġu evitati.

32     Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Ordinanza ta’ l-1991 stabbilixxiet sistema sħiħa u rigoruża ta’ kontroll. Din is-sistema timplimenta b’mod adattat id-Direttiva habitats, partikolarment meta tinqara flimkien mar-regola ġenerali indikata fl-Artikolu 17 A ta’ l-istess Ordinanza.

33     L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija Direttiva jobbliga l-Istati Membri sabiex jevitaw id-deterjorazzjonijiet tal-habitats naturali u tal-habitats naturali ta’ l-ispeċi.

34     Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa evidenti li, għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats, jista’ ikun neċessarju li jittieħdu kemm miżuri intiżi sabiex jiġu evitati d-danni u l-problemi esterni kkawżati mill-bniedem kif ukoll miżuri intiżi sabiex jiġu evitati żviluppi naturali li jistgħu jiddeterjoraw l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi u ta’ habitats naturali fiż-ŻSK.

35     It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, meta ddekorra t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats ma kinux trasposti formalment fil-leġiżlazzjoni applikabbli f’Ġibiltà. Fil-fatt, l-Artikolu 17 G ta’ l-Ordinanza ta’ l-1991, li jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jidħlu fi ftehim mas-sidien jew ma' min għandu l-pussess ta’ sit fuq il-mod kif dan għandu jinżamm, jidher li hija l-unika dispożizzjoni applikabbli f’Ġibiltà sabiex jiġu evitati deterjorazzjonijiet eventwali.

36     Huwa evidenti li din id-dispożizzjoni tagħti biss awtorizzazzjoni li mhijiex vinkolanti lill-imsemmija awtoritajiet u li mhijiex adegwata sabiex jiġu evitati deterjorazzjonijiet, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats.

37     Għaldaqstant, sakemm id-dritt nazzjonali ma jkunx fih ebda dispożizzjoni espressa li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jevitaw id-deterjorazzjoni ta’ habitats naturali u tal-habitats naturali ta’ l-ispeċi, dan jikkostitwixxi element ta’ inċertezza legali fir-rigward ta’ l-obbligi li dawn l-awtoriajiet iridu josservaw.

38     Minn dan jirriżulta li, f’kull każ, d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats ma kienux is-suġġett ta’ traspożizzjoni ċara, preċiża u sħiħa f’Ġibiltà.

39     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata f’dak li jirrigwarda Ġibiltà.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitats

40     Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit mhijiex traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet fi tlett oqsma partikolari, jiġifieri l-pjanijiet u l-proġetti ta’ teħid ta’ ilma, il-pjanijiet ta' l-użu ta’ l-art u, f’dak li jirrigwarda Ġibiltà, il-kontroll ta’ permessi għal żviluppi eżistenti.

–       Fuq il-pjanijiet u l-proġetti ta’ teħid ta’ ilma

41     Skond il-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ma tipprovdi li l-awtorizzazzjonijiet għat-teħid ta’ ilma, mogħtija b’applikazzjoni tal-Kapitolu II tat-tieni Taqsima tal-liġi ta’ l-1991 dwar ir-riżorsi ta’ l-ilma (Water Resources Act 1991), għandhom josservaw l-obbligu, impost mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet sinifikanti li t-teħid ta’ ilma jista’ ikollu fuq is-siti li jagħmlu parti ta’ ŻSK. Tali dispożizzjonijiet ma jeżistux ukoll fl-Irlanda ta’ fuq u f’Ġibiltà. It-teħid ta’ ilma, li jista’ jaffettwa ż-ŻSK b’mod sinifikanti, la huwa kopert totalment u lanqas regolat b’mod korrett mill-miżuri ta’ traspożizzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit.

42     Il-Kummissjoni żżid li, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Novembru 2001, ir-Renju Unit indika li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ l-1994 kienu se jiġu emendati sabiex il-leġiżlazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ teħid ta’ ilma tkun iktar ċara.

43     Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit isostni li stabbilixxa, flimkien mad-dispożizzjonijiet ġenerali, sistema li tippermetti li jiġu ddeterminati qabel kollox, għal kull sit, l-attivitajiet li huma potenzjalment ta’ dannu.

44     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats, kull pjan jew proġett li mhuwiex marbut direttament jew meħtieġ għat-tmexxija ta’ sit, iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit ikkonċernat meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar.

45     Fil-kawża preżenti, mhuwiex ikkontestat li, malli ddekorra t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata, ebda dispożizzjoni legali ma kienet tipprovdi espressament li l-pjanijiet u l-proġetti ta’ teħid ta’ ilma kellhom ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni.

46     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, fejn tipprovdi essenzjalment li l-pjanijiet u l-proġetti kollha ta’ teħid ta' ilma li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats huma kkunsidrati minn qabel li huma potenzjalment ta’ dannu għas-sit ikkonċernat, ma tidhirx li hija ta' natura li tiggarantixxi l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta' din id-dispożizzjoni.

47     Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk tali evalwazzjoni minn qabel tar-riskji potenzjali tista' tibbaża ruħha fuq fatti konkreti f'dak li jirrigwarda s-sit, dan mhuwiex il-każ f'dak li jirrigwarda il-proġetti nnifishom, kuntrarjament għal dak mitlub mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats, li jipprovdi li għandha ssir evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tal-proġett għas-sit in kwistjoni. Għaldaqstant, jekk jiġu ddefiniti biss l-attivitajiet li huma potenzjalment ta' dannu għal kull sit ikkonċernat, ikun hemm ir-riskju li ma jkunux koperti ċerti proġetti li jistgħu jkollhom effett fuq dak is-sit minħabba karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

48     Lanqas ma jista' jiġi aċċettat l-argument tar-Renju Unit li jgħid li, f'dak li jirrigwarda l-Iskozja, il-liġi ta' l-2003 dwar l-ambjent u s-servizzi ta' l-ilma (Water Environment and Water Services Act 2003) tistabbilixxi, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, tat-23 ta' Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, p. 1), struttura ta' sistema ġdida u kompluta ta' teħid ta' ilma li tintroduċi kontrolli ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva habitats.

49     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi kkunsidrata b'referenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fl-Istat Membru meta jiddekorri t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni t-tibdiliet sussegwenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23, u tat-30 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-323/01, Ġabra p. I-4711, punt 8).

50     Minn dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit ma wettaqx traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats f'dak li jirrigwarda l-pjanijiet u l-proġetti ta’ teħid ta' ilma.

–       Fuq il-pjanijiet ta’ użu ta’ l-art

51     Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit ma timponix b'mod ċar l-obbligu li tissoġġetta l-pjanijiet ta’ użu ta' l-art għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom għaż-ŻSK, konformement ma’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitats.

52     Skond il-Kummissjoni, anki jekk il-pjanijiet ta’ użu ta’ l-art ma jawtorizzawx il-proġetti ta’ żvilupp per se, li għalihom irid jinkiseb permess maħruġ skond il-proċedura normali, dawn jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam. Għaldaqstant, hija ssostni li tali pjanijiet għandhom ikunu wkoll suġġetti għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-sit ikkonċernat.

53     Ir-Renju Unit ammetta li l-pjanijiet ta’ użu ta’ l-art jistgħu jiġu kkunsidrati bħala pjanijiet u proġetti skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats, iżda ma jaqbilx ma' l-argument li dawn jistgħu jkollhom effett sinifikanti fuq is-siti protetti mid-Direttiva. Huwa jsostni li l-imsemmija pjanijiet waħedhom ma jippermettux it-twettiq ta’ programm iddeterminat u li, konsegwentement, hija biss awtorizzazzjoni sussegwenti li tista’ tikkawża dannu lil dawn is-siti. Għaldaqstant, skond dan l-Istat Membru huwa biżżejjed li biss tali awtorizzazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura intiża għall-pjanijiet u l-proġetti.

54     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats jissuġġetta l-kundizzjoni ta’ evalwazzjoni xierqa ta' l-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan se jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinifikanti. Meta jiġi kkunsidrat b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinifikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C-127/02, Ġabra p. I-7405, punti 43 u 44).

55     Kif tajjeb osservat il-Kummissjoni, l-Artikolu 54 A tal-liġi ta’ l-1990 dwar l-ippjanar tat-territorju (Town and Country Planning Act 1990), li jipprovdi li l-applikazzjonijiet għal permess għal żvilupp għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ pjanijiet rilevanti ta’ użu ta’ l-art, jimplika neċessarjament li dawn il-pjanijiet jistgħu jinfluwenzaw konsiderevolment id-deċiżjonijiet meħuda f’dan il-qasam u, konsegwentement, is-siti kkonċernati.

56     Għaldaqstant, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, billi l-pjanijiet ta’ użu ta’ l-art ma kienux assoġġettati għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom għaż-ŻSK, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitats ma ġiex traspost b’mod ċar u preċiż biżżejjed fis-sistema legali tar-Renju Unit u għalhekk, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward ta’ dan il-punt.

–       Fuq il-kontroll tal-permessi għal żvilupp eżistenti f’Ġibiltà

57     Il-Kummissjoni ssostni li, f’dak li jirrigwarda Ġibiltà, l-awtoritajiet kompetenti ma osservawx il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats peress li dawn mhumiex obbligati li jivverifikaw jekk il-permessi għal żvilupp eżistenti jaffettwawx is-siti protetti mid-Direttiva.

58     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif l-Avukat Ġenerali ġustament osservat fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, filwaqt li huwa veru li tali obbligu li jitwettaq kontroll sussegwenti jista' jkun ibbażat fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitats, jibqa' il-fatt li t-tielet subparagrafu ta' dan l-Artikolu ma fih ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-Istati Membri jwettqu tali kontroll.

59     Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni li l-proċedura prevista għandha tiġi implimentata qabel ma l-Istati Membri jagħtu l-kunsens tagħhom għat-twettiq ta' pjanijiet jew ta' proġetti li jistgħu jaffettwaw is-sit ikkonċernat.

60     Minn dan jirriżulta li din il-parti ta' l-ilment ibbażata fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitats ma tistax tiġi aċċettata.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' l-Artikoli 11 u 14(2) tad-Direttiva habitats

61     Il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit ma wettaqx traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu ta' l-obbligi ta' sorveljanza li jinsabu f'dawn id-dispożizzjonijiet. Hija ssostni li, sakemm dawn l-obbligi jiġu imposti b'mod ċar fuq l-awtoritajiet kompetenti, hija ma tkunx tista' tiddetermina jekk is-sorveljanza meħtieġa hijiex fil-fatt titwettaq.

62     Sabiex issostni l-ilment tagħha, il-Kummissjoni invokat l-ittra tas-27 ta' Novembru 2001, li fiha r-Renju Unit sostna, min-naħa, li obbligu ta' sorveljanza kien impost impliċitament fuq l-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament ta' l-1994, ir-Regolament ta' l-1995 u l-Ordinanza ta' l-1991 kienu se jiġu emendati sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet iktar preċiżi minn dawk ta' din il-leġiżlazzjoni.

63     Skond ir-Renju Unit, l-Artikoli 11 u 14 (2) tad-Direttiva habitats jipprovdu sempliċement li l-Istati Membri għandhom jassiguraw sorveljanza, mingħajr ma jimponu kundizzjoni speċifika la dwar kif din għandha sseħħ u lanqas dwar kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha timplimenta tali sorveljanza. Huwa jsostni wkoll li l-lista ta' attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu turi li qiegħda titwettaq sorveljanza effikaċji fir-Renju Unit, konformement ma' l-Artikoli 11 u 14(2) ta' l-imsemmija Direttiva.

64     Il-Kummissjoni wieġbet li hija qatt ma ddikjarat li ma twettqet ebda sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u ta' l-ispeċi fir-Renju Unit. Hija ssostni, għall-kuntrarju, li l-obbligu ta' sorveljanza mhijiex implimentata b'mod ċar f'dan l-Istat Membru u lanqas imposta fuq awtorità partikolari ta' dan ta' l-aħħar.

65     L-ewwel nett, f'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ngħad fil-punt 26 ta' din is-sentenza, l-obbligu ta' sorveljanza huwa essenzjali għall-effikaċja tad-Direttiva habitats u li dan għandu jiġi traspost b'mod dettaljat, ċar u preċiż.

66     Għandu jiġi kkonstatat li, malli ddekorra t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata, ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma kienet timponi obbligu ta' sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u ta' l-ispeċi fuq l-awtoritajiet nazzjonali.

67     It-tieni nett, ma jistax jiġi akkolt l-argument tar-Renju Unit li l-lista ta' attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa turi li qiegħda titwettaq sorveljanza effikaċji. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, jekk jiġi stabbilit li prattika hija konformi mal-kundizzjonijiet ta' Direttiva fil-qasam ta' protezzjoni, dan ma jistax jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fis-sistema legali nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' Mejju 1991, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

68     Għaldaqstant, safejn huwa paċifiku li d-dritt nazzjonali tar-Renju Unit ma fih ebda obbligu legali li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u ta' l-ispeċi, dan jinvolvi element ta' inċertezza legali. Għalhekk, mhuwiex iggarantit li titwettaq sorveljanza sistematika u permanenti ta' l-imsemmi stat ta' konservazzjoni.

69     Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 11 u 14(2) tad-Direttiva habitats ma ġewx trasposti b'mod komplut, ċar u preċiż fir-Renju Unit.

70     Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' l-Artikoli 11 u 14(2) tad-Direttiva habitats għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats

71     Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit ma wettaqx traspożizzjoni korretta ta’ l-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita sistema ta’ ħarsien stretta ta’ ċerti speċi ta’ annimali billi tiġi pprojbita d-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti ta' tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ tagħhom. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tuża l-verb “issir ħsara” (“to damage”) minflok il-kelma “deterjorazzjoni” użata fl-Artikolu 12(1)(d) tal-verżjoni Ingliża tad-Direttiva habitats.

72     L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-użu tal-verb “to damage” jimplika li l-effetti ta’ deterjorazzjoni li jirriżultaw minn negliġenza jew minn inattività ta’ l-awtoritajiet kompetenti mhumiex koperti. Madankollu, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni reġgħet qajmet l-argument u ammettiet li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirrikjedix li s-siti ta' tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ ta’ l-ispeċi kkonċernati jiġu mħarsa minn deterjorazzjoni kkawżata minn negliġenza jew inattività ta’ l-imsemmija awtoritajiet. F’dawn iċ-ċirkostanzi, mhemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt.

73     It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, billi nħolqu reati biss għall-atti li għandhom l-effett li jagħmlu ħsara jew li jiddeterjoraw is-siti ta' tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ ta’ l-ispeċi in kwistjoni, mingħajr ma tiġi pprojbita d-deterjorazzjoni ta’ dawn, il-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva habitats jintroduċu kundizzjoni, li ma tinsabx fl-Artikolu 12(1)(d), marbuta mal-fatt jekk l-att li għamel il-ħsara kienx intenzjonat.

74     Ir-Renju Unit ma jikkontestax li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats jirrikjedi l-projbizzjoni ta’ l-attivitajiet li jwasslu għad-deterjorazzjoni jew għad-distruzzjoni ta' siti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, huwa jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta' Ġibiltà, tillimita ruħha għall-atti mwettqa deliberatament jew intenzjonalment.

75     F'dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fil-kuntest ta' proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu imressqa skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalsiasi suppożizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, il-Kummissjoni vs l-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-194/01, Ġabra p. I-4579, punt 34).

76     Għaldaqstant, f'każ li r-Renju Unit isostni li d-dritt nazzjonali tiegħu, li huwa fis-seħħ, huwa konformi ma' l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats, tkun il-Kummissjoni li jkollha l-obbligu li tqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan li turi n-nuqqas ta' traspożizzjoni kompluta ta' din id-dispożizzjoni, l-elementi neċessarji sabiex tiddetermina l-eżistenza ta' tali nuqqas.

77     Mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni ressqet provi li t-traspożizzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni hija limitata għall-atti mwettqa deliberatament jew intenzjonalment. Anzi, jidher li r-reat kriminali previst fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, li jipprojbixxi atti li jwasslu għad-dannu jew id-distruzzjoni ta' sit, huwa reat materjali li ma jirrikjedix assolutament li d-dannu jew id-distruzzjoni jkun imwettaq deliberatament jew intenzjonalment.

78     F'dawn iċ-ċirkostanzi, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta' Ġibiltà, naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats, din il-parti ta' l-ilment ma tistax tiġi aċċettata.

79     F'dak li jirrigwarda Ġibiltà, huwa biżżejjed li jingħad li r-Renju Unit jirrikonoxxi li, billi ġew pprojbiti biss id-deterjorazzjoni jew id-distruzzjoni intenzjonati tas-siti ta' tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ ta’ l-ispeċi kkonċernati, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal Ġibiltà ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-imsemmi Artikolu 12(1)(d). Għaldaqstant, din il-parti ta' l-ilment għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata.

80     It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, fil-verżjoni attwali tagħha, tipproteġi s-siti ta' tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ biss kontra l-attivitajiet li għandhom implikazzjoni diretta fuqhom, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni d-danni indiretti, konformement mal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats.

81     Dan l-argument ma jistax jiġi akkolt. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element ta' prova li turi li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fuq dan il-punt.

82     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats għandu jiġi aċċettat parzjalment.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikoli 12(2) u 13(1) tad-Direttiva habitats

83     Il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri nazzjonali intiżi sabiex tiġi trasposta l-projbizzjoni kontra ż-żamma, it-trasport, il-bejgħ jew l-iskambju ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali u ta’ pjanti ma josservawx il-limitu ta’ żmien stipulat minn dawn l-artikoli.

84     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li r-Renju Unit ammetta, waqt il-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta, li d-derogi fis-seħħ fid-dritt nazzjonali tiegħu huma iktar wiesa’ minn dawk previsti fid-Direttiva habitats u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma ġewx trasposti b’mod korrett f’dan l-Istat Membru.

85     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta’ l-Artikoli 12(2) u 13(1) ta’ l-imsemmija Direttiva għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva habitats

86     Il-Kummissjoni targumenta li l-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mir-Renju Unit ma fihom ebda dispożizzjoni li teżiġi t-twaqqif ta’ sistema ta’ sorveljanza kif previst fl-imsemmi Artikolu 12(4), f’dak li jirrigwarda l-qbid u l-qtil aċċidentali ta’ ċerti speċi ta’ l-annimali. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar preċiża, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tiddetermina jekk din is-sorveljanza hijiex effettivament assigurata.

87     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li r-Renju Unit, min-naħa, ammetta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma fiha ebda dispożizzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita tali sistema ta’ sorveljanza u, min-naħa l-oħra, fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2001, ammetta li din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi emendata b’mod li tiġi stabbilita espressament tali sorveljanza.

88     F’kull każ, ma jidhirx li tali miżura ġiet adottata fit-terminu stipulat fl-opinjoni motivata.

89     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva habitats għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats

90     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ma osservax l-obbigi imposti fuqu mill-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats. L-ewwel nett hija ssostni li dan l-Istat Membru pprojbixxa biss il-metodi mniżżla espressament fl-Anness VI (a) u (b) ta’ din id-Direttiva, mingħajr ma stabbilixxa projbizzjoni ġenerali ta’ l-użu ta’ mezzi mhux selettivi. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 1 u 10 tal-liġi dwar il-foki jillimitaw ruħhom sabiex jipprojbixxu l-użu ta’ żewġ metodi għall-qtil ta’ foki, filwaqt li jistabbilixxu derogi, fil-forma ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija mis-Secretary of State, li jidhru li huma iktar wiesa’ minn dawk permessi fl-imsemmija Direttiva.

–       Fuq in-nuqqas ta’ projbizzjoni ġenerali tal-mezzi kollha mhux selettivi

91     Il-Kummissjoni tallega li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma fiha ebda projbizzjoni ġenerali kontra l-użu tal-mezzi kollha mhux selettivi li jistgħu jwasslu għall-għajbien lokali jew tfixkil serju tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi kkonċernati ta’ fawna selvaġġa. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix il-possibbiltà li jiġu esklużi t-twaqqif ta’ metodi mhux selettivi għal qbid u qtil li għadhom mhumiex magħrufa.

92     Ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 15 tad-Direttiva kien traspost permezz ta’ l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ l-1994, l-Artikolu 36(2) tar-Regolament ta’ l-1995 u l-Artikolu 17V(2) ta’ l-Ordinanza ta’ l-1991. Huwa jsostni li dawn l-Artikoli jipprovdu listi tal-mezzi kollha mhux selettivi ta’ qbid u qtil ta’ speċi protetti elenkati attwalment f’dan l-Istat Membru u li dawn il-listi huma suġġetti għal eżami kostanti sabiex, jekk neċessarju, jiġu aġġornati.

93     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 15 td-Direttiva habitats, f'dak li jirrigwarda l-qbid jew il-qtil ta’ l-ispeċi tal-fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V (a) ta’ din id-Direttiva u f’każijiet fejn, skond l-Artikolu 16 ta’ l-istess Direttiva, fejn jiġu applikati derogi dwar it-teħid, qbid jew qtil ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV (a) ta' l-istess Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi kollha indiskriminati [mhux selettivi] li jistgħu jwasslu għall-għajbien lokali jew tfixkil serju ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi.

94     Jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li din tistabbilixxi obbligu ġenerali intiż sabiex jiġi pprojbit l-użu tal-mezzi kollha mhux selettivi ta’ qbid u ta’ qtil ta’ l-ispeċi kkonċernati ta’ fawna selvaġġa.

95     Fil-kawża preżenti mhuwiex qed jiġi kkontestat li, malli ddekorra t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata, id-dritt nazzjonali ma kienx jimponi tali projbizzjoni ġenerali.

96     Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali fakkret fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tagħha, il-possibbiltà li tiġi aġġornata lista ta’ metodi pprojbiti hija inqas effikaċji minn projbizzjoni ġenerali. Fil-fatt, jekk din il-lista ddum ma tiġi aġġornata jkun hemm inevitabbilment lakuni fil-ħarsien li l-projbizzjoni ġenerali fl-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats għandha l-għan peċiż li tevita. Din l-interpretazzjoni hija iktar u iktar fondata peress li d-dritt nazzjonali ma jipprovdi ebda obbligu legali li dawn il-listi għandhom jiġu riveduti.

97     F’dawn iċ-ċirkostanzi, mhuwiex assigurat bl-ebda mod li l-mezzi kollha mhux selettivi li jistgħu jwasslu għall-għajbien lokali jew tfixkil serju ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi protetti huma pprojbiti fir-Renju Unit.

98     Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma wettaqx traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni tal-mezzi kollha mhux selettivi ta’ qbid jew qtil ta’ l-ispeċi kkonċernati ta’ fawna selvaġġa.

–       Fuq il-liġi dwar il-foki

99     Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, rtirat l-ilment li għandu x’jaqsam mal-liġi dwar il-foki abbażi taċ-ċirkostanza li r-Renju Unit kien wiegħed, fir-risposta tiegħu, li jadotta leġiżlazzjoni li temenda dan il-punt. Madankollu, fil-kontroreplika tiegħu, dan ta’ l-aħħar ħass li kien neċessarju li javża l-Kummissjoni li kien se jistenna r-riżultat ta’ dawn il-proċeduri qabel ma jadotta din l-emenda. Kien f’dawn iċ-ċirkostanzi li fis-seduta l-Kummissjoni xtaqet iżżomm dan l-ilment u r-Renju Unit ma kkontestax din it-talba.

100   Il-Kummissjoni ssostni li l-liġi dwar il-foki tmur kontra l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats peress li tipprojbixxi biss żewġ metodi ta’ qtil ta’ foki u peress li tippermetti li jingħataw awtorizzazzjonijiet skond kundizzjonijiet li huma iktar wiesa’ mid-derogi imniżżla f’din id-Direttiva.

101   Skond ir-Renju Unit, tali interpretazzjoni tal-liġi dwar il-foki mhijiex preċiża. Huwa jsostni li din il-liġi tikkumplimenta biss l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ l-1994, li jittrasponi l-Artikolu 15 ta’ l-imsemmija Direttiva, u li għalhekk toffri protezzjoni supplimentari għall-ispeċi differenti ta’ foki.

102   L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif ġie deċiż fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ l-1994 ma jikkostitwixxix traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats. Għaldaqstant, l-argument tar-Renju Unit li l-liġi dwar il-foki tikkumplimenta l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ l-1994 ma jistax jiġi aċċettat.

103   It-tieni nett, anki jekk il-liġi dwar il-foki tikkumplimenta r-Regolament ta’ l-1994, din il-liġi tista’ tiġi interpretata fis-sens li huma pprojbiti biss iż-żewġ metodi msemmija fiha.

104   F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-liġi dwar il-foki fiha element ta’ inċertezza legali f’dawk li għandhom x’jaqsmu l-metodi ta’ qtil ta’ foki li huma pprojbiti fir-Renju Unit u għaldaqstant mhijiex idonea biex tiggarantixxi t-traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats.

105   Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva habitats għandu jiġi aċċettat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva habitats

106   L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispozizzjonijiet nazzjonali kollha li jistabbilixxu derogi għall-Artikoli 12 sa 15(a) u (b) tad-Direttiva habitats, li huma elenkati fl-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ l-1994, fl-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ l-1995 u l-Artikolu 17U ta’ l-Ordinanza ta’ l-1991, ma josservawx iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija Direttiva. Hija tfakkar li, skond din l-aħħar dispożizzjoni, ma tistax tingħata deroga ħlief meta ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li din id-deroga mhijiex ta’ dannu għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom.

107   F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, min-naħa, ir-Renju Unit ammetta li kull deroga mogħtija skond l-imsemmi Artikolu 16 għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija qabel u li, min-naħa l-oħra, għalkemm dan l-Istat Membru ammetta li dawn ma ġewx trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma saret l-ebda emenda fit-terminu stipulat fl-opinoni mmotivata sabiex jiġi rimedjat dan in-nuqqas.

108   Għaldaqstant, din il-parti ta’ l-ilment għandha tiġi aċċettata.

109   It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-derogi speċifiċi elenkati fl-Artikoli 40(3)(c) u 43(4) tar-Regolament 1994, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament ta’ l-1995 u ta’ l-Ordinanza ta’ l-1991, jeċċedu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva habitats. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-projbizzjonijiet imfassla għat-traspożizzjoni ta’ l-Artikoli 12, 13 u 16 ta’ din mhumiex applikabbli meta l-att in kwistjoni jirriżulta minn attività legali.

110   Skond ir-Renju Unit, peress li huwa wettaq traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva habitats billi għamel il-ksur tagħhom reat kriminali, huwa neċessarju li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ tali reat fil-każijiet fejn il-persuni ma jwettqux atti bil-ħsieb.

111   F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva habitats jagħti definizzjoni preċiża taċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu ma josservawx l-Artikoli 12 sa 15(a) u (b) ta' l-istess Dierrtiva, b’tali mod li dan l-Artikolu 16 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

112   Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva habitats jifformaw totalità koerenti ta’ normi intiżi sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati, b’tali mod li kull deroga li tkun inkompatibbli ma’ din id-Direttiva tkun tikser kemm il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 jew 13 ta’ din kif ukoll ir-regola li d-derogi jistgħu jingħataw skond l-Artikolu 16 ta’ l-istess Direttiva.

113   Għandu jiġi kkonstatat li d-deroga in kwistjoni fil-kawża preżenti tippermetti atti li jwasslu għall-qtil ta’ speċi protetti u għad-deterjorazzjoni jew id-distruzzjoni tas-siti ta' tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ tagħhom, meta dawn l-atti huma fihom innifishom legali. Għaldaqstant, tali deroga, ibbażata fuq il-legalità ta’ l-att, tmur kontra kemm l-għanijiet tad-Direttiva habitats kif ukoll l-iskop ta’ l-Artikolu 16 ta’ l-istess.

114   Minn dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward ta’ dan il-punt.

 Fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva habitats ‘il barra mill-ibħra territorjali tar-Renju Unit

115   Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit illimita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva habitats fis-sistema legali nazzjonali għat-territorju nazzjonali u l-ibħra territorjali ta’ dan l-Istat Membru. Hija ssostni li, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dritt Komunitarju fl-oqsma li fihom jeżerċitaw id-drittijiet sovrani tagħhom u li għalhekk din id-Direttiva tapplika lil hinn mill-ibħra territorjali. Il-Kummissjoni tilmenta b’mod partikolari li r-Renju Unit ma osservax, fiż-żona ekonomika esklussiva tiegħu, l-obbligu li jindika ŻSK skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija Direttiva u lanqas li jassigura l-protezzjoni ta’ speċi mniżżla fl-Artikolu 12 ta’ l-istess Direttiva.

116   Ir-Renju Unit, mingħajr ma kkontesta jekk dan l-ilment huwiex fondat jew le, isostni, min-naħa, li fl-2001 huwa adotta leġiżlazzjoni xierqa f’dak li jirrigwarda l-industrija tal-petroleum fil-baħar [Offshore Petroleum Activities (Conservation of Habitats) Regulations 2001], u, min-naħa l-oħra, li huwa pprepara leġiżlazzjoni adegwata li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats għaż-żona marittima li tinsab ‘il barra mill-ibħra territorjali tiegħu.

117   F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osservat ġustament fil-punti 131 u 132 tal-konklużjonijiet tagħha, mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li r-Renju Unit jeżerċita drittijiet sovrani fiż-żona ekonomika esklussiva tiegħu u fuq il-blata kontinentali u lanqas li d-Direttiva habitats hija f’dan is-sens applikabbli ‘il barra mill-ibħra territorjali ta’ dawn l-Istati Membri. Minn dan jirriżulta li din d-Direttiva għandha tiġi implimentata fl-imsemmija żona ekonomika esklussiva.

118   Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni li għaliha jirreferi r-Renju Unit fl-ittra tas-27 ta’ Novembru 2001, li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex iwettqu traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats ‘il barra mill-ibħra territrojali ta’ dan l-Istat Membru, ma kinitx ġiet adottata meta ddekorra t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata.

119   Konsegwentement, l-unika leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ meta ddekorra l-imsemmi terminu huwa r-Regolament ta’ l-2001 dwar l-attivitajiet tal-petroleum fil-baħar. Huwa ċar li dak ir-Regolament jikkonċerna biss l-industrija tal-petroleum u għalhekk ma jistax jassigura fih innifsu t-traspożizzjoni tad-Direttiva habitats ‘il barra mill-ibħra territorjali tar-Renju Unit.

120   F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward ta’ dan il-punt.

121   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija qabel, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax fit-terminu stipulat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni kompluta u korretta tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva habitats, u b’mod partikolari ta’ :

–       l-Artikolu 6(2) f’dak li jirrigwarda Ġibiltà,

–       l-Artikolu 6(3) u (4) f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet u proġetti ta’ teħid ta’ ilma kif ukoll l-pjanijiet ta' l-użu ta’ l-art,

–       l-Artikolu 11,

–       l-Artikolu 12(1)(d) f’dak li jirrigwarda Ġibiltà,

–       l-Artikolu 12(2),

–       l-Artikolu 12(4),

–       l-Artikolu 13(1),

–       l-Artikolu 14(2),

–       l-Artikolu 15,

–       l-Artikolu 16,

–       id-Direttiva habitats fl-intier tagħha ‘il barra mill-ibħra territorjali tiegħu,

ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmija Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

122   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tilef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Billi ma adottax fit-terminu stipulat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni kompluta u korretta tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u b’mod partikolari ta’ :

–       l-Artikolu 6(2) f’dak li jirrigwarda Ġibiltà,

–       l-Artikolu 6(3) u (4) f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet u proġetti ta’ teħid ta’ ilma kif ukoll l-pjanijiet ta' l-użu ta’ l-art,

–       l-Artikolu 11,

–       l-Artikolu 12(1)(d) f’dak li jirrigwarda Ġibiltà,

–       l-Artikolu 12(2),

–       l-Artikolu 12(4),

–       l-Artikolu 13(1),

–       l-Artikolu 14(2),

–       l-Artikolu 15,

–       l-Artikolu 16,

–       id-Direttiva 92/43 fl-intier tagħha ‘il barra mill-ibħra territorjali tiegħu,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmija Direttiva.

2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.