Language of document : ECLI:EU:C:2024:131

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C425/22

MOL Magyar Olaj és Gázipari Nyrt.

vs

MercedesBenz Group AG

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tad-delitt jew kważi delitt – Azzjoni għad-danni dovuti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – Dannu subit mis-sussidjarji – Post fejn seħħ l-avveniment dannuż – Sede tal-kumpannija omm – Unità ekonomika”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl‑2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li tikkonkludi li, bil-kollużjoni tagħhom fuq il-prezz tal-katalogu gross għal trakkijiet medji u tqal, diversi impriżi – inkluż Mercedes-Benz Group AG (iktar ’il quddiem “il-konvenut”) – kienu kisru l-projbizzjoni stabbilita, inter alia, fl-Artikolu 101 TFUE (2). Dik id-deċiżjoni wasslet għal serje ta’ azzjonijiet għad-danni, li wħud minnhom taw lok għal rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara l-interpretazzjoni korretta tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (3) sabiex jiġi ddeterminat liema qrati għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ tali azzjonijiet (4).

2.        Din it-talba tqajmet f’kuntest simili u titlob l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, essenzjalment, fir-rigward tal-punt dwar jekk kumpannija omm tistax tibbaża ruħha fuq il-kunċett tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ unità ekonomika sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ fejn hija għandha s-sede tagħha sabiex tieħu konjizzjoni u tiddeċiedi l-azzjoni għad-danni li ġew subiti mis-sussidjarji tagħha.

3.        B’mod iktar speċifiku, MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), stabbilita fl-Ungerija, għandha holding ta’ kontroll fil-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp MOL li huma stabbiliti f’diversi Stati Membri. Dawn is-sussidjarji indirettament xtraw trakkijiet mingħand il-konvenut bi prezzijiet li allegatament kienu distorti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-qrati Ungeriżi jikkundannaw lill-konvenut, li għandu d-domiċilju tiegħu fil-Ġermanja, għall-ħlas ta’ kumpens fir-rigward tad-differenza mħallsa żejda, minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

4.        Skont ir-Regolament Nru 1215/2012, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni hija rregolata mir-regola ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut (5). Din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet, inkluża dik li hija applikabbli għal azzjonijiet ta’ delitt (bħal dik ineżami fil-kawża prinċipali), li permezz tagħha l-ġurisdizzjoni tista’ tiġi attribwita wkoll lill-qrati, inter alia, tal-post fejn ikun immaterjalizza d-dannu allegat (6).

5.        Madankollu, kemm il-qrati tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell iddeċidew li r-regola speċjali tal-ġurisdizzjoni ma setgħetx tiġi applikata fil-kawża prinċipali u li għaldaqstant il-qrati Ungeriżi ma kellhomx il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu t-talba tar-rikorrenti. Fi ftit kliem, dan kien minħabba l-fatt li t-trakkijiet inkwistjoni ma kinux inxtraw mir-rikorrenti, iżda mis-sussidjarji tagħha (li effettivament kienu l-entitajiet li kienu ġarrbu d-dannu fil-forma ta’ prezz artifiċjalment miżjud). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) issa qiegħda titlob kjarifika dwar jekk tali ġurisdizzjoni tistax tiġi stabbilita abbażi tal-fatt li s-sede tar-rikorrenti hija fl-Ungerija. Hija tistaqsi wkoll jekk huwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni l-fatt li wħud mis-sussidjarji kkonċernati kienu għadhom ma sarux parti mill-grupp tar-rikorrenti fil-mument tax-xiri tat-trakkijiet inkwistjoni.

6.        Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tidher li hija msejsa fuq id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li s-sede tar-rikorrenti huwa l-post fejn id-dannu ġie finalment subit peress li r-rikorrenti u s-sussidjarji affettwati jappartjenu lill-istess unità ekonomika.

7.        Kif sejjer nispjega iktar fid-dettall f’dawn il-konklużjonijiet, dan il-kunċett ġie żviluppat fid-dritt tal-kompetizzjoni u applikat, inter alia, sabiex jissaħħaħ l-infurzar tiegħu. Dan ġie invokat b’mod partikolari, għall-finijiet tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lil konvenuta għal ksur li effettivament twettaq minn persuna (legali) oħra, dment li ż-żewġ kumpanniji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-mistoqsija ċentrali li tqum fil-kawża preżenti hija dwar jekk dan il-kunċett jistax jiġi invokat ukoll sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ talba għad-danni, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent huwiex il-persuna (ġuridika) li inizjalment ġarrbet il-ħsara sottostanti.

II.    Ilkuntest ġuridiku

8.        Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 tiddikjara li “[r]-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]”

9.        Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 “[b]arra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi […]”

10.      Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jinkludi fih regoli dwar il-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu tistabbilixxi dispożizzjonijiet, inkluż l-Artikolu 4(1) li jipprovdi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, indipendentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

11.      Skont l-Artikolu 5(1) li jifforma parti mill-istess taqsima: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 [tal-Kapitolu II].”

12.      It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”. Din tinkludi fiha, inter alia, l-Artikolu 7(2) li skontu persuna li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, “fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

III. Ilfatti, ilproċeduri nazzjonali u ddomandi preliminari

13.      Fid-deċiżjoni tagħha tad‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi pparteċipa f’kollużjoni fuq il-prezz tal-katalogu gross għal trakkijiet medji u trakkijiet tqal fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”), il-konvenut, li għandu s-sede tiegħu fil-Ġermanja, flimkien ma’ kumpanniji oħrajn, kien ipparteċipa f’akkordju bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011, li kien jikkostitwixxi ksur kontinwu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (7). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur kien ikopri ż-ŻEE kollha.

14.      Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fl-Ungerija. Hija għandha holding ta’ kontroll f’kumpanniji li jappartjenu lill-grupp MOL. Din il-kumpannija hija jew l-azzjonista maġġoritarja jew inkella għandha xi forma oħra ta’ setgħa ta’ kontroll esklużiv fuq numru ta’ kumpanniji, bħal MOLTRANS, stabbilita fl-Ungerija; INA, stabbilita fil-Kroazja; Panta u Nelsa, stabbiliti fl-Italja; ROTH, stabbilita fl-Awstrija; u SLOVNAFT, stabbilita fis-Slovakkja. Matul il-perijodu ta’ ksur identifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dawn is-sussidjarji xtraw indirettament, jew bħala sidien jew b’leasing taħt arranġament ta’ leasing finanzjarju, 71 trakk mingħand il-konvenut f’diversi Stati Membri differenti.

15.      Ir-rikorrenti talbet, quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”), li l-konvenut jiġi kkundannat iħallas EUR 530 851 bl-interessi u bl-ispejjeż, filwaqt li argumentat li dan il-ħlas kien jirrappreżenta l-ammont li s-sussidjarji tagħha kienu ħallsu żejjed bħala konsegwenza tal-aġir antikompetittiv stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika, hija sostniet it-talbiet tas-sussidjarji għad-danni kontra l-konvenut. Għal dan l-għan, hija pprovat tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, billi sostniet li s-sede tagħha, bħala ċ-ċentru tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-grupp, kien il-post fejn finalment seħħ l-avveniment dannuż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

16.      Il-konvenut oġġezzjona fuq il-bażi li l-qrati Ungeriżi ma kellhomx ġurisdizzjoni.

17.      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet l-oġġezzjoni u osservat li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi interpretata b’mod ristrett u tista’ tiġi applikata biss jekk ikun hemm rabta partikolarment mill-qrib bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima. Hija ddeċidiet li ma kinitx ir-rikorrenti li kienet ħallset il-prezzijiet miżjuda b’mod artifiċjali iżda s-sussidjarji tagħha (li għaldaqstant kienu ġarrbu l-ħsara minħabba d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ineżami). Għall-kuntrarju, id-dannu tar-rikorrenti kien purament finanzjarju, fatt li ma jippermettix li s-sede tagħha jiġi ttrattat bħala l-post fejn immaterjalizza d-dannu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 u ma jistax iwassal għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża.

18.      Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ digriet tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-appell”). Dik il-qorti ddikjarat li konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teorija tal-unità ekonomika hija applikabbli biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li, essenzjalment, ma tapplikax għall-parti li tkun ġarrbet ħsara għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (8), hija żiedet li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi stabbilita b’riferiment għas-sede tal-kumpannija li ġarrbet it-telf u mhux għas-sede tal-kumpannija omm tagħha.

19.      Ir-rikorrenti appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema), jiġifieri l-qorti tar-rinviju. Hija sostniet li d-digriet mogħti mill-qorti tal-appell għandu jiġi annullat u li l-proċeduri għandhom jitkomplew quddiem il-qorti adita preċedentement. Essenzjalment, hija argumentat li t-teorija ta’ unità ekonomika hija rilevanti għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni fil-kuntest attwali u, li bħala l-unika kumpannija li tikkontrolla l-grupp, hija kkonċernata b’mod dirett mit-tranżazzjonijiet, ta’ profitt jew ta’ telf, tal-kumpanniji fi ħdan il-grupp.

20.      Fir-risposta tiegħu, il-konvenut iddikjara li r-rikorrenti ma kienet xtrat ebda wieħed mit-trakkijiet affettwati mill-akkordju, u, konsegwentement, ma ġarrbet l-ebda dannu. Barra min hekk, huwa sostna li t-teorija ta’ unità ekonomika ma hijiex applikabbli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u li tali approċċ ma huwiex appoġġjat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Meta kumpannija omm tippreżenta azzjoni għal kumpens għad-danni għal aġir antikompetittiv ta’ kumpannija oħra bl-għan li tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan l-aġir esklużivament lis-sussidjarji tagħha, il-ġurisdizzjoni tal-qorti għandha tiġi stabbilita fis-sede tal-kumpannija omm, bħala l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012]?

(2)      Il-fatt li, fil-mument tal-akkwisti differenti li huma s-suġġett tat-tilwima, mhux is-sussidjarji kollha kienu jappartjenu lill-grupp ta’ impriżi tal-kumpannija omm huwa rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012]?”

22.      Ir-rikorrenti, il-konvenut, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Analiżi

23.      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju fl-ewwel lok tixtieq tkun taf jekk, meta kumpannija omm tippreżenta azzjoni għad-danni subiti biss mis-sussidjarji tagħha, minħabba ftehim kollużiv dwar l-iffissar ta’ prezzijiet u żieda fil-prezzijiet (li għaldaqstant jikser l-Artikolu 101 TFUE) (9), il-ġurisdizzjoni tal-qorti tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatt li s-sede tal-kumpannija omm huwa l-post fejn “l-avveniment dannuż jkun twettaq”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fit-tieni lok, dik il-qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex affettwata mill-fatt li, fil-mument li fih is-sussidjarji xtraw l-oġġetti inkwistjoni, uħud minnhom kienu għadhom ma jifformawx parti mill-grupp tar-rikorrenti.

24.      Qabel ma nindirizza dawn id-domandi (C), sejjer nagħmel xi rimarki introduttorji dwar ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali inkwistjoni u, b’mod partikolari, dwar in-natura tad-dannu li tista’ twassal għall-applikazzjoni tagħha. (A). Sejjer ukoll nagħmel riferiment għall-kjarifika li pprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kriterji ta’ rabta li jiddeterminaw liema qorti għandha tkun adita fil-kuntest speċifiku tal-azzjonijiet għad-danni wara ksur tal-Artikolu 101 TFUE (bħal dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju) (B).

A.      Irregola ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni u nnatura taddannu

25.      Fl-isfera legali tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar liema qorti għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża li tinvolvi element transkonfinali għandha tiġi riżolta skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012. Kif diġà ssemma fil-qosor, ir-regola ġenerali stabbilita skont dan ir-regolament hija dik tad-domiċilju tal-konvenut (10).

26.      Din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet fil-forma ta’ regoli speċjali u esklużivi dwar il-ġurisdizzjoni li jiddeskrivu sitwazzjonijiet li fihom il-konvenut jista’ jew għandu jiġi mħarrek fil-qorti ta’ Stat Membru ieħor.

27.      Il-kawża preżenti tikkonċerna waħda mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, jiġifieri r-regola stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li tattribwixxi ġurisdizzjoni (alternattiva, opzjonali), fi kwistjonijiet marbuta ma’ delitti jew kważi delitti lill-“qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

28.      Fil-bidu, bis-sentenza Bier, u b’mod konsistenti matul il-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” bħala li jkopri żewġ kategoriji: l-ewwel, il-post tal-avveniment li kkawża d-dannu (il-post fejn seħħ l-avveniment li ta lok għad-dannu); u t-tieni, il-post fejn immaterjalizza d-dannu (il-post fejn seħħ id-dannu) (11). Konsegwentement, taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-konvenut jista’ jiġi mħarrek fil-qorti ta’ wieħed minn dawn il-postijiet, skont fejn jagħżel ir-rikorrent (12).

29.      Din ir-regola tal-ġurisdizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qorti li tieħu konjizzjoni tagħha u tiddeċidiha, “b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi” (13) u dan kollu fid-dawl tal-importanza, f’azzjonijiet ta’ delitti, li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-kawża tiegħu. (14)

30.      Fl-istess ħin, din ir-regola tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li tgħid li l-ġurisdizzjoni għandha tkun ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Għal din ir-raġuni, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (15).

31.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minkejja li “l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż” jista’ jkun ukoll il-post fejn l-avveniment dannuż (kawżali) ħalla konsegwenzi tanġibbli (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), dan ma jippermettix li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tiġi stabbilita sempliċiment fuq il-bażi tal-fatt li, waqt li kienet fit-territorju ġurisdizzjonali tal-qorti, il-vittma esperjenzat konsegwenzi negattivi ta’ avveniment li diġà kkawża dannu xi mkien ieħor (16).

32.      Effettivament, ġaladarba tali konsegwenzi negattivi jinħassu b’mod inevitabbli fid-domiċilju tar-rikorrenti, is-soluzzjoni kuntrarja ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit tar-rabta mill-qrib bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima billi ma hemm l-ebda raġuni inerenti li tiġġustifika l-preżunzjoni li d-domiċilju tar-rikorrent huwa, per se, l-iktar post adegwat sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri legali għar-raġuni li l-provi dwar l-eżistenza u l-portata tad-dannu huma faċilment disponibbli fih. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet, dik is-soluzzjoni tkun tippermetti lir-rikorrent iħarrek lill-konvenut fil-qorti tad-domiċilju tiegħu stess, u b’hekk, effettivament tikkonfuta kif trid ir-regola ġenerali tad-domiċilju tar-rikorrent (17).

33.      Għall-istess raġunijiet (li essenzjalment, jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja adita skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tkun il-qorti tal-post tad-dannu inizjali), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma jkoprix il-post fejn huma affettwati l-assi ta’ vittma indiretta (18).

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni f’kawża li fiha żewġ kumpanniji Franċiżi, li kellhom is-sede tagħhom f’Pariġi (Franza), stabbilixxew sussidjarji fil-Ġermanja sabiex jiġġestixxu proġett ta’ żvilupp ta’ proprjetà. Madankollu, il-banek Ġermaniżi rtiraw il-finanzjament tagħhom, fatt li wassal għall-insolvenza ta’ dawn is-sussidjarji. Il-kumpanniji omm Franċiżi ħarrku lill-banek Ġermaniżi f’Pariġi, fejn argumentaw li dan kien il-post fejn huma ġarrbu t-telf finanzjarju konsegwenti.

35.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza hija direttament rilevanti għal kawża preżenti. B’mod simili ħafna għall-fatti fil-kawża Dumez, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li d-dannu allegat mir-rikorrenti ma huwiex dannu li affettwaha direttament, iżda pjuttost huwa dannu li inizjalment ġie subit mis-sussidjarji tagħha u li seta’ jaffettwaha biss “b’ricochet” (19). Fil-fatt, hemm qbil unanimu li r-rikorrenti la xtrat (direttament jew indirettament) xi trakkijiet mingħand il-konvenut, u lanqas ma ġiet issorrugata fid-drittijiet tas-sussidjarji affettwati, la b’ċessjoni tad-drittijiet għal kumpens rilevanti u lanqas b’xi mod ieħor (20).

36.      Huwa minnu, kif tinnota r-rikorrenti, li fis-sentenza fil-kawża Tibor-Trans (li kienet tirrigwarda l-istess aġir kollużiv bħal dak stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn dak il-każ u x-xenarju fil-kawża Dumez. Il-partikolarità tal-fatti fil-kawża Tibor-Trans kienet li r-rikorrenti f’dik il-kawża, utenti finali tat-trakkijiet, ma xtrat ebda trakk mingħand il-konvenut b’mod dirett, iżda għamlet dan permezz ta’ konċessjonarju. Madankollu, dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li t-talba tar-rikorrenti f’dak il-każ kienet tikkonċerna dannu dirett, peress li ġie konkluż li d-dannu kien il-konsegwenza diretta ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-ispiża addizzjonali li rriżultat mill-ftehim kollużiv ġiet ittrasferita fuq dik ir-rikorrenti mill-konċessjonarji (21).

37.      Tali trasferiment jista’ jseħħ fi ħdan katina ta’ provvista meta l-allegata vittma takkwista l-oġġetti (jew is-servizzi) li kienu s-suġġett ta’ akkordju (22). Madankollu, dan mhux qiegħed jiġi sostnut li ġara fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jidher li tippreżenta bħala tagħha dak id-dannu inizjali subit mis-sussidjarji tagħha.

38.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jindikaw li, kif diġà ġie nnotat, ir-rikorrenti qiegħda taġixxi bħala vittma indiretta. Hija qiegħda titlob kumpens għal telf li kien diġà, u fl-ewwel lok, affettwa lil persuna ġuridika differenti. Fid-dawl ta’ dan kollu, nifhem l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju bħala li tistaqsi dwar jekk huwiex possibbli, minkejja dan il-fatt, li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-kriterju ta’ rabta tas-sede tar-rikorrenti, ġaladarba li r-rikorrenti u s-sussidjarji affettwati jifformaw unità ekonomika waħda.

39.      Qabel ma nindirizza din il-kwistjoni, huwa neċessarju li nispjega għalfejn qabel kollox is-sede tar-rikorrenti qiegħed jiġi invokat bħala l-kriterju ta’ rabta applikabbli. Dan, min-naħa tiegħu, jirrikjedi li jiġi spjegat liema kriterji ta’ rabta ġew identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku tal-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

B.      Kriterji ta’ rabta filkuntest ta’ azzjonijiet għaddanni bbażati fuq ksur talArtikolu 101 TFUE

40.      F’din it-taqsima, sejjer l-ewwel niddiskuti l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (1) qabel ma nindirizza t-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara aspett speċifiku tagħha (2).

1.      Ilġurisprudenza rilevanti

41.      Fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ postijiet li jistgħu jikkostitwixxu l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, kif deskritt iktar ’il fuq fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-ewwel kategorija (avveniment kawżali tat-telf) essenzjalment hija l-qorti tal-post li fih l-akkordju ġie definittivament konkluż (23).

42.      Fir-rigward tat-tieni kategorija, jiġifieri, il-post fejn seħħ id-dannu (immaterjalizza ruħu), ir-regola hija iktar kumplessa.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox iddeċidiet fis-sentenza CDC Hydrogen Peroxide li tali post huwa dak tas-sede tal-vittma. Hija ġġustifikat dan l-approċċ billi spjegat li l-evalwazzjoni rilevanti tiddependi fuq fatturi li huma marbuta speċifikament mas-sitwazzjoni tal-(allegata vittma) (24).

44.      Din is-soluzzjoni ntlaqgħet b’xi kritika. Fl-ewwel lok, ġie nnotat li dik il-qorti jidher li aċċettat il-post tad-dannu finanzjarju bħala kriterju ta’ rabta validu (25). Fit-tieni lok, ġie osservat li l-fatt li s-sede tal-vittma jikkostitwixxi kriterju ta’ rabta jista’ ma jkunx f’armonija mar-rekwiżit ta’ prossimità bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima. Ġie nnotat, b’mod partikolari, li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li xi provi jistgħu jkunu disponibbli fis-sede tal-vittmi, id-dannu subit fil-kuntest partikolari tipikament jiġi stabbilit billi jiġu pparagunati l-prezzijiet tal-akkordju mal-prezzijiet tas-suq ipotetiku, li ġeneralment jistgħu jiġu stabbiliti abbażi tad-data ekonomika marbuta mas-suq affettwat (26).

45.      Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja evolviet. Waqt l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta bejn is-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv u l-post fejn ir-rikorrenti jallegaw li ġarrbu d-dannu. Dan l-iżvilupp ġie analizzat bir-reqqa b’mod partikolari mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volvo (27). Għall-finijiet tal-kawża preżenti, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li, minn naħa, is-sentenza Tibor-Trans b’mod diskutibbli implikat li l-post fejn immaterjalizza d-dannu huwa s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv inkwistjoni (mingħajr ebda speċifikazzjoni ulterjuri) (28). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat fis-sentenza Volvo (li tikkostitwixxi l-element rilevanti l-iktar reċenti) li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq ftehim dwar l-iffissar u ż-żieda fil-prezzijiet, “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” huwa l-post, fi ħdan is-suq affettwat, fejn inxtraw l-oġġetti suġġetti għall-akkordju (29). Għaldaqstant tali kriterju ta’ rabta jidher li jidentifika l-post allegat mir-rikorrenti bħala l-post fejn id-dannu speċifiku ġie impost fuqha, fi ħdan it-territorju usa’ affettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni (30).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ħin ikkonfermat, fl-istess sentenza, ir-rilevanza kontinwa tas-sede tal-allegata vittma, f’każijiet fejn ikunu saru diversi tranżazzjonijiet ta’ xiri f’postijiet differenti (31). Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li l-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma għandu jiġi applikat fuq bażi sussidjarja, meta l-multipliċità tax-xiri mwettaq f’diversi postijiet ma tkunx tippermetti li tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-kriterju ta’ rabta prinċipali tal-post (wieħed) tax-xiri (32).

47.      Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, minkejja li l-post tas-sede jista’ jkun fi ħdan is-suq affettwat (bħas-sitwazzjoni fil-kawża Volvo), il-ġurisprudenza eżistenti tħalli spazju għad-dubju dwar jekk dak il-kriterju ta’ rabta jistax jiġi applikat ukoll meta s-sede tal-vittma ma jkunx fis-suq affettwat. Fl-opinjoni tagħha dan imur kontra l-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prevedibbiltà tal-forum u ta’ konsistenza bejn il-forum u l-liġi applikabbli. Għaldaqstant, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja taħtaf din l-opportunità sabiex teskludi tali xenarju u tikkonferma li l-kriterju prinċipali ta’ rabta, kif qiegħed nifhem l-argument, huwa dak tas-suq affettwat.

48.      Sejjer nindirizza din il-kwistjoni iktar ’il quddiem.

2.      Is‑sede tal‑allegata vittma u s‑suq affettwat

49.      Fl-ewwel lok, u kif diġà ġie nnotat, il-Qorti tal-Ġustizzja ipprovdiet b’mod ċar fis-sentenza fil-kawża Volvo li s-suq affettwat ma huwiex neċessarjament kriterju ta’ rabta suffiċjentement speċifiku għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, meta l-ftehim kollużiv kellu effetti mifruxa fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippermettix il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni f’kull post fi ħdan l-Unjoni (33). Effettivament, il-qorti kompetenti għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ rabta iktar speċifika (primarjament il-post tax-xiri).

50.      Fit-tieni lok, il-fatti fil-kawża Volvo kienu tali li kemm il-post tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri u s-sede tal-vittma kienu mhux biss fi ħdan Stat Membru wieħed iżda wkoll fl-istess post fi ħdan l-Istat Membru inkwistjoni. Fil-fatt, is-sede tal-vittma kien f’Cordoba (Spanja), li kien ukoll il-post fejn xtrat it-trakkijiet li kienu s-suġġett tal-akkordju. Barra minn hekk, Spanja, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, (neċessarjament) kienet tifforma parti mis-suq affettwat (iktar wiesa’) (li jkopri ż-ŻEE kollha kemm hi) kif iddefinit fid-deċiżjoni rispettiva tal-Kummissjoni (34).

51.      Fi kliem ieħor, iż-żewġ tipi ta’ kriterji speċifiċi ta’ rabta (il-post tax-xiri u l-post tas-sede tal-vittma) kienu relatati, fi kwalunkwe każ, mal-istess suq affettwat (u mal-istess partijiet lokali u nazzjonali tiegħu). Fid-dawl ta’ dan, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li hija (jew tal-inqas tista’ titqies li hija) ikkostitwita mill-premessa tat-tluq li ż-żewġ kategoriji tal-kriterji ta’ rabta ġew ikkunsidrati f’dak l-isfond fattwali (35).

52.      Dan kollu jħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk tistax tintlaħaq soluzzjoni kuntrarja f’kuntest fattwali differenti, meta s-sede tar-rikorrenti jkun jinsab barra mis-suq affettwat (36)(u meta dak is-suq ma jkoprix it-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu).

53.      Prima facie, naqbel mal-Kummissjoni li, jekk il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ’il barra mis-suq affettwat minn aġir antikompetittiv kellha tiġi stabbilita għal azzjoni għad-danni li allegatament tirriżulta minn tali aġir, dan ma jkunx f’armonija mal-iżviluppi diskussi hawn fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet tenfasizza r-rabta bejn is-suq affettwat u l-allegat post tad-dannu. Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża flyLAL, l-Avukat Ġenerali Bobek sabha “impossibbli [jikkonċepixxi] li tingħata ġurisdizzjoni, abbażi [tar-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni u ‘tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq’, lil qrati ’il barra mis-swieq milquta mill-ksur” (37).

54.      Minkejja dan, u sabiex tingħata risposta għat-talba tal-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi, l-esklużjoni tar-rilevanza ta’ element partikolari f’termini assoluti, fl-assenza ta’ sensiela konkreta ta’ ċirkustanzi fattwali, tikkostitwixxi eżerċizzju delikat li għandu jitwettaq b’kawtela, iktar u iktar fid-dawl tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti.

55.      Ix-xenarju li l-Kummissjoni tipprova teskludi jista’, fl-opinjoni tiegħi u wara s-sentenza fil-kawża Volvo, jimmanifesta ruħu fil-każ ta’ diversi tranżazzjonijiet ta’ xiri f’postijiet differenti mwettqa fi Stat Membru A, minn rikorrent li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru B, meta Stat Membru B ikun ’il barra mis-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv rilevanti. Sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat, jeħtieġ li tiġi eskluża l-applikazzjoni tas-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza Volvo għal tali kuntest transkonfinali (38).

56.      Eżempju ieħor li jiġini f’moħħi hija s-sitwazzjoni ta’ xiri indirett fejn jiġi allegat li ġiet mgħoddija lix-xerrejja spiża addizzjonali li tirriżulta minn ftehim kollużiv. Kif ġie diġà nnotat, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza Tibor-Trans li tali dannu huwa meqjus bħala dirett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (39). Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li l-kriterju rilevanti ta’ rabta jista’, f’ċirkustanzi speċifiċi ta’ katina kumplessa ta’ provvista, jindika territorju ’il barra mis-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv li allegatament ikkawża d-dannu (40).

57.      Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, dik il-kwistjoni ma hijiex, per se, ineżami quddiem il-qorti tar-rinviju. Minkejja li dawn l-iżviluppi jispjegaw, sa ċertu punt, għalfejn ir-rikorrenti tinvoka s-sede tagħha sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi, ir-rikorrenti tinvokah f’kuntest li huwa sinjifikattivament differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tipprova testendi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ rabta sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni b’rabta mat-talba tagħha li fiha hija titlob kumpens għal dannu subit biss minn membri oħrajn tal-unità ekonomika tagħha.

58.      Fid-dawl ta’ dan, u b’rikapitulazzjoni, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju essenzjalment hija dwar jekk il-kunċett ta’ unità ekonomika jistax jiġi applikat għal finijiet minbarra dawk tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil konvenut partikolari (li huwa kif ġie applikat tradizzjonalment, kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem), partikolarment għal finijiet tal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni, indipendentement mill-persuna (ġuridika) li inizjalment ġarrbet id-dannu allegat.

59.      Issa sejjer neżamina din id-domanda.

C.      Dannu subit minn sussidjarja: tista’ ssede talkumpannija omm tkun il“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”?

60.      Sabiex nagħti risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, sejjer l-ewwel nindirizza l-kunċett ta’ unità ekonomika (1) u nispjega għalfejn l-ewwel domanda magħmula għandha tingħata risposta fin-negattiv (2). Minkejja li r-risposta ssuġġerita tirrendi mingħajr bżonn ir-risposta għat-tieni domanda magħmula, sejjer nindirizza dik id-domanda għal finijiet ta’ kompletezza (3).

1.      Ilkunċett ta’ unità ekonomika

61.      Il-kunċett ta’ unità ekonomika (jew ta’ unità ekonomika waħdanija) ġie żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi deskritta, essenzjalment, il-kelma “impriża” li tidher fl-Artikoli 101 u 102 TFUE. Dak it-terminu jitqies bħala “essenzjali” (41) fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni peress li din il-liġi tirregola mhux lil persuni ġuridiċi u fiżiċi iżda lil “impriżi” (42). F’dan il-kuntest, impriża tista’, f’xi każijiet, tikkorrispondi għal persuna fiżika jew ġuridika iżda tista’, f’każijiet oħrajn, tinkludi diversi minnhom (43).

62.      Sa fejn huwa rilevanti għall-kawża preżenti, huwa ġeneralment meqjus li kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika, essenzjalment, meta din tal-aħħar tkun suġġetta għal influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm tagħha u ma taġixxix b’mod awtonomu (44). F’sitwazzjoni bħal din, il-grupp kollu jitqies bħala “impriża” li għaliha japplikaw ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni u li huma, bħala assjem, għandhom iħarsu, fatt li jiskatta r-responsabbiltà in solidum (45).

63.      Dan għandu konsegwenzi importanti għall-applikazzjoni ta’ ċerti regoli sostantivi tad-dritt tal-kompetizzjoni u jinċidi fuq l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

64.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-aspett tal-liġi sostantiva, u sabiex jiġi pprovdut eżempju wieħed, ftehimiet li ġew konklużi bejn persuni li jifformaw parti minn unità ekonomika ma humiex koperti mill-Artikolu 101 TFUE (46) essenzjalment minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni fi ħdan il-grupp ma tistax taffettwa l-kompetizzjoni, billi ma teżisti l-ebda kompetizzjoni fi ħdan l-unità.

65.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-infurzar, il-kunċett ta’ unità ekonomika jaffettwa fundamentalment il-loġika li tirregola l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dak li huwa l-iktar importanti huwa li, dan il-kunċett jagħti lill-Kummissjoni (jew lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) il-possibbiltà li, bħala prinċipju, iżżomm lil kumpannija omm responsabbli għal tali ksur minkejja li dan ikun effettivament twettaq mis-sussidjarja tagħha (47). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, meta kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu unità ekonomika, u meta l-kumpannija omm tkun l-unika waħda indirizzata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-unika waħda li tiġi punita għall-prassi antikompetittiva, tista’ tiġi ppreżentata azzjoni għad-danni kontra waħda jew l-oħra minnhom, dejjem mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet (48). Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment spjegat li l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax ikollu portata differenti skont jekk jintużax fil-kuntest ta’ infurzar pubbliku jew privat tad-dritt tal-kompetizzjoni (49).

66.      Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti targumenta li ġaladarba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jiskatta r-responsabbiltà in solidum tal-unità ekonomika kollha, fis-sens li membru wieħed jista’ jirrispondi għall-atti ta’ membru ieħor, l-oppost (l-invers) tal-istess prinċipju għandu japplika, dejjem kif qiegħed nifhem jiena l-argument, għall-infurzar ta’ azzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaffettwa lil membru ta’ unità ekonomika. Skont il-kliem tar-rikorrenti (li jidhru li huma ispirati mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew riprodotti f’termini differenti fil-punt preċedenti), il-kunċett ta’ unità ekonomika ma jistax ikollu tifsira differenti skont jekk l-impriża inkwistjoni taġixxix bħala rikorrenti jew konvenuta. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, din id-dikjarazzjoni tfisser li t-talba pendenti fil-kawża prinċipali tista’ tiġi infurzata minn kumpannija omm, indipendentement mill-fatt li d-dannu ġie subit mis-sussidjarji tagħha. Konsegwentement, sabiex l-argument tar-rikorrenti jiġi segwit ulterjorment, jeħtieġ li s-sede tal-kumpannija omm jitqies bħala l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

67.      Fl-opinjoni tiegħi, fuq livell iktar ġenerali (b’mod separat mill-kwistjonijiet tal-ġurisdizzjoni), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-idea tal-“applikazzjoni inversa” tal-kunċett ta’ unità ekonomika, meta kkonstatat li dan il-kunċett ma japplikax fil-kuntest (ovvjament differenti) ta’ azzjoni għad-danni b’invokazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE,. Biex nispjega, fil-kawża Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, eskludiet il-pretensjoni ta’ kumpannija omm fis-sens li hija ġarrbet telf ta’ profitt minħabba l-ħlas ta’ multa, imposta mill-Kummissjoni u li sussegwentement ġiet annullata parzjalment, meta l-piż tal-multa fir-realtà inġarr mis-sussidjarji tagħha. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-interpretazzjoni “inversa” tal-kunċett ta’ unità ekonomika u spjegat li azzjoni li tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija “irregolata minn regoli proċedurali ġenerali, [li huma] indipendenti mil-loġika tar-responsabbiltà fir-rigward tad-dritt tal-akkordji” (50).

68.      Indipendentement minn jekk tistax tinkiseb soluzzjoni differenti dwar il-mertu fil-kuntest ta’ azzjoni privata għad-danni (51), ninnota li l-Avukat Ġenerali Szpunar reċentement ċaħad argument simili u spjega b’mod konvinċenti li l-kunċett ta’ unità ekonomika ma jistax jaffettwa l-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ dokumenti legali fi ħdan l-Unjoni (52) u ma jippermettix li azzjoni għad-danni indirizzata lejn kumpannija omm tiġi nnotifikata validament lis-sussidjarja ta’ dik il-kumpannija (53).

69.      Fl-isfond ta’ dawk l-iżviluppi iktar ġenerali, xorta jibqa’ l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kunċett ta’ unità ekonomika jistax jintuża fl-eżerċizzju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 essenzjalment sabiex jiġi pprovdut forum actoris lill-allegata vittma indiretta ta’ aġir li jikser l-Artikolu 101 TFUE.

2.      Jistà lkunċett ta’ unità ekonomika jaffettwa lportata talpost fejn immaterjalizza ddannu?

70.      Bi qbil mal-pożizzjonijiet espressi mill-konvenut, mill-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

71.      Fl-ewwel lok, mit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-pożizzjoni kuntrarja tar-rikorrenti sempliċiment ma hijiex fondata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

72.      Fit-tieni lok, it-teħid ta’ din il-pożizzjoni tkun f’kuntrast mal-prinċipji li hija msejsa fuqhom ir-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni. Tkun timmina l-loġika tal-prossimità u r-rekwiżit marbuta magħha tal-evalwazzjoni individwali tal-kriterji ta’ rabta (a). Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, din lanqas ma tissodisfa r-rekwiżit tal-prevedibbiltà tal-forum u l-għan ta’ konsistenza bejn il-forum u d-dritt applikabbli (b).

73.      Finalment, sabiex nindirizza t-tħassib tar-rikorrenti, sejjer nispjega li din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-effiċjenza tal-infurzar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (c).

a)      Irrekwiżit ta’ prossimità u levalwazzjoni individwali

74.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jitqiesu bħala fl-aħjar pożizzjoni “b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi” (54).

75.      Minn din il-perspettiva, jiena ċertament nirrikonoxxi l-kumplessità tal-ġbir tal-evidenza f’azzjonijiet transkonfinali għad-danni (55) inkluż fil-kuntest ta’ azzjonijiet (jew difiżi) li jinvokaw argumenti li l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ftehim kollużiv ġiet ittrasferita (56).

76.      Madankollu, il-post tas-sede tal-kumpannija omm ma jipprovdix immedjatament rabta sinjifikattiva, fatt li jindika għalfejn dan ikun f’pożizzjoni aħjar għal dan l-għan (speċjalment) meta mqabbel mal-post tax-xiri (57).

77.      F’dak ir-rigward, is-soluzzjoni appoġġjata mir-rikorrenti hija inkompatibbli mar-rekwiżit li l-kriterji ta’ rabta għandhom jiġu evalwati individwalment għal kull vittma. Dan ġie kkonstatat b’mod ċar fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, li kienet tikkonċerna azzjoni marbuta ma’ diversi talbiet li ġew assenjati lil kumpannija waħda (58).

78.      Huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li fis-sentenza fil-kawża Volvo, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-kelma “impriża” sabiex tiddeskrivi lir-rikorrenti f’dik il-kawża, li kienet l-allegata vittma tal-prattiċi antikompetittivi inkwistjoni f’dik il-kawża. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-użu ta’ dak it-terminu ma kienx li jikkumplimenta l-iżviluppi diskussi iktar ’il fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja varjat id-definizzjoni tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-litigazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (billi żiedet mad-definizzjoni tar-“rikorrent” f’dan il-kuntest).

79.      Fl-ewwel lok, l-użu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel mill-kelma “impriża” kif deskritta iktar ’il fuq diġà jidher fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, liema sentenza tippreċedi dawn l-iżviluppi.  B’mod iktar importanti, kif josservaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka, jidher ċar minn qari bir-reqqa kemm tas-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide kif ukoll fil-kawża Volvo, li din il-kelma ma tintużax fis-sens speċifiku tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda fis-sens komuni u bħala sinonimu ta’ “kumpannija” jew “persuna ġuridika” (59). Barra minn hekk, konklużjoni differenti tkun f’kunflitt dirett man-neċessità ta’ evalwazzjoni individwali, li kienet waħda mill-konstatazzjonijiet prinċipali fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, u li suċċessivament tfakkret mill-ġdid fis-sentenza fil-kawża Volvo (60).

80.      Barra minn hekk, kif isostnu l-konvenut, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, l-istess “approċċ individwali” fir-rigward tad-definizzjoni tal-allegata vittma ta’ aġir antikompetittiv ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2014/104 (61). L-adozzjoni ta’ dan l-istrument ġiet ipperċepita, essenzjalment, bħala kisba importanti fil-kontribuzzjoni għall-effiċjenza ta’ drittijiet privati ta’ infurzar li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (62). Għal dan l-għan, din id-direttiva tistabbilixxi regoli li jikkoordinaw, inter alia, l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni f’azzjonijiet għad-danni sabiex jiġi żgurat li kull persuna li ġġarrab dannu minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni effettivament tkun tista’ teżerċita d-dritt li titlob kumpens sħiħ mingħand l-impriża responsabbli (63).

81.      Fid-dawl tas-suespost, huwa sinjifikattiv li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma sabx raġuni adegwata għalfejn għandu jiddefinixxi t-terminu “parti li tkun ġarrbet ħsara” (64) b’mod iktar wiesa’ sabiex ikun ikopri mhux biss lil vittmi diretti iżda wkoll lil dawk indiretti (65). Jekk dan ma nstabx li huwa neċessarju fil-kuntest ta’ strument iddiżinjat speċifikament sabiex jissaħħaħ l-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma nara l-ebda raġuni għall-adozzjoni ta’ tali approċċ fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, li, kif essenzjalment tosserva r-rikorrenti nnifisha, huwa att ġeneralment applikabbli li jirregola kull tip ta’ tilwima koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (speċjalment meta tali approċċ jippreġudika l-aspetti tal-operazzjoni tar-regola ġurisdizzjonali ineżami li għadni kif irreferejt għaliha kif ukoll dawk li sejjer nindirizza iktar ’il quddiem).

b)      Lgħan ta’ konsistenza bejn ilforum u lliġi applikabbli u rrekwiżit ta’ prevedibbiltà għolja talforum

82.      Fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rilevanza tal-konsistenza bejn il-qorti kompetenti u l-liġi applikabbli, minn naħa, u r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tal-forum, min-naħa l-oħra.

83.      Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-determinazzjoni tal-post fejn immaterjalizza d-dannu bħala li jinsab fi ħdan is-suq affettwat kienet tissodisfa l-għan ta’ konsistenza bejn il-liġi applikabbli u l-qorti kompetenti, kif espress fil-premessa 7 tar-“Regolament Ruma II”, peress li skont dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għal azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija dik tal-pajjiż li fih is-suq huwa affettwat, jew li fih probabbli li jiġi affettwat (66).

84.      Fir-rigward tat-tieni punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat fis-sentenza fil-kawża Volvo, il-kriterju ta’ rabta (sussidjarju) tas-sede tal-vittma b’riferiment għall-fatt li “l-konvenuti, membri tal-akkordju, ma jistgħux jinjoraw il-fatt li x-xerrejja tal-oġġetti inkwistjoni huma stabbiliti fi ħdan is-suq affettwat mill-prattiki kollużivi” (67).

85.      Minbarra l-kwistjonijiet imqajma fis-subtaqsima preċedenti fir-rigward tal-prossimità u tal-evalwazzjoni individwali, id-dipendenza fuq is-sede tal-kumpannija omm fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti tidher ineffettiva għal dawn iż-żewġ raġunijiet.

86.      Huwa minnu li s-sede tar-rikorrenti tinsab fi ħdan is-suq affettwat kif definit mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (li hija l-konsegwenza naturali tal-portata pan-Ewropea tal-akkordju inkwistjoni). Madankollu, diġà spjegajt li skont is-sentenza fil-kawża Volvo, għandu jiġi applikat fattur iktar speċifiku bħalma huwa l-post tax-xiri jew tas-sede tal-vittma diretta.

87.      Mill-proċess jirriżulta li t-tranżazzjonijiet rispettivi ta’ xiri mis-sussidjarji differenti twettqu f’diversi Stati Membri (inkluża, iżda mhux biss, l-Ungerija) (68) li l-liġi tagħha, għaldaqstant, issir applikabbli skont l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Ruma II. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġi applikabbli ma jistax jintlaħaq (jekk it-talbiet fir-rigward tal-fatt li d-dannu nħoloq barra mill-Ungerija għandhom jiġu deċiżi mill-qrati Ungeriżi).

88.      Fir-rigward tal-prevedibbiltà tal-forum, kieku l-ġurisdizzjoni kellha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-post tas-sede tal-kumpannija omm, dan kien ikollu r-riskju li l-forum riżultanti jsir mira li tiċċaqlaq. Fil-fatt, kull darba li jkun hemm tranżazzjoni li tbiddel liema persuna jkollha kontroll fuq sussidjarja partikolari, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’dan il-kuntest tinbidel, skont is-sede tal-kumpannija omm il-ġdida (69). It-tieni domanda magħmula turi dan ir-riskju pjuttost sewwa, sa fejn tirrileva li wħud mis-sussidjarji affettwati ma kinux, fil-mument tax-xiri, jappartjenu lill-grupp tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għalkemm jista’ jiġi ssuġġerit li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post speċifiku “fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”, l-insegwiment tal-prevedibbiltà tal-forum isir sa ċertu punt illużorju, (fil-kuntest ta’ akkordju pan-Ewropew), iżda dan ma jikkostitwixxix raġuni għall-abbandun għalkollox ta’ dan l-insegwiment u lanqas għaż-żieda ta’ saff ieħor ta’ inċertezza fir-rigward ta’ din id-determinazzjoni.

89.      Ġaladarba dan ġie ċċarat, għad jeħtieġli nindirizza l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-preklużjoni tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika fiċ-ċirkustanzi preżenti timmina serjament il-possibbiltà tal-vittmi ta’ aġir antikompetittiv li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

c)      Effiċjenza talinfurzar taddrittijiet

90.      Ir-rikorrenti tispjega fit-tul id-diffikultajiet li jqumu, fl-opinjoni tagħha, għal vittma ta’ aġir antikompetittiv fil-qasam tal-infurzar transkonfinali tad-drittijiet relatati. Hija tosserva, inter alia, li l-persuni li jwettqu l-ksur sistematikament jostakolaw l-infurzar, b’mod partikolari, billi jopponu għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita. Essenzjalment fl-opinjoni tagħha, dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu evitati (fil-każ speċifiku tal-akkordju tat-trakkijiet inkwistjoni) jekk il-ġurisdizzjoni tkun iċċentralizzata fir-rigward tad-danni kollha subiti f’postijiet differenti minn membri differenti ta’ unità ekonomika waħda u jekk din il-ġurisdizzjoni ċċentralizzata tkun ibbażata fuq is-sede tal-kumpannija omm. Fl-opinjoni tagħha, is-sitwazzjoni attwali taffettwa l-effiċjenza tal-infurzar tad-drittijiet sottostanti peress li vittma li tkun twettaq attività ta’ negozju fi Stati Membru differenti (bħalha, jekk qiegħed nifhem l-argument korrettament) għandha tibda proċeduri ġudizzjarji f’ħames Stati Membri differenti għas-sempliċi raġuni li t-trakkijiet inxtraw mis-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-ispejjeż miżjuda li ġġib magħha tali litigazzjoni fframmentata u tosserva li peress li l-maġġoranza tal-persuni li wettqu l-ksur huma stabbiliti fl-Istati Membri fondaturi (jew f’dawk li daħlu “l-ewwel” fl-Unjoni), ir-regoli attwali jfissru li l-vittmi għandhom jibdew il-proċeduri ġudizzjarji f’dawk l-Istati, minkejja li huma stess jistgħu jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

91.      Sabiex nindirizza, fl-ewwel lok, din l-aħħar osservazzjoni, jidhirli li r-rikorrenti essenzjalment tikkritika, jekk qiegħed nifhem l-argument korrettament, ir-regola prinċipali tad-domiċilju tal-konvenut li tirregola r-Regolament Nru 1215/2012. Tabilħaqq, din ir-regola toħloq inkonvenjent għall-atturi (kull attur fir-realtà) peress li huwa l-attur li jkollu “jivvjaġġa” lejn id-domiċilju tal-konvenut, u jikkonforma ruħu mar-regoli proċedurali applikabbli (u mhux bil-kontra). Madankollu, dan huwa l-mod kif ġie mfassal ir-Regolament Nru 1215/2012 (f’konformità ma’ regola li ilha stabbilita fis-sistemi legali nazzjonali kollha) (70).

92.      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li dan l-aħħar imsemmi regolament iwettaq inverżjoni tar-regola ġenerali fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ atturi, meqjusa bħala l-partijiet l-iktar dgħajfa, billi jipprovdi għalihom protezzjoni aqwa fil-forma tal-possibbiltà li jibdew il-proċeduri ġudizzjarji fil-post tad-domiċilju (jew tax-xogħol) tagħhom (71). L-allegati vittmi ta’ aġir antikompetittiv bħala tali ma humiex fost dawn il-kategoriji (dment li ma jaġixxux, f’każ partikolari, bħala konsumaturi). Billi dan l-istat ta’ fatt huwa indipendenti mill-fatt li jeżisti interess pubbliku li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni u dak li jiġi promoss dan l-interess, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jadotta ċerti regoli komuni fil-qasam tal-infurzar privat ta’ din il-liġi (72). Dak li huwa rilevanti għall-kawża preżenti huwa li din l-għażla ma għandha l-ebda ekwivalenti fir-regoli ġurisdizzjonali “protettivi” kif inhuma mfassla attwalment fir-Regolament Nru 1215/2012.

93.      Fit-tielet lok, f’kuntrast ma’ dawk ir-regoli protettivi, ir-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni hija msejsa fuq raġuni fundamentalment differenti minn dik spjegata iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li l-interessi rispettivi tal-atturi u tal-konvenuti għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti. Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din ir-regola tal-ġurisdizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

94.      Fir-raba’ lok, fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, waslet biex toħloq forum actoris għall-vittma (diretta) ta’ akkordju fuq il-prezz u dan il-forum actoris ġie kkonfermat, sussidjarjament fis-sentenza fil-kawża Volvo. Kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide li l-ġurisdizzjoni tas-sede tal-vittma tista’ tintuża għad-dannu kollu li jkun intalab kumpens għalih (73) (stat ta’ fatt li jidher li jikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-għażla tas-sede tal-vittma bħala l-kriterju ta’ rabta).

95.      Fil-ħames lok, kif diġà ġie spjegat u kif tfakkar il-Kummissjoni, il-vittma tista’ tibda l-azzjoni mhux biss kontra l-kumpannija omm li hija l-persuna indirizzata mid-deċiżjoni rispettiva tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur, iżda wkoll kontra sussidjarja fi ħdan l-unità ekonomika ta’ din il-kumpannija omm, mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet (74). Dan joħloq il-possibbiltà ta’ forum addizzjonali (skont il-post fejn tkun is-sussidjarja) u jista’ għaldaqstant jiffaċilita l-infurzar.

96.      Fl-aħħar nett, jekk attur partikolari jqis iċ-ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni bħala l-ewwel prijorità tiegħu, il-qorti tas-sede tal-konvenut dejjem toffri rimedju universali. Din l-għażla ċertament tinvolvi l-inkonvenjenza tal-“ivvjaġġar” iżda ma tistax tiġi kkritikata li twassal għal litigazzjoni fframmentata.

97.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistax nifhem b’liema mod ir-regoli ġurisdizzjonali attwali fundamentalment jipprekludu lill-allegati vittmi ta’ aġir antikompetittiv milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom, jew x’inhu eżattament id-difett fis-sistema attwali tar-Regolament Nru 1215/2012 li jirrendi neċessarja l-applikazzjoni tal-kunċett “invers” tal-unità ekonomika sabiex tiġi estiża l-portata tal-kunċett tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (u b’mod iktar speċifiku, dak tal-post fejn ikun seħħ id-dannu fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif spjegata iktar ’il fuq).

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-frażi “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma tkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tippreżenta azzjoni għad-danni kkawżati biss lis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija omm minn aġir antikompetittiv ta’ terza persuna, u li fiha jiġi sostnut li din il-kumpannija omm u dawn is-sussidjarji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika.

3.      Ittieni domanda magħmula: irrilevanza talmument taxxiri (u talmument talakkwist tassussidjarji)

99.      Fid-dawl tar-risposta msemmija iktar ’il fuq, ma hemmx il-ħtieġa li nindirizza t-tieni domanda magħmula li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-possibbiltà li kumpannija omm tibbaża ruħha fuq is-sede tagħha – u fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika – sabiex tistabbilixxi ġurisdizzjoni hijiex affettwata mill-fatt li wħud mis-sussidjarji affettwati ġew akkwistati mir-rikorrenti wara li dawn kienu ħallsu l-prezzijiet miżjuda artifiċjalment u ġarrbu t-telf korrispondenti.

100. Madankollu, il-merti ta’ din id-domanda, fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jiġu indirizzati malajr. F’dan ir-rigward, naqbel mar-rikorrenti li din id-domanda hija marbuta mal-mertu tal-kawża u għaldaqstant hija irrilevanti fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni (75).

101. Effettivament, li kieku kellu jiġi ammess li l-kunċett ta’ unità ekonomika jittrasforma s-sede tar-rikorrenti fil-kriterju ta’ rabta applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikollu jiġi osservat li l-kwistjoni mqajma bit-tieni domanda hija marbuta mal-portata tad-danni li r-rikorrenti tista’ titlob kumpens għalihom (jiġifieri dik dwar jekk hija tistax ukoll titlob b’suċċess kumpens għad-danni subiti mis-sussidjarji qabel ma dawn ġew akkwistati mir-rikorrenti). B’hekk dan l-aspett jirrigwarda l-mertu tal-każ u mhux il-kwistjoni ta l-ġurisdizzjoni.

V.      Konklużjoni

102. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kif ġej:

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frażi “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ma tkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tippreżenta azzjoni għad-danni kkawżati biss lis-sussidjarji tal-kumpannija omm minn aġir antikompetittiv ta’ terza persuna, u li fiha jiġi sostnut li din il-kumpannija omm u dawn is-sussidjarji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (C(2016) 4673 finali) (ĠU 2017 C 108, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”).


3      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


4      Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et (C‑30/20, EU:C:2021:604, iktar ’il quddiem is-“sentenza Volvo”); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tibor-Trans”).


5      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.


6      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li persuna domiċiljata fi Stat Membru wieħed tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor “fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Volvo, punt 29.


7      Ninnota li din id-deċiżjoni kienet indirizzata, inter alia, lil Daimler AG, li jidher li huwa l-isem li preċedentement kien magħruf bih il-konvenut, kif essenzjalment tosserva r-rikorrenti.


8      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335‚ iktar ’il quddiem is-“sentenza CDC Hydrogen Peroxide”).


9      Infakkar li, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi bħala inkompatibbli mas-suq intern, inter alia, ftehimiet bejn impriżi, li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 97).


10      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq u l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012.


11      Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bier”. Iż-żewġ partijiet tal-“formula Bier” ġeneralment jiġu ppreżentati fl-ordni inversa; madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa iktar konvenjenti li jsir riferiment għalihom fl-ordni preżentament użat. Is-sentenza Bier kienet tikkonċerna r-regola ekwivalenti għal dik tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36), li sussegwentement ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Skont il-ġurisprudenza stabbilita “sa fejn ir-[Regolament Nru 1215/2012] iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tal-aħħar, tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ‘ekwivalenti’”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland (C‑498/20, EU:C:2022:173, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMA Nederland”, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, pereżempju, is-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide, punt 38; Volvo, punt 29 jew tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sumal”, punt 65).


13      Sentenza BMA Nederland, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bier (punt 17, flimkien mal-punti 15 u 16).


15      Ara, pereżempju, is-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, jew tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, iktar ’il quddiem is-“sentenza FlyLAL” punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289, punti 14 u 15); tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punti 19 sa 21) jew Tibor-Trans, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


17      Għall-kuntrarju, “tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni hija ġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent ikun effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu”. Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.


18      Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dumez”, punti 20 u 22).


19      Il-kelma użata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1989:595, pereżempju l-punti 14 jew 31 sa 47). Ara s-sentenza BMA Nederland, punt 35, fejn is-sentenza Dumez ġiet applikata b’analoġija, jew is-sentenzi Tibor-Trans, punti 29 sa 31, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punti 27 sa 31) fejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawk il-każijiet kienu ġew distinti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża Dumez.


20      Ara wkoll id-deskrizzjoni iktar ’il fuq fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li l-ewwel domanda tagħmel riferiment għad-dannu subit esklużivament mis-sussidjarji tar-rikorrenti. Kif essenzjalment josserva l-Gvern Ċek, ir-rikorrenti mhux qiegħda titlob kumpens għad-danni fil-pożizzjoni tagħha bħala azzjonista tas-sussidjarji affettwati (jew għal raġuni differenti) u t-talba tagħha għaldaqstant tikkorrispondi, kif qiegħed nifhimha jiena, għat-talbiet li jistgħu jitressqu mis-sussidjarji affettwati.


21      Sentenza Tibor-Trans, punti 12 sa 15 u 29 sa 31.


22      Ara wkoll il-premessa 41 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


23      Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punti 44 u 56 jew flyLAL, punt 49. Meta dan il-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat iżda meta “[fost] arranġament partikolari [ta’ ftehimiet] li, fit-totalità tagħhom, ikkostitwixxew l-akkordju illeċitu kkonċernat ikun [jeżisti wieħed b’mod partikolari li kien jikkostitwixxi] l-avveniment kawżali [ewlieni] tad-dannu allegatament ikkawżat lil xerrej”, “il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha ttieħed l-arranġament inkwistjoni għaldaqstant ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu hekk ikkawżat lill-imsemmi xerrej”. Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punt 46.


24      Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punti 52 u 53.


25      Konklużjonijiet l-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:136, iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet flyLAL”, punt 75), li fihom dan kellu “riżervi qawwija dwar dak l-aspett partikolari tas-sentenza fis-sentenza CDC” u qies li “il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ verament tintalab xi darba fil-ġejjieni titfa’ ħarsitha mill-ġdid fuq din il-kwistjoni”. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawk il-konklużjonijiet.


26      Ara, Wurmnest, W., “International jurisdiction in competition damages cases under the Brussels I Regulation: CDC Hydrogen Peroxide Case C‑352/13, Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA v Akzo Nobel NV, Solvay SA/NV, Kemira Oyj, FMC Foret SA, Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 21 May 2015, EU:C:2015:335.”, Common Market Law Review, Vol. 53, Kluwer Law International, 2016, Nru 1, p. 225 sa 248, f’p. 243; Hartley, T.C., “Jurisdiction in tort claims for non-physical harm under Brussels 2012, Article 7(2)”, International and Comparative Law Quarterly, Vol. 67, Nru 4 Cambridge University Press, 2018, p. 987 sa 1003, f’p. 996; Nourissat, C. “Action indemnitaire en droit de la concurrence: quand la Cour de justice instaure un nouveau forum actoris au bénéfice des victimes”, Procédures, Nru 7, 2015, p. 19 u 20.


27      Konklużjonijiet fil-kawża Volvo et (C‑30/20, EU:C:2021:322, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Volvo”). Dawn l-iżviluppi bdew fis-sentenza flyLAL punt 40 u komplew bis-sentenzi Tibor-Trans, punt 33, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 37).


28      Sentenza Tibor-Trans, punti 32 u 33, li tagħmel riferiment għas-sentenza flyLAL, li fiha, madankollu s-suq affettwat kien jikkorrispondi għas-suq Litwan (u b’mod iktar speċifiku għas-suq tat-titjiriet lejn u mill-ajruport ta’ Vilnius, sentenza flyLAL, punti 38 sa 40). Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Volvo, punti 77 u 78. Ara wkoll A. Nuyts, “Droit international privé européen’, Journal de droit européen, 2021, p. 74 sa 95, p. 80, punt 10.


29      Sentenza fil-kawża Volvo, punti 39 sa 40 u 43.


30      Għal distinzjoni bejn id-dannu ġenerali u l-kunċett ġurisdizzjonali speċifiku ta’ dannu, ara l-konklużjonijiet fil-kawża flyLAL, punti 31 sa 35.


31      Sentenza fil-kawża Volvo, punti 41 sa 43.


32      Sentenza fil-kawża Volvo, punti 40 u 43.


33      Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża flyLAL, punti 54 u 55, li fiha ġie osservat li tali riżultat jidher li huwa diffiċilment rikonċiljabbli mal-fatt li r-regola ġurisdizzjonali inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrettiv.


34      Dik id-deċiżjoni kienet, għal darba oħra, l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti. Sentenza fil-kawża Volvo, punt 31.


35      Sentenza fil-kawża Volvo, punti 27 u 43.


36      Kif innotat ukoll minn Lutzi, T., “Art. 7 Nr. 2 EuGVVO als Regelung der internationalen und örtlichen Zuständigkeit für Kartellschadensersatzklagen: zu EuGH, 15.7.2021, Rs. C‑30/20, RH ./. AB Volvo u.a.”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, 2023, Vol. 20, Nru 1, p. 20 sa 24, f’p. 20.


37      Konklużjonijiet flyLAL, punt 51. Madankollu, kif innotat fihom, dik il-kawża kienet tikkonċerna restrizzjoni tal-kompetizzjoni li kienet “ta’ esklużjoni (telf ta’ bejgħ u emarġinazzjoni tas-suq) [iktar] milli ta’ sfruttament fin-natura tagħha (klijenti mitluba jħallsu prezzijiet esaġerati)”. Ibid., punt 76. Il-kawża preżenti hija differenti peress li tikkonċerna l-aħħar imsemmi xenarju.


38      Għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi diskussa l-kwistjoni dwar iż-żamma tal-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma hijiex, anki sussidjarjament, għalkollox konvinċenti. Fil-fatt, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll l-applikazzjoni analoga tas-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punti 40 sa 42) fil-kuntest ta’ multipliċità ta’ postijiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali (kunsinna ta’ oġġetti) fi ħdan Stat Membru wieħed. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija l-qorti tal-post tal-kunsinna prinċipali jew, fl-assenza ta’ tali kunsinna prinċipali, il-qorti tal-għażla tar-rikorrent (minn fost il-postijiet rispettivi ta’ kunsinni inkwistjoni). Ara, f’dan is-sens, Lehmann, M., “Jurisdiction in suits for cartel damages: the CJEU draws a new distinction. Case Comment”, European Competition Law Review (2022) Vol. 43, 2022, Nru 3, p. 150 u 151, p. 151. Madankollu ninnota li fil-punti 98 sa 110 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volvo, l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour jippreżenta argumenti favur l-attenzjoni mġedda li għandha tingħata lill-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma.


39      Sentenza fil-kawża Tibor-Trans, punti 30 u 31. Ara iktar ’il fuq, il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Tali katina ta’ provvista tista’ tinvolvi mhux biss xenarju “sempliċi” (“persuna li twettaq il-ksur-persuna intermedjarja-xerrej indirett”) iżda xenarji iktar ikkumplikati li jinvolvu xerrejja addizzjonali indiretti fi swieq downstream. Ara eżempju tal-prassi nazzjonali Pollakka identifikata fl-Istudju sabiex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Regolament Brussell Ia), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, p. 434.


41      Whish, R., Bailey, D., Competition Law, Oxford, Oxford University Press, l-għaxar edizzjoni, 2021, 1184, f’p. 84; Van Bael & Bellis, Competition Law of the European Union, Wolters Kluwer, is-sitt edizzjoni, lv‑1771, 2021, f’p. 25; Urraca Caviedes, C., “Concept of Undertaking and Allocation of Liability for Antitrust Fines”, f’Dekeyser, K., Gauer, C., Laitenberger, J., Wahl, N., Wils, W., Prete, L., Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement. A systematic Guide, Wolters Kluwer, lxiii‑1060, 2023, p. 539 sa 546, f’p. 540.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, iktar ’il quddiem “is-sentenza L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe”, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara wkoll is-sentenza Sumal, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata jew is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, iktar ’il quddiem is-“sentenza Skanska”, punt 37).


44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala li “għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, […] is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu flimkien lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. […]”. Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo Nobel”, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, iktar reċenti, is-sentenza Sumal, punt 43.


45      Sentenza fil-kawża Sumal, punti 39 sa 44, u l-ġurisprudenza ċċitata.


46      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Sentenza fil-kawża Akzo Nobel, punti 52 u 53.


48      Sentenza fil-kawża Sumal, punti 48 u 51.


49      Sentenzi fil-kawża Sumal, punt 38 u Skanska, punt 47.


50      Sentenzi L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe, punt 106 u tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (T‑673/15, EU:T:2017:377, punti 99 sa 103 u 153).


51      Infakkar li fir-rigward b’mod speċifiku tad-dispożizzjoni li kienet tippreċedi l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni […], il-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss l-elementi ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni”. Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AB u AB‑CD (Titolu ta’ proprjetà għal xogħlijiet tal-arti) (C‑265/21, EU:C:2022:476, punti 78 u 80).


52      Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, bir-rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).


53      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Volvo (Notifika taċ-ċitazzjoni fis-sede ta’ sussidjarja tal-konvenut) (C‑632/22, EU:C:2024:31, speċjalment il-punti 50 sa 51 u 60). Dak il-każ, li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonċerna azzjoni għad-danni mressqa fil-kuntest tal-istess akkordju tat-trakkijiet bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.


54      Ara iktar ’il fuq, il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Dwar il-kumplessità u l-limiti tal-evalwazzjoni, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, C 167, p. 19), punt 9; Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Gwida prattika dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (SWD(2013) 205), 11.6.2013, punti 16 sa 20.


56      Kif huwa pprovat mil-linji gwida li jinkludu 193 punt indirizzati għal dan l-għan lill-qrati nazzjonali: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida għall-qrati nazzjonali dwar kif jistmaw is-sehem tal-ispejjeż żejda ttrasferiti fuq ix-xerrej indirett (ĠU 2019, C 267, p. 4). Dan l-aspett jista’ jintuża kemm bħala “xabla” kif ukoll bħala “tarka” (ibid., punt (4) u punti (17) sa (19)). Dan ifisser, minn naħa, li r-rikorrent għandu jkun jista’ jistabbilixxi dannu billi juri li, minkejja li ma aġixxiex bħala xerrej dirett, l-ispiża addizzjonali li rriżultat ġiet ittrasferita fuqu. Min-naħa l-oħra, il-konvenut jista’ jirribatti din l-allegazzjoni billi juri li r-rikorrent ittrasferixxa dawn l-ispejjeż addizzjonali fuq terza persuna. Ara l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/104 dwar it-“Trasferiment ta’ spejjeż żejda”.


57      Dan huwa ovvjament mingħajr preġudizzju għar-rwol tad-domiċilju tal-konvenut, li, madankollu, ma huwiex ix-xenarju diskuss fil-kawża preżenti. Ara d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iżvelar tal-evidenza stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2014/104. Ara wkoll il-premessi 15 u 16 ta’ din tal-aħħar.


58      Sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punti 52 u 55.


59      Ara s-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, pereżempju fil-punti 35 jew 53 sa 55 (jew il-punti 9 u 10 fir-rigward tad-deżinjazzjoni tal-kumpannija CDC, li taġixxi fil-kwalità tagħha tar-rikorrenti, u li fir-rigward tagħha l-kliem “kumpannija” u “impriża” jintużaw b’mod interkambjabbli: Ninnota li l-verżjoni Franċiża tas-sentenza tuża l-ekwivalenti tat-terminu kumpannija (“société”) fil-punti 9 u 10. Ara wkoll is-sentenza fil-kawża Volvo, punt 42.


60      Sentenzi fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punt 52 u fil-kawża Volvo, punt 41.


61      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.


62      Ara, pereżempju, Biondi, A., Muscolo, G., Nazzini, R., After the Damages Directive: Policy and Practice in the EU Member States and the United Kingdom, Alphen aan den Rijn, Wolters Kluwer Law International, 2022, xl-626 p., f’p. 6; Kirst, P. The impact of the damages directive on the enforcement of EU competition law: a law and economics analysis, Cheltenham, Northampton: Edward Elgar Publishing, 2021, 416 p., f’p. 31; Rodger, B., Sousa Ferro, M., Marcos, F., The EU Antitrust Damages Directive: Transposition in the Member States, Oxford, Oxford University Press, 2018, 560 p. f’p. 55.


63      Ara rispettivament l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104.


64      Iddefinita bħala “persuna li tkun sofriet danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2014/104. B’kuntrast, l-Artikolu 2(2) tagħha jiddefinixxi l-“kontraventur” bħala “impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li wettqet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) jiddikjara li “[l-]Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara”. Enfasi miżjuda. Bl-istess mod, il-premessa 13 tiddikjara li “[i]d-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod […]”. Addizzjonalment, il-kelma “impriżi” tiddeskrivi lil persuni ġuridiċi bħala differenti minn awtoritajiet pubbliċi.


65      Mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjoni ta’ xerrejja indiretti li lilhom ġiet ittrasferita spiża addizzjonali. Ara l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/104 u l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq.


66      Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”). Il-premessa 7 tiegħu tiddikjara li “[il-]kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament Nru 1215/2012] […]”. Ara s-sentenzi flyLAL, punt 41, fil-kawża Tibor-Trans, punt 35 u fil-kawża Volvo, punt 32.


67      Sentenza fil-kawża Volvo, punt 42, ara wkoll is-sentenzi fil-kawża FlyLAL, punt 40 u fil-kawża Tibor-Trans, punt 34.


68      Ir-rikorrenti żżid li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ xiri twettqu fl-Ungerija, fil-Kroazja, fl-Italja, fl-Awstrija u fis-Slovakkja.


69      Barra minn hekk, kif jargumenta l-konvenut, ma jistax jiġi eskluż li, b’antiċipazzjoni ta’ tilwima futura, ir-rikorrent futur jista’ joħloq kumpannija holding ġdida fi Stat Membru differenti, u b’hekk effettivament jagħżel il-forum għat-talba tiegħu.


70      Pereżempju, Lazić, V., Mankowski, P.,The Brussels I-bis regulation: a handbook and practical guide, Edward Elgar Publishing, Northampton, 2023, 602 p., ara l-punt 1.187 b’referenzi ulterjuri.


71      Dan huwa l-każ fir-rigward tar-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 li jikkonċernaw lil persuni assigurati, lil konsumaturi u lil impjegati u li joffru lil dawk il-partijiet il-possibbiltà li jibdew il-proċeduri legali fil-post tad-domiċilju tagħhom jew fil-post fejn, essenzjalment, iwettqu x-xogħol tagħhom. Sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 39).


72      Infakkar li din s-sistema tapplika mhux biss għal azzjonijiet ta’ segwitu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti (li huma bbażati fuq deċiżjoni amministrattiva preċedenti li tikkonstata ksur), iżda wkoll għal azzjonijiet awtonomi, li fihom tali ksur għandu jiġi stabbilit.


73      Sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punt 54. Ara, dwar dan il-punt, Hartley, T. C., op. cit., ikkwotat iktar ’il fuq fil-punt 26, f’p. 997 u Wurmnest, W., op. cit., ikkwotat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 242. Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża Volvo, punt 101 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 118.


74      Ara iktar ’il fuq, il-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ara, r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 iktar ’il fuq.