Language of document : ECLI:EU:T:2015:112





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Frar 2015 —
Sabbagh vs Il-Kunsill

(Kawża T‑652/11)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li fil-mori tal-kawża jissostitwixxi l-att ikkontestat — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punt 24)

2.                     Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li fil-mori tal-kawża jissostitwixxi l-att ikkontestat — Ammissibbiltà ta’ talbiet ġodda — Limiti — Atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 27, 28)

3.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Portata tal-istħarriġ (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1151/2011 u Nru 36/2012) (ara l-punti 36, 37)

4.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja — Riskju ta’ preġudizzju serju u irriversibbli għall-effikaċja ta’ kull iffriżar tal-assi li jista’, fil-futur, jiġi deċiż mill-Kunsill kontra persuni li jaqgħu taħt l-att annullat — Żamma tal-effetti ta’ deċiżjonijiet u ta’ regolamenti annullati sal-iskadenza tat-terminu għall-appell jew saċ-ċaħda tiegħu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u l-Artikolu 266 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1151/2011 u Nru 36/2012) (ara l-punti 52-58)

5.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 63-68)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 296, p. 3), tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u [li] tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, rikors għad-danni sabiex jingħata kumpens għad dannu mġarrab.

Dispożittiv

1)

It-talba għall-annullament tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ta’ wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011, hija miċħuda bħala inammissibbli.

2)

Huma annullati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Bassam Sabbagh:

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011;

–        id-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u [li] tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK;

–        ir-Regolament Nru 36/2012.

3)

L-effetti tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti annullati għandhom jibqgħu, fil-konfront ta’ Bassam Sabbagh, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-appell jew, jekk jitressaq appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

4)

It-talba għad-danni hija miċħuda.

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs dawk sostnuti minn Bassam Sabbagh.

6)

Bassam Sabbagh għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.