Language of document : ECLI:EU:C:2024:127

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C633/22

Real Madrid Club de Fútbol,

AE

vs

EE,

Société Éditrice du Monde SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi ta’ rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Kundanna ta’ gazzetta u ta’ wieħed mill-ġurnalisti tagħha minħabba ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2), magħruf ukoll bl-isem Regolament Brussell I, b’mod konformi mat-tradizzjoni stabbilita mill-Istati Membri stess sa mill-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (3), kien jipprevedi r-regoli uniformi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fl-Istati Membri. Skont dawn ir-regoli, sabiex sentenza mogħtija fi Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ta’ oriġini”) tkun tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru mitlub”), dan tal-aħħar għandu jwettaq l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

2.        Ir-Regolament Brussell I ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), li għandu portata usa’ mill-predeċessur tiegħu u jistabbilixxi sistema ta’ eżekuzzjoni awtomatika (“mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali”) tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fl-Istati Membri.

3.        Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, meta jirreferi għas-soluzzjoni tradizzjonali taħt id-dritt internazzjonali privat, Stat Membru mitlub għandu d-dritt jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jekk din tippreġudika l-ordni pubbliku tiegħu.

4.        Ċertament, wieħed jista’ jargumenta li l-eżistenza ta’ eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja u inevitabbli għal-liberalizzazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti biex is-sentenzi barranin jingħatalhom is-saħħa eżekuttiva fit-territorju ta’ Stat Membru mitlub: dan tal-aħħar ikun inqas riluttanti li jaċċetta s-sentenzi barranin meta jkollu valv ta’ sigurtà li jippermettilu jkollu l-aħħar kelma għal dak li jikkonċerna l-effetti prodotti minn dawn is-sentenzi fit-territorju tiegħu.

5.        Il-partikolarità ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt li l-exequatur tas-sentenzi mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini ġiet irrifjutata minħabba li l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi kienet tmur kontra l-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità mhux biss li tiċċara l-modalitajiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku f’tali sitwazzjoni, imma wkoll li tippreċiża l-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Il-Kapitolu III tar-Regolament Brussell I, intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”, jinvolvi tliet sezzjonijiet intitolati “Rikonoxximent” (Artikoli 33 sa 37), “Eżekuzzjoni” (Artikoli 38 sa 52) u “Disposizzjonijiet komuni” (Artikoli 53 sa 56), kif ukoll id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” (Artikolu 32).

7.        L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, li jiftaħ l-ewwel sezzjoni tal-Kapitolu III dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn jintalab ir-rikonoxximent, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li s-“[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”.

8.        Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament jipprovdi li sentenza ma għandhiex tiġi rikonoxxuta “jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”.

9.        L-Artikolu 36 tal-istess regolament jipprovdi li, “[s]entenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha”.

10.      L-Artikolu 38 tar-Regolament Brussell I, li jiftaħ it-tieni sezzjoni tal-Kapitolu III dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk”.

11.      L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[s]-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 mingħajr xi reviżjoni permezz ta’ l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni”.

12.      L-Artikolu 43(1) tal-imsemmi regolament jiddikjara li “[d]-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti”.

13.      Skont l-Artikolu 45 tal-istess regolament:

“1.      Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.      Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha”.

14.      L-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell I jipprevedi:

“1.      Meta tkun ingħatat sentenza barranija rigward diversi materji u d-dikjarazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni ma tkunx tista tkun mogħtija għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandu jawtoriżża l-eżekuzzjoni għal wieħed jew aktar minnhom.

2.      Applikant jista’ jitlob dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni limitata għal parti mis-sentenza”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

15.      Il-gazzetta Le Monde ppubblikat, fis‑7 ta’ Diċembru 2006, artiklu li fih l-awtur, EE, ġurnalist impjegat ma’ din il-gazzetta, afferma li l-klabbs tal-futbol Real Madrid u FC Barcelona kienu użaw is-servizzi tat-tabib X Fuentes, il-mexxej ta’ network ta’ doping fid-dinja taċ-ċikliżmu. Fl-ewwel paġna dehret silta mill-artiklu, akkumpanjata bi tpinġija bit-titolu “Dopage : le football après le cyclisme” (“Doping: il-futbol wara ċ-ċikliżmu”) li kienet turi ċiklista liebes il-kuluri tal-bandiera Spanjola u mdawwar bi plejers tal-futbol ċkejknin u xi siringi. Ħafna media, b’mod partikolari Spanjoli, xerrdu din il-pubblikazzjoni.

16.      Fit‑23 ta’ Diċembru 2006, il-gazzetta Le Monde ppubblikat, mingħajr ebda kummenti, l-ittra ta’ ċaħda mibgħuta lilha minn Real Madrid.

17.      Dan il-klabb u membru tat-tim mediku tiegħu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentaw quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no19 de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 19 ta’ Madrid, Spanja) azzjoni għad-danni bbażata fuq id-dannu għall-unur tagħhom kontra l-kumpannija editriċi ta’ Le Monde u kontra l-ġurnalist awtur tal-artiklu inkwistjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali.

18.      Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Frar 2009, din il-qorti kkundannat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jħallsu l-ammonti ta’ EUR 300 000 lil Real Madrid u EUR 30 000 lill-membru tat-tim mediku tiegħu u ordnat il-pubblikazzjoni tas-sentenza tagħha fil-gazzetta Le Monde. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja) li, essenzjalment, ikkonfermat l-imsemmija sentenza. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ċaħdet l-appell ippreżentat kontra din l-aħħar deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Frar 2014.

19.      Il-Juzgado de Primera Instancia no19 de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 19 ta’ Madrid) ordnat, permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Lulju 2014, b’mod konġunt (5), l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u l-ħlas lil Real Madrid tas-somma ta’ EUR 390 000 bħala ammont prinċipali, interessi u spejjeż, u sussegwentement, permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2014, l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u l-ħlas lill-membru tat-tim mediku tal-klabb tas-somma ta’ EUR 33 000 bħala ammont prinċipali, interessi u spejjeż.

20.      Fil‑15 ta’ Frar 2018, id-Direttur tar-Reġistru tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) ta żewġ dikjarazzjonijiet li jikkonstataw in-natura eżekuttiva ta’ dawn id-digrieti.

21.      Permezz tas-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2020, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat dawn id-dikjarazzjonijiet. Peress li kkunsidrat li d-digrieti tal‑11 ta’ Lulju u tad‑9 ta’ Ottubru 2014 imorru manifestament kontra l-ordni pubbliku internazzjonali Franċiż, hija ddeċidiet li dawn ma jistgħux jiġu eżegwiti fi Franza.

22.      F’dan ir-rigward, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) irrilevat, inizjalment, li l-qrati Spanjoli kienu taw il-kundanni inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tal-Ley Orgánica 1/1982, de protección civil del derecho al honor, a la intimidad personal y familiar y a la propia imagen (il-Liġi Organika 1/1982 dwar il-Protezzjoni Ċivili tad-Dritt għall-Unur), tal‑5 ta’ Mejju 1982 (BOE tal‑14 ta’ Mejju 1982, p. 11196), filwaqt li Real Madrid ma kienx invoka dannu patrimonjali. Barra minn hekk, l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid) kienet ikkunsidrat fis-sentenza tagħha, ikkonfermata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li, inkwantu d-dannu kien ġeneralment assoċjat mad-dannu morali, kien diffiċli li dan jiġi kkwantifikat f’termini ekonomiċi.

23.      Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) osservat, sussegwentement, li quddiem il-qorti Spanjola ġiet diskussa biss l-effett medjatiku tal-artiklu inkwistjoni, li kienet ġiet miċħuda mill-midja Spanjola, b’mod li d-dannu mġarrab minħabba l-effett medjatiku kien ġie limitat biċ-ċaħda ppubblikata mill-organi tal-istampa lokali, li l-qarrejja tagħhom huma fil-parti l-kbira Spanjoli.

24.      Ulterjorment, din il-qorti kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-kundanni għall-ħlas tas-somom ta’ EUR 300 000 bħala ammont prinċipali u ta’ EUR 90 000 bħala interessi jolqtu persuna fiżika u lill-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u li l-kontijiet ta’ din il-kumpannija jiżvelaw li tali ammont jirrappreżenta 50 % mit-telf nett u 6 % mill-ammont ta’ flus disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru 2017; fit-tieni lok, li l-kundanni tal-ġurnalist għall-ħlas tas-somom ta’ EUR 30 000 bħala ammont prinċipali u ta’ EUR 3 000 bħala interessi jiżdiedu ma’ dawk ta’ qabel; u, fit-tielet lok, li kien estremament rari li l-ammont tad-danni mogħtija għad-dannu kontra l-unur jew ir-reputazzjoni jaqbeż EUR 30 000, peress li l-liġi Franċiża tissanzjona l-malafama lejn l-individwi biss b’multa massima ta’ EUR 12 000.

25.      Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ikkonkludiet li l-kundanni inkwistjoni kellhom effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali għad-diskussjoni pubblika ta’ suġġetti li jinteressaw lill-pubbliku b’mod li jostakolaw lill-media fit-twettiq tal-kompitu tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ stħarriġ, b’mod li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jagħtu dawn il-kundanni kienu jiksru b’mod inaċċettabbli l-ordni pubbliku internazzjonali Franċiż, billi kienu jippreġudikaw il-libertà tal-espressjoni.

26.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenzi tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Huma sostnew, fl-ewwel lok, li l-istħarriġ tal-proporzjonalità tad-danni jista’ jseħħ biss jekk dawn ikunu ta’ natura punittiva u mhux kumpensatorja; fit-tieni lok, li huma kienu sostnew li, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tad-dannu għal dik tal-qorti ta’ oriġini, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kienet irrevediet is-sentenzi Spanjoli, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 34 u tal-Artikolu 36 tar-Regolament Brussell I; u, fit-tielet lok, li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqasijiet ikkunsidrati mill-qorti Spanjola u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuni kkundannati ma kinitx rilevanti biex tiġi evalwata n-natura sproporzjonata tal-kundanni, li, fi kwalunkwe każ, ma kellhiex tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli nazzjonali.

27.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew, essenzjalment, li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), mingħajr ma rrevediet is-sentenzi Spanjoli fuq il-mertu, kienet irrifjutat ġustament li tirrikonoxxi n-natura eżekuttiva minħabba n-natura sproporzjonata tal-kundanni li dawn kienu jagħtu, u kisru għaldaqstant manifestament il-libertà tal-espressjoni u, konsegwentement, l-ordni pubbliku internazzjonali.

28.      Fl-espożizzjoni tal-motivi li wassluha biex tifformula d-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minn naħa, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Krombach (6). Hija tiġbed l-attenzjoni għas-silta minn din is-sentenza li, b’riferiment għas-sentenza Johnston (7), tistabbilixxi fil-fehma tagħha rabta bejn id-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (8).

29.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ protezzjoni, l-Artikolu 10(2) tal-KEDB bilkemm iħalli post għal restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni fl-oqsma tad-diskors politiku kif ukoll għal kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. Taħt dan it-tieni qasam taqa’ pubblikazzjoni li tirrigwarda kwistjonijiet dwar l-isport (9). Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, l-effett dissważiv ta’ kundanna għall-ħlas ta’ danni jikkostitwixxi parametru għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura li tagħmel tajjeb għad-dikjarazzjonijiet malafamanti. Barra minn hekk, hija ssostni, għal dak li jirrigwarda l-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti, li għandha tingħata attenzjoni biex l-ammont tad-danni imposti lill-kumpanniji tal-istampa ma jkunx tali li jippreġudika s-sisien ekonomiċi tagħhom (10).

IV.    Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022 li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament [Brussell I] u l-Artikolu 11 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li kundanna għad-dannu lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv permezz ta’ informazzjoni ppubblikata minn gazzetta tista’ manifestament tippreġudika l-libertà tal-espressjoni u għalhekk tikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-natura sproporzjonata tal-kundanna tista’ tiġi kkonfermata mill-qorti [tal-Istat Membru mitlub] biss fil-każ li d-danni jkunu ġew ikklassifikati bħala punittivi jew mill-qorti [tal-Istat Membru] ta’ oriġini, jew mill-qorti [tal-Istat Membru mitlub], u mhux jekk dawn jingħataw għal kumpens għal dannu morali?

3)      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti [tal-Istat Membru] mitluba tista’ tibbaża ruħha biss fuq l-effett dissważiv tal-kundanna fir-rigward tar-riżorsi tal-persuna kkundannata jew li din il-qorti tista’ tikkunsidra fatturi oħra bħall-gravità tan-nuqqas jew il-portata tad-dannu?

4)      L-effett dissważiv fir-rigward tar-riżorsi tal-gazzetta jista’ fih innifsu jikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni minħabba ksur manifest tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-istampa?

5)      L-effett dissważiv għandu jinftiehem bħala theddida għall-istabbiltà finanzjarja tal-gazzetta jew jista’ jikkonsisti biss effett ta’ intimidazzjoni?

6)      L-effett dissważiv għandu jiġi evalwat bl-istess mod fir-rigward tal-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u fir-rigward ta’ ġurnalist, li huwa persuna fiżika?

7)      Is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tal-istampa bil-miktub hija fatt rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, lil hinn mill-gazzetta inkwistjoni, il-kundanna jista’ jkollha effett ta’ intimidazzjoni fuq il-midja kollha kemm hi?”

31.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Spanjol u Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Spanjol u Malti, kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Ottubru 2023.

V.      Analiżi

A.      Riformulazzjoni tad-domandi preliminari

32.      Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tagħhom, jidhirli li jkun utli li nagħmel xi rimarki preliminari fuq dawn id-domandi inkwantu jirrigwardaw l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament Brussell I, li jinsabu fl-ewwel sezzjoni tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rikonoxximent”.

33.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi fuq appell tal-kassazzjoni indirizzat kontra s-sentenzi li permezz tagħhom il-qrati Franċiżi rrevokaw dikjarazzjonijiet li jikkonstataw is-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjonijiet Spanjoli fi Franza. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Brussell I huma pjuttost dawk li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak li fih tintalab l-eżekuzzjoni, li jinsabu fit-tieni sezzjoni ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Eżekuzzjoni” u, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament.

34.      B’dan premess, qabel kollox, minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 34 tar-Regolament Brussell I, l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-motivi għar-rifjut tar-rikonoxximent, inkluż dak li jirrigwarda l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub (il-punt 1 tal-Artikolu 34) huma wkoll motivi għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 45(2) tar-Regolament Brussell I, il-kontenut tiegħu huwa kważi identiku għal dak tal-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament u jikkonferma li l-projbizzjoni ta’ reviżjoni fuq il-mertu tapplika wkoll fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tas-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

35.      Għaldaqstant, jeħtieġ li r-riferiment għall-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament Brussell I jinftiehem bħala li jirrigwarda lill-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(2) tiegħu. Nixtieq nirrileva li l-qorti tar-rinviju tidher li taf li d-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi huma rilevanti wkoll fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm id-domandi preliminari jsemmu biss l-Artikoli 34 u 36 tal-imsemmi regolament, minn dawn id-domandi jirriżulta li din il-qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, jeżistix motiv ta’ rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni.

36.      Sussegwentement, il-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħti x’tifhem li l-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-konfigurazzjoni proċedurali li fiha “gazzetta” tkun ġiet ikkundannata minħabba ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv. Madankollu, din il-qorti hija adita b’appelli tal-kassazzjoni indirizzati kontra s-sentenzi mogħtija f’żewġ proċeduri distinti mressqa, minn naħa, kontra l-kumpannija editriċi tal-gazzetta li fiha deher l-artiklu inkriminat u, min-naħa l-oħra, kontra l-ġurnalist tagħha, awtur ta’ dan l-artikolu, mill-klabb sportiv u l-membru tat-tim mediku tiegħu. Barra minn hekk, permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, hija tixtieq tkun taf jekk, minħabba l-karatteristiċi individwali ta’ konvenut, hija għandhiex tipproċedi b’evalwazzjoni differenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku.

37.      Finalment, nipproponi li d-domandi preliminari jiġu analizzati flimkien. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel domanda hija ta’ natura pjuttost ġenerali, domandi oħra jikkonċernaw l-aspetti ddettaljati tal-eżami li għandu jsir mill-qorti tal-Istat Membru mitlub adita b’rikors kontra d-deċiżjoni dwar is-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, dawn id-domandi jduru madwar l-istess problema ġuridika u jikkonċernaw id-diversi aspetti li l-qorti tar-rinviju, adita bl-appelli tal-kassazzjoni, għandha tistħarreġ. Barra minn hekk, il-fatt li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari mingħajr ma din ir-risposta tiġi ssupplimentata b’kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw dawn l-aspetti ddettaljati jista’ jwassal għal żball fir-rigward tal-modalitajiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li d-domandi preliminari jinftehmu fis-sens li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tirrigwarda kundanna ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta u ta’ ġurnalist minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv u ta’ membru tat-tim mediku tiegħu b’informazzjoni ppubblikata f’din il-gazzetta, jistax jirrifjuta jew jirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza minħabba li din twassal għal ksur manifest tal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta.

39.      Biex tingħata risposta utli għal din id-domanda, ser nippreżenta qabel kollox xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-klawżola tal-ordni pubbliku (Titolu B), sussegwentement ser nanalizza l-Artikolu 11 tal-Karta fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju (Titolu C) kif ukoll il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-ksur manifest tal-libertà ggarantita minn din id-dispożizzjoni (Titolu D). Finalment, ser nittratta l-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (Titolu E).

B.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq ilklawżola talordni pubbliku

40.      Sa fejn, kif diġà indikajt, il-Konvenzjoni ta’ Brussell ġiet issostitwita bir-Regolament Brussell I, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil din il-konvenzjoni tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-regolament. Dan huwa l-każ tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament, li ssostitwixxa lill-Artikolu 27(1) tal-imsemmija konvenzjoni. Għalkemm, b’differenza mill-imsemmi regolament, il-Konvenzjoni ma kinitx tipprevedi espressament li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandhom ikunu “manifestament” kuntrarji għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub biex ma tiġix irrikonoxxuta din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu dejjem interpretat il-Konvenzjoni ta’ Brussell f’dan is-sens.

1.      Il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”

a)      Il-formula klassika dwar il-klawżola tal-ordni pubbliku

41.      Il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb ukoll li tippreċiża l-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha nnifisha fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari kif ukoll dik tal-qorti tal-Istat Membru mitlub.

42.      Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Krombach (11) jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, skont ir-riżerva inkluża fil-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Brussell I, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti għall-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

43.      Għaldaqstant, u skont tifsira klassika tal-ġurisprudenza, għalkemm ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru mitlub tista’ tuża l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” (12).

44.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” msemmi fl-Artikolu 34 tar-Regolament Brussell I, li din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta sa fejn tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament., jiġifieri l-moviment liberu tas-sentenzi ġudizzjarji (13). Hija ppreċiżat li l-klawżola tal-ordni pubbliku għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali (14).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, bil-fatt li jipprojbixxi r-reviżjoni fuq il-mertu, dan ir-regolament jipprojbixxi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tuża l-klawżola tal-ordni pubbliku għas-sempliċi raġuni li tkun teżisti differenza bejn il-liġijiet applikabbli u milli tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (15).

46.      Konsegwentement, il-klawżola tal-ordni pubbliku ma hija intiża li tapplika biss fejn l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkonċernata fl-Istat mitlub tinvolvi l-ksur manifest ta’ regola ta’ dritt meqjusa essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (16).

47.      Jeħtieġ li din il-formula klassika tiġi ssupplimentata b’żewġ elementi li jirrestrinġu iktar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”.

b)      Id-drittijiet fundamentali

48.      L-ewwel element jikkonċerna d-drittijiet fundamentali.

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tal-Istat Membru mitlub li timplementa d-dritt tal-Unjoni billi tapplika r-Regolament Brussell I għandha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta (17). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta (18).

50.      Sa llum, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam kienet iffokata fuq id-drittijiet tad-difiża u l-garanziji ta’ natura proċedurali (19). Madankollu, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex eżawrjenti għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ tali drittijiet.

51.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, japplika għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji barranin definittivi (20) u r-rifjut tal-għoti tal-exequatur ta’ tali sentenza jista’ jikkostitwixxi ndħil fid-dritt għal smigħ xieraq ta’ rikorrent (21).

52.      Kif osserva awtur tal-kummentarji (22), is-sentenzi, kemm dawk dikjaratorji kif ukoll dawk kostituttivi, huma vetturi għad-drittijiet sostantivi. Huma jwettqu l-istess rwol f’kuntest transkonfinali, meta fl-Istat Membru miltub jintalab ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li toriġina minn Stat Membru ieħor. B’rifless ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti EDB ħadet ħsieb, fil-ġurisprudenza tagħha, li tipproteġi tali drittijiet sostantivi bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-KEDB wkoll meta kien hemm sitwazzjonijiet li ma kinux limitati għat-territorju ta’ Stat wieħed biss (23).

53.      Kif isostnu ċerti awturi (24), permezz tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti EDB ddeduċiet ukoll mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB l-eżistenza ta’ dritt proċedurali għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija barra mill-pajjiż u li huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

54.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kummentarji ma jitkellmux unanimament favur tali interpretazzjoni speċifika tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

55.      Fil-fatt, jeżisti dibattitu li jikkonċerna partikolarment, minn naħa, il-portata ta’ tali “dritt” u post dan fis-sistema konvenzjonali (25) u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dan id-“dritt” jiġi bbilanċjat mad-drittijiet fundamentali tal-konvenut (26). Kritika oħra tidher li tirrigwarda l-impossibbiltà li mill-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB tiġi dedotta l-eżistenza ta’ “dritt” għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tal-konstatazzjoni, mill-Qorti EDB (27). Madankollu, m’inix konvint minn din l-aħħar kritika. Jeħtieġ li jiġi osservat li r-Regolament Brussell I, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju li s-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tiġi eżegwita wara li tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva u sa fejn jiddikjara l-motivi eżawrjenti għar-rifjut tal-eżekuzzjoni, jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dritt ta’ dan it-tip (28).

56.      Fl-interpretazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (29). Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tirrikonoxxi lir-rikorrent l-eżistenza ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB meta dan, konformement mar-Regolament Brussell I, jitlob ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor.

57.      L-istess għandu japplika meta t-talba invokata mir-rikorrent quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jkollhiex il-bażi sostantiva tagħha fuq id-dritt tal-Unjoni. Ċertament, għalkemm il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-Regolament Brussell I, il-Karta ma hijiex applikabbli quddiemha u għal dak li jikkonċerna l-mertu tal-kawża (30). Min-naħa l-oħra, quddiem il-qorti tal-Istat Membru mitlub, dan l-istess regolament, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju msemmi fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet u jiddikjara b’mod eżawrjenti l-motivi tar-rifjut ta’ eżekuzzjoni, inkluż dak marbut mal-ordni pubbliku (31), u, għaldaqstant, il-Karta, isiru applikabbli (32).

58.      Tali natura awtonoma tad-“dritt” għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tikkorrispondi għas-soluzzjoni misluta mill-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (33).

59.      Madankollu, dan id-“dritt” hekk iddefinit ma huwiex assolut (34). Jista’ jkun hemm xi limitazzjonijiet fuq dan id-dritt sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-limitazzjoni tal-imsemmi dritt minħabba l-ksur manifest tal-ordni pubbliku għandha titqies li hija prevista mil-liġi peress li tirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Brussell I. Din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, din ma tqiegħedx lil dan id-dritt inkwistjoni inkwantu tali, peress li għandha l-effett li teskludi, taħt kundizzjonijiet speċifiċi u ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja (35). Madankollu, l-imsemmija limitazzjoni għandha tkun ukoll neċessarja u sservi effettivament wieħed mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

c)      Ilfiduċja reċiproka

1)      Ilfiduċja reċiproka fid-dawl tal-ġurisprudenza

60.      It-tieni element li bih jeħtieġ li tiġi ssupplimentata l-formula klassika li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-fiduċja reċiproka. Fil-fatt, dan l-element huwa marbut mal-fatt li r-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru jmur kontra l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilita mir-Regolament Brussell I. Din il-fiduċja ma tirriżultax biss mill-għażla leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija ssib il-bażi tagħha fid-dritt primarju (36).

61.      Il-fatt li r-riferiment għall-fiduċja reċiproka ma ssirx f’din il-forma klassika huwa dovut għall-fatt li, meta ġiet stabbilita fis-sentenza Krombach, la d-dritt tal-Unjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienu għadhom irrikonoxxew b’mod miftuħ ir-rwol ta’ din il-fiduċja għal dak li jikkonċerna l-aspett ċivili u kummerċjali tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

62.      Ulterjorment, iktar importanti minn hekk hija din il-fiduċja reċiproka, li l-Istati Membri reċiprokament jagħtu lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema ta’ rimedji stabbilita f’kull Stat Membru, sostnuta mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, jipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża (37).

63.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ir-Regolament Brussell I jistrieħ fuq l-idea fundamentali li l-partijiet fil-kawża huma obbligati, bħala prinċipju, li jużaw ir-rimedji kollha li huma disponibbli skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ (38).

2)      Il-fiduċja reċiproka u d-dimensjoni sostantiva tal-ordni pubbliku

64.      Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet ġew ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ksur allegat ta’ garanziji ta’ natura proċedurali li r-risperkussjonijiet tagħhom setgħu jiksru l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fis-sitwazzjoni fejn il-ksur allegat tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub ikun jirriżulta mill-ksur ta’ drittijiet ta’ natura sostantiva.

65.      Mill-perspettiva tal-fiduċja reċiproka u tas-sistemi tar-rimedji implimentati f’kull Stat Membru, tali sitwazzjoni tippreżenta diffikultà addizzjonali.

66.      Fil-fatt, huwa minnu li, kif tidher li trid tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kunsiderazzjonijiet ġurisprudenzjali tagħha, il-fiduċja li l-Istati Membri jagħtu reċiprokament tikkonċerna mhux biss il-materji li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (“f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata […] tad-dritt tal-Unjoni”) iżda wkoll dawk li ma jaqgħux taħtu (“f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali”).

67.      Madankollu, meta t-talba invokata minn rikorrent quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jkollhiex il-bażi sostantiva tagħha fuq id-dritt tal-Unjoni, wieħed jista’ jkollu dubju fuq il-possibbiltà li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, b’domanda preliminari dwar dispożizzjoni tal-Karta li tistabbilixxi dritt jew libertà ta’ natura sostantiva.

68.      F’dan il-każ, sa fejn it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma dehritx li kellha l-bażi sostantiva tagħha fid-dritt tal-Unjoni (39), il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħux jinvokaw, quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-Artikolu 11 tal-Karta biex isostnu li din it-talba tmur kontra l-libertà tal-espressjoni tagħhom iggarantita minn din id-dispożizzjoni (40). Madankollu, minn naħa, huma setgħu jinvokaw (u, skont il-kjarifiki magħmula waqt is-seduta, hekk għamlu) l-Artikolu 10 tal-KEDB kif ukoll id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jistabbilixxu din il-libertà u, barra minn hekk, setgħu jadixxu lill-Qorti EDB b’rikors kontra l-Istat Membru ta’ oriġini. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikata mill-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tinjora l-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni talinqas ekwivalenti għal dik offruta mill-KEDB (41).

69.      Minn din il-perspettiva, fil-qasam ċivili u kummerċjali, il-Karta u l-KEDB jifformaw sett komplementari tal-protezzjoni tal-valuri fundamentali għall-Unjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk hija din in-natura komplementari li, fid-dawl tal-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax għal kull sitwazzjoni, tikkontribwixxi għall-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

70.      Bl-istess mod, il-Qorti EDB tirrikonoxxi li, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, ir-rwoli rispettivi tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru mitlub huma differenti, mingħajr ma dan iwassal għal funzjonament ħażin tal-mekkaniżmu ta’ stħarriġ tar-rispett tad-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni (42). Ċertament, skont il-Qorti EDB, meta lment serju u ssostanzjat, li fil-kuntest tiegħu jiġi allegat li teżisti insuffiċjenza manifesta ta’ protezzjoni ta’ dritt iggarantit mill-KEDB, jitressaq quddiem il-qorti tal-Istat Membru mitlub u d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li tiġi rrimedjata din l-insuffiċjenza, il-qorti ma tistax tirrifjuta milli teżamina dan l-ilment għas-sempliċi raġuni li hija tapplika d-dritt tal-Unjoni (43). Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-klawżola ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi effettivament strument previst mid-dritt tal-Unjoni, li jippermetti lill-qorti tal-Istat Membru mitlub tirrimedja għal kull insuffiċjenza manifesta ta’ tali protezzjoni.

2.      Ilkontenut tal-ordni pubbliku u rrwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

a)      Espożizzjoni talproblema

71.      F’każijiet tradizzjonali, meta tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor imurx kontra prinċipju, jew saħansitra kunċett nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tinvoka l-klawżola tal-ordni pubbliku mingħajr ma tidentifika minn qabel prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tagħha stess allegatament ippreġudikat minn dan ir-rikonoxximent jew eżekuzzjoni (44). Fi kliem ieħor, huwa l-obbligu tagħha li tidentifika u li tikklassifika tali komponent tal-ordinament ġuridiku tagħha bħala fundamentali. Din hija l-konsegwenza diretta tal-fatt li, kif tikkonferma l-formula klassika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiddefinixxu “konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom”, il-kontenut tal-ordni pubbliku tal-ordinamenti ġuridiċi tagħhom.

72.      Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-funzjoni tagħha ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” u mingħajr ma taqbeż il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha stess fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari, tiċċara lill-qorti tar-rinviju fuq il-punt dwar jekk it-tensjoni bejn il-konsegwenzi prodotti mir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor u l-prinċipju invokat kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tikkostitwixxix ksur manifest ta’ dan il-prinċipju.

73.      F’dan il-każ, il-komponent tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub li l-ksur tiegħu jista’ jiġġustifika l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku jaqa’ taħt id-dritt ta’ natura sostantiva ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta. Fil-fatt, għalkemm il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) enfasizzat il-fatt li l-eżekuzzjoni tas-sentenzi Spanjoli jmorru kontra l-ordni pubbliku internazzjonali Franċiż b’mod inaċċettabbli, madankollu hija tagħmel riferiment biss għal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Karta.

74.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni wkoll tiddeċiedi, f’sensiela ta’ kawżi, fuq l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku meta dan kien neċessarju minħabba li l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini kienet wettqet żball fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u r-riperkussjonijiet ta’ dan l-iżball kienu jmorru kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

75.      Qari tal-ġurisprudenza dwar il-klawżola tal-ordni pubbliku jippermetti li jiġi kkunsidrat li, fil-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi, id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet oriġinat minn tali żball ta’ natura proċedurali u kienet tikkonċerna d-dritt tad-difiża fis-sens wiesa’ tal-kelma. Fis-sustanza, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li preġudizzju manifest u sproporzjonat tad-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġġustifika l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku (45). Għalhekk huwa paċifiku li, f’ċerti każijiet, ksur tad-drittijiet fundamentali jista’ jiġġustifika l-użu ta’ din il-klawżola.

76.      Il-fatt li l-klawżola tal-ordni pubbliku, fid-dimensjoni sostantiva, kellha inqas suċċess mill-klawżola tal-ordni pubbliku fid-dimensjoni proċedurali tagħha jirriżulta probabbilment mir-rwol li għandha l-projbizzjoni kontra r-reviżjoni fil-mertu li tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tirrevedi l-mertu tal-kawża diġà deċiża (46). Din hija r-raġuni għalfejn jeħtieġ li wieħed ikun prudenti fl-applikazzjoni għall-ordni pubbliku fid-dimensjoni sostantiva tiegħu, tal-ġurisprudenza dwar l-ordni pubbliku fid-dimensjoni proċedurali tiegħu. Il-kwistjoni li tqum hija għaldaqstant dik dwar liema huma l-implikazzjonijiet ta’ tali konfigurazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ ordni pubbliku mill-qorti tal-Istat Membru mitlub kif ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari. Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li tiġi eżaminata mill-qrib il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Ġurisprudenza rilevanti talQorti talĠustizzja

1)      Fuq is-sentenza Renault

77.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Renault (47) qamet, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk żball possibbilment imwettaq mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-kompetizzjoni libera jistax ibiddel il-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv, u kkunsidrat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effikaċja l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (48). Madankollu, il-konstatazzjoni li dawn il-kundizzjonijiet huma l-istess meta jkun hemm ksur tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni ma timplikax li l-istess japplika għal dak li jikkonċerna r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

78.      F’dan ir-rigward, ebda element mis-sentenza Renault ma jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-qorti tar-rinviju ppreżumietx li l-iżball eventwali fl-applikazzjoni tad-dritt primarju kien jikkostitwixxi ksur manifest tal-prinċipju fundamentali tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

79.      Qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’din il-kawża jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-qorti tar-rinviju astjeniet milli tieħu pożizzjoni dwar din id-domanda. Din il-qorti sempliċement osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qajmet dubji dwar il-portata reali tal-prinċipji allegatament miksura mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u li dawn il-prinċipji kellhom jitqiesu bħala prinċipji ta’ ordni pubbliku (49).

80.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Renault, li “[ż]ball eventwali ta’ dritt, bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola ta’ dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub” (50). Din is-silta tagħti lil wieħed x’jifhem li meta l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku jkun previst minħabba li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tmur kontra komponent tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub li jaqa’ taħt dan l-Istat Membru minħabba l-appartenenza ta’ dan l-istess Stat Membru fl-Unjoni, kemm il-punt dwar jekk dan huwiex prinċipju fundamentali ta’ din l-ordni kif ukoll, jekk ikun il-każ, dak dwar jekk ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tmurx manifestament kontra dan il-prinċipju fundamentali jistgħu, jew għandhom, jiġu ċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-funzjoni tagħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-qari tal-ġurisprudenza iktar reċenti.

2)      Fuq is-sentenza Diageo Brands

81.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Diageo Brands (51), waħda mid-domandi preliminari kienet tippreżumi li l-iżball fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju dwar l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark iwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li kienet “manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni”. Essenzjalment, fis-sentenza tagħha, filwaqt li għamlet riferiment għan-natura minima tal-armonizzazzjoni magħmula minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ma jistax jiġi kkunsidrat li tali żball fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet imur kontra, b’mod inaċċettabbli, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li jippreġudika prinċipju fundamentali ta’ dan l-ordinament (52). Bħal fis-sentenza Renault, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikklassifikat il-komponent tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub biex tistabbilixxi jekk dan il-komponent kienx jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ dan l-ordinament ġuridiku, u sussegwentement eżaminat l-allegat ksur mill-perspettiva tan-natura manifesta tiegħu.

3)      Fuq is-sentenza Charles Taylor Adjusting

82.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Charles Taylor Adjusting (53) qamet il-kwistjoni dwar jekk il-qorti ta’ Stat Membru mitlub tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “‘kważi’ ordni kontra l-proċedura”, minħabba li tmur kontra l-ordni pubbliku ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

83.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, inizjalment, li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni f’dik il-kawża kienu jmorru kontra, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha dwar ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, li skontu kull qorti adita għandha tiddetermina hija stess jekk għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha (54).

84.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, bla ħsara għall-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni setgħu kienu inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, sa fejn dawn is-sentenzi kienu ta’ natura li jippreġudikaw il-prinċipju fundamentali, f’żona ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq il-fiduċja reċiproka (55).

85.      B’hekk, bħal fis-sentenzi Renault u Diageo Brands, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat komponent tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub bħala prinċipju fundamentali ta’ dan l-Istat Membru u sussegwentement ikkunsidrat li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista’ tmur kontra dan il-prinċipju b’mod inaċċettabbli.

86.      Ċertament, wieħed jista’ jistaqsi x’inhu r-rwol, fis-sentenza Charles Taylor Adjusting, tal-preċiżazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja “bla ħsara għall-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju”. Biex tiġi mwieġba din il-mistoqsija, jeħtieġ li wieħed idur lejn il-konklużjonijiet ippreżentati f’dik il-kawża, li għalihom tagħmel riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

87.      Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour indika, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu (56), li huwa kien jaqbel mal-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju li kkunsidrat li, konformement mas-sentenza Gambazzi (57), hija dik il-qorti li għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-proċedura u taċ-ċirkustanzi kollha u li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni kienu manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.

88.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gambazzi (58) kienet qamet il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-klawżola tal-ordni pubbliku, il-qorti tal-Istat Membru mitlub tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konvenut ġie eskluż mill-proċedura fl-Istat ta’ oriġini, minħabba li ma kienx issodisfa xi obbligi imposti fuqu b’digriet mogħti fil-kuntest tal-istess kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali esklużjoni tista’ tiġġustifika l-użu tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku meta, wara evalwazzjoni globali tal-kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, ikun jidher għall-qorti tal-Istat Membru mitlub li din il-miżura ta’ esklużjoni kienet tikkostitwixxi ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt għal smigħ tal-konvenut (59).

89.      Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja rriżultat, minn naħa, min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi fattwali biex tiġi ddeterminata l-proporzjonalità ta’ dan il-ksur tad-dritt tal-konvenut “[jekk dan kien] manifest u sproporzjonat”) u, min-naħa l-oħra, mid-distinzjoni essenzjali fil-qasam tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Jien tal-fehma li r-riferiment li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Charles Taylor Adjusting (60), għall-“verifiki [li għandha twettaq il-]qorti tar-rinviju” jirrifletti l-istess distinzjoni. Għaldaqstant, dan ir-riferiment ma jqiegħedx inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

90.      Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li għandha tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tipproċedi għall-applikazzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, fil-funzjoni tagħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, tiddetermina jekk il-komponent ta’ dan id-dritt jikkostitwixxix prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fit-tieni lok, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiċċara jekk il-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, previsti mid-dritt tal-Unjoni, humiex issodisfatti fir-rigward tal-elementi fattwali ppreżentati minn qorti tar-rinviju. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mis-sentenza Eco Swiss (61), li hija emblematika ħafna f’dan ir-rigward.

4)      Fuq issentenza Eco Swiss

91.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Eco Swiss, waħda mid-domandi kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk qorti nazzjonali adita b’rikors għall-annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ għandhiex tilqa’ tali rikors meta hija tqis li effettivament dik is-sentenza ta’ arbitraġġ tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE, meta, skont ir-regoli ta’ proċedura interni tagħha, hija għandha tilqagħha biss jekk tali sentenza tmur kontra l-ordni pubbliku.

92.      Għalkemm din id-domanda kienet saret mill-perspettiva tal-klawżola tal-ordni pubbliku, din ma kinitx tinsab f’att tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tinterpreta. Fil-fatt, il-kawża prinċipali kienet tikkonċerna l-annullament eventwali, fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju, ta’ sentenza ta’ arbitraġġ mogħtija fuq talba ta’ kumpanniji stabbiliti barra mill-Unjoni. Indipendentement mid-dimensjoni transkonfinali tal-kawża, l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ arbitraġġ ma kinitx taqa’ taħt il-Konvenzjoni ta’ Brussell.

93.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, inizjalment, ikklassifikat l-Artikolu 101 TFUE bħala “dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet mogħtija lill-[Unjoni] u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern” (62). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sa fejn qorti nazzjonali għandha, skont ir-regoli ta’ proċedura interni tagħha, tilqa’ talba għall-annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ ibbażata fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha tilqa’ wkoll tali talba bbażata fuq il-ksur tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju (63).

94.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant dwar il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-klawżola tal-ordni pubbliku (“ksur manifest” jew le). Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni (64). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat, kif għamlet fis-sentenzi kollha li semmejt sa issa, jekk il-komponent tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li l-ksur tiegħu kien inkwistjoni kienx jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ dan l-ordinament.

95.      Dan iwassalni għal mistoqsija iktar essenzjali: jeżisti allura ordni pubbliku tal-Unjoni li l-prinċipji fundamentali tiegħu jistgħu jiġu identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja?

c)      L-ordni pubbliku tal-Unjoni

96.      Waqt is-seduta, waħda mill-kwistjonijiet diskussi kienet dik dwar jekk ir-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja għal “regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali ta’ l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza” u għal “dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali” (65), tindikax ir-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintroduċi distinzjoni bejn l-ordni pubbliku nazzjonali u l-ordni pubbliku tal-Unjoni. Mingħajr ma rrid niċħad l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar, minix persważ li dan ir-riferiment huwa intiż effettivament li jiddistingwi bejn dawn iż-żewġ ordnijiet pubbliċi.

97.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, jiena tal-fehma li, b’dan ir-riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet pjuttost tindika li huwa possibbli li jsir użu mill-klawżola tal-ordni pubbliku meta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor jikser manifestament prinċipju, jew komponent, essenzjali jew fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, indipendentement mill-forma speċifika tal-espressjoni tiegħu fid-dritt nazzjonali (66).

98.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Meroni, li l-klawżola tal-ordni pubbliku hija intiża li tapplika biss sa fejn il-ksur tal-garanziji ta’ natura proċedurali ikun jimplika li r-rikonoxximent ta’ tali sentenza tkun twassal għal ksur manifest ta’ regola essenzjali tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ta’ dan l-Istat Membru mitlub (67). Minn dan isegwi li anki “regola tad-dritt meqjusa essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat mitlub” tista’ taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

99.      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza Diageo Brands, li, bir-riferiment għar-“regoli ta’ dritt” u għad-“drittijiet”, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx li tiddistingwi żewġ sorsi distinti – nazzjonali u tal-Unjoni – tal-ordni pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi rrifjutat biss minħabba ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dawn l-ordinamenti ġuridiċi (68).

100. Minkejja dan, fil-passat, esprimejt ruħi favur ir-rikonoxximent tal-eżistenza tal-“ordni pubbliku tal-Unjoni”  (69), li, min-naħa tiegħu, jifforma parti integrali mill-ordni pubbliku nazzjonali. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx dan il-kunċett fil-ġurisprudenza tagħha, hija kkunsidrat li regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tikkostitwixxi wkoll regola tad-dritt essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, li l-ksur manifest tagħha tista’ tiġġustifika l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku (70).

101. Kif jikkonferma l-Artikolu 2 TUE, hemm sett komuni ta’ valuri kondiviżi, osservati u protetti mill-Istati Membri li jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni (71). F’dan ir-rigward, huwa diffiċli li jinstab eżempju iktar rappreżentattiv tal-valuri kondiviżi mill-Istati Membri minn dawk riflessi fil-Karta.

102. Mill-perspettiva tal-Istat Membru mitlub, jeżisti biss ordni pubbliku wieħed. Fil-fatt, tali sett komuni jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, kif indikajt qabel (72), il-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku huma l-istess meta dan l-użu jkun ikkontemplat minħabba l-ksur, mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, minn naħa, l-insistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-identiċità ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija marbuta mar-rieda li d-dritt tal-Unjoni ma jiġix ipprivileġġjat fuq id-drittijiet nazzjonali. Tali approċċ jikkorrispondi, barra minn hekk, għall-prinċipju essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, sanċit fl-Artikolu 4(2) TUE, li jgħid li l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif turi l-ġurisprudenza rilevanti li esponejt, il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku huma l-istess, kemm għal dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali u kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, ma jimplikax li l-istess japplika għal dak li jikkonċerna r-rwoli rispettivi tal-qorti tal-Istat Membru mitlub u tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

103. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi preliminari. B’mod iktar preċiż, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, inizjalment, għall-iskopijiet li tivverifika jekk l-Artikolu 11 tal-Karta jesprimix prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (Titolu C) u, sussegwentement, sabiex tiċċara, fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jippermettu li jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni ta’ kundanna bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal ksur manifest ta’ dan il-prinċipju (Titolu D).

C.      Fuq l-Artikolu 11 tal-Karta

1.      Illibertà talistampa fiddawl talArtikolu 11 talKarta

104. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 11 tal-Karta. Madankollu, din id-dispożizzjoni fiha żewġ paragrafi: l-ewwel wieħed jikkonċerna, b’mod ġenerali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

105. Kif diġà ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-organi tal-media, l-indħil fil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jieħu l-forma partikolari ta’ ndħil fil-libertà tal-media, protetta speċifikament mill-Artikolu 11(2) tal-Karta (73). Fuq din il-linja ta’ ħsieb, mill-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw il-Karta jirriżulta li din id-dispożizzjoni “[t]għid b’mod ċar liema huma l-konsegwenzi ta’ paragrafu 1 fir-rigward tal-libertà tax-xandir” (74). Minn dan niddeduċi li, meta l-indħil fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni jikkonċerna l-attività tal-media, huwa l-Artikolu 11(2) u mhux l-Artikolu 11(1) tal-Karta li għandu japplika.

106. Fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali rrikorriet għall-klawżola tal-ordni pubbliku minħabba li l-eżekuzzjoni tas-sentenzi Spanjoli jkunu jmorru kontra l-libertà tal-istampa. Id-domandi preliminari jikkonċernaw għaldaqstant, b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 11(2) tal-Karta.

107. Il-mistoqsija li tqum hawnhekk hija dwar jekk, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-libertà tal-istampa ggarantita f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix prinċipju fundamentali li l-ksur tiegħu jista’ jiġġustifika l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku.

2.      Illibertà tal-istampa bħala prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

108. Mill-ġurisprudenza wieħed jista’ jiddeduċi li l-fatt li l-libertà tal-istampa ggarantita mill-Karta għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati ma jimplikax awtomatikament li din tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (75).

109. Minkejja dan, minn naħa, il-libertà tal-istampa, sanċita fl-Artikolu 11(2) tal-Karta, tipproteġi r-rwol essenzjali tal-media f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt, li tikkonsisti fit-tixrid tal-informazzjoni u tal-ideat fuq kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u li magħhom jiżdied id-dritt tal-pubbliku, li jirċieviha, mingħajr ebda restrizzjoni għajr dawk strettament neċessarji (76).

110. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali “kif iggarantiti mill-[KEDB]”, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali tiegħu. Minn dan l-aspett, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-Artikolu 11(2) tal-Karta jsibx l-ekwivalenti tiegħu fil-KEDB. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, mhux talli l-libertà tal-media tkun tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tkun tipprovdi gwida utli dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta.

111. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għad-differenza tal-Artikolu 11 tal-Karta, l-Artikolu 10 tal-KEDB la jagħmel riferiment għal-libertà tal-media u lanqas għall-pluraliżmu tal-media. Madankollu, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, huwa paċifiku li din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna wkoll il-libertà tal-istampa, jew saħansitra l-libertà ġurnalistika (77). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, fil-ġurisprudenza tagħha, li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11(1) u (2) tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, għandha l-istess sens u l-istess portata f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ strumenti (78).

112. Ċertament, l-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 11 tal-Karta jiddikjaraw li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[h]u bbażat b’mod partikolari fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-televiżjoni, b’mod partikolari [s-sentenza Collectieve Antennevoorziening Gouda (79)], u fuq il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri”. Madankollu, dawn ir-referenzi jidhru li jieħdu inkunsiderazzjoni pjuttost il-pluraliżmu tal-media li, għalkemm huwa marbut b’mod inseparabbli mal-libertà tagħhom, ma jidhirx li huwa direttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-pluraliżmu tal-media huwa protett ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tal-KEDB (80).

113. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meħuda inkunsiderazzjoni l-importanza tal-libertà tal-istampa f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt kif ukoll il-fatt li din il-libertà hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jidhirli li ma jistax jiġi miċħud li l-imsemmija libertà tirrappreżenta prinċipju essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-ksur manifest tiegħu jista’ jikkostitwixxi motiv ta’ rifjut ta’ exequatur.

D.      Fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-ksur manifest tal-libertà tal-istampa

1.      Ir-rwol tal-qorti tal-Istat Membri mitlub

a)      Osservazzjoni preliminari

114. L-Artikolu 10(2) tal-KEDB jipprevedi li l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni jista’ jkun suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi u li jikkostitwixxu miżuri neċessarji f’soċjetà demokratika b’mod partikolari, “għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor”. Il-Qorti EDB tirrikonoxxi li, waqt l-eżami tan-neċessità tal-indħil f’soċjetà demokratika “għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor”, hija tista’ tasal biex tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali wettqux bilanċ ġust bejn il-protezzjoni ta’ żewġ valuri ggarantiti minn din il-konvenzjoni u li jistgħu jidhru li huma f’kunflitt f’ċerti kawżi (81).

115. Għal dak li jikkonċerna t-tiftix ta’ tali bilanċ, jeħtieġ li jiġi osservat li s-sentenzi Spanjoli li l-eżekuzzjoni tagħhom hija kkontestata huma intiżi li jipproteġu kemm ir-reputazzjoni tal-klabb tal-futbol kif ukoll dik tal-membru tat-tim mediku tiegħu.

116. Ir-reputazzjoni ta’ dan il-membru tat-tim mediku taqa’ taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 7 tal-Karta. Il-kriterji rilevanti biex jiġu bbilanċjati d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata huma, b’mod partikolari, il-kontribut għal dibattitu ta’ interess ġenerali, in-notorjetà tal-persuna kkonċernata u s-suġġett tal-artiklu, l-aġir preċedenti tiegħu, il-metodu tal-ksib tal-informazzjoni u n-natura veritiera tagħha, il-kontenut, il-forma u l-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni, kif ukoll is-severità tas-sanzjoni imposta (82).

117. Fir-rigward tar-reputazzjoni tal-klabb tal-futbol, il-Qorti EDB ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk ir-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika taqax taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB (83). Madankollu, huwa paċifiku li r-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika taqa’ taħt il-kunċetti ta’ “reputazzjoni” jew ta’ “drittijiet ta’ ħaddieħor”, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB, filwaqt li min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika ma għandhiex l-istess piż bħal dik tar-reputazzjoni jew tad-drittijiet ta’ individwu (84).

118. Għaldaqstant, minn naħa, it-tiftix ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi kollha involuti għandu jsir b’mod separat għall-klabb tal-futbol u għall-membru tat-tim mediku tiegħu. Din iċ-ċirkustanza tidher li hija riflessa fil-kundanni Spanjoli li jirrigwardaw żewġ ammonti distinti għaż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali. Issa, min-naħa l-oħra, il-Qorti EDB tipproċedi bl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-indħil fuq il-bażi tal-istess kriterji kemm fir-rigward ta’ persuna ġuridika kif ukoll ta’ individwu (85).

119. Għall-ewwel, wieħed jista’ jkollu t-tentazzjoni jipproċedi biex jibbilanċja d-drittijiet inkwistjoni skont dawn il-kriterji u, fuq din il-bażi, li jistabbilixxi jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenzi Spanjoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwasslux għal ksur manifest tal-libertà tal-istampa. Madankollu, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest ta’ din il-kawża qabel ma jagħmel l-analiżi tal-imsemmija kriterji.

b)      Ilprojbizzjoni tarreviżjoni fuq ilmertu fiddawl talfiduċja reċiproka

120. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirrigwardax il-punt dwar kif għandhom jiġu bbilanċjati, għall-ewwel darba u fuq il-bażi tal-provi disponibbli għall-qorti adita b’azzjoni għad-danni, il-libertà tal-istampa u r-reputazzjoni ta’ ħaddieħor. It-tiftix ta’ tali bilanċ diġà twettaq mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini. Barra minn hekk, kif ġie ċċarat waqt is-seduta, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppruvaw jissuġġettaw ir-riżultat ta’ dan it-tiftix għall-istħarriġ tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) u tal-Qorti EDB, li kkunsidraw li r-rikorsi ma kinux ammissibbli.

121. F’dan il-każ, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar minn qorti tal-Istat Membru li fih intalbet l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Li tiġi injorat dan il-fatt iwassal għal nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Brussell I, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka, u r-rwoli rispettivi tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru mitlub.

122. Fil-fatt, ir-rwol tal-qorti tal-Istat Membru mitlub huwa ddefinit mil-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I, li jgħid li, “[t]aħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza [mogħtija fi Stat Membru ieħor] fuq is-sustanza tagħha”. Ċertament, il-klawżola tal-ordni pubbliku tippermetti lil din il-qorti tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Madankollu, din il-klawżola u l-eċċezzjoni li tirriżulta minnha għandhom portata limitata ħafna u jiġu ddeterminati mir-rwol tal-imsemmija qorti.

123. F’dan ir-rigward, l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni negattiva tal-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini jew tas-sentenza li din tkun tat. Mill-konstatazzjoni jirriżulta pjuttost, li r-riperkussjonijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru mitlub huma manifestament kuntrarji għal prinċipju fundamentali tal-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru.

124. Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 45(2) tar-Regolament Brussell I jipprojbixxi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt jew ta’ fatt magħmula mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini (86). Il-qorti tal-Istat Membru mitlub lanqas ma tista’ tissupplimenta dawn l-evalwazzjonijiet b’elementi eżistenti minn qabel li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (87).

125. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’sentenza li tirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (88), li l-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tintervjeni fid-determinazzjoni tas-somma finali li għandha titħallas bħala multa ordnata mill-qorti tal-Istat Membri ta’ oriġini (89). Fil-fatt, tali determinazzjoni timplika l-evalwazzjoni tar-raġunijiet li wasslu għan-nuqqasijiet tad-debitur u hija biss il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, bħala qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-mertu, li hija awtorizzata tagħmel evalwazzjonijiet ta’ din in-natura.

126. A fortiori u għal dak li jikkonċerna r-Regolament Brussell I, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini biex tikkalkola mill-ġdid l-ammont li għandu jitħallas fir-rigward tal-kundanna ddikjarata minn din tal-aħħar. Lanqas ma tista’ terġa’ ttenni l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar tad-drittijiet involuti peress li huwa r-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju li jiddetermina l-eżitu tal-proċedura.

127. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gambazzi (90), il-verifiki magħmula mill-qorti tal-Istat Membru mitlub jistgħu jkunu intiżi biss sabiex jidentifikaw ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt inkwistjoni, mingħajr ma jimplikaw stħarriġ tal-evalwazzjonijiet tal-mertu magħmula mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

128. Taħt din il-linja ta’ ħsieb, mill-perspettiva tal-KEDB (91), u meħuda inkunsiderazzjoni r-rwoli differenti tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-qorti tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilita mir-Regolament Brussell I, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka, huwa suffiċjenti li l-qorti tal-Istat Membru mitlub tuża l-klawżola tal-ordni pubbliku biex tirrimedja għall-insuffiċjenzi manifesti tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB.

129. F’dawn iċ-ċirkustanzi u għal dak li jikkonċerna l-ksur ta’ prinċipju ta’ natura sostantiva b’kundanna miksuba wara azzjoni għad-danni, il-verifiki magħmula mill-qorti tal-Istat Membru mitlub għandhom jirrigwardaw fuq kollox ir-riperkussjonijiet manifesti u sproporzjonati tas-sanzjoni imposta mis-sentenza li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba dwar il-libertà tal-istampa. Fil-fatt, waqt l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija, huma s-sanzjonijiet li l-iktar iwettqu intrużjoni fuq l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub. Din hija wkoll il-perspettiva adottata mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, li jiffokaw fuq id-dimensjoni pekunjarja tas-sentenzi Spanjoli.

130. Madankollu jeħtieġ li wieħed ma jitlifx mill-mira l-fatt li l-Artikolu 11 ma huwiex l-unika dispożizzjoni tal-Karta li hija involuta.

c)      Libbilanċjar tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni

131. F’dan il-każ, minn naħa, mill-perspettiva tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-għoti tal-exequatur tista’ tikkostitwixxi ndħil fl-eżerċizzju tal-libertà tal-istampa ggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi Spanjoli inkwistjoni jwassal biex jiġi llimitat id-dritt tagħhom għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (92).

132. Madankollu, la l-libertà tal-espressjoni u lanqas id-dritt għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor ma huma assoluti.

133. Meta jkunu involuti diversi drittijiet fundamentali, jeħtieġ li jsir eżerċizzju ta’ bbilanċjar ta’ dawn id-drittijiet fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (93).

134. F’dan il-każ, ma tqumx il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ bażi legali għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-kundanni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw bis-saħħa tad-dritt Spanjol u taħt il-qafas tar-Regolament Brussell I u għandhom, bħala prinċipju, jiġu eżegwiti fi Franza. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-limitazzjoni tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-klawżola tal-ordni pubbliku u hija prevista minn dan ir-regolament (94).

135. F’tali każ, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha titwettaq fl-osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (95).

136. It-tiftix ta’ tali bilanċ huwa mdaħħal fil-mekkaniżmu tal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni previst mill-KEDB. Għaldaqstant ma huwiex sorpriża li, għall-iskopijiet li jsir tali bbilanċjar bejn il-libertà tal-espressjoni u drittijiet jew libertajiet fundamentali oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-kriterji ta’ evalwazzjoni użati mill-Qorti EDB (96).

137. Sa fejn naf jien, il-Qorti EDB għadha ma esprimietx ruħha fuq il-prinċipji applikabbli f’kawżi fejn id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, iggarantit mill-Artikolu 10 tal-KEDB, għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija barra mill-pajjiż, iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi tali prinċipji għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 11(2) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2.      Fuq id-danni kumpensatorji

138. Il-problema msemmija fit-tieni domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tikkonċerna l-punt dwar jekk il-qorti tal-Istat Membru mitlub tistax tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur manifest tal-libertà tal-istampa minħabba n-natura sproporzjonata tal-kundanna meta din tirrigwarda d-danni mogħtija bħala kumpens għad-dannu morali. Qabel ma nittratta din il-problema, jidhirli li jkunu utli xi preċiżazzjonijiet supplimentari għal dak li jikkonċerna l-portata tagħha.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

139. Fl-ewwel lok, il-problema msemmija fit-tieni domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju tidher li ssib l-oriġini tagħha fl-aggravju ta’ kassazzjoni li permezz tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-istħarriġ tal-proporzjonalità tad-danni jista’ jsir biss jekk dawn ikunu ta’ natura punittiva u mhux kumpensatorja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol josservaw li d-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx ikklassifikati bħala “punittivi” mill-qorti Spanjola, iżda huma intiżi li jikkumpensaw id-dannu morali mġarrab. Il-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari tindika li l-qorti tar-rinviju jitlaq mill-istess premessa.

140. Fit-tieni lok, nosserva li dan l-aggravju ta’ kassazzjoni jirrigwarda wieħed mill-argumenti adottati mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) li jgħid li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma invokawx dannu patrimonjali u li d-dannu morali huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat. F’dan ir-rigward, nixtieq nindika li għalkemm ma huwiex possibbli li jiġi kkalkolat bl-istess mod id-dannu morali u d-dannu patrimonjali, dan ma jfissirx minn daqshekk li l-kundanna marbuta ma’ dannu morali ma hijiex kumpensatorja (97).

141. Fit-tielet lok, il-problema msemmija fit-tieni domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tidher li hija tistrieħ fuq il-premessa li l-klassifikazzjoni tad-danni tista’ ssir kemm mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll mill-qorti tal-Istat Membru mitlub (“fil-każ li d-danni jkunu ġew ikklassifikati bħala punittivi jew mill-qorti [tal-Istat Membru] ta’ oriġini, jew mill-qorti [tal-Istat Membru mitlub]”). Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 124 sa 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tipproċedi b’tali klassifikazzjoni tad-danni. Fil-fatt, din il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-klassifikazzjoni tagħha għal dik tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Bl-istess mod, hija prekluża milli teżamina l-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt biex tikkonkludi li l-ammont tad-danni mogħtija ma jikkorrispondix għad-dannu mġarrab u li parti kbira minn dan l-ammont għaldaqstant għandha natura mhux kumpensatorja iżda punittiva.

b)      Evalwazzjoni

142. Għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-mertu tal-problema mqajma mit-tieni domanda preliminari, ser nibda bl-analiżi tal-argument diskuss mill-partijiet waqt is-seduta li jikkonċerna t-tendenzi attwali fid-dritt internazzjonali privat. Imbagħad, ser neżamina mill-qrib il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB.

1)      It-tendenzi attwali fid-dritt internazzjonali privat

143. Fid-dritt internazzjonali privat saru diversi tentattivi – xi drabi b’suċċess, xi drabi, mingħajr suċċess (98) – sabiex tiġi stabbilita klawżola tal-ordni pubbliku li tirrigwarda speċifikament l-għoti jew l-eżekuzzjoni ta’ danni punittivi. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li l-użu tal-ordni pubbliku jkun eskluż meta l-kundanna ma tirrigwardax danni kumpensatorji.

144. F’dan ir-rigward, ċerti partijiet għamlu riferiment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta, għall-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili u Kummerċjali (99) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-2019”) li minnha l-Unjoni hija parti. B’mod iktar preċiż, dawn il-partijiet isostnu li, għalkemm din il-konvenzjoni tipprevedi l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq l-mertu, l-Artikolu 10(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li “r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tista’ tiġi miċħuda jekk, u sa fejn, is-sentenza tagħti kumpens għal danni, inklużi danni eżemplari jew punittivi, li ma jikkumpensawx lil parti għat-telf jew għad-dannu reali mġarrab”.

145. Ir-rilevanza tal-Konvenzjoni tal-2019 għal din il-kawża ġiet iddibattuta waqt is-seduta.

146. Fil-fatt, minn naħa, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-2019 ġew esklużi l-“malafama” u d-“dritt għall-ħajja privata” (100) peress li, kif jindika r-rapport ta’ spjegazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, dawn huma suġġetti sensittivi għal diversi Stati, li jmissu l-libertà tal-espressjoni u li jista’ jkollhom, f’dan ir-rigward, implikazzjonijiet kostituzzjonali (101).

147. Madankollu, min-naħa l-oħra, fl-2019, l-Istitut tad-Dritt Internazzjonali ppubblika r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-personalità bl-użu tal-internet u, skont l-Artikolu 9 ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal‑2019 għandu jkun applikabbli wkoll f’każ ta’ tali ksur (102). Ċertament, din ir-riżoluzzjoni ma għandhiex saħħa vinkolanti. Madankollu, din ġiet żviluppata taħt il-patroċinju ta’ dan l-istitut, li l-awtorità tiegħu fir-rigward tal-identifikazzjoni tat-tendenzi attwali fid-dritt internazzjonali privat u pubbliku ma tistax tiġi injorata (103). L-imsemmija riżoluzzjoni turi għalhekk li r-rilevanza tas-soluzzjoni mogħtija mill-konferenza ta’ Den Haag tmur lil hinn mill-qafas tal-Konvenzjoni tal‑2019.

148. B’dan premess, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal‑2019, id-distinzjoni bejn id-danni kumpensatorji u punittivi ma hijiex deċiżiva fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni tal‑2019, ir-rifjut għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jseħħ biss jekk mis-sentenza jirriżulta manifestament li l-kundanna tidher li tmur lil hinn mit-telf jew mid-danni reali mġarrba. F’dan il-kuntest, minbarra d-danni punittivi, “f’każijiet eċċezzjonali, danni u interessi kklassifikati bħala kumpensatorji mill-qorti ta’ oriġini jistgħu wkoll jaqgħu taħt [l-imsemmija dispożizzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (104). Skont il-kummentarji, taħt il-kappa tal-istess konvenzjoni, huwa għalhekk permess li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija tiġi rrifjutata sa fejn din tikkonċerna danni punittivi jew danni b’xi mod ieħor eċċessivi (105).

149. Minn dan niddeduċi li, skont it-tendenzi attwali fid-dritt internazzjonali privat, f’każijiet assolutament eċċezzjonali, huwa possibbli li jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku anki meta l-kundanna tirrigwarda danni kumpensatorji. Fl-assenza ta’ indikazzjoni ċara fir-rigward tal-approċċ adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Brussell I, jeħtieġ li wieħed idur lejn il-ġurisprudenza rilevanti li tirrigwarda dan ir-regolament u l-libertà tal-espressjoni.

2)      Il-ġurisprudenza rilevanti talQorti talĠustizzja

150. Il-qari tas-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines (106) tista’ tagħti lil wieħed x’jaħseb li l-ammont tal-kundanna intiża li tikkumpensa dannu patrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minnu ma jikkostitwixxux, minnhom infushom, motivi ta’ rifjut tal-exequatur. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-klawżola tal-ordni pubbliku ma hijiex intiża li tipproteġi interessi purament ekonomiċi, b’mod li s-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma tikkostitwixxix ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

151. Madankollu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb ukoll, f’din is-sentenza, li tenfasizza li s-sentenzi li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu miżuri provviżorji u kawtelatorji li jikkonsistu mhux fil-ħlas ta’ somma, iżda biss fis-sorveljanza tal-beni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali (107). Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija sentenza ma jirriżultax li l-konsegwenzi ekonomiċi serji li jinħassu fl-Istat Membru mitlub, li ma jinvolvux sempliċi invokazzjoni ta’ interessi ekonomiċi, ma jistgħux jikkostitwixxu motiv għar-rifjut tal-exequatur.

152. Għaldaqstant, jiena ninterpreta s-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines (108) fis-sens li, meta kundanna tkun tirrigwarda d-danni kumpensatorji, huwa possibbli li jintuża l-ordni pubbliku f’każijiet assolutament eċċezzjonali u biss meta jiġu invokati argumenti oħra bbażati fuq l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub biex issir oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna.

3)      Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB

153. Fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, il-Qorti EDB indikat li n-natura u s-severità tal-pieni imposti huma elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tkun tiġi mkejla l-proporzjonalità ta’ ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 10 tal-KEDB (109). Il-qari ta’ din il-ġurisprudenza tista’ tagħti lil wieħed x’jaħseb li l-kundanna fiha nfisha hija iktar importanti mill-piena imposta, li hija ta’ natura minuri.

154. Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tinvolvi żewġ aspetti distinti, jiġifieri dik dwar is-sanzjonijiet kriminali u dik li tirrigwarda l-kundanni għal malafama li tikkostitwixxi ksur ċivili. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw trażżin fl-użu tal-proċeduri kriminali u jagħtu iktar attenzjoni lis-severità tas-sanzjonijiet kriminali (110).

155. Fit-tieni lok, ċertament, il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 10 tal-KEDB fil-każ ta’ kundanna ċivili li kienet tirrigwarda “frank simboliku”. Madankollu, il-kunsiderazzjoni li l-kundanna hija iktar importanti min-natura minuri tal-piena imposta ma kinitx il-punt tat-tluq tar-raġunament iżda argument invokat fl-aħħar lok, biex jiġi enfasizzat li n-natura negliġibbli ta’ tali kundanna ma hijiex suffiċjenti, minnha nfisha, biex tiġġustifika l-indħil fid-dritt ta’ espressjoni tar-rikorrent (111), mingħajr neċessarjament ma tipproduċi effett realment dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni (112).

156. Ulterjorment importanti, fit-tielet lok, il-Qorti EDB tikkunsidra li, bħala prinċipju, jeħtieġ li tiġi kkonservata l-possibbiltà, għall-persuni leżi b’kummenti malafamanti, li jibdew azzjoni għad-danni tali li tikkostitwixxi rimedju effettiv kontra l-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-personalità (113). Skont din il-qorti, f’ċirkustanzi speċifiċi, ammont eċċezzjonali u partikolarment għoli ta’ danni għal malafama jista’ jqajjem oġġezzjoni taħt l-Artikolu 10 tal-KEDB (114). B’mod partikolari, biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet involuti, l-ammont tad-danni mogħtija għal malafama għandu jkollu “rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità” mal-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni (115). F’dan ir-rigward, kif osservaw l-awturi tal-kummentarji, il-KEDB ma tipprojbixxix il-forom kollha ta’ kundanni pekunjarji jew supra-kumpensatorji. Min-naħa l-oħra, din il-konvenzjoni tipprojbixxi dawk il-kundanni li huma sproporzjonati fis-sens partikolari tal-kelma, hekk kif ġie adottat fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (116), jiġifieri dawk li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, meqjusa fid-dawl tal-fatti tal-kawża, iwasslu għal limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni li ma hijiex neċessarja f’soċjetà demokratika.

157. Għaldaqstant, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma fiha ebda indikazzjoni fir-rigward tal-fatt li n-natura punittiva tad-danni hija prerekwiżit biex jiġi kkonstatat ksur potenzjali tal-libertajiet sanċiti fl-Artikolu 10 tal-KEDB. Min-naħa l-oħra, hija tipprovdi ċerti kriterji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonata ta’ sanzjoni kumpensatorja li jippermettu li jiġi stabbilit li din is-sanzjoni twassal għal limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni li ma hijiex neċessarja f’soċjetà demokratika. Ser nanalizza dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni hawn taħt.

158. Fi kwalunkwe każ u għal dak li jikkonċerna l-problema mqajma mit-tieni domanda preliminari kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl kemm tat-tendenzi attwali fid-dritt internazzjonali privat kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti, jidhirli li meta kundanna tirrigwarda danni kumpensatorji, huwa possibbli li wieħed jirrikorri għall-ordni pubbliku f’każijiet assolutament eċċezzjonali u biss fir-rigward ta’ argumenti oħra bbażati fuq l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

3.      Fuq leffett dissważiv

159. Il-problema msemmija fit-tielet sas-seba’ domanda preliminari kkunsidrati flimkien, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, jikkonċernaw żewġ aspetti.

160. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk l-effett dissważiv ta’ kundanna li tirrigwarda d-danni mogħtija bħala kumpens għad-dannu morali huwiex, minnu nnifsu, suffiċjenti biex jiġġustifika l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Brussell I, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ tali effett dissważiv.

a)      Leffett dissważiv bħala motiv ta’ rifjut ta’ exequatur

1)      Il-kunċett ta’ effett dissważiv

161. B’mod preliminari, nosserva li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-kunċett ta’ effett dissważiv, madankollu hija ma tipprovdix definizzjoni għalih.

162. F’dan ir-rigward, minn naħa, dan ir-riferiment jidher li jsib l-oriġini tiegħu fis-sentenzi mogħtija mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) li kkunsidrat, f’termini li jfakkru l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li l-kundanni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali għad-diskussjoni pubblika ta’ suġġetti li jinteressaw lill-kollettività, b’mod li jfixklu lill-media fit-twettiq tal-kompitu tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ stħarriġ. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssemmi, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB billi tindika li “l-effett dissważiv ta’ kundanna għall-ħlas tad-danni jikkostitwixxi parametru għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ [...] miżura ta’ kumpens tal-kummenti malafamanti”.

163. Fil-ġurisprudenza fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, il-Qorti EBDB tagħmel riferiment, b’mod interkambjabbli, għall-“effett dissważiv” u għaċ-“chilling effect” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (117).

164. Awturi tal-kummentarji osservaw li, għalkemm il-Qorti EDB kienet għadha ma tatx definizzjoni sostantiva tal-kunċett ta’ effett dissważiv, hija madankollu bbażat ruħha fuq dan il-kunċett biex tiġġustifika eżami rigoruż tal-miżuri nazzjonali li hija tikkunsidra bħala l-iktar suxxettibbli li jipproduċu effetti negattivi li jmorru lil hinn mill-każijiet individwali fejn dawn jiġu applikati, b’mod li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jiġu dissważi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bil-biża’ li jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri (118).

165. F’din il-linja ta’ ħsibijiet, il-kummentarji rrilevaw li l-kunċett ta’ effett dissważiv ma jintużax b’mod koerenti fil-ġurisprudenza fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari sa fejn jidher li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-indħil fil-libertà tal-espressjoni li jmur lil hinn mis-sitwazzjoni tal-persuna direttament ikkonċernata minn dan l-indħil (119).

166. Fil-fatt, f’linja ta’ din il-ġurisprudenza li tirrigwarda s-sanzjonijiet ċivili, il-Qorti EDB tidher li tuża l-kunċett ta’ effett dissważiv b’rabta mal-libertà ġurnalistika fl-Istat ikkonċernat. Fil-fatt, din il-qorti titkellem fuq riżultat tal-proċedura nazzjonali li jgħabbi lill-persuni kkonċernati b’piż eċċessiv u sproporzjonat, “li jista’ jkollu ‘chilling effect’ fuq il-libertà tal-istampa fit-territorju tal-Istat konvenut” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (120), jew ukoll fuq ammont totali tal-kundanna li huwa “fattur importanti għal dak li jikkonċerna ċ-‘chilling effect’ potenzjali tal-proċedura fuqu u fuq ġurnalisti oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (121), jew ukoll fuq “[kundanna li] tirriskja inevitabbilment li tiskoraġġixxi lill-ġurnalisti milli jikkontribwixxu għad-diskussjoni pubblika ta’ kwistjonijiet li jinteressaw il-ħajja tal-kollettività” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (122).

2)      Rilevanza għal din ilkawża

167. Id-definizzjoni li tagħti l-Qorti EDB tal-effetti dissważivi, jew saħansitra inaċċettabbli mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-libertà tal-istampa fil-kuntest tad-dibattitu fuq suġġett ta’ interess ġenerali, jidhirli li hija rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, li ddur madwar il-problema tar-rifjut tal-eżekuzzjoni minħabba li l-exequatur ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor allegatament tikser l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

168. Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali effetti inaċċettabbli jirriskjaw li jiskoraġġixxu lill-ġurnalisti milli jikkontribwixxu għad-diskussjoni pubblika ta’ kwistjonijiet li jinteressaw il-ħajja tal-kollettività. Id-dibattitu madwar kwistjonijiet ta’ doping fil-futbol jolqot l-interess ġenerali (123) u l-kontribut f’dibattitu ta’ interess ġenerali jikkostitwixxi element primordjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali involuti (124).

169. Dejjem f’dan il-kuntest, fit-tieni lok, minn naħa, meta tkun kwistjoni ta’ użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, għandu jinstab bilanċ ġust bejn il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, sanċit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. It-tiftix ta’ bilanċ ġust ma jistax, bħala prinċipju, iwassal biex ma tiġix eżegwita sentenza minħabba riperkussjonijiet li din l-eżekuzzjoni jkollha fuq il-konvenut. Is-sustanza ta’ kundanna qiegħda fil-fatt li l-konsegwenzi tagħha jinħassu mill-konvenut.

170. Min-naħa l-oħra, kif osservajt fil-punt 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta kundanna tirrigwarda danni kumpensatorji, l-użu tal-ordni pubbliku huwa possibbli f’każijiet assolutament eċċezzjonali u biss meta jiġu invokati argumenti oħra bbażati fuq it-theddida għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub. Dan huwa l-każ tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-għoti tal-exequatur tista’ tiġġenera effett dissważiv fuq il-libertà tal-istampa fl-Istat Membru kkonċernat. L-effett dissważiv hekk iddefinit jaffettwa kemm il-libertà ġurnalistika fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-libertà tal-informazzjoni tal-pubbliku ġenerali. Ir-rifjut tal-exequatur f’tali każ jipproteġi mhux biss lill-konvenut kontra s-sanzjoni li ġiet imposta fuqu, iżda wkoll l-interess tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat.

171. Għaldaqstant, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li tista’ tipproduċi effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-istampa fl-Istat Membru mitlub twassal għal ksur manifest u sproporzjonat tal-prinċipju fundamentali ta’ dan l-aħħar Stat Membru u tikkostitwixxi għaldaqstant motiv għar-rifjut tal-exequatur. Jeħtieġ issa li jiġu ddeterminati l-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit li kundanna jkollha tali effett.

b)      Kriterji għallevalwazzjoni tal-effett dissważiv

1)      L-effett dissważiv mill-perspettiva tal-qorti tal-Istat Membru mitlub

172. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iċ-ċirkustanzi deskritti fit-tielet sas-seba’ domanda preliminari kif ifformulati minn din il-qorti jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jkollu t-tentazzjoni jispira ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 10 tal-KEDB, tidher li tagħti piż lil kull waħda miċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju.

173. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet, quddiem il-qorti tal-Istat Membru mitlub, il-kwistjoni li tqum ma hijiex dwar jekk id-danni humiex proporzjonati iżda pjuttost dwar jekk l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tagħti danni jistax ikollha effett dissważiv li jwassal għal ksur manifest u sproporzjonat tal-libertà tal-istampa f’dan l-Istat Membru minħabba s-sanzjoni imposta. Għaldaqstant, il-verifiki magħmula mill-qorti tal-Istat Membru mitlub jistgħu biss jidentifikaw ir-riskju ta’ tali effett dissważiv, mingħajr ma jimplikaw l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet tal-mertu magħmula mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini. B’żieda ma’ dan ir-raġunament, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma huwa li tissostitwixxi ruħha għal dak tal-Qorti EDB biex tikkonstata ksur tal-libertà tal-istampa imputabbli lil dan l-aħħar Stat Membru.

174. Dejjem f’dan il-kuntest, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ġew ikkundannati, minbarra għall-ħlas tad-danni, interessi u spejjeż, għall-obbligu li jippubblikaw is-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, id-domandi preliminari jirrigwardaw biss il-kundanna fid-dimensjoni pekunjarja tagħha. Fil-fatt, l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku huwa possibbli biss f’każ ta’ ksur tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub permezz tal-elementi tas-sentenza li l-eżekuzzjoni tagħha tintalab f’dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti EDB, l-evalwazzjoni ta’ ndħil fil-libertà tal-espressjoni, mill-perspettiva tal-effett dissważiv tiegħu, għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tas-sanzjonijiet u tal-miżuri l-oħra imposti fuq il-persuna kkonċernata (125).

2)      Il-kriterji rilevanti f’dan il-każ

175. Permezz tat-tielet sas-seba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk ir-riżorsi tal-persuna kkonċernata, il-gravità tal-ksur, il-portata tad-dannu, kif ukoll il-portata tal-effett dissważiv stabbilit fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta u tal-istampa bil-miktub inġenerali għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effett dissważiv. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-eżistenza ta’ effett dissważiv għandhiex tiġi evalwata bl-istess mod għal dak li jikkonċerna l-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u l-ġurnalist.

176. Għal dak li jirrigwarda l-portata tal-effett dissważiv (ir-raba’ domanda preliminari kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju), meħuda fid-dawl tan-neċessità li jiġu bbilanċjati d-drittijiet fundamentali inkwistjoni (126), huwa biss ir-riskju ta’ effett dissważiv li jmur lil hinn mis-sitwazzjoni tal-persuna direttament ikkonċernata li jiġġustifika r-rifjut tal-exequatur inkwantu dan jikkostitwixxi ksur manifest u sproporzjonat tal-libertà tal-istampa fl-Istat Membru mitlub. Huwa biss f’tali ipoteżi li l-qorti ta’ dak l-Istat Membru għandha tirrikorri għall-klawżola tal-ordni pubbliku biex tirrimedja insuffiċjenza manifesta fil-protezzjoni ta’ din il-libertà (127).

177. Għal dak li jikkonċerna r-riżorsi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tan-natura fiżika jew ġuridika ta’ din il-persuna (l-ewwel parti tat-tielet domanda kif ukoll il-ħames u s-sitt domanda, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju), il-qorti tal-Istat Membru mitlub għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-somma globali li l-persuna kkonċernata hija obbligata tħallas hija fattur importanti fir-rigward tal-effett dissważiv potenzjali fuq din il-persuna u fuq ġurnalisti oħra (128).

178. Ċertament, il-Qorti EDB tidher li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala fattur attenwanti, il-fatt li l-editur u l-ġurnalist huma, bħal f’dan il-każ, obbligati in solidum għall-ħlas ta’ sanzjoni (129). Madankollu, l-effett dissważiv ma jiġix evalwat bl-istess mod għal dak li jikkonċerna l-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u l-ġurnalist awtur tal-artiklu inkriminat.

179. Fil-fatt, minn naħa, għal dak li jikkonċerna persuna fiżika, il-Qorti EDB tirreferi għas-salarju tal-persuna kkonċernata jew għall-valuri ta’ riferiment, bħalma hija l-paga minima (130) jew medja (131) fl-Istat konvenut inkwistjoni. Bħala prinċipju, is-somma globali li l-persuna kkonċernata hija obbligata tħallas għandha titqies li hija manifestament irraġonevoli meta din il-persuna jkollha tagħmel sagrifiċċji tul diversi snin biex tħallasha kollha jew meta din is-somma tikkorrispondi għal diversi għexieren ta’ paga minima standard fl-Istat Membru mitlub. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda persuna ġuridika, il-Qorti EDB tieħu ħsieb li l-ammont tad-danni imposti fuq il-kumpanniji tal-istampa ma jkunx tali li jhedded is-sisien ekonomiċi tagħhom (132) u, minħabba f’hekk, li jkun manifestament irraġonevoli.

180. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ekonomika tal-istampa bil-miktub inġenerali fl-Istat Membru mitlub (is-seba’ domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju), għalkemm l-effett dissważiv potenzjali jaffettwa lill-ġurnalisti u lill-kumpanniji tal-istampa f’dan l-Istat Membru, il-qorti tal-imsemmi Stat Membru ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan tal-aħħar biex tirrifjuta l-exequatur ta’ sentenza ġudizzjarja. Mill-perspettiva tal-ġurnalisti u tal-kumpanniji tal-istampa, huwa fuq kollox neċessarju li wieħed ikun konxju tal-fatt li huma wkoll jistgħu jkunu suġġetti għal kundanna manifestament irraġonevoli meta mqabbla maċ-ċirkustanzi tal-każ.

181. Fl-aħħar, fid-dawl tar-rwol tal-Istat Membru mitlub fis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilita mir-Regolament Brussell I (133), il-verifiki magħmula minn din il-qorti għandhom jikkonċernaw speċjalment ir-riperkussjonijiet manifesti u sproporzjonati fuq il-libertà tal-istampa tas-sanzjoni imposta mis-sentenza li tagħha tintalab l-eżekuzzjoni. L-imsemmija qorti ma tistax għaldaqstant tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur u l-portata tad-dannu (it-tieni parti tat-tielet domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju).

182. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li r-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet involuti ma jkunx ikkaratterizzat bi protezzjoni manifestament insuffiċjenti tad-drittijiet fundamentali (134), il-qorti tal-Istat Membru mitlub tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u l-portata tad-dannu biex tiddetermina li, minkejja n-natura a priori manifestament irraġonevoli tas-somma globali tal-kundanna, din hija xierqa biex tiġġieled l-effetti tal-kummenti malafamanti (135).

E.      Il-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti

183. Skont il-preżunzjoni magħrufa ta’ “protezzjoni ekwivalenti”, li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u applikabbli għall-Istati Membri (136), il-miżura ta’ Stat Membru adottata għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu lill-Unjoni għandha titqies iġġustifikata fid-dawl tal-KEDB peress li huwa paċifiku li l-Unjoni tagħti lid-drittijiet fundamentali protezzjoni talinqas ekwivalenti għal dik żgurata minn din il-konvenzjoni (137). Huwa minnu li l-applikabbiltà ta’ din il-preżunzjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha jiġu evalwati biss mill-Qorti EDB. Madankollu, fi spirtu ta’ koordinazzjoni bejn il-Karta u l-KEDB kif ukoll sabiex tingħata risposta eżawrjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għal dak li jikkonċerna l-implikazzjonijiet tas-sentenza tagħha li tkun ser tingħata, jeħtieġ li nagħmel ftit rimarki supplimentari fuq l-imsemmija preżunzjoni.

184. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet: l-assenza ta’ marġni ta’ manuvra għall-awtoritajiet nazzjonali u l-użu tal-potenzjalitajiet kollha tal-mekkaniżmu ta’ kontroll previst mid-dritt tal-Unjoni (138), inkluż ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li quddiemha jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari u huwa biss l-obbligu tal-Qorti EDB li teżamina jekk it-tieni kundizzjoni hijiex issodisfatta, jiena ser nikkonċentra fuq l-ewwel kundizzjoni.

185. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk tapplikax il-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti tiġi eżaminata mill-Qorti EDB filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-“dispożizzjoni preċiża applikata f’dan il-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (139) u l-konsegwenzi kollha li minnha jirriżultaw għall-Istat Membru kkonċernat, skont l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja (140). Dan jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni li minnu joħorġu l-obbligi ta’ Stat Membru kkonċernat fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra.

186. F’dan il-każ, il-kwistjoni hija, għaldaqstant, dwar jekk, taħt is-sistema tar-Regolament Brussell I, il-qorti tal-Istat Membru mitlub adita b’rikors previst fl-Artikoli 43 u 44 ta’ dan ir-regolament jibqgħalhiex setgħa diskrezzjonali biex tiddeċiedi jekk tużax jew le l-klawżola tal-ordni pubbliku meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tikser manifestament dritt fundamentali ggarantit mill-Karta.

187. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti EDB għadha ma esprimietx ruħha dwar tali xenarju (141). Xaqliba mill-kummentarji tqis li l-klawżola tal-ordni pubbliku timplika l-eżistenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni, ħaġa li teskludi l-użu tal-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti (142). Madankollu, inqis li dan ma huwiex il-każ meta l-ksur allegat jirrigwarda prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

188. Fil-fatt, huwa minnu li l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I jipprevedi li l-qorti tal-Istat Membru mitlub tista’ tirrifjuta l-exequatur biss għal wieħed mir-raġunijiet previsti fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, għal dak li jikkonċerna r-raġuni ta’ rifjut tal-exequatur, din l-ewwel dispożizzjoni tirreferi għall-punt 1 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, b’mod kategoriku, li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

189. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru mitlub ma jiddeterminax unilateralment il-kontenut tal-ordni pubbliku tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni tal-ksur tal-ordni pubbliku bħala wieħed manifest tirriżulta minn interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni u hija għalhekk suġġetta għall-istħarriġ magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ulterjorment, iktar importanti minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ma huwiex kwistjoni ta’ rieda tajba jew ta’ korteżija min-naħa tal-Istat Membru mitlub. Quddiem ilment li tqis li huwa fondat u li skontu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I twassal għal ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, ta’ dritt fundamentali, il-qorti tal-Istat Membru mitlub għandha l-obbligu li tirrifjuta l-exequatur ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni hija għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza.

190. Għal skopijiet ta’ kompletezza, inżid li l-fatt li l-qorti tal-Istat Membru mitlub hija obbligata teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-exequatur humiex issodisfatti ma jfissirx li hija teżerċita setgħa diskrezzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza dwar il-KEDB. Fil-fatt, il-Qorti EDB tikkunsidra li l-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti tapplika meta l-Istat Membru mitlub jista’ jirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni barranija “fil-limiti preċiżi ħafna u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti minn qabel” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (143).

F.      Osservazzjonijiet finali

191. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lid-domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mal-Artikolu 11 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru li jintalab jeżegwixxi sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tirrigwarda kundanna ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta u ta’ ġurnalist minħabba ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv u ta’ membru tat-tim mediku tiegħu permezz ta’ informazzjoni ppubblikata f’din il-gazzetta, għandu jirrifjuta jew jirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza meta l-eżekuzzjoni tagħha twassal għal ksur manifest tal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta (144). Tali ksur jeżisti meta l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza tipproduċi effett dissważiv potenzjali fir-rigward tal-parteċipazzjoni fid-dibattitu dwar suġġett ta’ interess ġenerali kemm tal-persuni milquta bil-kundanna kif ukoll ta’ kumpanniji tal-istampa u ġurnalisti oħra fl-Istat Membru mitlub (145). Tali effett dissważiv potenzjali jimmanifesta ruħu meta s-somma globali li l-ħlas tagħha qed jintalab tkun manifestament irraġonevoli fid-dawl tan-natura u s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ ġurnalist, l-effett dissważiv potenzjali jkun jeżisti, b’mod partikolari, meta din is-somma tikkorrispondi għal diversi għexieren ta’ pagi minimi standard fl-Istat Membru mitlub. Fil-każ ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta, l-effett dissważiv potenzjali għandu jinftiehem bħala t-theddid manifest tal-bilanċ finanzjarju tal-gazzetta (146). Il-qorti tal-Istat Membru mitlub tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u l-portata tad-dannu biss sabiex tiddetermina li, minkejja n-natura a priori manifestament irraġonevoli tas-somma globali ta’ kundanna, din hija xierqa biex tiġġieled l-effetti tal-kummenti malafamanti (147).

192. Għal skopijiet ta’ kompletezza, inżid li, meta ffaċċjata b’ilment li fil-kuntest tiegħu jiġi allegat li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li tikkundanna lil kumpannija editriċi ta’ gazzetta u lil ġurnalist awtur tal-artiklu inkriminat għall-ħlas, konġunt u in solidum, ta’ ammont sostanzjali bħala kumpens għall-istess dannu morali, tmur kontra l-libertà tal-istampa fl-Istat Membru mitlub, il-qorti ta’ dan l-aħħar Stat Membru tista’ tirrifjuta l-exequatur għal dak li jikkonċerna l-kundanna fir-rigward ta’ waħda minn dawn il-persuni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell I, meta s-sentenza barranija tkun iddeċidiet fuq diversi kapijiet tat-talba u d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ma tkunx tista’ tingħata għal kulħadd, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza l-eżekuzzjoni għal wieħed minnhom jew iktar.

VI.    Konklużjoni

193. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

L-Artikolu 45(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Stat Membru li jintalab jeżegwixxi sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tirrigwarda kundanna ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta u ta’ ġurnalist minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv u ta’ membru tat-tim mediku tiegħu permezz ta’ informazzjoni ppubblikata f’din il-gazzetta, għandu jirrifjuta jew jirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza meta l-eżekuzzjoni tagħha twassal għal ksur manifest tal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Tali ksur ikun jeżisti meta l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza tipproduċi effett dissważiv potenzjali fir-rigward tal-parteċipazzjoni fid-dibattitu fuq suġġett ta’ interess ġenerali kemm tal-persuni milquta bil-kundanna kif ukoll ta’ kumpanniji tal-istampa u ġurnalisti oħra fl-Istat Membru mitlub. Tali effett dissważiv potenzjali jimmanifestaw ruħu meta s-somma globali li l-ħlas tagħha qed jintalab il-ħlas tagħha tkun manifestament irraġonevoli fid-dawl tan-natura u s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ ġurnalist, l-effett dissważiv potenzjali jkun jeżisti, b’mod partikolari, meta din is-somma tikkorrispondi għal diversi għexieren ta’ pagi minimi standard fl-Istat Membru mitlub. Fil-każ ta’ kumpannija editriċi ta’ gazzetta, l-effett dissważiv potenzjali għandu jinftiehem bħala t-theddid manifest tal-bilanċ finanzjarju tal-gazzetta. Il-qorti tal-Istat Membru mitlub tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u l-portata tad-dannu biss biex tiddetermina li, minkejja n-natura a priori manifestament irraġonevoli tas-somma globali ta’ kundanna, din hija xierqa biex tiġġieled l-effetti tal-kummenti malafamanti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42).


3      Konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


4      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) li, skont l-Artikolu 66 tiegħu, japplika għall-azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati mill‑10 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem.


5      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li, permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Lulju 2014, il-Juzgado de Primera Instancia no19 de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 19 ta’ Madrid) ordnat il-ħlas, favur Real Madrid, mill-kumpannija editriċi, tas-somma ta’ EUR 390 000 bħala ammont prinċipali, interessi u spejjeż. Min-naħa l-oħra, hija ma tippreċiżax jekk dan id-digriet kienx intiż għall-eżekuzzjoni tal-kundanna wkoll għal dak li jikkonċerna l-ġurnalist. Madankollu, minn din it-talba u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jidher illi dan id-digriet kien jikkonċerna l-eżekuzzjoni fir-rigward taż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali.


6      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2000 (C‑7/98, EU:C:2000:164, iktar ’il quddiem is-“sentenza Krombach”, punti 36 u 37).


7      Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986 (222/84, EU:C:1986:206, punt 18).


8      Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.


9      Qorti EDB, 26 ta’ April 2007, Colaco Mestre u SIC. Sociedade Independente de Comunicacao, S.A. vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2007:0426JUD001118203, punt 28).


10      Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, Błaja News Sp. z o. o. vs Il-Polonja (CE:ECHR:2013:1126JUD005954510, punt 71).


11      Punt 22 ta’ dik is-sentenza.


12      Sentenza Krombach (punt 23).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Charles Taylor Adjusting”, EU:C:2023:633, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara s-sentenzi Krombach (punt 21) u Charles Taylor Adjusting (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara s-sentenza Krombach (punt 36).


16      Ara s-sentenza Krombach (punt 37).


17      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meroni”, EU:C:2016:349, punt 44).


18      Ara s-sentenza Meroni (punt 45).


19      Ara s-sentenza Meroni (punt 45).


20      Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Il-Latvja (CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, iktar ’il quddiem is-“sentenza Avotiņš vs Il-Latvja”, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Il-Qorti EDB rrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2008, McDonald vs Franza (CE:ECHR:2008:0429DEC001864804), li r-rifjut tal-għoti tal-exequatur tas-sentenzi ġudizzjarji inkwistjoni kien irrappreżenta ndħil fid-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrent, iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Hija kkunsidrat ukoll, fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Mejju 2011, Négrépontis-Giannisis vs Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0503JUD005675908, punt 89 sa 92), li r-rifjut ta’ rikonoxximent tal-adozzjoni ta’ wild, mogħti fl-Istati Uniti, minħabba li din kienet tikser l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub, kien wassal għal ksur tal-Artikoli 8 u 14 kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. B’mod iktar preċiż, il-Qorti EDB, wara li kkonstatat ksur ta’ dawn l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet, illimitat ruħha biex tosserva li l-interpretazzjoni mill-qorti tal-Istat Membru mitlub tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” ma għandhiex issir b’mod arbitrarju u sproporzjonat.


22      Ara Kinsch, P., “Enforcement as a Fundamental Right”, Nederlands Internationaal Privaatrecht, Nru 4, 2014, p. 543.


23      Ara, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, Qorti EDB, 3 ta’ Mejju 2011, Négrépontis-Giannisis vs Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0503JUD005675908).


24      Ara, b’mod partikolari, Kinsch, P., op. cit., p. 543, u Hazelhorst, M., Free movement of civil judgments in the European Union and the right to a fair trial, Springer, Den Haag, 2017, p. 160.


25      Ara, b’mod partikolari, Spielmann, D., “La reconnaissance et l’exécution des décisions judiciaires étrangères et les exigences de la Convention européenne des droits de l’homme. Un essai de synthèse”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, Vol. 88, 2011, p. 774 sa 779 u 786, u Kiestra, L. R., The Impact of the European Convention on Human Rights on Private International Law, 2014, Den Haag, Springer, p. 262 sa 274, li jiġbdu l-attenzjoni b’mod partikolari fuq il-fatt li, fil-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti EDB xi kultant tirrikonoxxi l-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB sa fejn dan jiggarantixxi l-aċċess għall-qorti. Madankollu, din il-linja ta’ ġurisprudenza tidher li tidħol fil-kuntest ta’ kawżi fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja kienet, skont ir-rikorrenti, ittardjata kunsiderevolment.


26      Ara, b’mod partikolari, Cuniberti, G., Rueda, I., “Abolition of Exequatur. Addressing the Commission’s Concerns”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, 2011, Vol. 2(75), p. 294, li, mingħajr ma jesprimu ruħhom b’mod kategoriku dwar l-eżistenza ta’ “dritt” tar-rikorrent, jiffokaw speċjalment fuq in-neċessità li jinżamm ekwilibriju bejn tali dritt u d-drittijiet fundamentali ta’ konvenut.


27      Ara Barba, M., L’exequatur sous le regard de la Cour européenne des droits de l’homme, Les Mémoires de l’Équipe de Droit International, Européen et Comparé, 2012, Nru 2, https://dumas.ccsd.cnrs.fr/dumas-04035845, p. 35 u 36. Ara, fir-rigward ta’ din il-kritika, Pailler, L., Le respect de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne dans l’espace judiciaire européen en matière civile et commercial, Edizzjonijiet A. Pedone, Pariġi, 2017, p. 113.


28      Ara l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I. Barra minn hekk, l-Avukata Ġenerali Kokott indikat, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Apostolides (C‑420/07, EU:C:2008:749, punt 52), li ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jimponix ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin peress li fi kwalunkwe każ ir-Regolament Brussell I jagħti dritt ta’ dan it-tip.


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Eċċezzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 61).


30      Ara, fuq din il-problema, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:458, punt 89).


31      Ara l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Brussell I.


32      F’dan ir-rigward, l-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta quddiem il-qorti tal-Istat Membru mitlub, minkejja l-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, ġiet ikkonfermata fis-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 52 sa 54), u Meroni (punti 45 u 45). Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li meta l-qorti tal-Istat Membru mitlub tikkunsidra l-kwistjoni tar-rifjut tal-exequatur ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li din l-eżekuzzjoni tmur kontra l-ordni pubbliku, u, għal dan il-għan tapplika r-Regolament Brussell I u, konsegwentement, din il-qorti hija marbuta bid-dispożizzjonijiet kollha tal-Karta.


33      Ara Cuniberti, G., “Le fondement de l’effet des jugements étrangers”, Recueil des cours de l’Académie de droit international de La Haye, Vol. 394, 2018, p. 140, li jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li “l-awtonomizzazzjoni tal-bażi, purament proċedurali, għar-rikonoxximent tas-sentenzi barranin u tad-dritt għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi b’applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB hija sorprendenti, inkwantu l-bażi prinċipali tad-dritt għal smigħ xieraq hija li tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet sostantivi ggarantiti minn din il-[k]onvenzjoni”.


34      Ara, f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 55).


35      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 48).


36      Fil-fatt, qabel kollox, mill-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, jirrispettaw u jgħinu reċiprokament lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. Sussegwentement, mill-Artikolu 67(4) TFUE, jirriżulta li l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 81(1) TFUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom effett transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Għal dawn l-għanijiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2)(a) TFUE, l-Unjoni għandha tadotta miżuri intiżi li jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji u l-eżekuzzjoni tagħhom.


37      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Diageo Brands”, EU:C:2015:471, punt 63), u Meroni (punt 47).


38      Ara s-sentenzi Diageo Brands (punt 64) u Meroni (punt 48).


39      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat, fl-2022, il-Proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022) 177 final), magħrufa aħjar bl-akronimu Ingliż “SLAPP” (Strategic Lawsuit Against Public Participation). Din il-proposta għal direttiva hija intiża li tistabbilixxi l-garanziji kontra l-proċeduri ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi fil-materji ċivili li għandhom effett transkonfinali mibdija kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi, b’mod partikolari l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dibattitu pubbliku. Skont il-kontenut finali tagħha, tali direttiva tkun tista’ tbiddel l-applikabbiltà tal-Artikolu 11 tal-Karta fil-proċeduri quddiem qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-konfigurazzjonijiet bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.


40      Soluzzjoni oħra tkun li jiġu kkwalifikati l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tad-domandi preliminari fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali u li jippermettu lill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari li tirrigwarda r-rifjut futur u eventwali tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li dik il-qorti tagħti fi tmiem il-proċedura pendenti quddiemha. Din is-soluzzjoni ma tistax tiġi aċċettata mingħajr riżerva u, fi kwalunkwe każ, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma joħroġx mingħand Stat Membru ta’ oriġini. Madankollu, ara, fuq din il-problema kontroversjali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 27 sa 30).


41      Ara l-punti 183 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 18 ta’ Ġunju 2013, Povse vs L-Awstrija (CE:ECHR:2013:0618DEC000389011, punt 86 sa 87).


43      Sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (punt 113 sa 116).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 61 u 62). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 40).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 52, 54 u 62). Ara wkoll is-sentenzi, Krombach (punti 25 sa 27 u 45), u tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 28, 29 u 48).


46      Ara, f’dan is-sens, Hess, B., Rapport relatif à l’application du règlement Bruxelles I dans les États membres (studju JLS/C4/2005/03)], Università Ruprecht-Karls ta’ Heidelberg, Settembru 2007, p. 249, paragrafu 558, disponibbli fis-sit internet: http://ec.europa.eu/civiljustice/news/docs/study_application_brussels_1_en.pdf.


47      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2000 (C‑38/98, iktar ’il quddiem is-“sentenza Renault”, EU:C:2000:225, punt 32).


48      Ara s-sentenza Renault (punt 32).


49      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Renault (C‑38/98, EU:C:1999:325, punt 6).


50      Ara s-sentenza Renault (punt 34).


51      Punti 30, 32 u 39. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:137, punt 52).


52      Ara s-sentenza Diageo Brands (punt 51).


53      Punti 23 u 27 ta’ dik is-sentenza.


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Charles Taylor Adjusting (punt 37).


55      Ara s-sentenza Charles Taylor Adjusting (punt 39).


56      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, EU:C:2023:246).


57      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 48).


58      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 20).


59      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 48 u 49).


60      Punt 39 ta’ dik is-sentenza.


61      Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, (C‑126/97, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eco Swiss”, EU:C:1999:269).


62      Sentenza Eco Swiss (punt 36).


63      Sentenza Eco Swiss (punt 37).


64      Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Għandu jitfakkar li sa mis-sentenza Krombach (punt 37), sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub li jawtorizza lil dan l-Istat Membru jirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandu jikkostitwixxi “vjolazzjoni manifesta ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali ta’ l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta' dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali”. Korsiv miżjud minni.


66      Huwa minnu li, fis-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” huwa intiż li jipproteġi l-interessi ġuridiċi li jkunu espressi minn regola ta’ dritt. Madankollu, din il-formulazzjoni, kemxejn riduttiva, kienet dovuta għall-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, b’din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tpoġġi prinċipalment l-enfasi fuq il-fatt li l-klawżola tal-ordni pubbliku setgħet tintuża biss biex tipproteġi interessi ġuridiċi.


67      Ara s-sentenza Meroni (punt 46).


68      Ara s-sentenza Diageo Brands (punt 68).


69      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:137, punt 39).


70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diageo Brands (punt 50). Ara wkoll is-sentenzi Meroni (punt 46) u Charles Taylor Adjusting (punt 36).


71      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 127).


72      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 83).


74      ĠU 2007, C 303, p. 17.


75      Ara l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi Renault u Eco Swiss imfakkra fil-punti 77 sa 80 u 91 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 72).


77      Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 2009, Jersild vs Id-Danimarka (CE:ECHR:1994:0923JUD001589089, punt 31).


78      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 82).


79      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323)


80      Bħala eżempju ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 7 ta’ Ġunju 2012, Centro Eurpa 8 S.rl. u Di Stefano vs L-Italja (CE:ECHR:2012:0607JUD003843309, punt 129).


81      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Axel Springer AG vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2012:0207JUD003995408, punti 78 sa 81).


82      Ara, reċentement, is-sentenza tal-Qorti EDB, 5 ta’ Diċembru 2017, Frisk u Jensen vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2017:1205JUD001965712, punt 53).


83      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 2 ta’ Settembru 2014, Firma EDV für Sie, EfS Elektronische Datenverarbeitung Dienstleistungs GmbH vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2014:0902DEC003278308, punt 23).


84      Ara, reċentement, is-sentenza tal-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2022, Freitas Rangel vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2022:0111JUD007887313, punt 53).


85      Ara, reċentement, is-sentenza tal-Qorti EDB, 5 ta’ Diċembru 2017, Frisk u Jensen vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2017:1205JUD001965712, punt 55).


86      Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


87      Ara s-sentenza Meroni (punti 52 u 53).


88      Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 243, u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).


89      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Bohez (C‑4/14, EU:C:2015:563, punt 59).


90      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 46). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku kienet prevista minħabba li l-eżekuzzjoni kienet tikser dritt fundamentali ta’ natura proċedurali, sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu.


91      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Ara l-punti 56 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 45).


94      Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 50).


96      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 72 sa 74).


97      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Liffers (C‑99/15, EU:C:2016:173, punt 26).


98      Il-proposta ta’ att fundamentali ieħor tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40), kienet tipprevedi, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1), li “[dan] ir-regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] li [...] tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum jew tal-liġi magħżula b’dan ir-regolament [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Barra minn hekk, din il-proposta ta’ regolament kienet tipprevedi, fl-Artikolu 24 tagħha, li “[l]-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula mill-[imsemmi] regolament li jwassal għall-għoti ta’ danni u interessi mhux kumpensatorji, bħalma huma d-danni u interessi eżemplari jew punittivi, tmur kontra l-ordni pubbliku komunitarju [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (korsiv miżjud minni). Din it-tieni dispożizzjoni kienet intiża li tesprimi konkretizzazzjoni, fil-forma ta’ regola speċjali, tal-eċċezzjoni ta’ tali ordni pubbliku, prevista fit-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23. Il-proposta biex jiġu introdotti dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma ġietx segwita.


99      Konvenzjoni adottata waqt il-Konferenza ta’ Den Haag tad-Dritt Internazzjonali Privat tat‑2 ta’ Lulju 2019.


100      Ara, rispettivament, l-Artikolu 2(1)(k) u (l) ta’ din il-konvenzjoni.


101      Ara r-rapport ta’ spjegazzjoni fuq il-Konvenzjoni tal-2019 imħejji minn Garcimartín, F., u Saumier, G., (aċċessibbli fis-sit internet: https://www.hcch.net/en/publications-and-studies/details4/?pid=6797), p. 63.


102      “Les atteintes aux droits de la personnalité par l’utilisation d’internet : compétence, droit applicable et reconnaissance des jugements étrangers”, https://www.idi-iil.org/app/uploads/2019/09/8-RES-FR.pdf


103      Ara, bħala eżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Bier (21/76, EU:C:1976:147, punt 6) u, fuq il-prinċipju ta’ perpetuatio fori, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Gemeinde Bodman-Ludwigshafen (C‑256/21, EU:C:2022:366, punt 72).


104      Ara r-rapport ta’ spjegazzjoni fuq il-Konvenzjoni, p. 137.


105      Ara Symeonides, S.C., Cross- Border Infringement of Personality Rights via the Internet. A Resolution of the Institute of International Law, Brill Nijhoff, Leiden – Boston, 2021, p. 143 u 144.


106      Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014 (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 56 u 58).


107      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 57).


108      Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014 (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 56 u 58).


109      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 2004, Cumpănă u Mazăre vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2004:1217JUD003334896, punt 111).


110      Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs Franza (CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 176).


111      Ara Qorti EDB, 11 ta’ April 2006, Brasilier vs Franza (CE:ECHR:2006:0411JUD007134301, punt 43). Ara wkoll Baumbach, T., “Chilling Effect as a European Court of Human Rights’ Concept in Media Law Cases”, Bergen Journal of Criminal Law and Criminal Justice, 2018, Vol. 6(1), p. 102.


112      Ara, f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna kundanna “relattivament immoderata”, Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 2022, Pretorian vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2022:0524JUD004501416, punt 81).


113      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, 5 ta’ Mejju 2022, Mesić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2022:0505JUD001936218, punt 111 sa 113), u Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Defi AS vs Il-Latvja (CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punt 110).


114      Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, Błaja News Sp. z o. o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2013:1126JUD005954510, punt 71).


115      Qorti EDB, 29 ta’ Mejju 2017, Tavares de Almeida Fernandes u Almeida Fernandes vs Il-Portugall (CE:ECHR:2017:0117JUD003156613, punt 77).


116      Ara, f’dan is-sens, Wurmnest, W., “Towards a European Concept of Public Policy Regarding Punitive Damages”, Punitive damages and private international law: state of the art and future developments, f’Bariatti, S., Fumagalli, L., Crespi Reghizzi, Z., Wolters Kluwer – CEDAM, Milano, 2019, p. 259.


117      Ara, bħala eżempju, Qorti EDB, 14 ta’ Frar 2023, Halet vs Il-Lussemburgu (CE:ECHR:2023:0214JUD002188418, punt 205), u Qorti EDB, 15 ta’ Mejju 2023, Sanchez vs Franza (CE:ECHR:2023:0515JUD004558115, punt 205). F’ċerti sentenzi, il-Qorti EDB tuża l-espressjoni “‘chilling’, dissuasive effect”, ara Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Ghiulfer Predescu vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2017:0627JUD002975109, punt 61), u Qorti EDB, 8 ta’ Jannar 2019, Prunea vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2019:0108JUD004788111, punt 38), tradotta bil-Franċiż sempliċiment bħala “un effet dissuasif (effett dissważiv)”. Ara Qorti EDB, 5 ta’ Mejju 2022, Mesić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2022:0505JUD001936218, punt 113).


118      Pech, L., The concept of chilling effect, Open Society European Policy Institute, 2021, p. 6.


119      Ara, f’dan is-sens, Baumbach, T., op. cit., p. 112.


120      Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2007, Tønsbergs Blad AS u Haukom vs In-Norveġja (CE:ECHR:2007:0301JUD000051004, punt 102). Korsiv miżjud minni u traduzzjoni [bil-Franċiż] tiegħi.


121      Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Kasabova vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD002238503, punt 71), u Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Bozhkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD000331604, punt 55). Korsiv miżjud minni u traduzzjoni [mill-Franċiż] tiegħi.


122      Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 2010, Público - Comunicação Social, S.A. et vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2010:1207JUD003932407, punt 55).


123      Il-Qorti EDB ikkunsidrat, fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ April 2007, Colaço Mestre u SIC vs Il-Portugall (CE:ECHR:2007:0426JUD001118203, punt 27), li d-dibattitu intens u medjatiku ħafna dwar il-kwistjonijiet ta;’ korruzzjoni fil-futbol jaqa’ taħt l-interess ġenerali u, f’din il-linja ta’ ħsibijiet, fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Frar 2007, Nikowitz u Verlagsgruppe News GmbH vs L-Awstrija (CE:ECHR:2007:0222JUD000526603, punt 25), li “l-attitudni tas-soċjetà fil-konfront ta’ stilla tal-isport” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi suġġett ta’ interess ġenerali.


124      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 74). Ara wkoll, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data personali, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal kontenut allegatament falz) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 97).


125      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Ghiulfer Predescu vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2017:0627JUD002975109, punt 61).


126      Ara l-punti 169 sa 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


127      Ara l-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


128      Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Kasabova vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD002238503, punt 71), u Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Bozhkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD000331604, punt 55). Ara wkoll Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2015, Cojocaru vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2015:0210JUD003210406, punt 33).


129      Qorti EDB, 29 ta’ Awwissu 1997, Worm vs L-Awstrija (CE:ECHR:1997:0829JUD002271493, punt 15 u 57).


130      Ara l-Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Kasabova vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD002238503, punt 71), u Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Bozhkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2011:0419JUD000331604, punt 55).


131      Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, Morar vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2015:0707JUD002521706, punt 70).


132      Ara l-Qorti EDB, 2 ta’ Ġunju 2008, Timpul Info-Magazin u Anghel vs Il-Moldova (CE:ECHR:2007:1127JUD004286405, punt 39), u l-Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, Błaja News Sp. z o. o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2013:1126JUD005954510, punt 71).


133      Ara l-punti 126 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


134      Ara l-punti 135 u 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


135      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 5 ta’ Mejju 2022, Mesić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2022:0505JUD001936218, punt 111 sa 113).


136      Ara Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus Hava Yolları Turizm vs Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda (CE:ECHR:2005:0630JUD004503698).


137      Sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (punt 101 sa 104).


138      Sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (punt 105).


139      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (punt 106).


140      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Povse vs L-Awstrija (CE:ECHR:2013:0618DEC000389011, punt 79 sa 81).


141      Fil-fatt, il-Qorti EDB kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Povse vs L-Awstrija (CE:ECHR:2013:0618DEC000389011, punt 79 sa 83), li din il-preżunzjoni hija applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ deċiżjoni fuq ir-ritorn ta’ wild. Hija enfasizzat li dan ir-regolament ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru mitlub. Għal dak li jikkonċerna r-Regolament Brussell I, il-Qorti EDB applikat ukoll l-imsemmija preżunzjoni fis-sentenza tagħha Avotiņš vs Il-Latvja (punt 108). Hija bdiet mill-premessa li, għal dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, dan ir-regolament ma jagħti lill-Istat Membru mitlub ebda setgħa ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, hija eżaminat ir-rikors mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-klawżola tal-ordni pubbilku prevista mill-imsemmi regolament minħabba li r-rikorrent ma kienx invoka din il-klawżola quddiem il-qrati nazzjonali.


142      Ara, f’dan is-sens, Cuniberti, G., “Le fondement de l’effet des jugements étrangers”, Recueil des cours de l’Académie de droit international de La Haye, 2019, Vol. 394, p. 275 u 276, u Hazelhorst, M., Free movement of civil judgments in the European Union and the right to a fair trial, Springer, Den Haag, 2017, p. 212.


143      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (punt 106).


144      Ara l-punti 113 u 189 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


145      Ara l-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


146      Ara l-punt 177 sa 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


147      Ara l-punt 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.