Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – Moshkovich vs Il-Kunsill

(Kawża T-1109/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Vadim Nikolaevich Moshkovich (Tambov, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, T. Bontinck, A. Guillerme, L. Burguin, M. Moretto u V. Villante, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 ; u

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna  1 ; u

id-deċiżjoni li isem Vadim Nikolaevich Moshkovich jinżamm fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2023/1767, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2023 (iktar ’il quddiem flimkien l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn jinkludu lir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-applikazzjoni tal-kriterju għall-elenkar emendat għar-rikorrent, u, sussidjarjament, li l-kriterju għall-elenkar inkwistjoni huwa illegali.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għal proprjetà u għal libertà ta’ intrapriża.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ nondiskriminazzjoni.

____________

1 ĠU 2023, L 226, p. 104.

1 ĠU 2023, L 226, p. 3.