Language of document : ECLI:EU:T:2015:257

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

5 ta’ Mejju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali SPARITUAL — Trade marks Benelux verbali u figurattiva preċedenti SPA u LES THERMES DE SPA — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑131/12,

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita fi Spa (il-Belġju), irrappreżentata minn L. De Brouwer, E. Cornu u É. De Gryse, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Orly International, Inc., stabbilita fi Van Nuys, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn P. Kremer u J. Rotsch, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tad-9 ta’ Jannar 2012 (Każ R 2396/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV u Orly International, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Diċembru 2012,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2013,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2013,

wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-11 ta’ Frar 2006, l-intervenjenti, Orly International, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 1, p. 207), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 26/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 1, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali SPARITUAL.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 3 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti għal kura tad-dwiefer u aġenti għall-kura tal-ġisem”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 048/2004, tat-29 ta’ Novembru 2004.

5        Fil-25 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti, Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ‘il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        It-trade mark Benelux verbali SPA, irreġistrata fil-11 ta’ Marzu 1981, bin-numru 372 307, imġedda sal-11 ta’ Marzu 2021, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 u tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Preparazzjonijiet għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil; preparazzjonijiet għal tindif, illustrar, sabiex wieħed jogħrok u li joborxu; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; preparazzjonijiet u prodotti tat-twaletta għal skopijiet mhux mediċi; toothpaste” (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3”);

–        It-trade mark Benelux verbali SPA, irreġistrata fil-21 ta’ Frar 1983, bin-numru 389 230, imġedda sal-21 ta’ Frar 2023, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 u tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet” (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32”);

–        It-trade mark Ġermaniża verbali SPA, irreġistrata fit-8 ta’ Awwissu 2000, bin-numru 2 106 346, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 u tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Fwejjaħ u aġenti għall-kura tal-ġisem u tas-sbuħija” (iktar ’il quddiem it-“trade mark Ġermaniża verbali SPA”);

–        It-trade mark Benelux figurattiva, riprodotta iktar ’il fuq, irreġistrata fl-20 ta’ Frar 1997, bin-numru 606700, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 u tikkorrispondi ma’ li ġejja: “Birer, ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xiroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet” (iktar ’il quddiem it-“trade mark figurattiva SPA b’Pierrot”):

Image not found

–        It-trade mark Benelux verbali LES THERMES DE SPA, irreġistrata fid-9 ta’ Frar 2001, bin-numru 693 395, għal servizz li jaqgħu taħt il-klassi 42 u tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ stabbilimenti termali, inkluż provvista ta’ servizzi għal kura tas-saħħa, banjiniet, doċoċ u massaġġi” (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali LES THERMES DE SPA li tinkludi servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42”).

7        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni u eskludiet il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Ġermaniża verbali SPA, li għaliha l-użu ġenwin ma kienx meħtieġ.

9        Fil-21 ta’ Jannar 2009, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-10 ta’ Jannar 200. Huwa rrileva li t-trade mark Ġermaniża verbali SPA kienet ġiet annullata wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, minħabba li hija ma għandhiex karattru distintiv. Għalhekk, l-oppożizzjoni ma setgħetx tiġi validament ippreżentata fuq il-bażi tal-imsemmija trade mark. Konsegwentement, huwa rrinvija lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni l-eżami tal-oppożizzjoni ppreżentat fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti differenti mit-trade mark Ġermaniża verbali SPA.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni. Hija qieset, abbażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ indebitu mit-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32.

11      Fit-8 ta’ Diċembru 2010, l-intervenjent appella quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2010.

12      Fil-15 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti llimitat l-oppożizzjoni tagħha għal tliet trade marks, jiġifieri t-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3, it-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 u t-trade mark verbali LES THERMES DE SPA li tinkludi servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010.

14      Preliminarjament, il-Bord tal-Appell jirrileva, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-oppożizzjoni kellha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-tliet trade marks verbali preċedenti msemmija fil-punt 12 iktar ‘il fuq. Prinċipalment, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3, huwa qies, fil-punti 36 u 37 tal-imsemmija deċiżjoni, li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark għall-prodotti li jaqgħu taħt l-klassi 3, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, huwa qies li ċerti kundizzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni fuq l-bażi ta’ din it-trade marks ma kinux issodisfatti. Fil-punti 43 sa 47 ta’ din id-deċiżjoni, huwa indika li r-rikorrenti la kienet ipproduċiet il-prova tar-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark, la wriet l-eżistenza ta’ ħsara li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kkawża lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, u lanqas ibbażat l-argument tagħha intiż sabiex isostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-oppożizzjoni ppreżentata fuq il-bażi tat-trade mark verbali LES THERMES DE SPA li tinkludi servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42, huwa qies, fil-punt 55, li l-kundizzjoni li kienet tirrigwarda r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark u msemmija fl-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament ma kinitx issodisfatta fil-każ ineżami u li l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark fis-sens tal-Artikolu 42(2) tal-imsemmi regolament kien dubjuż. Fil-fehma tiegħu, it-trade mark inkwistjoni hija rrappreżentata fuq id-dokumenti bħala l-indikazzjoni ġenerika ta’ post fi Spa (il-Belġju), fejn huwa possibbli li wieħed jieħu banju u mhux bħala t-trade mark ta’ servizzi ta’ impriża.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku biss, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, intiż li jikkontesta ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha bbażata fuq it-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark ma kinitx stabbilita fil-każ ineżami. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-argumenti tagħha intiżi sabiex issostni l-probabbiltà li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni ma kinux sostnuti fil-każ ineżami.

19      Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni wkoll ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah it-trade mark preċedenti, u jekk tkun iddestinata sabiex tiġi rreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux dawk li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark preċedenti, meta, fil-kuntest ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, hija għandha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun kiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew ikun ta’ ħsara għalihom.

20      Għal dak li jikkonċerna t-trade marks irreġistrati quddiem il-Bureau Benelux des marques, it-territorju tal-Benelux għandu jiġi assimilat mat-territorju ta’ Stat Membru (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, Ġabra, EU:C:1999:408, punt 29).

21      Għall-istess motivi bħal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni fi Stat Membru, ma jistax għalhekk ikun meħtieġ minn trade mark Benelux li r-reputazzjoni tagħha testendi għat-territorju tal-Benelux kollu. Huwa biżżejjed li din ir-reputazzjoni teżisti f’parti sostanzjali tiegħu, li tista’ tikkorrispondi, skont il-każ, għal parti ta’ wieħed mill-pajjiżi Benelux (sentenza General Motors, punt 20 iktar ’il fuq, EU:C:1999:408, punt 29).

22      Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tippreżumi l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, it-trade mark preċedenti allegatament ta’ reputazzjoni għandha tkun irreġistrata. Fit-tieni lok, din tal-aħħar u t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu identiċi jew simili. Fit-tielet lok, hija għandha jkollha reputazzjoni fl-Unjoni, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti. Fir-raba’ lok, l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jwassal għal probabbiltà li jista’ jittieħed vantaġġ indebitu miksub mill‑karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tista’ ssir ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa suffiċjenti sabiex jirrendi l-imsemmija dispożizzjoni inapplikabbli [sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, Ġabra, EU:T:2007:93, punti 34 u 35, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T‑150/04, Ġabra, EU:T:2007:214, punti 54 u 55].

23      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, ir-raba’ waħda mill-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, din issemmi tliet tipi ta’ probabbiltajiet distinti u alternattivi, jiġifieri li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-ewwel lok, jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, fit-tieni lok, jikkawża ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew, fit-tielet lok, jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. L-ewwel tip ta’ probabbiltà msemmi minn din id-dispożizzjoni jinħoloq meta t-trade mark preċedenti ma tibqax f’pożizzjoni li tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata. Din jirrigwarda l-dilwizzjoni tat-trade mark preċedenti permezz tat-telf tal-identità tagħha u tal-influwenza f’moħħ il-pubbliku. It-tieni tip ta’ probabbiltà msemmi huwa kkostitwit meta l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jitqiesu mill-pubbliku b’tali mod u manjiera li l-forza tal-attrazzjoni tat-trade mark preċedenti titnaqqas. It-tielet tip ta’ probabbiltà msemmi huwa dak li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din tal-aħħar tirrifletti jiġu ttrasferiti lill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark kunfliġġenti ma hija meħtieġa, peress li l-pubbliku rilevanti kellu biss ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejniethom mingħajr ma neċessarjament jagħmel konfużjoni bejniethom (ara s-sentenza VIPS, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2007:93, punti 36 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Sabiex tiġi ddefinita aħjar il-probabbiltà msemmija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrilevata l-ewwel funzjoni ta’ trade mark li tikkonsisti b’mod inkontestabbli f’“funzjoni prinċipali”. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li trade mark taġixxi bħala mezz ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi oħra li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kwalitajiet jew il-karatteristiċi partikolari tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, jew l-immaġini u s-sensazzjonijiet li hija tagħti, bħal, pereżempju, il-lussu, l-istil ta’ ħajja, l-esklużività, l-avventura u ż-żgħożija. F’dan is-sens, it-trade mark għandha valur ekonomiku intrinsiku awtonomu u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ prodotti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata. Il-messaġġi inkwistjoni li tippromwovi b’mod partikolari trade mark li għandha reputazzjoni jew li huma assoċjati magħha jagħtu lil din tal-aħħar valur importanti u denju ta’ protezzjoni, u dan iktar u iktar billi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-reputazzjoni ta’ trade mark hija r-riżultat ta’ sforzi u investimenti kunsiderevoli tal-proprjetarju tagħha. Huwa għalhekk li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jiżgura l-protezzjoni ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għal trade mark identika jew simili li tista’ tippreġudika l-immaġini tagħha, anki jekk il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni ġiet irreġistrata (sentenza VIPS, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2007:93, punt 35).

25      Huwa fid-dawl tal-prinċipji ffissati mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ġustament qiesx, essenzjalment, li t-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq, kinux issodisfatti fil-każ ineżami.

26      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet ir-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 31. F’dan ir-rigward, huwa osserva li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti kienu jipppermettu biss li tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, kif jirriżulta mill-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI (C‑234/06 P, Ġabra, EU:C:2007:514, punt 86), ir-reputazzjoni tat-trade figurattiva SPA bi Pierrot ma setgħetx tiġi “estiża” għat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32. Fil-punt 42 tal-imsemmija deċiżjoni, fil-fatt dan ikkonstata, kuntrarjament għal dak li kienet qieset id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti kienu juru biss l-użu tal-kelma “spa” ħlief f’assoċjazzjoni ma’ element figurattiv li jirrappreżenta pierrot u li dan l-element kien jeżerċita influwenza sinjifikattiva fuq il-karattru distintiv tat-trade mark figurattiva inkwistjoni u, għalhekk, fuq ir-reputazzjoni tagħha. Din l-evalwazzjoni, skont il-Bord tal-Appell, kienet ikkonfermata mid-dikjarazzjonijiet ta’ rappreżentant tal-kumpannija parent tar-rikorrenti li kienu ċċitati fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tad-9 ta’ Ottubru 2008, Gerwin Arnetzel vs Spa Monopole, Compagnie fermière de SPA (DENTAL SPA) (Kawżi magħquda R 1368/2007‑1 u R 1412/2007‑1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni DENTAL SPA”). It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikkawża preġudizzju għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 u indika, fil-punt 47 ta’ din id-deċiżjoni, li r-rikorrenti ma kienet ressqet ebda argument intiż li jistabbilixxi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni.

27      Madankollu, sa fejn huwa neċessarju, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li kull waħda mill-erba’ kundizzjonijiet, imfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq, tiġi ssodisfatta sabiex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni, huwa biss jekk l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata li kienu ttrattaw kemm it-tielet kundizzjoni kif ukoll ir-raba’ kundizzjoni kienu żbaljati li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li huwa paċifiku li l-ewwel kundizzjoni, elenkata fil-punt 22 iktar ’il fuq, jiġifieri l-kundizzjoni marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali inkwistjoni, hija ssodisfatta, u min-naħa l-oħra, li l-Bord tal-Appell ma ħax pożizzjoni, għall-inqas b’mod espliċitu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq it-tieni kundizzjoni, jiġifieri dik li tirrigwarda l-identità jew ix-xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, intiża li tikkontesta l-assenza ta’ provi tar-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32

28      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li r-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 ma kinitx ġiet stabbilita fil-każ ineżami. L-ewwel nett, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivi, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-provi tar-reputazzjoni kienu jikkonċernaw biss it-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, filwaqt li l-oppożizzjoni kienet ġiet limitata għat-tliet trade marks preċedenti msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, li fosthom ma kienx hemm l-imsemmija trade mark figurattiva. It-tieni nett, hija ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq, essenzjalment, żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni. L-iżball ta’ liġi kien jirriżulta minn applikazzjoni ineżatta tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-prova ta’ użu ta’ trade mark preċedenti u b’mod partikolari tas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514). L-iżball ta’ evalwazzjoni huwa marbut mal-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx irrikonoxxa li t-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni tikkonserva, meta tintuża mal-element figurattiv li jirrappreżenta l-immaġni ta’ pierrot, “setgħa distintiva awtonoma” u li dan “jidher b’mod dominanti”. Barra minn hekk, dan l-element figurattiv “ma [jbiddel] bl-ebda mod il-karattru distintiv” tat-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni, peress li din it-trade mark tibqa’ dejjem rikonoxxibbli mill-konsumaturi tal-ilma minerali fil-pajjiżi tal-Benelux. Ir-rikorrenti tqis għalhekk li l-Bord tal-Appell kellu jikkonstata li d-dokumenti pprovduti matul il-proċedura amministrattiva kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li kienet tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, li kienet, barra minn hekk, diġà rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll fid-deċiżjonijiet tal-UASI u tal-qrati nazzjonali tal-pajjiżi tal-Benelux. Hija tafferma wkoll li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod ineżatt id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant tal-kumpannija parent tagħha, iċċitati fid-deċiżjoni DENTAL SPA, sa fejn dan ma kkonstatax li mid-dokument li jinkludi l-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-element verbali “spa” jikkonserva l-karattru distintiv partikolari tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati.

29      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment li jgħid li teżisti kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-provi tar-reputazzjoni kienu jikkonċernaw biss it-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, filwaqt li l-oppożizzjoni kienet ġiet limitata għat-tliet trade marks preċedenti msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, li fosthom ma kienx hemm l-imsemmija trade mark figurattiva. F’dan ir-rigward, mill-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet ir-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, dan kien biss sabiex jiġi stabbilit jekk ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark figurattiva tippermettix li tiġi stabbilita dik tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32. Fil-fatt, kif hija indikat fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell illimita l-eżami tal-oppożizzjoni tiegħu għat-tliet trade marks imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq.

30      It-tieni nett, sa fejn il-Bord tal-Appell qies, mingħajr ma dan kien ikkontestat mill-partijiet, li d-dokumenti pprovduti kienu jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, għandu jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, dan kienx korrett meta, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark figurattiva ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti prova tar-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat l-ewwel nett li, kif ġustament issostni r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din il-kawża, din ma hijiex kwistjoni li jiġi pprovat l-użu tat-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament 207/2009. Fil-fatt, minn naħa, tali talba ma tressqitx quddiem l-UASI u, min-naħa l-oħra, konformement mal-ġurisprudenza, trade mark preċedenti hija preżunta li kienet suġġetta għal użu serju sakemm talba li għandha bħala għan il-prova ta’ tali użu ma tiġix ippreżentata, fejn it-talba għandha titressaq espressament u fil-ħin quddiem l-UASI [sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra, EU:T:2004:79, punti 38 u 39].

32      Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-ksib tal-karattru distintiv ta’ trade mark jista’ jirriżulta wkoll mill-użu tagħha bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C‑488/06 P, Ġabra, EU:C:2008:420, punt 49). F’tali ipoteżi, hija qieset li l-kundizzjoni li għandha tiġi osservata, għat-trasferiment tal-karattru distintiv ta’ trade mark irreġistrata għal trade mark irreġistrata oħra li tikkostitwixxi parti minnha, kienet li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin minn impriża speċifika (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, Ġabra, EU:C:2005:432, punti 30 u 32).

33      Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv partikolari u r-reputazzjoni tagħha, jinvoka provi tal-użu tagħha taħt forma differenti, bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra u li għandha reputazzjoni, bil-kundizzjoni li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin mill-istess impriża.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq, kif ġustament issostni r-rikorrenti u kuntrarjament għal dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, żball ta’ liġi meta qies, abbażi tas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514), li r-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot ma setgħetx tiġi “estiża” għat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C‑553/11, Ġabra, EU:C:2012:671, punt 29) jirriżulta li huwa fil-kuntest partikolari tal-allegata eżistenza ta’ “grupp” jew ta’ “serje” ta’ trade marks li għandha tinftiehem id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 86 ta-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514), li tipprovdi li l-Artikolu 10(2)(a)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), [u, b’analoġija, l-Artikolu 15(2)(a)), tar-Regolament Nru 207/2009] ma jippermettix li tiġi estiża, mill-prova tal-użu tagħha, il-protezzjoni li għandha trade mark irreġistrata meta mqabbla ma’ trade mark oħra rreġistrata, li l-użu tagħha ma ġiex ipprovat, minħabba l-fatt li din tal-aħħar hija biss verżjoni kemxejn immodifikata tal-ewwel waħda. Skont l-imsemmija sentenza, l-użu ta’ trade mark ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-użu ta’ trade mark oħra, peress li l-għan huwa li jiġi stabbilit l-użu ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks tal-istess “grupp”. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif hija ġustament tosserva, ir-rikorrenti ma pprovatx tistabbilixxi l-użu ta’ trade marks tal-istess grupp SPA, iżda li turi, essenzjalment li t-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 jibbenefikaw minn reputazzjoni, peress li l-użu tagħha fit-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot ma biddlitx il-karattru distintiv tagħha u li, għall-kuntrarju, l-imsemmija trade mark verbali preċedenti tibqa’ tidher sew u kienet rikonoxxibbli sew fit-trade mark figurattiva inkwistjoni.

35      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell qies u dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, għandu jitqies li, sakemm tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni imposta fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet, f’dan il-każ, tistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 billi jintużaw provi li jikkonċernaw it-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, li t-trade mark verbali preċedenti tifforma parti minnha. Konsegwentement, jibqa’ li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjoni imposta mill-imsemmija ġurisprudenza hijiex issodisfatta, jiġifieri li l-elementi ta’ differenza bejn it-trade mark verbali u t-trade mark figurattiva użata fin-negozju ma jipprekludux lill-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni li huma ġejjin minn impriża speċifika.

36      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, kif sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element figurattiv li jirrappreżenta pierrot, li jidher fit-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot, jippreżentax influwenza sinjifikattiva rigward il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark u, għalhekk, rigward ir-reputazzjoni tagħha, mill-fatt tal-assoċjazzjoni kostanti tagħha mat-terminu “spa” fid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija l-Qorti Ġenerali wkoll li għandha teżamina jekk tali kunsiderazzjoni hijiex ikkonfermata, kif ikkunsidra l-Bord tal-Appell, bid-dikjarazzjonijiet ta’ rappreżentant tal-kumpannija parent tar-rikorrenti, li jidhru fid-deċiżjoni DENTAL SPA, li jipprovdu li l-pierrot huwa l-“ambaxxatur tat-trade mark”, parti integrali tagħha, “wieħed mill-ftit simboli li għandu aspett uman” u li għandu jitqiegħed “fuq quddiem”.

37      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti rtirat, kif ġie rrikonoxxut fis-seduta, l-ilment tagħha intiż li jsostni li l-Bord tal-Appell, billi bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant tal-kumpannija parent tar-rikorrenti, iċċitati fid-deċiżjoni DENTAL SPA, imsemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, ma rrispettax id-drittijiet tad-difiża tagħha, kif imsemmija fl-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li d-dokument li jinkludi l-imsemmija dikjarazzjonijiet kien jifforma parti minn proċedimenti differenti minn dawk li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata.

38      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li kien qies il-Bord tal-Appell fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, mid-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant tal-kumpannija parent tar-rikorrenti, li jinsabu fid-deċiżjoni DENTAL SPA msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, jirriżulta li element figurattiv li jikkonsisti f’pierrot għandu influwenza fundamentali fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark figurattiva inkwistjoni. Għalkemm l-imsemmija dikjarazzjonijiet jindikaw b’mod partikolari li dan l-element figurattiv huwa intiż li “jiffaċilita r-rikonoxximent tat-trade mark”, sa fejn jirrigwarda “personaġġ favorit”, li huwa l-“ambaxxatur tat-trade mark”, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-imsemmi element figurattiv ma jidhirx fuq it-tikketta tal-fliexken ta’ ilma riprodotta fl-artiklu tal-istampa li jiċċita dawn id-dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, it-trade marks li jidhru fuq il-fliexken ta’ ilma riprodotti fl-imsemmija artiklu kollha jinkludu l-element verbali “spa”, li jidher b’mod predominanti, li miegħu jiżdied b’tipa żgħira l-element verbali “reġina” u mingħajr mal-element figurattiv li jikkonsisti f’pierrot ma jkun jidher. Barra minn hekk, mill-istess dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-immaġni tal-pierrot inħolqot b’mod partikolari sabiex dan ikun l-ambaxxatur ta’ trade mark, diġà eżistenti, li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, sabiex tagħmillu reklam u sabiex iżżid ir-rikonoxximent tiegħu mal-pubbliku kkonċernat. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni li l-element figurattiv li jirrappreżenta pierrot, pjuttost milli jagħmel reklamar lit-trade mark verbali inkwistjoni, bħala trade mark riprodotta fit-trade mark SPA bi Pierrot, u li jżid ir-reputazzjoni fis-settur ikkonċernat, kellu, għall-kuntrarju, l-effett li jċaħħad mir-reputazzjoni f’moħħ tal-pubbliku mmirat.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-element verbali “spa” jidher b’mod distint u prinċipali fit-trade mark figurattiva SPA bi Pierrot. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-immaġni ta’ pierrot tidher f’kulur blu ċar kważi trasparenti, fl-isfond meta mqabbla mal-element verbali “spa”, li, bil-kontra, huwa impost fuqu u huwa identifikat bil-kulur blu skur fuq sfond abjad, u fil-pożizzjoni ċentrali tiegħu fit-trade mark figurattiva inkwistjoni.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-UASI jirrikonoxxi li, fost id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, jidher artiklu tal-istampa fil-ġurnal Het Laatste Nieuws, tat-13 ta’ Marzu 2003, li jindika li, fit-territorju rilevanti, “SPA hija t-trade mark l-iktar popolari (31 %)” [traduzzjoni libera]. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, il-fatt li r-ritratti ta’ fliexken tal-ilma, li jinkludu l-element verbali “spa” u l-element figurattiv li jikkonsisti fi Pierrot, jidhru f’dan l-artiklu (u f’dokumenti oħrajn ipprovduti mir-rikorrenti) huwa irrilevanti fuq il-konstatazzjoni li mill-imsemmi artiklu jirriżulta li t-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 għandha reputazzjoni minħabba r-rikonoxximent, mill-pubbliku kkonċernat, tal-element verbali “spa” bħala distintiv tal-prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-preżenza jew l-assenza tal-immaġni tal-pierrot ma għandha ebda influwenza fuq il-fatt li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni li huma ġejjin minn impriża speċifika.

41      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li minn ċerti dokumenti pprovduti mir-rikorrenti jirriżulta li t-terminu “spa” huwa użat spiss sabiex jirreferi għat-trade marks differenti tar-rikorrenti li jinkludu l-imsemmi terminu u li jinkludu l-prodotti, li jaqgħu fil-klassi 32, ikkummerċjalizzati minnha. F’dan ir-rigward, għandhom jissemmew, bħala eżempju, id-dokumenti li ġejjin:

–        Estratt mill-ġurnal Belġjan De Financieel-Economische Tijd tas-17 ta’ Marzu 2003, li minnu jirriżulta li “Spa hija t-trade mark ta’ ilma ta’ sors l-iktar magħruf fil-pajjiż tagħna” [traduzzjoni libera] [anness K (it-tielet parti) mal-posta tas-16 ta’ Mejju 2006, ta’ Spa Monopole lill-UASI];

–        Estratt mill-ġurnal Belġjan La Libre Belgique tat-22 ta’ Lulju 2000 bit-titolu “Que d’eaux que d’eaux”, li juri l-immaġni tal-fliexkien b’tikketti differenti li jinkludu, skont il-każ, it-terminu “spa”, “Bru”, “Chaudefontaine” u li jindika dimensjoni tal-immaġni li, “minkejja l-kompetizzjoni miżjuda mit-trade marks ta’ distributuri, l-ilma minerali Belġjan (Spa, Bru u Chaudfontaine) jibqgħu popolari mal-konsumaturi Belġjani” [traduzzjoni libera]; [Anness 5S mal-posta tas-26 ta’ Awwissu 2005, ta’ Spa Monopole lill-UASI];

–        Estratt minn ktieb bit-titolu Le grand livre de l’eau, Histoire Traditions Environnement Art de vivre tal-awtur Belġjan Jacques Mercier, li jindika li t-trade mark komposta mit-terminu “spa” għandha l-perċentwali l-iktar għoli fis-suq Belġjan tal-ilma minerali, jiġifieri 23.6 % [Anness 5Q mal-posta tas-26 ta’ Awwissu 2004, ta’ Spa Monopole lill-UASI];

–        Artiklu tat-13 ta’ Marzu 2003 bit-titolu “À vos marques. BMW, Coca-cola, Jupiler et encore Ikea plébiscitées par les consommateurs”, meħud mis-sit internet tal-ġurnal Belġjan “La dernière Heure”, li fih huwa indikat li, wara sondaġġ imwettaq minn 17 800 Belġjan tas-27 ta’ Jannar 2003 fuq it-trade marks ippreferuti fi 33 kategorija differenti ta’ prodotti, “SPA [hija t-trade mark li ntgħażlet] għall-ilma” [Anness K (it-tieni parti) mal-ittra tas-16 ta’ Mejju 2011, ta’ Spa Monopole lill-UASI].

42      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ir-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, inkwantu d-dokumenti li hija kienet ipprovdiet juru biss ir-reputazzjoni ta’ trade mark oħra komposta mit-terminu “spa” assoċjat mal-element figurattiv li jirrappreżenta pierrot.

43      Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut li, kif diġà ġie indikat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif jirriżulta mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti stabbilixxiet ir-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 fil-pajjiżi tal-Benelux għall-ilma minerali.

44      Barra minn hekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 ġiet irrikonoxxuta, ukoll, mill-Qorti Ġenerali, kif ġustament tosserva r-rikorrenti, fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Mülhens vs UASI – Spa Monopole (MINERAL SPA) (T‑93/06, EU:T:2008:215, punt 34). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija trade mark intużat fil-Benelux b’mod kontinwu għal diversi snin, kienet imxerda fit-territorju kollu tal-Benelux bi preżenza qawwija fid-distribuzzjoni kbira u żgħira, kienet il-leader tas-suq tal-ilma minerali b’sehem ta’ suq ta’ 23.6 % u kienet is-suġġett ta’ investimenti sinjifikattivi ta’ reklamar u ta’ attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni ta’ diversi avvenimenti sportivi, u li dawn l-elementi juru r-reputazzjoni, mill-inqas kbira ħafna, ta’ din it-trade mark fil-Benelux għall-ilma minerali. Għalhekk mill-punt 34 tas-sentenza MINERAL SPA, iċċitata iktar ’il fuq (EU:T:2008:215) jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, il-Qorti Ġenerali mhux dejjem illimitat ruħha li tikkonstata li r-reputazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma kinitx ikkontestata, iżda wasslet hija stess għal tali konklużjoni għall-motivi esposti fl-imsemmi punt. Il-fatt li t-trade mark hija kkummerċjalizzata mill-1924, data tal-ħolqien tal-immaġni tal-pierrot, flimkien ma’ din l-immaġni ma kellux effett fuq il-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32.

45      Sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-protezzjoni mogħtija lit-trade mark preċedenti permezz tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tippreżumi l-għaqda ta’ erba’ kundizzjonijiet u li l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi inapplikabbli l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit jekk il-Bord tal-Appell wettaqx ukoll żball fl-evalwazzjoni tar-raba’ kundizzjoni, imfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, intiża li tikkontesta l-assenza ta’ analiżi tal-probabbiltà ta’ parassitiżmu tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32

46      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-argument intiż li tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ parassitiżmu tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, ma ġiex issostanzjat. Konsegwentement, hija ssostni l-Bord tal-Appell kien żbalja wkoll meta ma wettaqx l-analiżi tal-imsemmija probabbiltà.

47      Hemm lok li jitfakkar li, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx issostanzjat l-argumenti tagħha intiżi li jsostnu l-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark preċedenti, minħabba li din kienet limitata ruħha għal dikjarazzjoni ta’ prinċipju, ippreżentata bħala sempliċi konklużjoni tal-argumenti preċedenti tagħha li jirrigwardaw il-ħsara magħmula lill-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni kif ukoll il-ħsara kkawżata lir-reputazzjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell ibbaża l-konstatazzjoni tiegħu fuq l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Settembru 2004, li tesponi r-raġunijiet tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

48      Skont il-ġurisprudenza, il-ħsarat imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta jinħolqu, huma l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, li minħabba f’dan il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn is-sinjali, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejn dawn is-sinjali, anki jekk ma jħawwadhomx. L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari, il-grad ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-grad ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra, EU:C:2008:655, punti 41 u 42).

49      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade nazzjonali preċedenti li għandha reputazzjoni jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jixxiebhu jew identiċi għaliha, li jistgħu kemm jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kif ukoll li jinkiseb vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv[ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, Ġabra, EU:C:2011:604, punt 70, u tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI ‑ Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T‑67/04, Ġabra, EU:T:2005:179, punt 40].

50      Il-ħsarat li kontrihom l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 2007/2009 jiżgura l-protezzjoni huma, l-ewwel nett, il-probabbiltà ta’ ħsara kkawżata lill-karattru distintiv tat-trade mark, it-tieni nett, il-probabbiltà ta’ ħsara kkawżata lil din it-trade mark u, it-tielet nett, il-probabbiltà ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark, fejn l-eżistenza ta’ waħda minn dawn il-probabbiltajiet tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija kundizzjoni tkun issodisfatta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Intel Corporation, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 28, u Interflora u Interflora British Unit, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:604, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward tal-kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, dan huwa ddenominat ukoll bit-terminu “parassitiżmu”. Dan ma huwiex marbut mal-ħsara sostnuta mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub mit-terzi mill-użu mingħajr dritt tas-sinjal li jixxiebah jew li jkun identiku għaliha. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każijiet fejn, permezz ta’ trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi li hija tixħet lejn il-prodotti koperti mis-sinjal identiku jew li jixxiebah, ikun hemm sfruttament manifest minn fuq it-trade mark li għandha reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Interflora u Interflora British Unit, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:604, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, iktar mal-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mit-trade mark sussegwenti tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ma tkun kbira l-probabbiltà li l-użu attwali jew futur tat-trade mark sussegwenti jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew ikun ta’ ħsara għalihom (sentenza Intel Corporation, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 67). Barra minn hekk, iktar mal-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkunu sinjifikattivi, iktar l-eżistenza ta’ ħsara tkun faċilment aċċettata (sentenza General Motors, punt 20 iktar ‘il fuq, EU:C:1999:408, punt 30). Il-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, speċifikat li kien possibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta’ riskju futur ta’ ħsara jew ta’ vantaġġ indebitu miksub mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tant evidenti li l-parti li qed topponi ma jkollhiex għalfejn tinvoka u lanqas li tipproduċi l-prova ta’ element fattwali ieħor għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VIPS, punt 22 iktar ‘il fuq, EU:T:2007:93, punt 48). Huwa sostnut ukoll li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma kienx obbligat jipproduċi prova tal-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu. Huwa kellu biss jipproduċi provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ ħsara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPA-FINDERS, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2005:179, punti 40 u 41).

53      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, waħda mill-ħsarat imsemmija mir-raba’ kundizzjoni indikata fil-punt 22 iktar ’il fuq hija biżżejjed sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jkun awtorizzat li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti qajmitx matul il-proċedura amministrattiva argumenti intiżi sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark verbali preċedenti, b’tali mod li l-Bord tal-Appell kellu jeżaminahom u jieħu pożizzjoni fuq l-eżistenza tal-probabbiltà inkwistjoni.

54      Fl-ewwel lok, mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkunsidrat li d-dokumenti, ippreżentati mir-rikorrenti, kienu jipprovaw ir-reputazzjoni tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 għall-ilma minerali u li l-imsemmija trade mark kienet toffri immaġni ta’ “purezza, [ta’] saħħa, [ta’] sbuħija”. Rigward il-probabbiltà ta’ parassitiżmu ta’ din it-trade mark, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet speċifikat li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu, peress li l-kelma “sparitual” tinkludi l-kelma “spa” u, għal din ir-raġuni, il-konsumatur tal-pajjiżi tal-Benelux kien jista’ jistabbilixxi rabta bejn iż-żewġ sinjali. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet qieset ukoll li kienet teżisti rabta bejn il-prodotti kożmetiċi msemmija mit-trade mark preċedenti (peress li l-prodotti kożmetiċi jistgħu jinkludu l-ilma minerali u jintużaw flimkien ma’ dan l-ilma) u li, għal din ir-raġuni, trasferiment tal-immaġni ta’ purezza, ta’ saħħa u ta’ sbuħija ta’ prodott għall-oħra kienet possibbli.

55      Fit-tieni lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti rreferiet espliċitament għall-argumenti li hija kienet qajmet preċedentement quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija argumenti kienu ntlaqgħu u ttieħdu inkunsiderazzjoni mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2010, li kienet, konsegwentement, laqgħet l-oppożizzjoni tagħha, kif ġie speċifikat fil-punt 10 iktar ’il fuq. Dawn l-argumenti kienu jikkonsistu, essenzjalment, sabiex jiġi sostnut li, fid-dawl tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, tal-prossimità tal-prodotti koperti minnhom u tar-reputazzjoni kbira ħafna tat-trade mark verbali preċedenti inkwistjoni, il-pubbliku kkonċernat kien jista’ jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti u, minħabba dan il-fatt, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tikseb vantaġġ mill-immaġni ta’ saħħa’, ta’ purezza u ta’ sbuħija, speċifiċi għat-trade mark preċedenti. L-istess argumenti kienu inklużi b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet differenti tagħha ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tal-Bord tal-Appell (osservazzjonijiet tat-8 ta’ Settembru 2005, tat-18 ta’ April 2006, tas-16 ta’ Jannar 2007, tat-13 ta’ Mejju u tas-16 ta’ Settembru 2008). Mill-qari tal-imsemmija osservazzjonijiet jirriżulta li r-rikorrenti kienet issostanzjat l-argument tagħha sabiex issostni l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ parassitiżmu tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u li r-raġunijiet li joriġinaw mill-imsemmi argument setgħu jiġu faċilment identifikati mill-Bord tal-Appell abbażi ta’ indikazzjonijiet mir-rikorrenti, kif ukoll mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li kienet is-suġġett tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-UASI jirriżulta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell huwa marbut illi jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi preżenti fid-deċiżjoni kkontestata quddiemu u fir-rigward ta’ dawk ippreżentati mill-parti jew partijiet fil-proċedimenti quddiem id-diviżjoni li ddeċidiet fil-prim’istanza, jew, suġġett biss għall-Artikolu 76(2), waqt il-proċedimenti ta’ appell. B’mod partikolari, il-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell għandu l-obbligu jwettaq fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata quddiemu ma hijiex, bħala regola ġenerali, iddeterminata esklużivament mir-raġunijiet invokati mill-parti jew mill-partijiet fil-proċedimenti quddiemu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra, EU:T:2005:29, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

57      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar il-probabbiltà li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tikseb vantaġġ indebitu mit-trade verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 tifforma parti mill-kuntest fattwali u legali quddiem il-Bord tal-Appell. Hija ġiet ittrattata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti, peress li din il-kwistjoni kellha b’mod obbligatorju tiġi riżolta sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti kollha li jinkludu l-argumenti tar-rikorrenti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata quddiemu. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark preċedenti ma kinux sostnuti, billi bbaża ruħu biss fuq l-ittra tar-rikorrenti tat-8 ta’ Settembru 2005.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minn naħa, għandu jiġi miċħud l-argument tal-UASI li jgħid li l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u bbażati fuq il-probabbiltà ta’ parassitiżmu tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 huma inammissibbli, peress li huma jbiddlu s-suġġett tal-kwistjoni kif miġjuba quddiem il-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra, mill-imsmmija kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif ir-rikorrenti sostniet b’mod ġust, essenzjalment, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma wettaqx l-analiżi tal-argumenti li r-rikorrenti kienet ippreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq probabbiltà ta’ parassitiżmu tal-imsemmija trade mark preċedenti, meta huwa kien obbligat li jagħmilha.

59      Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, fid-dawl tar-reputazzjoni kbira ħafna tat-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, kif stabbilita fil-każ ineżami u, barra minn hekk, diġà rrikonoxxuta preċedentement mill-Qorti Ġenerali, kif tenfasizza r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011 (sentenza MINERAL SPA, punt 44 iktar ’il fuq, EU:T:2008:215, punti 41 sa 43), probabbiltà ta’ parassitiżmu ma tistax prima facie tiġi eskluża.

60      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark verbali SPA li tinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32, mingħajr ma eżamina fil-mertu jekk il-kundizzjonijiet kollha skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, elenkati fil-punt 22 iktar ’il fuq, sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni kinux issodisfatti, b’mod partikolari, minn naħa, dik li tirrigwarda x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti u, min-naħa l-oħra, dik li tirrigwarda l-probabbiltà ta’ parassitiżmu tal-imsemmija trade mark preċedenti, evalwati fid-dawl b’mod partikolari tal-intensita tar-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark, hemm lok li t-tieni parti tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti tintlaqa’.

61      Sa fejn il-Bord tal-Appell ma analizzax il-probabbiltà li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark inkwistjoni, għandu jitqies li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma’ dik tagħha, u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord għadu ma ħax pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs L-UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punt 72).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-kundizzjoni bbażata fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ma kinitx issodisfatta fil-każ ineżami u, li, żbalja wkoll, meta naqas milli jivverifika l-eżistenza tal-probabbiltà li t-trade li għaliha saret l-applikazzjoni tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark preċedenti, meta, kif intwera iktar ’il fuq, huwa kellu jagħmel dan. Għalhekk, hemm lok li l-motiv uniku jintlaqa’ bħala fondat u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-9 ta’ Jannar 2012 (Każ R 2396/2010-1) hija annullata.

2)      L-UASI u Orly International, Inc. huma kkundannati jsostnu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispjjeż ta’ Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.