Language of document : ECLI:EU:T:2011:279

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Assorbiment ta’ kumpannija responsabbli mill-ksur – Drittijiet tad-difiża – Konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑194/06,

SNIA SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn A. Santa Maria, C. Biscaretti di Ruffia u E. Gambaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Di Bucci u F. Amato, sussegwentement minn V. Di Bucci u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura taħt l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), inkwantu din tirrigwarda lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas, li jaġixxi bħala President (Relatur), A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, SNIA SpA, hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Taljan. Fiż-żmien tal-fatti tal-każ, hija kienet l-azzjonarja prinċipali, b’sehem ta’ minn 53 sa 59 %, minn Caffaro SpA (iktar ’il quddiem l-“ex‑Caffaro”), li, min-naħa tagħha, kienet tikkontrolla 100 % tal-kapital tal-kumpannija Industrie Chimiche Caffaro SpA (li saret Caffaro SpA u, imbagħad, Caffaro Srl, iktar ’il quddiem “Caffaro”). Din tal-aħħar kienet tikkummerċjalizza, sal-1999, il-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”). Fis-sena 2000, l-ex-Caffaro amalgamat ruħha mar-rikorrenti, li assumiet il-kontroll ta’ 100 % tal-kapital ta’ Caffaro.

2        F’Novembru 2002, Degussa AG informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PI”) u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3        Degussa pprovdiet provi konkreti lill-Kummissjoni li ppermettewlha tagħmel, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, verifiki fil-bini ta’ tliet impriżi.

4        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, li għaliha r-rikorrenti rrispondiet fil-25 ta’ Marzu 2005.

5        Wara li semgħet lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa, Edison SpA, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air liquide SA, Chemoxal SA, ir‑rikorrenti, Caffaro, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA. (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal‑Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PI u l-prodott downstream, il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Il-ksur ikkonstatat ikkonsista prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u ta’ kapaċitajiet potenzjali u reali tagħhom, fi tqassim ta’ ishma mis-suq u ta’ klijenti kif ukoll fl-iffissar u fis-sorveljanza tal-osservanza tal-miri tal-prezz.

8        Ir-rikorrenti nżammet responsabbli għall-ksur “flimkien u in solidum” ma’ Caffaro (premessi 407 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        L-Artikolu 1(k) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret l‑Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, meta pparteċipat fil-ksur inkwistjoni bejn id-29 ta’ Mejju 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998.

10      Fl-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir‑rikorrenti, flimkien ma’ Caffaro “konġuntament u in solidum”, multa fl-ammont ta’ EUR 1.078 miljun.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

12      Peress li sar tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għas-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ntbagħtet quddiem is-Sitt Awla Estiża.

13      Peress li membru tal-Awla ma setax jassumi postu, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l‑Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

14      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2010.

15      Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, l-imħallef li huwa l-inqas anzjan skont l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura konsegwentement astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni u d-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tkomplew mit-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tinkludiha fost id-destinatarji tagħha u timponi fuqha, in solidum ma’ Caffaro, multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti ssostni li, billi żammitha responsabbli in solidum għall-imġiba ta’ ksur ta’ Caffaro, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni, żnaturat il-fatti u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset milli turi li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro.

20      Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet ikkunsidrata responsabbli in solidum għall-ksur minħabba l-fatt li hija kienet l-azzjonarja prinċipali tal-ex-Caffaro, b’sehem ta’ minn 53 sa 59 % fil-kapital ta’ din tal-aħħar, u li, għalhekk, hija kienet teżerċita kontroll “indirett” fuq Caffaro. Issa, dan il-kontroll, li jirriżulta mir-rabtiet bejn it‑tliet kumpanniji, ma huwiex suffiċjenti sabiex jimputa r-responsabbiltà tal-ksur fuq ir-rikorrenti.

21      Fin-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ kontroll ta’ 100 % bejn il-kumpanniji kkonċernati, il‑Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imġiba ta’ Caffaro. B’mod partikolari, il-fatt li r-rikorrenti approvat il-pjan ta’ intervent li wassal għall-irtirar ta’ Caffaro mis-suq tal-PBS (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jurix li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq din il-kumpannija.

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset milli turi li l-ex-Caffaro kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro.

23      Is-sempliċi żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ kumpannija sussidjarja ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpannija parent u, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma ġabitx prova supplimentari li turi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

24      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-fatt li r-rikorrenti assorbiet lill-ex-Caffaro.

25      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li turi l-eżistenza ta’ influwenza eżerċitata minnha fuq Caffaro u, għalhekk, immodifikat l-approċċ tagħha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, billi invokat teżi ġdida bbażata fuq l-amalgamazzjoni tal-ex-Caffaro mar-rikorrenti. Issa, minn naħa, din l-amalgamazzjoni seħħet wara l-irtirar ta’ Caffaro mis-suq tal-PBS. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma wrietx li l-ex-Caffaro kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro.

26      L-approċċ tal-Kummissjoni jinjora l-ġurisprudenza fil-qasam taċ-ċessjoni ta’ impriżi. L-impriża li ssuċċediet lill-ex-Caffaro hija Caffaro, kumpannija li kienet teżerċita l-attività tagħha fis-settur kimiku. L-attiv li jikkorrispondi għall-produzzjoni tal-PBS ġie ttrasferit lil Solvay, fl-1999. Għalhekk, il-fattur rilevanti li wassal għat-twettiq tal-ksur ma kienx jirriżulta ferm qabel l-amalgamzzjoni inkwistjoni. Ebda uffiċjal jew membru tal-bord tad-diretturi ta’ Caffaro jew tal-ex-Caffaro ma sar impjegat tar-rikorrenti wara l-amalgamazzjoni.

27      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm ebda kontinwità ekonomika u funzjonali bejn l-ex-Caffaro u r-rikorrenti, iżda, iktar u iktar, bejn l-ex-Caffaro u Caffaro. Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

28      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tesponi b’mod suffiċjenti r‑raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha li timputa r-responsabbiltà tal-ksur lir-rikorrenti.

29      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li mill-approċċ segwit mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni jirriżulta, kif ikkonfermat fid-deċiżjoni kkontestata, li l‑imputazzjoni tar-responsabbiltà inkwistjoni hija bbażata fuq l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq Caffaro.

30      Mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-responsabbiltà tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Caffaro, b’mod partikolari, ir-rabtiet eżistenti bejn din tal-aħħar u r-rikorrenti f’termini ta’ persunal amministrattiv u l-influwenza tar-rikorrenti fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ Caffaro.

31      Fil-punt 350 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, il-Kummissjoni rrilevat is-sehem maġġoritarju tar-rikorrenti fil-kapital tal-ex-Caffaro, fiż-żmien tal-ksur, kif ukoll l‑eżistenza tad-dipendenza ta’ Caffaro fuq ir-rikorrenti fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tagħha u kkonkludiet li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-imġiba tas-“sussidjarja tagħha Caffaro”. Fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti mqajma mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ibbażati essenzjalment fuq in-nuqqas ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq Caffaro.

32      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija pprevediet biss xi wħud mill-elementi inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew li xi wħud biss mill-elementi indikati fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbilità tar-rikorrenti. Il-fatt li l-Kummissjoni elenkat, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, serje ta’ oġġezzjonaijiet, filwaqt li rriservat il-possibbiltà li tistabbilixxi liema minnhom għandhom jiġu kkunsidrati deċiżivi, wara l-kontestazzjonijiet tal-impriżi involuti, imur kontra d-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar.

33      Il-fatt li l-Kummissjoni mmodifikat l-approċċ tagħha wara li bagħtet id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba n-“natura illoġika” tagħha u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha.

34      L-uniċi elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 350 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) kienu l-kontroll mill-ex-Caffaro ta’ 100 % tal-kapital ta’ Caffaro, is-sehem maġġoritarju tar-rikorrenti fil-kapital tal-ex-Caffaro u l-influwenza tar-rikorrenti fuq il-proċess deċiżjonali ta’ Caffaro. Ir-riferiment għall-amalgamazzjoni inkwistjoni, fil-punt 349 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li sar fil-kuntest ta’ “sempliċi dikjarazzjoni ta’ fatti” ma għandux rabta mal-evalwazzjoni ġuridika fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur. Dan ir-riferiment kien tant “ġenerali u remot” meta mqabbel mar-raġonament ġuridiku li ma ppermettiex lir-rikorrenti li tqis li kien meħtieġ li tingħata risposta fuq dan il-punt.

35      Il-Kummissjoni affermat, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, li r‑responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ksur kien riżultat tal-amalgamazzjoni tagħha mal-ex-Caffaro. Minħabba din id-diskordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħetx issostni l‑osservazzjonijiet tagħha fid-dawl tal-oġġezzjoni inkwistjoni, u dan iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[ KE] et 82[ KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

36      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

37      Qabel xejn, għandhom l-ewwel jiġu mfakkra l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tar-rikorrenti.

38      Fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Unjoni, il-prinċipji li hija intendiet tapplika sabiex tidentifika lill-kumpanniji responsabbli mill-ksur.

39      Min naħa, hija fakkret li kumpannija parent setgħet tiġi kkunsidrata li kienet responsabbli mill-imġiba illegali ta’ kumpannija sussidjarja, sakemm din tal-aħħar ma tkunx iddeterminat b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, iżda tkun applikat essenzjalment l-istruzzjonijiet lilha mogħtija mill-kumpannija parent. Hija speċifikat li hija setgħet, essenzjalment, tippreżumi li kumpannija sussidjarja li jkollha 100 % tal-kapital tagħha kkontrollat mill-kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar u li l-kumpannija parent tista’ taqleb il-preżunzjoni billi tipproduċi l-prova kuntrarja (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Min-naħa l-oħra, hija indikat, filwaqt li rreferiet a contrario sensu għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 78 u 79), li, fil-każ fejn l-entità ġuridika inizjalment responsabbli mill-ksur ma tibqax teżisti u titlef il-personalità ġuridika tagħha, billi tiġi purament u simpliċement assorbita minn entità ġuridika oħra, din tal-aħħar għandha għalhekk tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-entità assorbita (premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Fir-rigward tar-responsabbiltà tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat, qabel xejn, li din kienet tikkontrolla “s-sussidjarja tagħha [l-ex‑Caffaro] matul iż-żmien kollu tal-ksur u, bl-intervent tal-[ex‑Caffaro], hija kienet tikkontrolla wkoll lil [Caffaro] fil-mument meta l-attivitajiet fil-qasam tal-PBS bdew isiru minn din tal-aħħar” (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ċerti rabtiet ta’ kapital u ta’ persunal bejn it-tliet kumpanniji kkonċernati.

42      Imbagħad, il-Kummissjoni fakkret li, matul is-sajf tal-1999, Caffaro rtirat mis-suq tal-PBS u li, fis-sena 2000, l-ex-Caffaro ġiet assorbita mir-rikorrenti (premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat l‑argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkontestat ir-responsabbiltà in solidum tagħha, ibbażati b’mod partikolari fuq il-fatt li l-kontroll li hija kienet teżerċita fuq l-ex-Caffaro fiż-żmien tal-ksur kien biss minn 53 sa 59 %, li ma huwiex suffiċjenti sabiex tinżamm responsabbli.

44      Fl-aħħar nett, fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“[…] [B]’mod kuntrarju għall-affermazzjoni [tar-rikorrenti], ir-responsabbiltà tagħha ma toħroġx mis-sehem tagħha minn 53 sa 59 % fil-kapital [tal-ex-Caffaro] matul iż-żmien tal-ksur, iżda mill-amalgamazzjoni [tagħha…] [mal-ex-Caffaro,] li kienet il-kumpannija parent 100 % ta’ [Caffaro], l-entità li kienet direttament involuta fil-ksur. Il-kwistjoni tal-kontroll bejn [ir-rikorrenti] u [l-ex-Caffaro] ma hijiex għalhekk il-kwistjoni involuta f’dan ir-rigward. Dak li għandu jiġi analizzat hawnhekk huwa r-relazzjoni ta’ kontroll bejn l-entità SNIA[‑]Caffaro (bl-isem ġdid SNIA wara l-amalgamazzjoni) u s-sussidjarja [Caffaro …]. Ladarba s-sehem ta’ 100 % li kien jorbot flimkien, fiż-żmien tal-ksur, [lill-ex-Caffaro] (illum amalgamata [mar-rikorrenti]) u [lill-Caffaro], kif ukoll il-prova tar-relazzjoni ta’ dipendenza [tagħha …] fir-rigward tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tagħha, fuq [ir-rikorrenti], u r-rabtiet eżistenti bejn l-entitajiet f’termini ta’ amministrazzjoni tal-persunal, il-Kummissjoni tqis li [l-ex-Caffaro] eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha, u li l-elementi invokati [mir-rikorrenti …] ma jistgħux iwaqqgħu l-preżunzjoni tagħha kif ifformulata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

45      Għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-rikorrenti tiddistingwi, fir-rikors, tliet ilmenti li jirrigwardaw, essenzjalment, l-allegat nuqqas ta’ rabtiet rilevanti bejn it-tliet kumpanniji kkonċernati, jirriżulta madankollu mill-argumentazzjoni tagħha, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tagħha fformulati fis-seduta, li hija tinvoka, fir-realtà, tliet motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li allegatament jivvizzjaw il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tagħha, fit-tieni lok, fuq nuqqas ta’ konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u r‑raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tielet lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-allegat żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni

46      Ir-rikorrenti targumenta li sar żball fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni, billi ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx, fl-ewwel lok, li l-ex-Caffaro kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro, fit-tieni lok, li tali influwenza fuq Caffaro kienet ġiet eżerċitata minnha u, fit-tielet lok, li l‑amalgamazzjoni bejn l-ex-Caffaro u r-rikorrenti kienet rilevanti.

47      Għandu jiġi rrilevat li mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 411 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), jirriżulta li l‑konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ksur hija bbażata fuq il‑fatt li din assorbit lill-ex-Caffaro, kumpannija li, fiż-żmien tal-fatti, kienet tikkontrolla 100 % tal-kapital ta’ Caffaro, parteċipanti diretta fl-akkordju.

48      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-fatt li, fil-premessi 408 u 411 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat ukoll ċerti indikazzjonijiet fir-rigward tar-rabtiet li kienu jeżistu bejn il-kumpanniji kkonċernati u ż-żmien tal-ksur, b’mod partikolari, “ir-relazzjoni ta’ dipendenza ta’ Caffaro, fir-rigward tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tagħha, fuq [ir-rikorrenti], u r-rabtiet eżistenti bejn l‑entitajiet f’termini ta’ amministrazzjoni tal-persunal”. Fil-fatt, in-natura supplementari ta’ dawn l-indikazzjonijiet tirriżulta b’mod ċar mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li “l-kwistjoni tal-kontroll bejn [ir-rikorrenti] u l-impriża preċedenti [ex-Caffaro] ma hijiex […] inkwistjoni”.

49      F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti tar-rikorrenti dwar ir‑rabta bejn l-ex-Caffaro u Caffaro, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur, hemm preżunzjoni sempliċi li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija sussidjarja. Imbagħad, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma ġġibx provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni setgħet għalhekk tikkonkludi li kien hemm eżerċizzju ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-ex-Caffaro fuq Caffaro, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ kontroll ta’ 100 % bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

52      Għalhekk, hemm lok li jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjoni, iżda kellha tenfasizza l-indikaturi konkreti tal-influwenza. Fil-fatt, sabiex il-preżunzjoni inkwistjoni tiġi kkonfutata, huwa l-kompitu tar-rikorrenti li ġġib il-provi suffiċjenti ta’ natura li juru li Caffaro kienet iġġib ruħha b’mod awtonomu fis-suq mill-kumpannija parent tagħha, l-ex-Caffaro.

53      Issa, ir-rikorrenti ma ssostni ebda prova f’dan is-sens fil-proċedura amministrattiva, u lanqas ma tagħmel dan quddiem il-Qorti Ġenerali, billi din, minn naħa, sempliċement tikkontesta l-legalità tal-preżunzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, targumenta dwar in-nuqqas ta’ rabtiet rilevanti bejn Caffaro u r‑rikorrenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, fuq il-bażi tal-preżunzjoni li ma ġietx ikkonfutata, tikkonstata li, fiż-żmien tal-ksur, l-ex-Caffaro kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Caffaro, u għalhekk dawn iż‑żewġ kumpanniji kkostitwixxew entità ekonomika responsabbli għall-ksur.

54      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rabta bejn l-entità ekonomika inkwistjoni u r‑rikorrenti, mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-fatt li hija assorbiet lill-ex-Caffaro, kumpannija li eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro, u mhux fuq influwenza determinanti li r-rikorrenti setgħet teżerċita fuq Caffaro fiż-żmien tal-ksur.

55      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma wrietx li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Caffaro għandu jiġi miċħud bħala inapplikabbli.

56      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti li l-amalgamazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix element li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tagħha fil-ksur u li, fi kwalunkwe każ, hija ma hijiex is-suċċessur ekonomiku tal-ex-Caffaro, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament l-effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-ksur jekk, mill-perspettiva ekonomika, ikun hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 42, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-fatt, jista’ jirriżulta meħtieġ, għall-finijiet tal-implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, li r-responsabbiltà tiġi imputata lill-utent ġdid tal-impriża li tkun wettqet il-ksur, fil-każ fejn dan jista’ jiġi effettivament ikkunsidrat li huwa s-suċċessur tal-utent inizjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 51).

58      Dan il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” huwa applikabbli f’ċirkustanzi partikolari, bħal dawk partikolarment tal-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-użu tal-impriża ma tkunx baqgħet ġuridikament teżisti wara t-twettiq tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145) jew tal-każ tar-ristrutturazzjoni interna ta’ grupp, fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn l-utent inizjali u l-utent il-ġdid tal-impriża, meta l-utent il-ġdid ma jiqafx neċessarjament milli jkollu eżistenza ġuridika, iżda ma jibqax jeżerċita attività ekonomika notevoli fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P et C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 359).

59      Issa, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, ċirkustanzi partikolari bħal dawn jeżistu fil-każ ineżami.

60      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 53 iktar ’il fuq, il-ksur inkwistjoni twettaq mill-entità kkostitwita, fiż-żmien tal-fatti, mill-kumpanniji Caffaro u l-ex-Caffaro, filwaqt li din tal-aħħar ma baqgħetx ġuridikament teżisti, wara t-twettiq tal-ksur, minħabba l-amalgamazzjoni tagħha mar-rikorrenti.

61      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax validament tibbaża ruħha fuq il-fatt li, minkejja l-amalgamazzjoni tagħha mal-ex-Caffaro, hija, fir-realtà, ma assumietx l‑elementi materjali u umani li wasslu għat-twettiq tal-ksur.

62      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-impriża inkwistjoni ma tibqax teżisti minħabba l-fatt li din tkun ġiet assorbita minn akkwirent, dan tal-aħħar jassumi l-attivi u l-passivi tagħha, inklużi r-responsabbiltajiet tagħha minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża assorbita tista’ tiġi imputata lill-akkwirent (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 326, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-kumpannija sussidjarja li ħadet sehem fil-ksur, Caffaro, tkompli ġuridikament teżisti. Fil-fatt, fir-rigward ta’ waħda mill-persuni ġuridiċi responsabbli mill-użu tal-entità ekonomika inkwistjoni, il-fakultà li tissanzjona lill-kumpannija sussidjarja ma għandha ebda effett fuq l‑imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur fuq il-kumpannija parent tagħha, l-ex-Caffaro, u, konsegwentement, fuq ir-rikorrenti.

64      Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma msaħħa mill-fatt li l‑amalgamazzjoni tal-ex-Caffaro mar-rikorrenti saret fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li kien diġà jeżisti fiż-żmien tal-ksur.

65      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-fatti esposti fil-premessi 408 u 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, fiż-żmien tal-ksur, din ma kinitx biss l-azzjonarja prinċipali tal-ex-Caffaro, b’sehem ta’ 53 sa 59 %, iżda appuntat ukoll il-membri kollha tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, li fosthom wieħed minnhom kien ukoll membru tal-bord tad-diretturi tagħha. Barra minn hekk, hemm indikazzjoni tal-involviment tar-rikorrenti fil-proċess deċiżjonali tal-ex-Caffaro u ta’ Caffaro, li tirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni tal-irtirar ta’ din tal-aħħar mis-suq tal-PBS ġiet annessa mal-minuti tal-laqgħa tal-amministrazzjoni tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 1999 (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, l-amalgamazzjoni bejn il-kumpanniji kkonċernati, li saret wara t-twettiq tal-ksur, taqa’ taħt ristrutturazzjoni interna fi ħdan grupp ta’ kumpanniji magħquda flimkien b’rabta strutturali, li tikkorrobora l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex-Caffaro u r-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 344 u 359).

67      Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet jiddistingwu l-każ ineżami minn dawk li wasslu, rispettivament, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/74/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1984, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/30.907 – Prodotti perossiġini) (ĠU 1985 L 35, p. 1), għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l‑Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.149 – Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1), u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/191/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 CE] (Każ IV/31.866, PEBD) (ĠU 1989, L 74, p. 21). Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti jinvolvu sitwazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ attivitajiet affettwati mill-ksur bejn gruppi ta’ impriżi nieqsa minn rabtiet strutturali bejniethom u għalhekk ma humiex, f’dan ir‑rigward, simili għall-każ ineżami.

68      Fid-dawl tal-premessa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament imputat lir-rikorrenti, bħala utenti ġdida tal-entità ekonomika inkwistjoni, bir-responsabbiltà in solidum tal-ksur imwettaq mill-entità kkostitwita mill-kumpanniji Caffaro u l-ex‑Caffaro, peress li din tal-aħħar kienet ġiet assorbita mir-rikorrenti wara t-twettiq tal-ksur. Barra minn hekk, din il‑kunsiderazzjoni hija msaħħa mill-fatt li l-amalgamazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt ristrutturazzjoni interna tal-grupp.

69      Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d‑deċiżjoni kkontestata

70      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-element li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li hija kellha responsabbiltà fil-ksur, jiġifieri l-amalgamazzjoni tagħha mal-ex-Caffaro, ma ġiex espost suffiċjentement fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

71      B’mod partikolari, hija ssostni li, billi fid-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha fuq l‑amalgamazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni bidlet ir-raġonament espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien ibbażat fuq influwenza determinanti eżerċitata minnha stess fuq l-imġiba tas-“sussidjarja tagħha Caffaro” (punt 350 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Dan in-nuqqas ta’ konkordanza bejn id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

72      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa inammissibbli, billi ssostni li dan jikkostitwixxi motiv ġdid, issollevat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

73      Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa prekluż li jiġu ppreżentati motivi ġodda matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv espost preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-każ ineżami, fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni “bidlet il‑motivazzjoni ġuridika tagħha fir-rigward tar-relazzjoni bejn [ir-rikorrenti] u Caffaro fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bbażat ruħha fuq teżi ġdida li toħroġ […] minn [applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti]” kif ukoll fuq il-fatt li “r-responsabbiltà [tagħha …] toħroġ inqas mill-parteċipazzjoni materjali [tagħha…] fil-ksur […] milli mill-amalgamazzjoni [tagħha mal-ex‑Caffaro]”.

75      Għandu jiġi kkunsidrat li, b’dawn l-argumenti, ir-rikorrenti esponiet, fl-istadju tar-rikors, argumentazzjoni bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ konkordanza bejn id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni stess irrispondiet għal din l-argumentazzjoni, fir-risposta tagħha, billi indikat b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet issemmi l-fatti rilevanti kollha kif ukoll il-prinċipji ta’ dritt applikati iktar tard fid-deċiżjoni kkontestata.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti fir-replika, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħha, li jirriżulta mill-allegat nuqqas ta’ konkordanza inkwistjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala sempliċi estensjoni ta’ motiv espost b’mod impliċitu fir-rikors.

77      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

78      Fil-mertu, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, qabel ma tieħu deċiżjoni, il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li jindikaw il-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjonijiet li hija tkun qajmet. Hija tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l‑oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom.

79      Il-garanzija proċedurali prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontra din l-impriża, bħall-fatti allegati, il‑klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontra tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 26, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P et C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 36).

80      Madankollu, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li saret fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tkun biss, bħala definizzjoni, provviżorja, u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata biss għar-raġuni li l‑konklużjonjiet definittivi li saru minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż għal din il-klassifikazzjoni intermedjarja. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet billi timmodifika l-analiżi tagħha, proprju sabiex tirrispetta d‑drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 100, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 97).

81      Deċiżjoni bbażata fuq elementi essenzjali li fir-rigward tagħhom l-impriża kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha għandha tiġi annullata, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ir-responsabbiltà tal-impriża tistax tirriżulta minn elementi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

82      Fil-każ ineżami, għandu jiġi osservat li, fil-punti 326 sa 328 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji legali u l-ġurisprudenza li jipprovdu li meta l-persuna ġuridika li tkun wettqet il-ksur ma tibqax ġuridikament teżisti, ir-responsabbiltà tagħha tista’ tiġi ttrasferita lis-suċċessur tagħha, filwaqt li rreferiet b’mod partikolari għall-każ meta l-kumpannija responsabbli mill-ksur tkun ġiet assorbita minn kumpannija oħra.

83      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti, fil-punt 349 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li, “kif hawn fuq spjegat, fis-sena 2000, [l-ex-]Caffaro amalgamat [mar-rikorrenti] u [Industrie Chimiche Caffaro] bidlet isimha sabiex saret Caffaro”.

84      Għandu jiġi kkunsidrat li l-produzzjoni ta’ dawn l-elementi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippermettiet lir-rikorrenti li tieħu konjizzjoni tar-rilevanza tal-amalgamazzjoni inkwistjoni, fir-rigward tar-responsabbiltà tagħha, u, għalhekk, li tifhem il-kontenut tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni.

85      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex kkonfutata mill-fatt li, minkejja li rreferiet għall-amalgamazzjoni inkwistjoni fil-punt 349 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il‑Kummissjoni ma daħħlitx dan l-element, b’mod speċifiku, fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-imġiba tar-rikorrenti fid-dawl tal-prinċipji rrilevati fil-punti 326 sa 328 tal-istess dikjarazzjoni.

86      B’mod partikolari, għandu jiġi osservat, li, minkejja r-riferiment għall-imsemmija amalgamazzjoni fil-premessa 349 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il‑Kummissjoni sostniet, fil-premessa ta’ wara, li hija ppreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-imġiba tas-“sussidjarja tagħha Caffaro”, fid-dawl tar-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati li kienu eżistenti fiż-żmien tal-ksur.

87      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li ssir fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija biss provviżorja. Billi tippreċiża, b’mod leġittimu, din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tagħti importanza ikbar lill-elementi li qabel hija tkun ikkunsidrat sekondarji, bil-kundizzjoni, madankollu, li hija tikkunsidra biss fatti li dwarhom il-partijiet interessati kellhom l-okkażjoni jesprimu ruħhom u li hija tkun ipprovdiet, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża (ara, f’dan is-sens, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bot fil-kuntest tas-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑7196, punt 93).

88      Issa, fil-każ ineżami, sa fejn il-prinċipji ta’ dritt u l-punti ta’ fatt inkwistjoni ġew indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx b’mod espliċitu l-klassifikazzjoni speċifika ta’ wieħed minn dawn il-punti ta’ fatt ma kienx ta’ natura li jimpedixxi lir-rikorrenti milli tiddefendi ruħha b’mod effikaċi.

89      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt, li jirriżulta mill-proċess, li r‑rikorrenti sostniet, kemm fir-risposta tagħha għad-dikarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fis-seduta, argumentazzjoni speċifika dwar il-konsegwenzi tal-amalgamazzjoni inkwistjoni għar-responsabbiltà tagħha fil-ksur.

90      Minn dan jirriżulta li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippermettiet lir-rikorrenti tevalwa r-rilevanza tal-amalgamazzjoni tagħha mal-ex-Caffaro, fil-kuntest tal-oġġezzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà in solidum tagħha fil-ksur, u li ssostni l‑perspettiva tagħha fuq dan l-element.

91      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex affettwata minn vizzju li seta’ affettwa l-possibbiltajiet ta’ difiża tar-rikorrenti.

92      Konsegwentement, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

93      Ir-rikorrenti tissottometti l-insuffiċjenza tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum tagħha fil-ksur kif ukoll n-natura kontradittorja tagħhom.

94      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġonament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punti 37 sa 44 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet kemm il-prinċipji legali kif ukoll il‑kunsiderazzjonijiet fattwali li fuqhom hija bbażat il-konstatazzjoni dwar ir‑responsabbiltà tar-rikorrenti.

96      B’mod partikolari, minn naħa, mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-ex-Caffaro fuq Caffaro, fid-dawl b’mod partikolari tar-relazzjoni ta’ kontroll ta’ 100 % li kienet torbot lil dawn il-kumpanniji fiż-żmien tal-ksur, li ħolqot preżunzjoni li ma ġietx ikkonfutata mir-rikorrenti.

97      Min-naħa l-oħra, mill-istess premessa jirriżulta li l-Kummissjoni waslet għar-responsabbiltà tar-rikorrenti, bħala kumpannija li assorbiet kumpannija oħra, fid-dawl tal-amalgamazzjoni tagħha mal-ex-Caffaro, li kienet il-kumpannija parent ta’ Caffaro, il-kumpannija involuta direttament fl-akkordju.

98      Il-konklużjoni li tirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma hija bl-ebda mod kontradetta mill-elementi l-oħra rrilevati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li, fiż-żmien tal-ksur, ir-rikorrenti kienet l-azzjonarja prinċipali tal-ex-Caffaro u li kien hemm ċerti rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll indikazzjonijiet li r-rikorrenti kienet involuta fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni ta’ Caffaro (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, dawn l-elementi l-oħra jikkorroboraw l-eżistenza tal-kontinwità ekonomika bejn l-ex-Caffaro u r-rikorrenti, billi jattestaw il-fatt li l‑amalgamazzjoni inkwistjoni seħħet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji magħquda flimkien b’rabta strutturali li kienet diġà teżisti fiż-żmien tal-ksur (ara l-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq).

99      Għalhekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kontradizzjoni tar-raġunijiet, invokata mir-rikorrenti u bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat li din kienet tikkontrolla l-kumpannija sussidjarja tagħha matul iż-żmien kollu tal-ksur (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma ddikjarat li dan l-istess element ma kienx “inkwistjoni” (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata), ma tirriżultax. Fil-fatt, mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑kontroll eżerċitat mir-rikorrenti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha fiż-żmien tal-ksur ma jikkostitwixxix il-bażi tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tagħha, fuq il-bażi tal-kwalità tagħha ta’ kumpannija li assorbiet kumpannija oħra, iżda jidħol fir-raġonament inkwistjoni biss bħala indikazzjoni tal-fatt li l‑amalgamazzjoni inkwistjoni seħħet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li kienu jeżistu qabel.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrenti b’mod żbaljat issostni li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni riedet issostni t-teżi, esposta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li r-responsabbiltà tagħha kienet tirriżulta, suffiċjentement skont il‑liġi, mill-influwenza li hija eżerċitat fuq Caffaro u l-ex-Caffaro fiż-żmien tal-ksur.

101    Ir-rikorrenti tasal għal din il-kunsiderazzjoni mill-fatt li, fil-premessi 410 u 411 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti li permezz tagħhom hija pprovat turi li ma kinitx eżerċitat influwenza fuq Caffaro. Issa, huwa proprju bi tweġiba għall-argumenti inkwistjoni li l-Kummissjoni indikat li, “b’mod kuntrarju għall-affermazzjoni [tar-rikorrenti,] ir-responsabbiltà tagħha ma toħroġx mis-sehem [tagħha] mill-kapital ta’ Caffaro […] iżda mill-amalgamazzjoni [tar-rikorrenti] mal-[ex-Caffaro] li kienet il-kumpannija parent 100 % ta’ [Caffaro]” (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata).

102    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni minħabba “t-tentattiv tagħha li taqsam il-motivazzjoni f’diversi elementi u tagħti prijorità biss lil xi wħud minnhom”, billi ssostni li, anki jekk il-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi evalwata bħala “konglomerat ta’ ċirkustanzi distinti”, il-Kummissjoni “ma tistax tippretendi li tattribwixxi a posteriori valur deċiżjonali biss lil xi wħud minn fosthom” (punt 42 tar-replika).

103    Issa, b’din il-kritika, ir-rikorrenti tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li raġonament espost fid-deċiżjoni kkontestata jista’, apparti l-kunsiderazzjonijiet prinċipali, ikollu indikazzjonijiet li jsaħħu dawn il-kunsiderazzjonijiet.

104    Fil-fatt, ladarba mir-raġunijiet inkwistjoni kollha jirriżulta li r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti ġiet dedotta mill-kwalità tagħha ta’ kumpannija li assorbiet waħda mill-kumpanniji responsabbli mill-użu tal-entità li wettqet il-ksur, id‑deskrizzjoni tar-rabtiet li kienu jeżistu bejn il-kumpanniji kkonċernati fiż-żmien tal-ksur tista’ biss issaħħaħ din il-kunsiderazzjoni, billi tattesta l-fatt li l‑amalgamazzjoni inkwistjoni seħħet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji magħquda flimkien permezz ta’ rabta strutturali.

105    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, hemm lok li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi miċħud u li r-rikors preżenti jiġi, għalhekk, miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SNIA SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.