Language of document : ECLI:EU:C:2015:361

Kawża C‑195/14

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

vs

Teekanne GmbH & Co. KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/13/KE — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel — Artikolu 2(1)(a)(i) u punt 2 tal-Artikolu 3(1) — Ittikkettjar ta’ natura li tista’ tqarraq lix-xerrej fuq il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel — Lista tal-ingredjenti — Użu tal-indikazzjoni ‘avventura lampun-vanilla’ kif ukoll ta’ stampi ta’ lampun u ta’ fjuri tal-vanilla fuq il-pakkett ta’ infużjoni tal-frott li ma jinkludix dawn l-ingredjenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ittikkettjar, preżentazzjoni u reklamar tal-prodotti tal-ikel — Direttiva 2000/13 — Projbizzjoni ta’ ittikkettjar ta’ natura li tista’ tqarraq lix-xerrej — Ittikkettjar li jissuġġerixxi permezz tad-dehra, tad-deskrizzjoni jew tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ ingredjent stabbilit, il-preżenza ta’ dan tal-aħħar f’prodott tal-ikel — Assenza ta’ dan l-ingredjent li jirriżulta biss mil-lista tal-ingredjenti li jidhru fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott tal-ikel — Inammissibbiltà — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13, Artikolu 2(1)(a)(i), u punt 2 tal-Artikolu 3(1))

L-Artikolu 2(1)(a)(i) u l-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 596/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel u l-metodi skont kif dan jitwettaq jistgħu jissuġġerixxu, permezz tad-dehra, tad-deskrizzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni grafika ta’ ingredjent stabbilit, il-preżenza ta’ dan tal-aħħar f’dan il-prodott minkejja li, fil-fatt, dan l-ingredjent huwa assenti, fejn din l-assenza tirriżulta biss mil-lista tal-ingredjenti li tidher fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott.

Il-lista tal-ingredjenti tista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, anki jekk hija preċiża jew eżawrjenti, ma tkunx adattata biex tikkorreġi b’mod suffiċjenti l-impressjoni żbaljata jew ekwivoka tal-konsumatur fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ prodott tal-ikel li jirriżulta mill-elementi l-oħra li jikkomponu l-ittikkettjar ta’ dan il-prodott.

Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħmel eżami tal-elementi diversi kollha li jikkomponu l-ittikkettjar tal-prodott tal-ikel ikkonċernat sabiex jiġi stabbilit jekk konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jiġi mqarraq. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari tqis il-kliem u l-istampi użati kif ukoll il-pożizzjoni, id-daqs, il-kulur, it-tipa, il-lingwa, is-sintassi u l-punteġġjatura tad-diversi elementi li jidhru fuq l-imballaġġ tal-imsemmi prodott.

(ara l-punti 40, 42-44 u d-dispożittiv)