Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2023 – ePURE u Pannonia Bio vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-1165/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol (Etterbeek, il-Belġju), Pannonia Bio Zrt. (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: M.-S. Dibling u G. Michaux, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE 1 sa fejn iqis li l-bijokarburanti prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf jitqiesu li għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħal-linja ta’ produzzjoni l-inqas favorevoli għal dan it-tip ta' karburant;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi naqsu milli jibbażaw ruħhom fuq data xjentifika u teknika fit-tħejjija tal-politika tagħhom fil-qasam tal-ambjent kif rikjest mill-Artikolu 191 TFUE u billi naqsu milli jagħti motivazzjoni suffiċjenti, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 296 TFUE, meta jitqies li l-bijojukarburanti konformi mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (iktar ʼil-quddiem id-Direttiva “RED”) għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-karburant fossili l-inqas favorevoli fit-trasport marittimu.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE billi kkunsidraw li l-bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel konformi mad-Direttiva RED għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-karburant fossili l-inqas favorevoli fit-trasport marittimu, peress li la hija xierqa, u lanqas meħtieġa fir-rigward tal-għan iddikjarat u jeżistu miżuri alternattivi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess għan.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi kkunsidraw li l-bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel konformi mad-Direttiva RED għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-karburant fossili l-inqas favorevoli fit-trasport marittimu. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser bl-istess mod billi jingħaqdu biokarburanti sostenibbli bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf magħmulin minn materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha tiġi osservata espansjoni sinjifikattiva taż-żona ta’ produzzjoni lejn art b’ħażna għolja ta’ karbonju (jiġifieri, żejt tal-palm) ma’ bijokarburanti sostenibbli oħrajn ibbażati fuq l-għejejel konformi mad-Direttiva RED, u billi l-bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel konformi mad-Direttiva RED jiġu ttrattati b’mod differenti fis-settur tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u fis-settur tat-trasport marittimu. Il-konvenuti kisru wkoll il-prinċipju ta' newtralità teknoloġika.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti naqsu milli josservaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi, peress li d-Direttiva RED tal-2018 u d-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament Marittimu FuelEU huma nieqsa minn konsistenza billi jittrattaw il-bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel konformi mad-Direttiva RED b’mod differenti, mingħajr ma jagħtu ġustifikazzjoni xierqa, li jwassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali u nuqqas ta’ aspettattivi leġittimi għall-operaturi kkonċernati.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti użaw ħażin is-setgħa tagħhom billi adottaw miżura li għaliha ma ġewx mogħtija s-setgħat tagħhom.

____________

1 ĠU 2023, L 234, p. 48.