Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – Melnichenko vs Il-Kunsill

(Kawża T-1114/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Audrey Melnichenko (St. Moritz, l-Isvizzera) (rappreżentanti: A. Miron, D. Müller, H. Bajer Pellet u R. Piéri, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUU tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 , u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 2 , sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegatà illegalità tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina 1 u tal-Artikolu 3(1)(g), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina 2 , kif emendati permezz tal-atti kkontestati (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g)”).

It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, u bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju (g) u nuqqas ta’ osservanza tal-oneru tal-prova.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u b’mod ġenerali tal-obbligi tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

____________

1 ĠU 2023, L 226, p. 3.

1 ĠU 2023, L 226, p. 104.

1 ĠU 2014, L 78, p. 16.

1 ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 10, p. 64.