Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2023 – Smart Kid vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1130/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet    

Rikorrent: Smart Kid S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: Z. Kiedacz, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Settembru 2023 adottata fil-każ eżaminat mill-Kummissjoni Ewropea bin-numru ta’ referenza EASE 2023/2923 u li tiċħad it-talba ta’ Smart Kid tas-17 ta’ Mejju 2023 dwar l-aċċess għal dokumenti pubbliċi, imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 15(3) TFUE flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 1 .

L-Artikolu 15(3) TFUE flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedu dritt ta’ kull persuna ġuridika li għandha s-sede statutorja tagħha fi Stat Membru li taċċedi għad-dokumenti tal-korpi tal-Unjoni konformement mal-prinċipji ġenerali u mal-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u li huma stabbiliti minn dan ir-regolament. L-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tikser manifestament dan id-dritt.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti ġuridiċi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqgħu taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-motivazzjoni għandha tiġi adattata man-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-istituzzjoni, li hija l-awtriċi tal-att. Fir-rigward tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ebda motivazzjoni ma tinsab f’din id-deċiżjoni, ħaġa li manifestament tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).