Language of document : ECLI:EU:C:2024:145

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Artikolu 10 – Il-punt 6.4(a) tal-Anness 1 – Tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ iktar minn 50 tunnellata metrika kuljum – Kunċetti ta’ ‘karkassa’ u ta’ ‘kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum’ – Biċċerija mingħajr permess – Teħid inkunsiderazzjoni tal-produzzjoni effettiva”

Fil-Kawża C‑311/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Anklagemyndigheden

vs

PO,

Moesgaard Meat 2012 A/S.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PO u Moesgaard Meat 2012 A/S, minn K. Cronwald Jensen u M. Honoré, advokater,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Jespersen, J. F. Kronborg u C. Maertens, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u C. Vang, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6.4(a) tal-Anness 1 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Anklagemyndigheden (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, id-Danimark) minn naħa, u l-Moesgaard Meat 2012 A/S (iktar ’il quddiem “Moesgaard Meat”) u PO, id-direttur ta’ din il-kumpannija, min-naħa l-oħra, dwar proċeduri mibdija minn dawn tal-aħħar talli ħaddmu biċċerija mingħajr permess ambjentali bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2016.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt tal-Unjoni

 IdDirettiva 2010/75

3        Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2010/75:

“Sabiex ikun hemm prevenzjoni u tnaqqis u sa fejn hu possibbli l-eliminazzjoni ta’ tniġġis li jkun ġej minn attivitajiet industrijali, b’konformità mal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’ u l-prinċipju tal-prevenzjoni tat-tniġġis, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-kontroll tal-attivitajiet industrijali ewlenin, billi tingħata prijorità lill-intervent f’ras il-għajn, tiġi żgurata l-ġestjoni prudenti tar-riżorsi naturali u jitqiesu, fejn ikun meħtieġ, is-sitwazzjoni ekonomika u l-karatteristiċi lokali speċifiċi tal-post fejn l-attività industrijali tkun qed titwettaq.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet industrijali.

Tippreskrivi wkoll regoli maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art u għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet industrijali li jagħtu lok għat-tniġġis imsemmi fil-Kapitoli II sa VI.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3.       ‘installazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;

[...]”

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/75, intitolat “Obbligu ta’ pussess ta’ permess”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart ma jitħaddem mingħajr permess.

[...]”

8        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, u li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet għall-applikabbli għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I”, jipprevedi:

“Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I u li, fejn applikabbli, jilħqu l-limiti tal-kapaċità stabbiliti f’dak l-Anness.”

9        Skont l-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kategoriji ta’ attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 10”:

“Il-valuri tal-limiti minimi mogħtija hawn taħt ġeneralment jirriferu għall-kapaċitajiet jew ir-rendiment tal-produzzjoni. Meta diversi attivitajiet li jidħlu taħt l-istess deskrizzjoni tal-attività li fiha limitu minimu jitħaddmu fl-istess installazzjoni, il-kapaċitajiet ta’ dawn l-attivitajiet jiġu miżjuda flimkien. [...]

[...]

6.      Attivitajiet oħra

[...]

6.4.       (a)       Tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ aktar minn 50 tunnellata metrika kull jum.

[...]

[...]”

10      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 huwa redatti, f’termini komparabbli għal dawk tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-direttivi preċedenti applikabbli u li d-Direttiva  2010/75 ssostitwixxiet, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), u d-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008, L 24, p. 8).

 Latti l-oħra rilevanti taddritt talUnjoni

–       IrRegolament (KEE) Nru 3220/84

11      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3220/84 tat‑13 ta’ Novembru 1984 li jiddetermina l-iskala Komunitarja għall-klassifika ta’ karkassi tal-majjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 126), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1995, ħassar, għall-iskali Komunitarji ta’ klassifikazzjoni ta’ karkassi, mill‑1 ta’ Jannar 2009, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007, L 299, p. 1). Dan ir-regolament Nru 3220/84, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3513/93 tal‑14 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 24) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3220/84”), kien jipprevedi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.       Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-iskala Komunitarja għall-klassifika ta’ karkassi tal-majjali għajr dawk li ntużaw għat-tnissil.

2.       L-iskala msemmija fil-paragrafu 1 ta’ fuq għandha tintuża mill-biċċeriji kollha biex jiġu klassifikati l-karkassi kollha sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jirċievu pagament ġust ibbażat fuq il-piż u l-komposizzjoni tal-majjali li jkunu kkunsinnaw lill-biċċerija.

[...]”

12      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.       Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘karkassa tal-majjal’ għandha tfisser il-ġisem ta’ majjal maqtul, imbattal mid-demm u svixxrat, sħiħ jew maqsum matul il-linja tan-nofs, mingħajr ilsien, lanżit, dwiefer , organi ġenitali, xaħam 'flare' [sonza], kliewi u dijaframma.

Rigward il-majjali maqtula fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati biex jieħdu ħsieb li jkun hemm preżentazzjoni differenti tal-karkassi tal-majjal jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun osservata:

–        jekk il-prattika kummerċjali normali fit-territorju tagħhom tkun differenti mill-preżentazzjoni standard definita fl-ewwel subparagrafu,

–        jekk il-ħtiġiet tekniċi jkunu jippermettu,

–        jekk il-karkassi tal-majjal ikunu bil-ġilda mneħħija b’mod uniformi.

2.       Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, il-piż għandu japplika għall-karkassa kiesħa ppreżentata skond ma hu mfisser fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Il-karkassa għandha tintiżen malajr kemm jista’ jkun wara l-qtil u mhux aktar minn 45 minuta wara li twaħħal il-majjal. Il-piż tal-karkassa kiesħa għandu jiġi kkalkulat bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ konverżjoni għar-riżultat miksub.

Jekk, f’xi biċċerija, ġeneralment ma jistax jiġi osservat il-perjodu ta’ 45 minuta, il-koeffiċjent tal-konverżjoni msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi aġġustat skond il-każ.

[...]”

–       Ir-Regolament Nru 1234/2007

13      Ir-Regolament Nru 1234/2007, li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Novembru 2007, ġie mħassar, fir-rigward tas-settur tal-laħam tal-majjal, mill‑1 ta’ Jannar 2014 bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261; ĠU 2016, L 130, p. 8; ĠU 2020, L 1, p. 5; ĠU 2022, L 195, p. 106; u fil-ĠU 2023, L 200, p. 51). Kif kien jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(q) tiegħu, ir-Regolament Nru 1234/2007 kien stabbilixxa organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti li jappartjenu għas-setturi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, li taħtu kien jaqa’ s-settur tal-laħam tal-majjal.

14      L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prezzijiet ta’ referenza”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1:

“1.      Għal prodotti suġġetti għall-miżuri ta' intervent imsemmijin fl-Artikolu 6(1) għandhom jiġu ffissati l-prezzijiet ta' referenza li ġejjin:

[...]

(f)      fir-rigward tas-settur tal-laħam tal-majjal, EUR 1 509,39 it-tunnellata għal karkassi ta’ ħnieżer ta’ kwalità standard definiti f’termini ta’ piż u kontenut ta’ laħam dgħif skond l-iskala Komunitarja għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer, prevista fl-Artikolu 42(1)(b) kif ġej:

(i)       karkassi li jiżnu minn 60 sa mhux aktar minn 120 kg: grad E kif stabbilit fil-punt B I ta’ l-Anness V;

(ii)       karkassi li jiżnu minn 120 sa mhux aktar minn 180 kg: grad R kif stabbilit fil-punt B I ta’ l-Anness V.”

15      L-Anness V tal-istess regolament kien jipprevedi:

“[...]

B.      Skala Komunitarja għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer

I.      Definizzjoni

‘Karkassa’ għandha tfisser il-korp ta’ majjal imbiċċer, żvinat u bil-ġewwieni mnaddaf, sħiħa jew maqsum mil-linja tan-nofs.]

III      Preżentazzjoni

Il-karkassi għandhom ikunu ppreżentati mingħajr ilsien, xagħar [lanżit], qawqab, organi ġenitali, kliewi u dijaframma.

Rigward il-majjali maqtula fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati biex jieħdu ħsieb li jkun hemm preżentazzjoni differenti tal-karkassi tal-majjal jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun osservata:

1.      jekk il-prattika kummerċjali normali fit-territorju tagħhom tkun differenti mill-preżentazzjoni standard definita fl-ewwel subparagrafu,

2.      jekk il-ħtiġiet tekniċi jkunu jippermettu,

3.      jekk il-karkassi tal-majjal ikunu bil-ġilda mneħħija b’mod uniformi.

[...]”

–       IrRegolament (KE) Nru 1308/2013

16      Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jinkludi, minn naħa, l-Artikolu 7(1)(f), u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(t) u l-Anness IV li huma fformulati b’termini komparabbli għal dawk, rispettivament, tal-Artikolu 8(1)(f) u tal-Anness V tar-Regolament Nru 1234/2007, dispożizzjonijiet riprodotti fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza.

17      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1308/2013, skala użata fl-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi għandha tapplika konformement mal-punt B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament fis-settur tal-laħam tal-ħanżir għall-karkassi tal-ħanżir minbarra dawk li servew għar-riproduzzjoni.

 Iddritt Daniż

 IlLiġi dwar ilProtezzjoni talAmbjent

18      Skont l-Artikolu 33(1) tal-Miljøbeskyttelsesloven (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tat‑22 ta’ Diċembru 2006, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent”):

“Impriża, installazzjoni jew tagħmir kif imniżżel fil-lista msemmija fl-Artikolu 35 (impriżi elenkati) ma jistax jiġi stabbilit jew jibda jopera qabel ma tingħata permess għal dan l-għan. Impriża elenkata lanqas ma tista’ tiġi estiża jew modifikata f’termini ta’ kostruzzjoni jew tħaddim tagħha – b’mod partikolari fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-iskart – b’mod li jinvolvi żieda fit-tniġġis qabel ma tkun awtorizzata l-estensjoni jew il-modifika.”

19      L-Artikolu 35(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-Ministru responsabbli għall-Ambjent u l-Ikel għandu jfassal lista tal-impriżi, tal-installazzjonijiet u tat-tagħmir partikolarment inkwinanti li huma suġġetti għall-obbligu ta’ pussess ta’ permess previst fl-Artikolu 33.”

20      L-Artikolu 110 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.       Sakemm ma tkunx iġġustifikata piena ogħla taħt leġiżlazzjoni oħra, għandha tiġi imposta multa fuq kull persuna li:

[...]

6)      tistabbilixxi, tibda jew tħaddem impriża mingħajr ma tkun kisbet il-permess previst fl-Artikolu 33,

[...]

2.       Il-piena tista’ tiġi estiża għal priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn jekk ir-reat twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u jekk, bit-twettiq tar-reat,

1)      ikun ġie ikkawżat dannu jew riskju ta’ dannu għall-ambjent, jew

2)      ikun inkiseb jew imfittex vantaġġ ekonomiku mill-persuna kkonċernata stess jew minn oħrajn, inkluż fil-forma ta’ ffrankar ta’ nfiq.

[...]

4.       Kumpannija jew persuna ġuridika oħra tista’ tinżamm responsabbli kriminalment skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 5 tal-Kodiċi Kriminali.”

 L-Avviż Nru 1454 dwar il-Permess tal-Attivitajiet Elenkati

21      L-Artikolu 3 tal-Bkendtgørelse nr. 1454 om godkendelse af listevirksomhed (l-Avviż Nru 1454 dwar il-Permess tal-Attivitajiet Elenkati), tal‑20 ta’ Diċembru 2012, kien jipprevedi:

“1.       Impriża elenkata ma tistax tiġi stabbilita jew tibda titħaddem qabel ma tingħata, għal dan l-għan, il-permess previst fl-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

2.      Impriża elenkata ma tistax tiġi estiża jew modifikata fuq il-livell tal-kostruzzjoni jew tal-operat tagħha – b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ skart – ’mod li jimplika żieda fit-tniġġis qabel ma l-estensjoni jew il-modifika tkun ġiet awtorizzata skont l-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

[...]

5.       Meta l-Anness 1 jew 2 jistabbilixxi limitu minimu għall-obbligu ta’ pussess ta’ permess, l-impriża ma tista’ twettaq ebda estensjoni jew modifika li twassal għal qbiż ta’ dan il-limitu sakemm l-impriża ma tkunx awtorizzata fit-totalità tagħha.”

22      L-Anness 1 ta’ dan id-digriet kien jinkludi l-lista tal-attivitajiet suġġetti għal permess, li fosthom kien hemm:

“[...]

6.4.

(a)       Tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ iktar minn 50 tunnellata ta’ karkassi jew tjur maqtula kull jum. [...]

[...]”

23      L-imsemmi avviż ġie ssostitwit matul l‑2014 u fis-snin sussegwenti b’verżjonijiet ġodda, mingħajr ma ġie mmodifikat il-kontenut essenzjali tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 21 u 22.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

24      Bejn l‑2014 u l‑2016, Moesgaard Meat 2012 A/S operat biċċerija tal-ħnieżer mingħajr ma kellha permess skont il-Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

25      Permezz ta’ att ta’ akkuża tad‑19 ta’ Lulju 2017, Moesgaard Meat u l-amministratur tagħha, PO, ġew imħarrka minħabba ksur ta’ din il-liġi, moqrija flimkien mal-Avviż dwar il-Permess tal-Impriżi Elenkati, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti allegati kontriha, minħabba li, matul il-perijodu msemmi fil-punt preċedenti, Moesgaard Meat kienet tħaddem, mingħajr il-permess ambjentali hekk rikjest, impriża ta’ biċċeriji li l-produzzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer kienet ta’ iktar minn 50 tunnellata kuljum, li kkawża riskju ta’ dannu ambjentali.

26      Skont dan l-att ta’ akkuża, il-produzzjoni medja ta’ kuljum ta’ karkassi ta’ Moesgaard Meat għal kull xahar tal-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2016 kienet tinsab f’medda ta’ bejn 53 488 kg ta’ karkassi f’Jannar 2014 sa 92 334 kg ta’ karkassi f’Settembru 2016, peress li l-produzzjoni żejda totali fuq l-imsemmi perijodu kollu kienet stmata għal 17.3 miljun kg.

27      Il-kalkolu tal-imsemmija produzzjoni medja ta’ kuljum kien ibbażat fuq iċ-ċifri ta’ produzzjoni li Moesgaard Meat kienet iddikjarat lill-awtorità kompetenti skont il-bekendtgørelse om produktionsafgift ved slagtning og eksport af svin (l-Avviż dwar it-Taxxa fuq il-Produzzjoni waqt it-Tbiċċir u l-Esportazzjoni tal-Ħnieżer), li jgħid li l-formoli kellhom jimtlew bl-aċċenn relattiv għall-“piż tal-qatla”. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan l-istess kalkolu, kienu biss il-“ġranet tal-qatla” li ttieħdu inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni tal-ġranet li fihom l-attività tal-biċċerija kienet limitata għar-riċezzjoni tal-annimali, it-tqegħid tagħhom fl-istalel u l-preparazzjoni tagħhom għall-qatla jew għall-finalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-annimali maqtula, b’mod partikolari billi jitneħħew ir-ras u l-għonq tal-annimal meta dan jiġi mkessaħ u billi jiġi ppreparat għall-ġbir.

28      Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, ir-Retten i Holstebro (il-Qorti Muniċipali ta’ Holstebro, id-Danimarka) iddikjarat lil Moesgaard Meat u PO ħatja tal-fatti allegati kontrihom.

29      Dawn appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), li kkonfermatha bis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019.

30      Il-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), li quddiemha PO u Moesgaard Meat ippreżentaw appell minn din is-sentenza, tistaqsi dwar l-interpretazzjoni adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u mill-qrati inferjuri fir-rigward tal-kunċetti ta’ “produzzjoni ta’ karkassi”, ta’ “kuljum” u ta’ “kapaċità”, li jinsabu fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 u riprodotti fil-leġiżlazzjoni Daniża applikabbli. Il-Højesteret (il-Qorti Suprema) tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-akkużati jsostnu li, kuntrarjament għal dak li kienu ddeċidew l-imsemmija qrati inferjuri, “karkassa” hija ġisem mingħajr ras, żvinat kif ukoll imkessaħ u li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ Moesgaard Meat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-tindif tal-annimali li jseħħ matul tmiem il-ġimgħa. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-“kapaċità” ta’ installazzjoni tista’ tkun inqas mill-produzzjoni reali tagħha meta, pereżempju, il-produzzjoni reali tkun intlaħqet minkejja l-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew ġuridiċi limitattivi tal-produzzjoni, li huwa l-każ tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-produzzjoni reali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku intlaħqet bl-użu ta’ kontenituri ta’ tkessiħ installati illegalment.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva 2010/75] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘produzzjoni ta’ karkassi’ tkopri l-proċess ta’ tbiċċir, li jibda meta l-annimal jitneħħa mill-kenn tiegħu, jiġu stordut u jinqatel, u jispiċċa meta jiġu prodotti l-qatgħat kbar standard, sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat qabel ma jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, jew ‘produzzjoni ta’ karkassi’ tfisser il-produzzjoni ta’ karkassi ta’ ħnieżer wara li jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, u wara żvinar u tkessiħ sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat biss f’dan il-waqt?

2.      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva 2010/75] għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jiġu ddeterminati n-numru ta’ ġranet ta’ produzzjoni inklużi fil-kapaċità ‘kull jum’, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-isturdament, il-qtil u t-tqattigħ immedjat tal-ħanżir imbiċċer, jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ sliħ, li jinkludu l-preparazzjoni tal-annimal għat-tbiċċir, it-tkessiħ tal-annimal imbiċċer u t-tneħħija tar-ras u tal-għonq tal-annimal?

3.      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva [2010/75] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘kapaċità’ ta’ biċċerija għandha tiġi kkalkolata bħala l-produzzjoni massima għal kull jum f’24 siegħa, bla ħsara għal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li l-biċċerija effettivament tikkonforma ruħha magħhom, iżda mhux inqas mill-produzzjoni milħuqa tagħha, jew il-‘kapaċità’ tal-biċċerija tista’ tkun inqas mill-produzzjoni milħuqa, pereżempju, fejn il-produzzjoni milħuqa minn biċċerija tkun twettqet b’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tal-produzzjoni li jiġu preżunti meta tiġi kkalkolata l-‘kapaċità’ tal-biċċerija?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer ta’ biċċerija, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż tal-annimali immedjatament wara l-qatla jew il-piż tagħhom wara l-iżvinar, it-tneħħija tal-vixxri u tal-imsaren, is-separazzjoni tar-ras u tal-għonq, u t-tkessiħ.

33      Mill-Artikolu 2(1) flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 10 u l-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 jirriżulta li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija suġġetta għal obbligu ta’ pussess ta’ permess taħt din id-direttiva kull installazzjoni li fiha titwettaq l-attività ta’ “tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ aktar minn 50 tunnellata metrika kull jum.”

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-intier tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “karkassa” li jinsab fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva u li din ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan it-terminu.

36      Fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, għandu madankollu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “karkassa” huwa ddefinit f’atti oħra tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tal-attività ta’ produzzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer ta’ biċċerija fosthom, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1308/2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti li jappartjenu, b’mod partikolari, għas-settur tal-laħam tal-ħanżir. Dan ir-regolament jipprevedi, fil-punt B tal-Anness IV tiegħu, regoli li japplikaw għall-iskala użata fl-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tal-ħanżir, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet u tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ intervent f’dawn is-setturi.

37      Skont dan l-Anness IV, il-kunċett ta’ “karkassa” tiddeżinja, għal dak li jikkonċerna l-ħnieżer, il-ġisem ta’ ħanżir maqtul, żvinat u mneħħi mill-vixxri, sħiħ jew maqsum fin-nofs. Bl-istess mod, mir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-karkassi, li jinsabu f’dan l-Anness IV, jirriżulta li għandhom jitneħħew, f’dak li jirrigwarda l-qżieqeż, l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonza, il-kliewi u d-dijaframma.

38      Għandu jiġi rrilevat ukoll li definizzjonijiet u regoli ta’ preżentazzjoni standard, essenzjalment identiċi, applikabbli għall-karkassi tal-ħnieżer fil-qasam tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq kienu diġà fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 96/61 li introduċiet, għall-ewwel darba, l-obbligu ta’ pussess ta’ permess għat-tħaddim ta’ biċċeriji li issa jirriżulta mid-Direttiva 2010/75, l-istess bħal waqt l-adozzjoni tad-Direttivi 2008/1 u 2010/75.

39      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttivi 96/61 u 2008/1 kien redatt f’termini komparabbli għal dawk tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75.

40      Id-definizzjonijiet u r-regoli ta’ preżentazzjoni standard imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza kienu previsti, qabelxejn, fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3220/84 u, sussegwentement, fl-Anness V tar-Regolament Nru 1234/2007.

41      Mir-Regolament Nru 1308/2013 u mir-regolamenti msemmija fil-punt preċedenti, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 1308/2013 kif ukoll mill-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament Nru 1234/2007 u mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3220/84, jirriżulta li l-piż tal-karkassi ddefiniti fih jikkostitwixxi, mir-Regolament Nru 3220/84, kriterju ta’ riferiment, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, għall-kalkolu tal-prezzijiet ta’ riferiment.

42      Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3220/84, li kien fis-seħħ meta ġiet adottata l-ewwel direttiva li introduċiet l-obbligu ta’ pussess ta’ permess għat-tħaddim tal-biċċeriji li għandhom kapaċità ta’ produzzjoni ta’ iktar minn 50 tunnellata ta’ karkassi kuljum, jiġifieri d-Direttiva 96/61, jirriżulta li, fir-rigward tal-piż tal-karkassi tal-ħnieżer wara l-qatla, il-piż kien japplika għall-karkassa fil-preżentazzjoni standard prevista minn dan ir-regolament, u dan minkejja li l-Istati Membri setgħu jiġu awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu preżentazzjoni differenti.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li bih il-kunċett ta’ “karkassa” li jirriżulta minn dawn l-atti huwa ddefinit, għandu jitqies li huwa għal dan il-kunċett ta’ “karkassa” li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi meta adotta d-Direttiva 2010/75 u d-direttivi li ppreċedewh, minkejja li jeżistu definizzjonijiet oħra tal-imsemmi kunċett fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika.

44      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi tal-ħnieżer minn biċċerija, imsemmija fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux il-piż tal-annimali immedjatament wara l-qatla iżda l-piż tagħhom wara l-operazzjonijiet ta’ żvinar u tneħħija tal-vixxri u wara t-tneħħija tal-ilsien, tal-lanżit, tad-dwiefer, tal-organi ġenitali, tas-sonza, tat-kliewi u tad-dijaframma.

45      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-fatt li l-kunċett ta’ “karkassa” huwa użat fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 b’rabta mal-kelma “produzzjoni” (“produzzjoni [...] ta’ karkassi”), b’mod konsistenti mal-ewwel sentenza tat-test introduttiv ta’ dan l-Anness I, li jipprevedi li “[i]l-valuri tal-limiti minimi mogħtija [f’dan l-anness] ġeneralment jirriferu għall-kapaċitajiet jew ir-rendiment tal-produzzjoni”. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “produzzjoni” applikat għal karkassi tal-annimali iktar jaqbel a priori ma’ proċess li fi tmiemu l-prodott tal-laħam li ġej mill-annimal jgħaddi mill-ewwel ipproċessar jew ippakkjar bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu fil-futur milli b’att iżolat bħal dak tal-qatla li jikkonsisti sempliċement f’li l-imsemmi annimal jgħaddi minn ħajja għall-mewt.

46      L-interpretazzjoni tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 fid-dawl tad-definizzjoni u tar-regoli ta’ preżentazzjoni standard dwar il-karkassi tal-ħnieżer li jinsabu fir-Regolament Nru 1308/2013 ma hijiex ikkontestata mill-fatt li uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva ma jirreferux litteralment għall-kunċett iddefinit f’dan ir-regolament.

47      Minn naħa, il-kunċetti użati fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, (“трупно месо”), Ungeriża (“vágott súly”) u Svediża (“slaktvikt”) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri, “laħam ta’ karkassa”, għall-ewwel waħda, u “piż tal-karkassa”, għas-segwenti, jidhru kunċettwalment simili ħafna għall-kunċetti użati f’dawn it-tliet verżjonijiet tar-Regolament Nru 1308/2013 (“окланичен труп”, “hasított test” u “slaktkropp”) jiġifieri “karkassa tal-qatla”, għall-ewwel waħda, u “karkassa tal-qatla”, għas-segwenti.

48      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-espressjonijiet użati fil-verżjonijiet bil-lingwa Olandiża (“geslachte dieren”), Ċeka, (“kapacita porážky”), Slovakka (“kapacita zabitia”) u Slovena (“zmogljivostjo zakola”) tad-Direttiva 2010/75, jiġifieri “annimali maqtula” għall-ewwel waħda u “kapaċità ta’ qatla”, ma jinkludux it-terminu “karkassa” ma jipprekludix interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dan it-terminu kif iddefinit fl-imsemmi regolament.

49      Fir-rigward tal-fatt li r-Regolament Nru 1308/2013 jilħaq għanijiet distinti minn dawk tad-Direttiva 2010/75, dan ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika li tingħata interpretazzjoni differenti fir-rigward tal-istess terminu użat f’żewġ leġiżlazzjonijiet dwar l-istess settur.

50      Għalkemm l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2010/75 jikkonsisti, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis b’mod integrat tat-tniġġis dovut għall-attivitajiet industrijali, xejn ma jippermetti li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ, qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lilu meta l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta jintalab iwettaq kunsiderazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, billi jirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-biċċeriji fis-sens tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75, għall-piż tal-karkassi tal-annimali kif iddefiniti fir-Regolamenti suċċessivi Nri 3220/84, 1234/2007 u 1308/2013.

51      Fl-aħħar nett, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-dokument ta’ riferiment dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-biċċeriji, redatt mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/61, jirriżulta li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, is-settur ekonomiku kkonċernat u b’mod partikolari l-atturi tiegħu li għandhom l-obbligu li jippossjedu l-permess minn qabel rikjest, taħt piena ta’ sanzjonijiet eventwali, wasslu li jassumu li l-karkassi għandhom ifissru iġsma ta’ annimali pproċessati wara li partijiet sostanzjali tagħhom ikunu tneħħew.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 6.4 (a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ ħnieżer ta’ biċċerija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż tal-ħnieżer maqtula, żvinati u mneħħija mill-vixxeri kif ukoll mingħajr l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonza, il-kliewi u d-dijaframma.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

53      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6.4 (a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum ta’ karkassi ta’ biċċerija mħaddma li ma għandhiex il-permess rikjesti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva hija kkalkolata abbażi tal-volumi tal-produzzjoni effettiva fix-xahar ta’ din il-biċċerija:

–        dan il-kalkolu għandu jinkludi wkoll, minbarra l-ġranet meta l-annimali jinqatlu, il-jiem li fihom jitwettqu stadji oħra tal-produzzjoni tal-karkassi, u

–        għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi u ġuridiċi li jistgħu jirrestrinġu l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ din il-biċċerija, b’tali mod li din il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha tista’ tkun inqas mill-produzzjoni reali, b’mod partikolari meta din tkun intlaħqet minkejja dawn il-limitazzjonijiet.

54      Fis-sens normali, il-“kapaċità ta’ produzzjoni” ta’ biċċerija tirreferi għall-kwantità ta’ karkassi li l-biċċerija tista’ tipproduċi.

55      Bħala prinċipju, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ biċċerija, sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex tibbenefika minn permess, għandha għalhekk titwettaq ex ante fid-dawl tal-kapaċità tat-tagħmir ta’ tħaddim li hija għandha. F’dan il-kuntest, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tagħha, meta rreferiet għad-dokument d-dokument ta’ gwida tat‑18 ta’ Marzu 2010 tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni ta’ kapaċità skont id-Direttiva 96/61 (Guidance on Interpretation and Determination of Capacity under the IPPC Directive), li, filwaqt li ma hijiex vinkolanti, tista’ sservi sabiex tiċċara l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva u għalhekk ukoll tad-Direttiva 2010/75 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Apollo Tyres (Hungary), C‑575/20, EU:C:2021:1024, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti fiżiċi, tekniċi u ġuridiċi rilevanti, kif ukoll il-kapaċità tal-parti tal-installazzjoni jew tal-istadju tal-produzzjoni tagħha li tillimita l-iktar il-kapaċità globali tal-biċċerija kkonċernata. Fil-fatt, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni dawn il-limiti, il-kapaċità tal-installazzjoni hekk iddeterminata ma tikkorrispondix għal dak li, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli għall-attività inkwistjoni, jista’ jitwettaq fil-prattika.

56      Madankollu, meta d-data ta’ produzzjoni ta’ biċċerija mhux suġġetta għal tali permess turi li din il-biċċerija tipproduċi kwantitajiet ta’ karkassi li jaqbżu l-kwantitajiet imsemmija fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75, dan il-fatt biss għandu jwassal sabiex jitqies li l-imsemmija biċċerija għandha, tal-inqas, kapaċità ekwivalenti għal dawn il-kwantitajiet u, għaldaqstant, li l-produzzjoni inkwistjoni seħħet b’nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ pussess ta’ permess li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

57      F’dan il-kuntest, ma jistax jintlaqa’ l-argument difiż minn PO u Moesgaard Meat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-livell reali ta’ produzzjoni ta’ karkassi milħuq minn Moesgaard Meat ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-biċċerija kkonċernata f’sitwazzjoni li fiha dan il-livell reali ta’ produzzjoni nkiseb b’nuqqas ta’ osservanza tal-limiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli għall-attività inkwistjoni, f’dan il-każ grazzi għall-kontejners ta’ tkessaħ installati illegalment.

58      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/75, flimkien mal-premessa 2 tagħha, din id-direttiva hija intiża sabiex tipprevjeni, tnaqqas u, sa fejn possibbli, telimina t-tniġġis ikkawżat mill-attivitajiet industrijali prinċipali. Għaldaqstant, sa fejn hija l-produzzjoni effettiva li hija s-sors tat-tniġġis li l-imsemmija direttiva hija intiża li tipprevjeni, li tnaqqas u li telimina, biċċerija li l-produzzjoni effettiva ta’ karkassi tagħha tkun ogħla mil-limitu previst fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tal-istess direttiva għandha tiġi kkunsidrata, fi kwalunkwe każ, bħala li hija installazzjoni li teżerċita tali attivitajiet industrijali u, għaldaqstant, suġġetta għall-obbligu li jkollha pussess ta’ permess taħt din id-direttiva, indipendentement mill-mod, legali jew illegali, ta’ kif dan il-livell ta’ produzzjoni jkun intlaħaq.

59      Barra minn hekk, il-fatt li jiġu prodotti kwantitajiet li jaqbżu dawk imsemmija fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 matul perijodu partikolari għandu jitqies, bħala prinċipju, fl-assenza ta’ modifika tat-tagħmir operattiv li għandha l-biċċerija kkonċernata jew tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi u ġuridiċi applikabbli għall-attività inkwistjoni, bħala li jindika l-eżistenza ta’, tal-inqas, tali kapaċità anki fir-rigward ta’ perijodi oħra ta’ funzjonament ta’ din il-biċċerija, li matulhom, jekk ikun il-każ, minħabba, pereżempju, tnaqqis fid-domanda attwali, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-imsemmija biċċerija ma kinitx użata kompletament u l-kwantitajiet prodotti minnha kienu, għaldaqstant, inqas minn dawk imsemmija f’dan il-punt 6.4(a).

60      Fl-aħħar nett, fil-każ li d-data dwar il-produzzjoni effettiva ta’ kuljum ta’ karkassi tal-biċċerija kkonċernata tkun nieqsa, u fejn il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum ta’ karkassi ma tkunx ġiet debitament evalwata ex ante sabiex tiġi stabbilita n-neċessità tal-permess rikjest skont id-Direttiva 2010/75 konformement ma’ dak li ġie indikat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, iżda tiġi dedotta mid-data ta’ produzzjoni medja ta’ kuljum, ikkalkolata mill-volumi tal-produzzjoni ta’ kull xahar effettiva ta’ din il-biċċerija, dan jimplika neċessarjament li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-produzzjoni medja ta’ kuljum, mhux biss il-“ġranet tal-qatla”, iżda wkoll il-jiem li fihom jitwettqu stadji oħra tal-produzzjoni tal-karkassi, jiġifieri dawk imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza u dawk li jippreċeduhom.

61      F’dan il-każ, dan jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-Sibtijiet u l-Ħdud fejn l-attività tal-biċċerija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkonsisti, skont l-indikazzjonijiet ta’ PO u ta’ Moesgaard Meat u li huma dawn tal-aħħar li għandhom jissostanzjahom u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, meta jiġu kkunsinnati l-annimali, it-tqegħid tagħhom għall-kenn u l-preparazzjoni tagħhom għall-qatla u l-finalizzazzjoni, wara l-qatla, tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum ta’ karkassi ta’ biċċerija mħaddma ma għandhiex il-permess rikjest fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva hija kkalkolata abbażi tal-volumi tal-produzzjoni effettiva fix-xahar ta’ din il-biċċerija, dan il-kalkolu għandu jinkludi, minbarra l-ġranet li fihom l-annimali jinqatlu, ukoll il-ġranet li fihom jitwettqu stadji oħra tal-produzzjoni ta’ karkassi. Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-eventwali limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew ġuridiċi li jistgħu jirrestrinġu l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-biċċerija.

 Fuq lispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 6.4 (a) tal-Anness 1 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ ħnieżer ta’ biċċerija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż tal-ħnieżer maqtula, żvinati u mneħħija mill-vixxeri kif ukoll mingħajr l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonza, il-kliewi u d-dijaframma.

2)      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum ta’ karkassi ta’ biċċerija mħaddma ma għandhiex il-permess rikjest fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva hija kkalkolata abbażi tal-volumi tal-produzzjoni effettiva fix-xahar ta’ din il-biċċerija, dan il-kalkolu għandu jinkludi, minbarra l-ġranet li fihom l-annimali jinqatlu, ukoll il-ġranet li fihom jitwettqu stadji oħra tal-produzzjoni ta’ karkassi. Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-eventwali limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew ġuridiċi li jistgħu jirrestrinġu l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-biċċerija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.