Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2007 - VIP Car Solutions vs Il-Parlament

(Kawża T-89/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: VIP Car Solutions (Hoenheim, Franza) (rappreżentant: G. Welzer, avocat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' rifjut ta' għoti ta' kuntratt PE/2006/06/UTD/1 - trasport tal-membri tal-Parlament Ewropew għal-laqgħat ta' Strasburgu, innotifikata fl-24 ta' Jannar 2007;

tannulla l-atti kollha sussegwenti;

tikkundanna lill-Parlament għas-somma ta' 500,000 EUR bħala danni u interessi;

tikkundanna l-Parlament ibati l-ispejjeż tal-kawża u l-ispejjeż legali;

tikkundanna l-Parlament iħallas l-ispejjeż irrikuperabbli relatati mal-kompetizzjoni, ta' ammont ta' 5,000 EUR.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tiċħad l-offerta tagħha rigward is-sejħa għal offerti PE/2006/06/UTD/1 - trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew għal-laqgħat ta' Strasburgu1.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, ksur tal-kriterji ta' għoti ta' kuntratti li jinsabu fil-kuntratt ta' sejħa għal offerti, b'mod partikolari fuq il-prezz fejn hija tallega li pproponiet il-prezz l-aktar baxx u li dan il-kriterju għandu jammonta għal 55% ta' l-għoti tal-kuntratt.

Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 100 tar- Regolament Finanzjarju2, li jgħid li l-komunikazzjoni ta' ċerti elementi tista' titħalla barra fil-każ fejn hija tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta' impriżi privati jew fil-każ fejn hija tista' tippreġudika kompetizzjoni leali bejniethom. Skond ir-rikorrenti, l-informazzjoni li hija talbet, jiġifieri l-prezz propost minn min il-kuntratt għandu jagħtih, ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu u, konsegwentement, ir-rifjut li din tiġi kkomunikata lilha hija irregolari.

____________

1 - Avviż ta' sejħa għal offerti "Transport tal-membri tal-Parlament Ewropew fil-karozza u fil-minibus bis-sewweiq matul il-perijodi ta' sessjoni fi Strasburgu", ĠU S 2006, 177 - 187988

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/[2002] tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-b[aġi]t ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1)