Language of document : ECLI:EU:C:2015:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/13/KE — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel — Artikolu 2(1)(a)(i) u punt 2 tal-Artikolu 3(1) — Ittikkettjar ta’ natura li tista’ tqarraq lix-xerrej fuq il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel — Lista tal-ingredjenti — Użu tal-indikazzjoni ‘avventura lampun-vanilla’ kif ukoll ta’ stampi ta’ lampun u ta’ fjuri tal-vanilla fuq il-pakkett ta’ infużjoni tal-frott li ma jinkludix dawn l-ingredjenti”

Fil-Kawża C‑195/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ April 2014, fil-proċedura

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale -Bundesverband e.V.

vs

Teekanne GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V., minn J. Kummer u P. Wassermann, avukati,

–        għal Teekanne GmbH & Co. KG, minn A. Meyer, avukat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Madaleno, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u K. Herbout‑Borczak, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a)(i) u tal-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 188, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/13”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (Unjoni Federali taċ-ċentri u assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“BVV”) u Teekanne GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Teekanne”) dwar in-natura allegatament qarrieqa tal-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/13

3        Id-Direttiva 2000/13 tħassret b’effett mit‑13 ta’ Diċembru 2014, konformement mal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bid-Direttiva 2000/13.

4        Fi kliem il-premessi 6, 8 u 14 ta’ din id-direttiva:

“(6)      Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq il-tikkettjar ta’ oġġetti [prodotti] ta’ l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur.

[...]

(8)      Tikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles.

[...]

(14)      Ir-regoli fuq tikkettjar għandhom ukoll jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tqarraq bix-xerrej [...]. Biex tkun effettiva, din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għall-preżentazzjoni u r-riklamar tal-oġġetti [prodotti] ta’ l-ikel.”

5        L-Artikolu 1(1) u (3)(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva tikkonċerna l-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel li għandu jiġi mqassam lill-konsumatur u ċerti aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu.

[...]

3.      Għall-iskop ta’ dan id-Direttiva,

(a)      ‘tikkettjar’ ifisser kwalunkwe kliem, partikolaritajiet, marka tipika tan-negozju, isem ta’ ditta, ħaġa mpinġija jew simboli li għandhom x’jaqsmu ma’ prodott ta’ l-ikel u poġġuti fuq kwalunkwe imballaġġ, dokument, avviż, tikketta, ċurkett jew kullar li jakkumpanja jew jirreferi għal dan il-prodott ta’ l-ikel”.

6        L-Artikolu 2(1)(a)(i) tal-istess direttiva jipprovdi li:

“Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

(a)      ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

(i)      għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni”.

7        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13/KE jipprovdi:

“Skond l-Artikoli 4 sa 17 u soġġett għal eċċezzjonijiet li fihom, indikazzjoni tal-partiklolaritajiet li ġejjin biss ikunu obbligatorji fuq iltikkettjar tal-oġġetti [prodotti] ta’ l-ikel.

(1)      l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott;

(2)      il-lista ta’ ingredjenti;

[...]”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-ingredjenti għandhom ikunu elenkati b’konformità ma dan l-Artikolu u ma l-Annessi I, II, III u IIIa.

[...]

4.      (a)   ‘Ingredjent’ għandu jfisser kwalunkwe sustanza, inklużi addittivi u enżimi, użata fil-manifattura u t-tħejjija ta’ oġġett [prodott] ta’ l-ikel u li tkun għadha preżenti fil-prodott lest, anke jekk f’forma mibdula.

[...]

5.      Il-lista ta’ ingredjenti tinkludi ingredjenti tal-prodott ta’ l-ikel, f’ordni dixxendenti ta’ piż, kif irrekordjat fil-ħin ta’ l-użu tagħhom fil-manifattura tal-prodott ta’ l-ikel. Jidher ippreċedut b’titolu adattat li jinkludi fih il-kelma ‘ingredjenti’.

[...]

6.      L-ingredjenti għandhom ikunu magħrufa bl-isem speċifiku tagħhom, fejn applikabbli, skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 5. 

Madankollu:

[...]

–        ħwawar għandhom jiġi murija skond l-Anness III,

[…]

7.      Dispożizzjonijiet tal-Komunità jew, fejn m’hemmx, dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jistabbilixxu li l-isem li taħtu jinbiegħ prodott ta’ l-ikel speċifiku jiġi akkumpanjat billi jsemmu ingredjent jew ingredjenti partikolari.

[...]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

9        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu intitolat “Protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumatur”:

“1.      Il-liġi dwar l-ikel għandha timmira lejn l-interesi tal-konsumatur u għandha tipprovdi bażi għall-konsumaturi li jagħmlu għażla informata dwar l-ikel li jikkonsmaw. Għandha timmira lejn il-prevenzjoni ta’.

(a)      prattiki frawdolenti jew li jqarrqu;

(b)      l-adulterazzjoni ta’ ikel; u

(ċ)       kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur.”

10      L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi tal-liġi dwar l-ikel, it-tikkettjar, reklamar u preżentazzjoni ta’ l-ikel jew l-għalf, inkluża l-forma tagħhom, dehra jew imballeġġjar, il-materjal ta’ l-imballeġġjar użat, il-mod li bih ikunu rranġati u l-issettjar li bih ikunu esposti, u t-tagħrif li għandu jkun disponibbli dwarhom ikun x’ikun il-mezz, m’għandhomx iqarrqu bil-konsumatur.”

 Id-dritt Ġermaniż

11      Il-Liġi dwar il-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2010 I, p. 254, iktar ’il quddiem l-“UWG”), tistabbilixxi fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tagħha:

“Eżempji ta’ prattiki kummerċjali żleali

Iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull min

[...]

11.      jikser dispożizzjoni legali li hija, fost oħrajn, intiża li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq.”

12      Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-UWG jipprovdi:

“Prattiċi kummerċjali qarrieqa

1)      Tikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali kull prattika kummerċjali qarrieqa. Prattika kummerċjali hija qarrieqa meta timplika allegazzjonijiet impreċiżi, jew allegazzjonijiet oħra ta’ natura li jqarrqu, li jirrigwardaw wieħed jew diversi elementi li ġejjin:

1.      il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett jew tas-servizz, bħad-disponibbiltà tiegħu, in-natura tiegħu, l-implementazzjoni tiegħu, il-vantaġġi tiegħu, ir-riskji li jippreżenta, il-kompożizzjoni tiegħu, l-aċċessorji tiegħu, il-metodu u d-data ta’ manifattura, ta’ kunsinna jew ta’ provvista tiegħu, l-idoneità tiegħu għall-użu, l-użu possibbli tiegħu, il-kwantità tiegħu, il-proprjetajiet tiegħu, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-ipproċessar tal-ilmenti, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali tiegħu, ir-riżultati mistennija mill-użu tiegħu, kif ukoll ir-riżultati u l-karatteristiċi prinċipali tat-testijiet imwettqa fuq l-oġġett jew s-servizz”.

13      Taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki qarrieqa”, l-Artikolu 11 tal-Kodiċi dwar il-prodotti tal-ikel, il-prodotti ta’ konsum regolari u l-prodotti intiżi għall-għalf tal-annimali (Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LFGB”), jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huwa pprojbit li jiġu kkummerċjalizzati prodotti tal-ikel taħt denominazzjoni qarrieqa jew b’indikazzjonijiet jew preżentazzjoni qarrieqa jew li jiġu rreklamati b’mod ġenerali jew f’każ partikolari permezz ta’ preżentazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra qarrieqa. B’mod partikolari, ikun hemm prattika qarrieqa

1.      meta fir-rigward ta’ prodott tal-ikel, jintużaw denominazzjonijiet, indikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, deskrizzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra li jistgħu jqarrqu b’rabta mal-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari, b’rabta mat-tip, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, it-tul ta’ żmien li jista’ jinħażen, l-oriġini, il-provenjenza jew il-mod kif inhu mmanifatturat jew prodott dan l-oġġett;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Teekanne tikkummerċjalizza infużjoni tal-frott taħt l-isem “Felix Himbeer‑Vanille Abenteuer” (“Felix avventura lampun-vanilla”) (iktar ’il quddiem l-“infużjoni tal-frott”). L-imballaġġ ta’ din l-infużjoni huwa kkostitwit minn kaxxa tal-kartun kollassabbli, fil-forma solida mdawwar bil-parallelogrammi, li jinkludi 20 pakkett.

15      Dan l-imballaġġ jinkludi ċertu numru ta’ elementi, ta’ daqsijiet, kuluri u tipi differenti, b’mod partikolari stampi ta’ lampuni u ta’ fjuri tal-vanilla, l-indikazzjonijiet “infużjoni tal-frott b’aromi naturali” u “infużjoni tal-frott b’aromi naturali — togħma lampun-vanilla”, kif ukoll siġill grafiku li jinkludi, f’ċirku tad-deheb, l-indikazzjoni “jinkludi biss ingredjenti naturali”.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, l-infużjoni tal-frott ma fiha ebda kostitwent jew aroma ta’ vanilla jew ta’ lampun. Il-lista ta’ ingredjenti, li tidher fuq waħda min-naħat tal-imballaġġ, hija kif ġej: “Hibiscus, tuffieħ, weraq tat-tut ħelu, qoxra tal-larinġ, solanum nigrum, aroma naturali b’togħma ta’ vanilla, qoxra tal-lumi, aroma naturali b’togħma ta’ lampun, tut, frawli, blueberries, elderberries”.

17      Il-BVV ippreżentat rikors kontra Teekanne quddiem il-Landgericht Düsseldorf (tribunal reġjonali ta’ Düsseldorf), billi sostniet li l-elementi li jinkludi l-imballaġġ tal-infużjoni tal-frott kienu ta’ natura li jqarrqu lill-konsumatur fir-rigward tal-kompożizzjoni ta’ din l-infużjoni. Fil-fatt, minħabba dawn l-elementi, il-konsumatur jistenna li l-imsemmija infużjoni tinkludi l-kostitwenti tal-vanilla u tal-lampun jew, tal-inqas, tal-aromi naturali tal-vanilla u tal-lampun.

18      Konsegwentement, il-BVV talbet li Teekanne tkun ikkundannata, taħt piena ta’ miżura ta’ restrizzjoni, li tieqaf tagħmel ir-riklamar tal-infużjoni tal-frott, b’mod attiv jew passiv, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali. Il-BVV talbet ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-intimazzjoni, li jammontaw għal EUR 200.

19      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2012, il-Landgericht Düsseldorf laqgħet dan ir-rikors.

20      Peress li Teekanne ppreżentat appell, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (tribunal reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf), b’sentenza tad-19 ta’ Frar 2013, annulla din is-sentenza u ċaħad l-azzjoni tal-BVV. Din il-qorti stmat li ma kien hemm ebda qerq tal-konsumatur, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-UWG, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB, kif ukoll fis-sens tal-ewwel u tat-tieni sentenzi tal-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-UWG.

21      Skont l-imsemmija qorti, konformement mad-Direttiva 2000/13, dawn id-dispożizzjonijiet tal-UWG u tal-LFGB għandhom jiġu interpretati billi jsir riferiment għall-aspettattivi tal-konsumatur medju. F’dan il-każ, mil-lista tal-ingredjenti tal-infużjoni tal-frott, riprodotta fuq l-imballaġġ tagħha, jirriżulta li l-aromi naturali użati għandhom togħma ta’ lampun jew ta’ vanilla. B’hekk din il-lista tistabbilixxi mingħajr ambigwità li l-aromi użati ma nkisbux mill-vanilla u mil-lampun, iżda li għandhom it-togħma tagħhom. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża u kompleta li tirriżulta mil-lista tal-ingredjenti li jidhru fuq l-imballaġġ huwa biżżejjed biex jeskludi r-riskju ta’ qerq tal-konsumatur.

22      Il-BVV ippreżentat appell ta’ “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-Ġustizzja).

23      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-repetizzjoni ta’ stampi ta’ lampuni u ta’ fjuri tal-vanilla fuq l-imballaġġ tal-infużjoni tal-frott, li tattira l-ħarsa, l-istess bħal dik tal-indikazzjoni “b’aromi naturali”, kif ukoll is-siġill grafiku bl-indikazzjoni “jinkludi biss ingredjenti naturali”, jissuġġerixxu li t-togħma ta’ din l-infużjoni hija ddeterminata b’mod partikolari mill-aromi miksubin mil-lampun u mill-fjuri tal-vanilla. Il-preżentazzjoni tal-imsemmija infużjoni hija għaldaqstant maħsuba biex tkun, inkluż fil-każ ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, ta’ natura li toħloq impressjoni falza fir-rigward tal kompożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni tal-infużjoni tal-frott hija ta’ natura li tiddiswadi lill-konsumatur milli jieħu konjizzjoni tal-lista tal-ingredjenti li tidher fuq l-imballaġġ, f’karattri iżgħar, u li tirrifletti r-realtà.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-premessi 6 u 8 tad-Direttiva 2000/13, l-ittikkettjar tal-infużjoni tal-frott u l-metodi skont kif dan jitwettaq huma ta’ natura li jqarrqu lix-xerrej, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti tal-ikel jistgħu jindikaw, permezz tal-apparenza, tad-deskrizzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni grafika, il-preżenza ta’ ingredjent partikolari meta dan ikun fil-fatt assenti minn dan il-prodott tal-ikel u din l-assenza tkun tirriżulta biss mil-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13/KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a)(i) u l-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel u l-metodi skont kif dan jitwettaq jista’ jissuġġerixxi, permezz tad-dehra, tad-deskrizzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni grafika ta’ ingredjent speċifiku, il-preżenza ta’ dan tal-aħħar f’dan il-prodott minkejja li, fil-fatt, dan l-ingredjent huwa assenti fih, fejn din l-assenza tirriżulta biss mil-lista tal-ingredjenti li tidher fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott tal-ikel.

27      F’dan il-każ, minn naħa, l-imballaġġ tal-infużjoni tal-frott jinkludi b’mod partikolari stampi ta’ lampuni u ta’ fjuri tal-vanilla, l-indikazzjonijiet “infużjoni tal-frott b’aromi naturali” u “infużjoni tal-frott b’aromi naturali — togħma lampun-vanilla”, kif ukoll siġill grafiku li jinkludi l-indikazzjoni “jinkludi biss ingredjenti naturali”.

28      Min-naħa l-oħra, skont il-lista tal-ingredjenti li jidhru fuq naħa tal-imballaġġ, kif previst fil-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 u li n-natura eżatta u eżawrjenti tagħha ma hijiex ikkontestata, din l-infużjoni tinkludi aromi naturali b’“togħma tal-vanilla” u “togħma tal-lampun”. B’hekk, huwa paċifiku li l-imsemmija infużjoni ma tinkludix ingredjenti naturali maħruġa mill-vanilla jew mil-lampun u lanqas ta’ aroma miksuba minn dawn tal-aħħar.

29      Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni hija għaldaqstant dwar jekk l-ittikkettjar tal-infużjoni tal-frott hija ta’ natura li tqarraq bix-xerrej inkwantu jissuġġerixxi l-preżenza ta’ kompożizzjonijiet ta’ lampun u ta’ fjura tal-vanilla jew ta’ aromi miksubin minn dawn l-ingredjenti, minkejja li dawn il-kompożizzjonijiet jew aromi ma humiex preżenti f’din l-infużjoni.

30      Kif jistabbilixxu l-premessi 6 u 8 tad-Direttiva 2000/13, din hija bbażata, qabel xejn, fuq il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur, fejn l-ittikkettjar dettaljat dwar in-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodotti għandhom jippermettu b’hekk lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu fil-konoxxenza kollha tal-fatti inkwistjoni.

31      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi, f’eku tal-premessa 14 tagħha, li l-ittikkettjar u l-metodi skont kif dan jitwettaq ma jridux ikunu tali li jqarrqu lix-xerrej, partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni tiegħu.

32      Konsegwentement, din id-dispożizzjoni teħtieġ li x-xerrej ikollu informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva li ma titqarraqx bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑47/09, EU:C:2010:714, punt 37).

33      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 178/2002, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tal-liġi dwar l-ikel, l-ittikkettjar, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-ikel, inkluża l-forma tagħhom, id-dehra jew l-imballaġġ tagħhom, il-materjal tal-imballaġġi użati, il-mod li bih ikunu rranġati u l-kuntest li fih ikunu esposti kif ukoll it-tagħrif li għandu jkun disponibbli jkun x’ikun il-mezz, ma għandhomx iqarrqu lill-konsumatur.

34      Għalkemm id-Direttiva 2000/13 tikkostitwixxi dispożizzjoni iktar speċifika tal-liġi dwar l-ikel, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 178/2002, din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, tafferma mill-ġdid li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel ma jistax jippreżenta natura qarrieqa.

35      Bil-għan li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, bħala regola, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali u tal-Unjoni, li għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ittikkettjar ta’ ċerti prodotti huwiex ta’ natura li jqarraq lix-xerrej jew lill-konsumatur jew li tiddeċiedi l-kwistjoni tan-natura eventwalment qarrieqa ta’ isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott. Dan huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi domanda preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Geffroy, C‑366/98, EU:C:2000:430, punti 18 sa 20, u Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 60).

36      Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ ttikkettjar li tqarraq lix-xerrej, il-qorti nazzjonali għandha essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-preżunti aspettattivi, fir-rigward tal-imsemmi ttikkettjar, ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-oriġini, il-provenjenza u l-kwalità marbuta mal-prodott tal-ikel, fejn l-essenzjali huwa li l-konsumatur ma jiġix imqarraq u li ma jitwassalx li jikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-prodott għandu, oriġini, provenjenza jew kwalità differenti milli fil-fatt huwa fir-realtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa ammess li l-konsumaturi, li d-deċiżjoni tagħhom li jixtru prodott hija b’mod partikolari ddeterminata mill-kompożizzjoni tal-prodott li għandhom l-intenzjoni li jixtru, li jaqraw l-ewwel il-lista tal-ingredjenti li l-indikazzjoni tagħha hija obbligatorja b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑51/94, EU:C:1995:352, punt 34, u Darbo, C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 22).

38      Madankollu, il-fatt li l-lista tal-ingredjenti tidher fuq l-imballaġġ tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettix li jiġi eskluż, waħdu, li l-ittikkettjar ta’ dan il-prodott u l-metodi skont kif dan jitwettaq jistgħu jkunu ta’ natura li jqarrqu lix-xerrej, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13.

39      Fil-fatt, l-ittikkettjar, kif iddefinit fl-Artikolu 1(3)(a) ta’ din id-direttiva, huwa kompost minn kliem, partikolaritajiet, marki tipiċi tal-fabbrika jew tan-negozju, stampi jew simboli relatati mal-prodott tal-ikel u mqiegħda fuq imballaġġ ta’ dan il-prodott. Fost dawn id-diversi elementi, uħud minnhom jistgħu, fil-prattika, ikunu foloz, mhux preċiżi, ambigwi, kontradittorji jew inkomprensibbli.

40      Madankollu, jekk dan huwa l-każ, il-lista tal-ingredjenti tista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, anki jekk hija preċiża jew eżawrjenti, ma tkunx adattata biex tikkorreġi b’mod suffiċjenti l-impressjoni żbaljata jew ekwivoka tal-konsumatur fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ prodott tal-ikel li jirriżulta mill-elementi l-oħra li jikkomponu l-ittikkettjar ta’ dan il-prodott.

41      B’hekk, fis-sitwazzjoni fejn l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel u l-metodi skont kif dan jitwettaq, meħudin kollha flimkien, jissuġġerixxu li dan il-prodott fih ingredjent li, fir-realtà, huwa assenti minnu, dan l-ittikkettjar huwa ta’ natura li jqarraq lix-xerrej fuq il-karatteristiċi tal-imsemmi prodott.

42      F’dan il-każ, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel eżami tal-elementi diversi kollha li jikkomponu l-ittikkettjar tal-infużjoni tal-frott sabiex jiġi stabbilit jekk konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jiġi mqarraq fir-rigward tal-preżenza ta’ kompożizzjonijiet ta’ lampun u ta’ fjura tal-vanilla jew ta’ aromi miksubin minn dawn l-ingredjenti.

43      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqis il-kliem u l-istampi użati kif ukoll il-pożizzjoni, id-daqs, il-kulur, it-tipa, il-lingwa, is-sintassi u l-punteġġjatura tad-diversi elementi li jidhru fuq l-imballaġġ tal-infużjoni tal-frott.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a)(i) u l-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel u l-metodi skont kif dan jitwettaq jistgħu jissuġġerixxu, permezz tad-dehra, tad-deskrizzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni grafika ta’ ingredjent stabbilit, il-preżenza ta’ dan tal-aħħar f’dan il-prodott minkejja li, fil-fatt, dan l-ingredjent huwa assenti, fejn din l-assenza tirriżulta biss mil-lista tal-ingredjenti li tidher fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(a)(i) u l-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel u l-metodi skont kif dan jitwettaq jistgħu jissuġġerixxu, permezz tad-dehra, tad-deskrizzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni grafika ta’ ingredjent stabbilit, il-preżenza ta’ dan tal-aħħar f’dan il-prodott minkejja li, fil-fatt, dan l-ingredjent huwa assenti, fejn din l-assenza tirriżulta biss mil-lista tal-ingredjenti li tidher fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.