Language of document : ECLI:EU:T:2009:202

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva Pickwick COLOUR GROUP – Trade marks nazzjonali preċedenti PicK OuiC u PICK OUIC Cuadrado, S.A. VALENCIA – Talba għal prova tal-użu – Artikolu 56(2) u (3), tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-Kawża T‑450/07,

Harwin International LLC, stabbilita f’Albany, New‑York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Przedborski, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Cuadrado, SA, stabbilita f’Paterna (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Settembru 2007 (Każ R 1245/2006‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Cuadrado, SA u Harwin International LLC,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Diċembru 2007,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Frar 2008

wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2009, li fiha l-ebda parti ma pparteċipat,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti, Harwin International LLC, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1 p. 146), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni waqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel”.

4        It-trade mark Komunitarja ġiet irreġistrata fl-1 ta’ Settembru 2000.

5        Fl-10 ta’ Jannar 2005, Cuadrado SA (iktar ’il quddiem l-“applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”) ippreżenta applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94 kontra din it-trade mark Komunitarja. L-applikazzjoni kienet diretta kontra l-prodotti kollha koperti permezz tat-trade mark Komunitarja u kienet ibbażata fuq it-trade marks nazzjonali preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali PICK OUIC Cuadrado, S.A. VALENCIA, ippreżentata fl-24 ta’ April 1989 u rreġistrata fil-5 ta’ Settembru 1990 bir-referenza 1318311 għal prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 25: “Artikoli ta’ ħwejjeġ għall-irġiel, nisa u tfal u żraben (bl-eċċezzjoni taż-żraben ortopediċi)”;

–        it-trade mark figurattiva li ġejja, ippreżentata fit-2 ta’ April 1997 u rreġistrata fis-6 ta’ Ottubru 1997 bir-referenza 2083855 għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 (“ħwejjeġ ta’ taħt, żraben, kpiepel”) u rrapreżentata kif ġej:

Image not found

6        B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

7        Fit-22 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti għamlet rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        B’deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors. F’din id-deċiżjoni, huwa rrileva li r-rikorrenti kienet qed titolbu b’mod partikolari tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni inkwantu din tal-aħħar ma kinitx ivverifikat jekk l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienx wera l-użu tat-trade marks tiegħu. F’risposta, il-Bord tal-Appell enfasizza li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat ġustament li hija ma kinitx intitolata tevalwa jekk l-użu tat-trade marks preċedenti tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienx konformi mal-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, fin-nuqqas ta’ talba espliċita tal-prova tal-użu magħmula mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ invalidità. Barra minn dan, il-Bord tal-Appell indika li tali talba ma setgħetx titressaq għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (punti 17 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

11      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha: l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti ssostni li l-produzzjoni volontarja ta’ provi mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għamel inutli kull talba formali għal prova tal-użu tiegħu, u dan skont l-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord tal-Appell kiser dawn id-dispożizzjonijiet meta rrifjuta li jeżamina l-oġġezzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fuq id-dokumenti mressqa mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fl-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u wara din tal-aħħar sabiex jipprova l-użu tat-trade marks preċedenti. Dawn l-oġġezzjonijiet huma mniżżla fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, tat-2 ta’ Marzu 2004 dwar it-trade mark verbali PICK OUIC Cuadrado, S.A. VALENCIA tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li seħħet fil-kuntest ta’ proċedura parzjali, li fiha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet iddikjarat li diversi dokumenti mressqa mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kinux biżżejjed sabiex jippruvaw l-użu serju. Din id-deċiżjoni kienet ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Frar 2005 (Każ R 335/2004‑1). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li ġiet deċiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR) (T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra p. II‑965), li fiha l-parti li qed toġġezzjona kienet resqet fuq l-inizjattiva tagħha xi provi maħsuba sabiex jistabbilixxu r-reputazzjoni u mhux l-użu serju tat-trade mark preċedenti.

13      L-UASI jikkonferma li l-kwistjoni tal-użu serju tat-trade mark Spanjola preċedenti, PICK OUIC Cuadrado, S.A. VALENCIA, tqajmet fi proċedimenti paralleli ta’ oppożizzjoni. L-UASI jirrileva madankollu li dawn il-proċedimenti kienu għadhom pendenti meta saret l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-10 ta’ Jannar 2005, inkwantu d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell ingħatat xahar wara, jiġifieri fit-28 ta’ Frar 2005.

14      Skont l-UASI, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kkunsidra li d-dokumenti mressqa insostenn tal-applikazzjoni tiegħu kienu ser jikkonvinċu r-rikorrenti li ma kienx hemm bżonn għal diskussjoni oħra dwar l-użu. L-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità pprova b’hekk jevita’ li r-rikorrenti tippreżenta talba formali ta’ prova tal-użu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kien messha ppreċiżat l-intenzjoni tagħha sabiex tressaq kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, biex din tal-aħħar tevalwa n-natura serja tal-użu tat-trade marks preċedenti, qabel ma tikkontesta l-valur probanti tad-dokumenti mressqa fuq dan il-punt mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet imbagħad tibgħat notifika formali lill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li abbażi tagħha l-applikant ingħata terminu sabiex jipproduċi l-provi tal-użu. Talba formali bħal din mill-UASI setgħet tinkoraġġixxi l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex jistaqsi jekk id-dokumenti mehmuża mal-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kkostitwixxew prima facie provi konklużivi tal-użu serju.

15      Bħala regola ġenerali, l-UASI jsostni li t-talba għal prova tal-użu għandha tiġi fformulata espressament għal żewġ raġunijiet essenzjali. Fl-ewwel lok, talba formali ta’ prova tal-użu titrasferixxi l-oneru tal-prova ta’ dan l-użu fuq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fit-tieni lok, din it-talba tagħti lill-UASI l-kompetenza sabiex tiddetermina jekk l-imsemmi użu huwiex serju jew le. Din il-kwistjoni għandha tiġi rregolata qabel ma jiġi deċiż fil-mertu fuq l-oppożizzjoni jew l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Minn dak il-ħin li fih l-UASI jsir kompetenti, huwa għandu jwieżen il-provi u jiddeċiedi fuq il-valur tagħhom mingħajr ma jkun marbut minn ftehim eventwali bejn il-partijiet fuq punt partikolari. Huwa ta’ ftit rilevanza jekk ir-rikorrenti tikkontestax jew inkella le l-valur probanti tal-provi tal-użu mressqa mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’risposta għal talba għal prova tal-użu, l-UASI jkun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dawn il-provi u jiċħad l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk huwa jikkunsidra li dawn il-provi ma jistabbilixxux l-użu serju tat-trade mark preċedenti. Inversament, sakemm it-talba għal prova tal-użu ma tkunx ipproduċit l-effett tagħha, fi kliem ieħor li tiskatta l-kompetenza tal-UASI sabiex jeżamina l-prova tal-użu, dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni u għandu jippreżumi li t-trade mark preċedenti hija użata.

16      F’dan il-każ, l-UASI jsostni li s-sempliċi konfutazzjoni tal-firxa tal-użu tat-trade marks preċedenti mir-rikorrenti ma tikkostitwixxix talba formali għal prova tal-użu tat-trade marks preċedenti mir-rikorrenti u lanqas ma tikkostitwixxi talba formali għal prova tal-użu fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 40/94. Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li meta tirreferi għal “talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja” tirrikjedi talba formali sabiex l-UASI jkun jista’ jiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-użu serju tat-trade marks preċedenti. Bl-istess mod, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li fin-nuqqas ta’ talba “espressa”, l-UASI jkun inkompetenti sabiex jiddeċiedi fuq in-natura serja tal-użu tat-trade mark jew tat-trade marks preċedenti [ara, fir-rigward tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni iddefiniti fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 34]. Is-sentenza MUNDICOR, punt 12 iktar ’il fuq, hija espliċita fuq dan il-punt. Tabilħaqq, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-provi dokumentarji imressqa volontarjament mill-parti li qed toġġezzjona kienu ntiżi sabiex jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Madankollu, għalkemm dawn id-dokumenti kellhom bħala għan li jistabbilixxu l-użu serju tat-trade mark preċedenti, ir-riżultat kien ikun identiku kif dan jirriżulta ċarament mill-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza applikabbli b’analoġija mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

17      L-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula:

“Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, li jkun parti fi proċedimenti [għal dikjarazzjoni] ta’ invalidità, għandu jġib prova li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark Komunitarja preċedenti intużat b’mod ġenwin fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata u li hija iċċitata minnu bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu […]. Jekk, fid-data meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata, it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun ilha li irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti għandu jġib prova li, barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 43(2) kienu soddisfatti f’dik id-data […]. F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda […]

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a),billijiġi sostitwit l-użu fi Stat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta b’użu fil-Komunità.”

18      F’dan il-każ, fuq l-inizjattiva tiegħu, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hemeż mat-talba tiegħu tal-10 ta’ Jannar 2005 provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti tiegħu (applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċċitata mir-rikorrenti, paġna 200 tal-fajl imressaq mill-UASI lill-Qorti tal-Prim’Istanza).

19      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibgħuta lill-UASI fil-21 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ddikjarat li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex juru użu serju (osservazzjonijiet fuq l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċċitata mir-rikorrenti, paġna 361 tal-fajl ippreżentat mill-UASI lill-Qorti tal-Prim’Istanza).

20      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll, fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-oġġezzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti mressqa mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma mniżżla fid-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Frar 2005 (Każ R 335/2004-1), li ddeċieda fuq dawn l-istess dokumenti u kkunsidra li dawn ma kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu użu serju tat-trade mark PICK OUIC Cuadrado, S.A. VALENCIA. Dawn l-osservazzjonijiet ġew konklużi b’talba lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex tiċħad l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċċitata mir-rikorrenti, paġna 364 tal-fajl imressaq mill-UASI lill-Qorti tal-Prim’Istanza).

21      F’risposta għal dawn l-osservazzjonijiet, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità pproduċa b’ittra tat-3 ta’ Ottubru 2005 dokumenti addizzjonali dwar il-prova tal-użu (risposta għall-osservazzjonijiet fuq l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċċitata mir-rikorrenti, paġna 386 tal-fajl imressaq mill-UASI lill-Qorti tal-Prim’Istanza).

22      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddeċieda dwar il-prova tal-użu serju skont l-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 billi sostna, minn naħa, li d-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni kienet korrettament ikkunsidrat li hija ma kinitx intitolata tevalwa jekk l-użu tat-trade marks preċedenti tal-applikant kienx konformi mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fin-nuqqas ta’ talba espliċita għal prova tal-imsemmi użu magħmula mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ invalidità u, min-naħa l-oħra, li tali talba ma setgħetx tiġi mressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni (ara punt 8 iktar ’il fuq).

23      Għall-UASI, in-nuqqas ta’ talba espliċita għal prova tal-użu, li r-rikorrenti kien messha għamlet, per eżempju, meta l-UASI stedinha sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kellu bħala konsegwenza li jċaħħad lil din tal-aħħar minn kull possibbiltà li tikkontesta l-użu serju tat-trade mark preċedenti invokat insostenn tal-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan il-każ, l-UASI rrifjuta li jassimila l-osservazzjonijiet ippreżentati fuq din il-kwistjoni mir-rikorrenti fir-risposta tagħha mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq talba espliċità fis-sens tal-Artikolu 56(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

24      Tali approċċ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kkomunikati fuq dan il-punt fi żmien utli mill-partijiet lid-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni u, sussegwentment, lill-Bord tal-Appell.

25      Fir-rigward tal-prinċipji, il-loġika tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jirreferi wkoll għall-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament dwar l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandha tiġi ddefinita kif ġej:

–        il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti huwa obbligat li jipprova l-użu tat-trade mark tiegħu biss jekk dan l-użu huwa kkontestat mill-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità;

–        fin-nuqqas ta’ tali kontestazzjoni, l-UASI jista’ sempliċiment jeżamina l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma jipproċedi għall-eżami tal-prova tal-użu;

–        fil-preżenza ta’ tali kontestazzjoni tal-użu, kemm jekk din tal-aħħar issir permezz ta’ talba għal prova tal-użu ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew permezz ta’ kontestazzjoni minn dan tal-aħħar tal-provi prodotti għal dan il-għan mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, l-UASI huwa obbligat li jeżamina l-kwistjoni tal-prova tal-użu qabel dik tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

26      Fir-rigward tal-interpretazzjoni litterali tal-kliem “[fuq] talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja” użati mill-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 40/94, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jistgħu jinftehmu bħala li jirrigwardaw talba bħal dik ifformulata fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn dan, din it-talba ġiet perfettament mifhuma mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, billi huwa pproduċa provi addizzjonali sabiex jirrispondi lir-rikorrenti (ara punt 21 iktar ’il fuq).

27      Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza invokata mill-UASI, minkejja li huwa possibbli li jsir raġunament b’analoġija skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk iddefiniti mill-Artikolu 56(2) u (3) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ dikjarazzjoni għal invalidità, din il-ġurisprudenza ma tistax madankollu tiġi implementata fis-sitwazzjoni fattwali ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, id-deduzzjonijiet tal-UASI (ara punt 16 iktar ’il fuq) huma żbaljati.

28      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR) (T‑112/03, Ġabra p. II‑949), iċċitata fid-deċiżjoni kkontestata, tfakkar li, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, għall-finijiet tal-eżami ta’ oppożizzjoni abbażi tal-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, it-trade mark preċedenti hija preżunta li kienet suġġetta għal użu serju sakemm talba tal-applikant li għandha bħala għan il-prova ta’ tali użu ma tiġix ippreżentata. It-tressiq ta’ tali talba għandha għalhekk bħala effett li tpoġġi fuq il-parti li qed toġġezzjona l-oneru tal-prova tal-użu serju (jew l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet għan-nuqqas ta’ użu) taħt il-piena taċ-ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha. Sabiex tali effett jitwettaq, it-talba għandha tiġi ppreżentata espressament u fi żmien utli quddiem l-UASI (sentenza FLEXI AIR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, li tiċċita s-sentenza MUNDICOR, punt 12 iktar ’il fuq, punt 38; sentenza PAM PLUVIAL, punt 16 iktar ’il fuq, punt 34).

29      Għar-raġunijiet indikati fil-punt 26 iktar ’il fuq, it-talba għal prova tal-użu ġiet ifformulata mir-rikorrenti b’mod espress u fi żmien utli. F’kull każ, hija kienet perfettament mifhuma mill-applikant li ta r-risposta tiegħu għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

30      F’dan il-kuntest, ir-riferiment għall-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sentenza FLEXI AIR, punt 28 iktar ’il fuq (punt 28), li skonthu, bħala regola, ir-rikorrenti kellha titlob li titressaq il-prova tal-użu serju tat-trade mark preċedenti fit-terminu stipulat mill-UASI sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’risposta għall-att ta’ oppożizzjoni, mhijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma ppreżentatx talba dwar il-prova tal-użu. Inversament, l-eżami tal-osservazzjonijiet ippreżentati f’risposta għall-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jippermetti li jiġi kkonstatat li tali talba għal prova tal-użu hija fformulata tajjeb f'dan id-dokument.

31      Fir-rigward tas-sentenza MUNDICOR, punt 12 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar, wara li spjegat il-prinċipji mfakkra fil-punt 28 iktar ’il fuq, tikkonkludi li “in-nuqqas ta’ prova tal-użu serju jista’ biss jiġi ssanzjonat permezz ta’ ċaħda tal-oppożizzjoni fil-każ li ntalbet tali prova, espressament u fi żmien utli, mill-applikant [ta’ trade mark Komunitarja] quddiem l-UASI” (punt 39). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li talba fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 qatt ma tressqet quddiem l-UASI sabiex jiġi ppreċiżat li “[d]in il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt lil hija ma talbitx il-prova tal-użu minħabba li Iberia ppreżentat spontanjament quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dokumentazzjoni li weriet li hija għamlet użu mit-trade marks preċedenti f’forma oħra minn dik li taħtha huma kienu ġew irreġistrati” (punt 42). Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll li dan l-argument kien ċarament infondat, inkwantu jirriżulta mill-fajl li d-dokumentazzjoni inkwistjoni ma ġietx imressqa minn Iberia quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tipprova l-użu tat-trade marks preċedenti tagħha, iżda sabiex tipprova r-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks u, b’dan il-mod, tipprova l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-produzzjoni ta’ tali dokumentazzjoni ma tista’ qatt tissostitwixxi l-bżonn ta’ talba espressa mill-applikant li jkollha bħala għan il-prova tal-użu serju sabiex il-kwistjoni ta’ tali użu jkollha tiġi eżaminata u deċiża mill-UASI (punt 43).

32      F'dan il-każ, is-sitwazzjoni mhijiex komparabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza MUNDICOR, punt 12 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’din il-kawża, kien hemm dibattitu kontroversjali bejn il-partijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar l-użu tat-trade mark preċedenti. Billi dan l-argument jirrigwarda l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, dan id-dibattitu tressaq espressament mir-rikorrenti kemm fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-applikazzjoni u kemm wara dawn l-osservazzjonijiet, u dan mingħajr ma l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma ħa żball fuq in-natura ta’ dan id-dibattitu.

33      Għaldaqstant, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tal-użu serju tat-trade mark preċedenti f’risposta għall-osservazzjonijiet magħmula fuq dan il-punt mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li abbażi tagħhom dan l-applikant ipproduċa provi ġodda f’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 56(2) u (3), meta kkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata li l-kwistjoni tal-użu serju tat-trade mark preċedenti ma kellhiex tiġi eżaminata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

34      Jirriżulta minn dawn l-elementi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr mhuwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-kwistjoni tal-prova tal-użu tiġi qabel dik tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tissemma f’dan it-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

35      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

36      Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-10 ta’ Settembru 2007 (Każ R 1245/2006‑2), hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti minn Harwin International LLC.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.