Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Marzu 2007 - WWF-UK Ltd vs Il-Kunsill

(Kawża T-0091/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: WWF-UK Ltd (Godalming, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: P. Sands, QC, J. Simor, Barrister, R. Stein, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla t-TAC adottati mir-Regolament tal-Kunsill Nru 41/2006 għal dak li jirrigwarda l-merluzz fiż-żoni koperti mir-Regolament tal-Kunsill Nru 423/2004 li jistabbilixxi miżuri għall-irkuprar ta' l-istokkijiet ta' merluzz;

tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jkomplu jkollhom effett sakemm ma jiġux issostitwiti b'miżura ġdida;

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat skond l-Artikolu 230 KE fir-rigward tal-qabdiet totali permissibbli ("TAC") għall-2007 adottati mill-Kunsill fir-Regolament Nru 41/2006 1 (ir-"Regolament TAC") għal dak li jirrigwarda l-merluzz fiż-żoni koperti mir-Regolament tal-Kunsill Nru 423/2004 li jistabbilixxi miżuri għall-irkuprar ta' l-istokkijiet ta' merluzz 2 (il-"Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz"), wara l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2006 3.

Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni ta' dritt billi ma adottax TAC żero, li fil-fehma tagħha huwa, skond il-parir xjentifiku rilevanti, neċessarju sabiex l-istokkijiet jiżdiedu meta mqabbla mal-livelli attwali, li huma mhedda minn riskju serju ta' tnaqqis drastiku u li qatt ma jerġgħu jaqgħu f'limiti bioloġiċi vijabbli:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tafferma li t-TAC in kwistjoni huma illegali għaliex ma ġewx stabbiliti skond ir-rekwiżiti tal-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz. Barra minn hekk, skond l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jidhru li bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2371/2002 4 (ir-"Regolament ta' l-2002") sabiex jadottaw it-TAC in kwistjoni, u mhux fuq il-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li t-TACs in kwistjoni huma illegali għaliex mhumiex konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni kif mitlub mill-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz, l-Artikoli 5(3), 4 u 2(1) tar-Regolament ta' l-2002, il-Politika Komuni dwar is-Sajd, l-Artikolu 174 KE u l-Artikolu 5 u 6 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1995.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tat-TAC in kwistjoni mhijiex loġika safejn dawn ġew stabbiliti f'livell fejn, skond il-provi xjentifiċi kollha disponibbli, l-istokkijiet jew ser jibqgħu f'livelli fejn ikunu mhedda minn riskju serju ta' tnaqqis drastiku jew jonqsu drastikament.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kunsill abbuża mill-poteri tiegħu billi adotta TAC fuq livelli intiżi sabiex jilħqu għanijiet politiċi u ekonomiċi, minflok fuq livelli neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tal-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz, li huwa li jiżdiedu l-istokkijiet tal-merluzz fi żmien sena, jew fl-iqsar żmien possibbli, 'il fuq minn livelli fejn ikunu medda minn riskju serju ta' tnaqqis drastiku.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li f'każ li l-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz ma jippermettix li jiġi stabbilit TAC żero, il-pjan fih innifsu jkun illegali peress illi ma jkunx konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball ta' dritt meta ma kkunsidrax l-istokkijiet ta' merluzz fiż-żona VII(d) ta' l-ICES (International Council for the Exploration of the Sea) (Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar), koperta mill-Pjan għall-Irkuprar tal-Merluzz.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid (ĠU 2007 L 15, p. 1).

2 - (ĠU 2004 L 70, p. 8).

3 - (COM (2006) 774).

4 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU 2002 L 358, p. 59).