Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Marzu 2008 - MasterCard et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-111/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: MasterCard Inc. (Purchase, L-Istati Uniti), Mastercard International Inc. (Purchase, L-Istati Uniti) u MasterCard Europe SPRL (Waterloo, Il-Belġju) (rappreżentanti: B. Amory, V. Brophy u S. McInnes, avukati, u T. Sharpe, QC )

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara ir-rikors preżenti ammissibbli ;

tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha ; jew sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3, 4, 5 u 7 tad-deċiżjoni ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri preżenti, inkluż l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)6474 finali tad-19 ta' Diċembru 2007 fil-Każijiet COMP/34.579 - MasterCard, COMP/36.518 - EuroCommerce, COMP/38.580 - Commercial Cards (MasterCard), u, sussidjarjament, tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-deċiżjoni li jirrigwardaw ir-rimedju impost, abbażi tal-fatt li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn żbalji ta' liġi, minn motivazzjoni insuffiċjenti jew minn nuqqas ta' motivazzjoni u minn żbalji manifesti ta' fatt. Barra minn hekk, ir-rikors huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti waqt l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. B'mod speċifiku, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti, li huma bbażati fuq l-Artikoli 229 KE, 230 KE u 253 KE, kif ukoll fuq il-prinċipji tad-dritt Komunitarju.

L-ewwel nett, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt u ta' fatt, peress li : (a) naqset milli tidentifika b'mod korrett restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) ŻEE, (b) m'applikatx il-kriterju korrett sabiex tevalwa l-bżonn oġġettiv skond id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt u ta' fatt meta ddeċidiet li l-"MasterCard Payment Organisation" tikkostitwixxi assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta' l-Artikoli 81(1) KE u 53(1) ŻEE, u li l-miżata interbankarja transfruntaljiera u r-regoli relatati magħha jikkostitwixxu deċiżjoni ta' din l-assoċjazzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet, diversi drabi, ksur tar-rekwiżit proċedurali essenzjali u li r-rimedji u l-miżuri ta' eżekuzzjoni imposti minnha huma sproporzjonati.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-standard tal-prova rikjest mill-Kummissjoni sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(3) KE, huwa għoli wisq.

____________