Language of document : ECLI:EU:T:2012:501

Kawża T‑387/09

Applied Microengineering Ltd

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Ħames Programm Qafas għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni — Kuntratti għal proġetti ‘Formation of a New Design House for MST’ u ‘Assessment of a New Anodic Bonder’ — Irkupru ta’ parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa — Deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv — Deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża — Bażi legali tar-rikors — Natura tar-raġunijiet invokati — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012

1.      Rikors għal annullament — Rikors kontra deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv — Deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE — Ammissibbiltà — Motivi dwar stipulazzjonijiet kuntrattwali u d-dritt nazzjonali applikabbli — Inammissibbiltà

(Artikoli 230 KE, 238 KE, 249 KE u 256 KE)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni — Skambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni qabel il-firma tal-kuntratt li ma jikkostitwixxix assigurazzjoni jew promessa preċiża — Ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi — Assenza

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa fil-kuntest ta’ programm ta’ riċerka — Neċessità li jiġi anness ir-rapport tal-verifika — Assenza

(Artikolu 253 KE)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Parti kontraenti tal-Kummissjoni li ma nfurmatx lil din tal-aħħar bit-tibdil fl-indirizz tagħha — Ittri mibgħuta fl-indirizz l-antik — Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Assenza — Indirizz ġdid imsemmi fl-ittri indirizzati lil awditur u ttrasferiti lill-Kummissjoni — Skadenza tal-perijodu kuntrattwali — Assenza ta’ rilevanza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 41)

1.      L-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jiffurmaw parti minn kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu sseparati minnu ma humiex fost, minħabba n-natura nnifisha tagħhom, l-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE.

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv, ikkontemplati fl-Artikolu 256 KE, huma, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tgħid mod ieħor fit-Trattat KE, fost dawk imsemmija fl-Artikolu 249 KE, li l-fondatezza tagħhom tista’ tkun ikkontestata biss quddiem il-qorti tal-annullament, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE. Dan huwa, b’mod partikolari, hekk meta deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv tkun adottata sabiex jiġi rkuprat kreditu li jirriżulta minn kuntratt konkluż minn istituzzjoni.

Meta ppreżentata b’rikors għal annullament fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tat-Trattat KE jew ta’ kull regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 238 KE, rikorrent jista’ jinvoka kontra l-istituzzjoni kontraenti biss ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt.

Għalhekk, f’rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv, il-motivi bbażati fuq ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali u tad-dritt nazzjonali applikabbli għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punti 36, 38-41)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57-62)

3.      Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Mill-motivazzjoni għandu jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura implementata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata.

Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati. Huwa suffiċjenti għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni.

Għalhekk, ladarba l-parti kkonċernata kienet strettament assoċjata mal-proċess ta’ elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kienet taf għaldaqstant ir-raġunijiet li għalihom l-amministrazzjoni adottat din tal-aħħar, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq il-kuntest maħluq minn din il-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam jonqsu kunsiderevolment.

Għaldaqstant, meta, billi tirreferi għal rapport ta’ verifika, il-Kummissjoni turi b’mod suffiċjentement ċar, f’ deċiżjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet l-irkupru ta’ parti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa fil-kuntest ta’ programm ta’ riċerka, hija tippermetti lill-persuna kkonċernata li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li dan ir-rapport ta’ verifika jkun mehmuż magħha.

(ara l-punti 64-67, 72)

4.      Fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

Fil-kuntest tal-irkupru ta’ parti minn kontribuzzjoni mħallsa taħt programm ta’ riċerka, fir-rigward tal-ittra li tinforma lir-rikorrenti bl-għeluq tal-proċess ta’ verifika, mibgħuta bil-posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta fuq l-indirizz indikat mill-persuna kkonċernata lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli pproċediet b’dan il-mod fin-nuqqas ta’ notifika, mill-persuna kkonċernata lill-Kummissjoni, tal-bdil tal-indirizz tagħha. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi ċirkustanza li l-perijodu kuntrattwali kien intemm ma jeżonerax lir-rikorrenti milli tinforma lill-Kummissjoni bil-bdil tal-indirizz tagħha, ladarba kien għad hemm proċess ta’ verifika. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi indikazzjoni tal-indirizz ġdid tagħha fil-firma tal-posta elettronika li r-rikorrenti bagħtet lill-awditur ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ġiet informata b’mod korrett bil-bdil ta’ indirizz, anki jekk dawn l-iskambji ta’ posta elettronika kienu ġew ittrasferiti mill-awditur lill-Kummissjoni.

(ara l-punti 76, 80)