Language of document : ECLI:EU:F:2007:232

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-27/07

Asa Sundholm

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 – Assenza għal raġuni medika – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Artikolu 233 KE”

Suġġett: Rikors ippreaentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu A. Sundholm titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ġunju 2006, li tistabbilixxi r-rapport dwar l‑iżvilupp tal-karriera tagħha għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 2005, Sundholm vs Il‑Kummissjoni (T‑86/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma hijiex kompetenti sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-persuni inkarigati sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-persuna evalwata. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Id-deċiżjonijiet ta’ valur magħmula fuq l-uffiċjali fir-rapporti dwar l-iżvilupp tal-karrierra huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżerċitat biss fuq l-eventwali irregolaritajiet fil-forma, l-iżbalji ta’ fatt manifesti li jolqtu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, kif ukoll fuq eventwali abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 99; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 78

2.      Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-motivazzjoni tar-rapport ta’ żvilupp tal-karriera f’ċerti sitwazzjonijiet, b’mod partikolari meta l-evalwatur tal-appell jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konġunt għall-evalwazzjonijiet, meta r-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera jkun jinkludi evalwazzjonijiet inqas favorevoli minn dawk imsemmija f’rapport preċedenti jew inkella meta l-imsemmi rapport jiġi stabbilit b’dewmien u l-evalwatur ma jkunx għadu s-superjur ġerarkiku li kien fil-kariga matul il-perijodu suġġett għall-evalwazzjoni.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Ístanza: 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP p. I‑A‑261 u II‑1163, punti 49, 50, 53 u 54; Combescot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84