Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – EuroChem Group vs Il-Kunsill

(Kawża T-1111/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: EuroChem Group AG (Zug, l-Isvizzera) (rappreżentanti: N. Tuominen u M. Krestiyanova, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment, skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 , u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 2 , billi tneħħi l-frażijiet segwenti mill-konstatazzjonijiet ikkontestati:

• l-entrata 721 fl-Anness I fir-rigward tas-Sur A. I. Melnichenko: “għadu jikkontrolla l-produttur ewlieni tal-fertilizzanti EuroChem Group u l-kumpanija tal-faħam SUEK. Mid-9 ta’ Marzu 2022, Melnichenko trasferixxa l-interessi tiegħu f’SUEK u f’Eurochem Group lill-konjuġi tiegħu Aleksandra Melnichenko. Għadu jibbenefika mill-ġid li trasferixxa lil martu.”; “Funzjoni: Direttur Mhux Eżekuttiv ta’ JSC SUEK”;

• l-entrata 1172 fl-Anness I fir-rigward tas-Sinjura A. Melnichenko: “li fid-9 ta’ Marzu 2022 trasferilha s-sjieda u l-benefiċċju effettivi tiegħu tal-produttur ewlieni ta’ fertilizzanti EuroChem Group u tal-kumpanija tal-faħam SUEK. […] F’Marzu 2022 Aleksandra Melnichenko ssostitwiet lil żewġha bħala s-sid benefiċjarju ta’ Firstline Trust, immaniġġata minn Linetrust PTC Ltd, kumpanija li tirrappreżenta lis-sid aħħari ta’ EuroChem Group.”;

• l-entrata 893 fl-Anness I fir-rigward ta’ V. V. Rashevsky: “filwaqt li jkompli jeżerċita influwenza permezz ta’ kumpaniji fittizji. […] Dawn huma kumpaniji Russi kbar – il-koproprjetà ta’ Aleksandra Melnichenko, mart il-biljunarju Russu Andrei Melnichenko – li jiġġeneraw u jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern Russu. Jikkooperaw ukoll mal-awtoritajiet Russi, inkluż il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. […] SUEK iffirmat kuntratti ma’ sanatorji fil-Krimea għal programmi tas-saħħa tal-impjegati.”;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-motivazzjoni tal-listi tal-persuni li għalihom japplikaw miżuri restrittivi.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn ma jipprovdux lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-impatt tal-atti kkontestati fuq ir-rikorrenti huwa sproporzjonat u jikser l-Artikoli 16 u 17 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3).

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104).