Language of document : ECLI:EU:C:2018:628

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju 2018 (1)

Kawża C265/17 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

United Parcel Service, Inc.

“Appell – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Possibbiltà ta’ preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet – Analiżi ekonometrika – Mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet – Emendi sinjifikattivi tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet matul il-proċedura amministrattiva – Suq ta’ servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar fiż-Żona Ekonomika Ewropea – Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikoli 13 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004”






I.      Introduzzjoni

1.        Ma huwiex rari li l-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fil-kapaċità tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni, ikunu kkaratterizzati mill-kumplessità għolja tar-rabtiet ekonomiċi li għandhom jiġu kkunsidrati. Sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk il-kompetizzjoni effettiva ser tiġi ostakolata b’mod sinjifikattiv bi proġett ta’ konċentrazzjoni, hemm lok li, f’ċerti każijiet, isiru previżjonijiet diffiċli dwar l-evoluzzjoni tas-suq mistennija. Għal dan il-għan, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni tagħmel użu minn mudelli ekonometriċi. Kien proprju fuq tali mudell li bbażat ruħha fil-każ inkwistjoni, sabiex tipprojbixxi l-akkwist tas-servizz tal-kunsinna ta’ pakketti TNT Express N.V. (iktar ’il quddiem “TNT”) minn United Parcel Service, Inc. (iktar ’il quddiem “UPS”).

2.        Il-Kummissjoni u UPS issa qegħdin f’tilwima dwar liema huma l-garanziji proċedurali li għandhom jiġu osservati mill-awtorità tal-kompetizzjoni meta tagħmel użu minn tali analiżijiet ekonometriċi. Speċifikament, il-kwistjoni hija dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tagħmel emendi sinjifikattivi fir-rigward tal-mudell ekonometriku applikat minnha – l-hekk imsejjaħ mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet – matul proċedura amministrattiva mingħajr ma tinforma lil UPS u mingħajr ma tagħti l-opportunità lill-impriża tippreżenta osservazzjonijiet.

3.        Fl-ewwel istanza, UPS kienet rebbieħa. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Jannar 2013 li tipprojbixxi l-pjan ta’ konċentrazzjoni (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali bis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017 (3) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell kontra l-imsemmija sentenza.

4.        Il-punt deċiżiv għas-suċċess tal-appell huwa l-portata li għandha tiġi attribwita lid-drittijiet tad-difiża ta’ impriżi fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Id-drittijiet tad-difiża jeżiġu li dawn l-impriżi għandhom jiġu informati dwar emendi sinjifikattivi f’mudelli ekonometriċi matul il-proċedura amministrattiva u li jiġu kkonsultati f’dan ir-rigward qabel ma tinħareġ projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni?

5.        Dan il-każ juri għal darba oħra l-isfidi li jaffaċċjaw l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni meta jkollhom iwettqu analiżi ekonomika konformement mar-rekwiżiti legali. Irrispettivament mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, is-sentenza tagħha ser isservi ta’ gwida għall-prattika amministrattiva futura tal-Kummissjoni fi proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kumplessi lil hinn mill-konfini tal-kawża quddiemha, kif ukoll għal dik tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-qrati nazzjonali li fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ spiss isegwu mill-qrib ħafna l-istandards applikabbli fuq livell tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Fuq livell tad-dritt primarju, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa ddeterminat mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fuq livell tad-dritt sekondarju, mill-Artikolu 18 tar-Regolament tal-KE dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Konċentrazzjonijiet”). Għandu jsir ukoll riferiment għar-Regolament ta’ Implementazzjoni (5) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet”) u b’mod partikolari għall-Artikoli 13 u 17 tiegħu.

A.      Ir-Regolament dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet

7.        L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet jirrigwarda s-“[s]migħ tal-partijiet u ta’ persuni terzi” u jipprevedi, fost l-oħrajn, is-segwenti:

“1.      Qabel ma tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 8(2) sa (6), u l-Artikoli 14 u 15, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni, lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi konċernati l-opportunità, li jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet miġjuba kontrihom. Dan japplika f’kull stadju tal-proċedura sakemm issir konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza.

2.      […]

3.      Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet tad-difiża għandhom ikunu rispettati totalment waqt il-proċeduri. Ta’ l-anqas il-partijiet involuti b’mod dirett għandu jkollhom aċċess għall-fajl. Dan, iżda, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ l-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ikunu protetti.

4.      […]”

B.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet

8.        Fil-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet, intitolat “L-Eżerċitar Tad-Dritt tas-Smiegħ; is-Smiegħ” l-Artikolu 13(2) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tindirizza bil-miktub l-oġġezzjonijiet tagħha lejn il-partijiet notifikanti.

Il-Kummissjoni għandha, meta tressaq l-avviż ta’ l-oġġezzjonijiet, tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-partijiet notifikanti jkunu jistgħu jinformaw bil-kitba lill-Kummissjoni dwar il-kummenti tagħhom.

[…]”

9.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17 tal-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet dwar l-“Aċess għal File u t-Trattament ta’ l-Informazzjoni Konfidenzali” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jekk hekk mitlubha, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess lejn il-file tal-partijiet li lilhom tkun indirizzat stqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet, għall-iskop li tiffaċilita li dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża. L-aċċess għandu jkun mogħti wara n-notifika tal-istqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet.

2.      […]

3.      Id-dritt ta’ l-aċċess lejn file m’għandux jestendi għall-informazzjoni konfidenzali, jew għal dokumenti nterni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. […]

4.      […]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.      UPS u TNT joperaw fuq skala dinjija fis-settur tas-servizzi speċjalizzati tat-trasport u tal-loġistika. Fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”), huma attivi fis-swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar.

A.      Il-proċedura amministrattiva

11.      Fil‑15 ta’ Ġunju 2012, UPS innotifikat lill-Kummissjoni bil-proġett ta’ akkwist ta’ TNT kif speċifikat fir-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet.

12.      Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni tat‑30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li l-akkwist innotifikat kien inkompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, billi qieset li dan jimplika ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fi ħmistax‑il Stat Membru taż-ŻEE fis-suq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar.

13.      Il-previżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sfavorevoli mistenni tal-kompetizzjoni fis-swieq inkwistjoni, li hija l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, kienet ibbażata b’mod sinjifikattiv fuq analiżi ekonometrika permezz ta’ mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-varjabbli sottostanti (l-hekk imsejħa “varjabbli diskreti” u “varjabbli kontinwi”), il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, li fl-aħħar mill-aħħar ġie applikat mill-Kummissjoni, kien fih differenzi sinjifikattivi meta mqabbel ma’ dak użat fid-diskussjonijiet ma’ UPS matul il-proċedura amministrattiva (6). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni ma tat ebda opportunità lil UPS sabiex tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-emendi sinjifikattivi li saru fil-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet matul il-proċedura amministrattiva (7).

B.      Il-proċedura fl-ewwel istanza

14.      Fil‑5 ta’ April 2013, UPS ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Ottubru 2013, FedEx Corp. (iktar ’il quddiem “FedEx”) ġiet awtorizzata tintervjeni fil-proċedura fl-ewwel istanza, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15.      Bis-sentenza appellata tas‑7 ta’ Marzu 2017, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk ta’ UPS, filwaqt li FedEx ġiet ikkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

16.      L-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni kien ibbażat esklużivament fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx lil UPS il-verżjoni finali tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet applikat minnha (8) għalkemm kienet diġà adottat il-verżjoni finali fil‑21 ta’ Novembru 2012, jiġifieri iktar minn xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni (9) u minkejja li din kienet tiddevja mill-verżjoni oriġinali b’mod mhux negliġibbli (10). Il-Qorti Ġenerali qieset li dan kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS (11).

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat l-appell inkwistjoni mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Marzu 2017. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        tirriżerva l-ispejjeż.

18.      Min-naħa tagħha, UPS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell bħala parzjalment inammissibbli jew ineffettiv;

–        tiċħad l-appell sa fejn dan huwa ammissibbli u effettiv, u sussidjarjament tiddeċiedi l-kawża permezz taż-żamma tad-dispożittiv tas-sentenza appellata filwaqt li tissostitwixxi l-motivi tas-sentenza; kif ukoll

–        tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lil kull intervenjent possibbli għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

19.      L-appell tal-Kummissjoni kien is-suġġett ta’ proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. FedEx ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ appell.

V.      Evalwazzjoni

20.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ċċarat li la l-adegwatezza tar-rikors għal analiżi ekonometrika u lanqas il-korrettezza sostantiva tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet użat mill-Kummissjoni għal din l-analiżi ma huma s-suġġett tal-proċedura tal-appell inkwistjoni. Għaldaqstant, meta, f’ċerti partijiet mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet jiddiskutu jekk il-Kummissjoni aġixxietx lege artis mill-perspettiva tal-ekonometrija, dan ma jkollux valur miżjud identifikabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni.

21.      Konsegwentement, fil-punti segwenti m’iniex ser nindirizza dan l-aspett f’iktar dettall u minflok ser nindirizza esklużivament il-garanziji proċedurali għall-użu ta’ analiżi ekonometriċi fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li l-problematika tagħhom hija eżempju klassiku fil-każ ineżami.

A.      Kwistjonijiet preliminari proċedurali

22.      Fir-risposta tagħha għall-appell, UPS tqajjem tliet kwistjonijiet preliminari proċedurali, li fil-fehma tagħha jiġġustifikaw li l-appell tal-Kummissjoni jiġi parzjalment iddikjarat inammissibbli u parzjalment ineffettiv (bil-Ġermaniż “wirkunglos”) u li, fi kwalunkwe każ, it-tilwima tiġi definittivament deċiża mingħajr ma tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

23.      L-ewwel nett, UPS issostni li l-Kummissjoni titlob mingħand il-Qorti Ġenerali evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija inammissibbli fl-istadju tal-appell, sakemm ma jkunx hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi (12).

24.      Dan l-argument ta’ UPS ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni hawnhekk bl-ebda mod ma hija tillimita ruħha għal sempliċi eżaminazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi. Pjuttost, il-Kummissjoni tqajjem kwistjoni legali ġenwina, proprju dik dwar il-portata tad-drittijiet tad-difiża ta’ impriżi fi proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiskrutinizza wkoll il-kwalifika legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali: il-kwistjoni essenzjalment hija jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx b’mod legalment iġġustifikat li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni ma’ UPS dwar il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet finali. Fil-kapaċità tagħha ta’ istanza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għadha tindirizza din il-kwistjoni (13).

25.      It-tieni nett, UPS targumenta li l-Kummissjoni hawnhekk sempliċiment qiegħda tirrepeti l-argumenti tagħha fil-proċedura fl-ewwel istanza, li wkoll hija inammissibbli fl-istadju tal-appell.

26.      Madankollu, din l-allegazzjoni ta’ UPS lanqas ma hija konvinċenti. Fil-fatt, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura tal-appell titlef parti mill-effett tagħha li kieku parti fil-kawża ma tkunx tista’ tibqa’ ttenni fit-tieni istanza l-argumentazzjoni li tkun għamlet fl-ewwel istanza (14). Huwa minnu li f’dan ir-rigward l-appellanti hija obbligata tindirizza b’mod konkret is-sentenza tal-ewwel istanza (15). Madankollu, huwa preċiżament dan li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni fl-appell tagħha, anki jekk mhux b’mod partikolarment strutturat. Essenzjalment, il-Kummissjoni qiegħda tallega li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx suffiċjentement l-argumenti tagħha fl-ewwel istanza u, barra minn hekk, interpretat żbaljatament is-sitwazzjoni legali b’rabta mad-drittijiet tad-difiża. Tali ilmenti huma perfettament ammissibbli fl-istadju tal-appell.

27.      It-tielet nett, UPS issostni li l-appell tal-Kummissjoni huwa ineffettiv peress li l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni kien neċessarju wkoll minħabba raġunijiet oħra għajr il-ksur tad-drittijiet tad-difiża identifikat mill-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, UPS tattira l-attenzjoni għal sensiela ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li fil-fehma tagħha jivvizzjaw id-deċiżjoni inkwistjoni.

28.      Madankollu, f’dan ir-rigward għandhom isiru żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk appell huwiex kompletament jew parzjalment ineffettiv tirrigwarda l-fondatezza ta’ tali appell (16). Għaldaqstant, din il-kwistjoni ma tistax tiġi eżaminata indipendentement mill-validità tal-ilmenti individwali li tressqu fl-appell. It-tieni nett, in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni ilmentati minn UPS, li allegatament hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni inkwistjoni, ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Fil-proċedura tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza (17).

29.      Għaldaqstant, globalment, l-appell huwa ammissibbli u, sa fejn jirriżulta li huwa fondat, jista’ effittavament iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll għar-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali.

B.      Il-fondatezza tal-appell

30.      Mil-lat sostantiv, it-tilwima bejn il-Kummissjoni u UPS essenzjalment tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk kienx legalment neċessarju li matul il-proċedura amministrattiva UPS tiġi informata dwar it-tibdil fil-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet u li l-impriża tingħata l-opportunità tagħmel osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, kif ġie preżunt mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha.

31.      Dan huwa nnegat mill-Kummissjoni u f’dan ir-rigward tqajjem diversi punti ta’ kritika kontra s-sentenza appellata, li huma inklużi f’erba’ aggravji separati. Madankollu, jidhirli li dawn l-erba’ aggravji ma humiex artikolati b’mod ċar u, barra minn hekk, jikkoinċidu fuq diversi aspetti. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tassenja l-argumenti tal-Kummissjoni lil tliet temi prinċipali:

–        id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima 1),

–        l-effetti ta’ ksur possibbli tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima 2 iktar ’il quddiem) u

–        ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sentenza fl-ewwel istanza (ara, fl-aħħar nett, Taqsima 3),

fejn l-enfasi tad-diskussjonijiet għandu jkun fuq il-problema tad-drittijiet tad-difiża.

1.      Id-drittijiet tad-difiża

32.      L-allegazzjoni ewlenija tal-Kummissjoni, sostnuta partikolarment fit-tieni u fit-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, hija indirizzata kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ġew miksura fil-proċedura amministrattiva (18). Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha mressqa kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali u saħansitra fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (19). Dan il-prinċipju huwa emanazzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (20).

34.      Id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni huma speċifikati fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet, sa fejn huma ta’ rilevanza għal din il-kawża. Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni trid tagħti lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imressqa kontrihom. L-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet iżid li dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-impriżi kkonċernati bil-miktub. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet tippreċiża li l-Kummissjoni għandha tibbaża deċiżjonijiet, li jikkawżaw preġudizzju fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, biss fuq oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

35.      Abbażi tal-ilmenti tal-Kummissjoni, fil-punti segwenti ser neżamina, minn naħa, jekk id-drittijiet tad-difiża qabelxejn japplikawx għal analiżijiet ekonometriċi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima a) hawn taħt), u min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, liema rekwiżiti jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża għall-eżekuzzjoni ta’ tali analiżijiet (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima b) iktar ’il quddiem).

a)      Fuq l-applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża għal analiżijiet ekonometriċi

36.      L-ewwel nett, il-partijiet jikkonsakraw diversi argumenti għall-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet tad-difiża humiex qabelxejn applikabbli għal mudell ekonometriku bħall-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet użat hawnhekk. Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li tali mudell sempliċiment jirrigwarda għodda li biha l-awtorità tal-kompetizzjoni twettaq evalwazzjoni taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata u li fir-rigward tagħha l-impriżi kkonċernati ma għandhomx għalfejn speċifikament jinstemgħu, UPS tirribatti li l-mudelli ekonometriċi għandhom jiġu attribwiti lill-fatti u lill-provi li fir-rigward tagħhom l-impriżi għandhom naturalment id-dritt jippreżentaw osservazzjonijiet.

37.      Fil-fehma tiegħi, it-tilwima dwar l-attribuzzjoni ta’ mudelli ekonometriċi lil waħda jew lil oħra minn dawn il-kategoriji tikkostitwixxi terren ta’ kunflitt li huwa irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni.

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw sinjifikattivament l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi kollha li abbażi tagħhom l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom (21).

39.      Mingħajr dubju, mudell ekonometriku bħall-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet inkwistjoni hawnhekk, huwa element li bbażat ruħha fuqu b’mod sinjifikattiv il-Kummissjoni waqt l-analiżi tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Jew, skont il-kliem tal-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet: l-imsemmi mudell kien wieħed mill-bażijiet essenzjali għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kontra l-konċentrazzjoni bejn impriżi ppjanata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli manifest li l-Kummissjoni kellha tqiegħed lil UPS f’pożizzjoni li fiha tkun tista’ ssemma’ b’mod xieraq l-opinjoni tagħha dwar dan il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar. Dan japplika a fortiori jekk jitqies li mudell ekonometriku bħal dan – kif juri b’mod konvinċenti dan il-każ – jista’ jwassal għal riżultati differenti, skont it-tfassil u l-applikazzjoni konkreti tal-mudell.

40.      Ikun ukoll superfluwu l-fatt li wieħed joqgħod jikkontempla jekk il-mudell ekonometriku użat kienx element kolpevoli jew element eżoneranti (22). Għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa indispensabbli li l-impriżi kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi kollha li abbażi tagħhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Ma hijiex il-Kummissjoni iżda l-impriża kkonċernata stess li teżamina jekk ċerti elementi fil-proċess jistgħux ikunu utli għad-difiża tagħha (23). Sabiex l-impriża tkun tista’ tagħmel din l-għażla, trid tiġi nnotifikata, mingħajr distinzjoni, bl-elementi kollha li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra tibbaża ruħha fuqhom. Addizzjonalment, din irid ikollha aċċess għall-elementi ddeterminati kollha mill-Kummissjoni fl-imsemmija proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar anki għal dawk li l-Kummissjoni min-naħa tagħha possibbilment ma tridx tinvoka.

41.      Fl-aħħar nett, it-tentattiv tal-Kummissjoni li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet, tikklassifika l-analiżijiet ekonometriċi tagħha bħala dokumenti purament interni li ma kellhiex għalfejn tikkomunikahom lill-impriżi kkonċernati, partikolarment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ma huwiex konvinċenti.

42.      L-osservanza tal-garanziji proċedurali għandha sinjifikat speċjali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li fih il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’termini sostantivi (24). Id-drittijiet tad-difiża jitilfu s-sens tagħhom jekk il-Kummissjoni ma tiċċarax mal-impriżi kkonċernati l-passi kunċettwali essenzjali u l-kalkoli li fuqhom hija bbażata l-previżjoni tagħha ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva minħabba l-pjan ta’ konċentrazzjoni. F’dan il-każ, l-impriżi ma jkunux jistgħu jagħtu l-fehma tagħhom b’mod effettiv (25).

43.      Barra minn hekk, id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jobbliga lill-Kummissjoni twettaq proċedura ġusta. Ma jkun bl-ebda mod kompatibbli ma’ dan il-prinċipju fundamentali ta’ imparzjalità li l-impriżi kkonċernati fl-aħħar mill-aħħar ikollhom jaqtgħu x’inhuwa dak li kontrih għandhom jiddefendu ruħhom.

44.      Il-Kummissjoni tissokta billi tirribatti li l-impriżi kkonċernati huma liberi li, skont il-każ, jikkuntattjaw lill-uffiċjal tas-seduta u jitolbuh aċċess għal ċerti dokumenti li ma ġewx żvelati lilhom. Madankollu, dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud. Dan għaliex skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet, l-awtorità tal-kompetizzjoni hija legalment obbligata li, fuq inizjattiva tagħha stess, tagħti l-opportunità lill-impriżi kkonċernati jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imressqa minnha u tispjegalhom il-passi ewlenin u l-kalkoli sottostanti, inklużi l-varjabbli użati. L-impriżi bl-ebda mod ma jridu jieħdu l-inizjattiva f’dan ir-rigward jew saħansitra jagħmlu talba bħala supplikanti.

45.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet bħal dak inkwistjoni hawnhekk jaqa’ manifestament taħt il-portata tad-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

b)      Fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża

46.      It-tieni nett, il-partijiet jiddibattu intensivament ir-rekwiżiti li jirriżultaw preċiżament mid-drittijiet tad-difiża meta l-Kummissjoni, bħalma għamlet fid-deċiżjoni inkwistjoni hawnhekk, tkun trid tibbaża ruħha fuq analiżi ekonometrika f’deċiżjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Essenzjalment, il-kwistjoni sottostanti għat-tilwima hija dwar jekk huwiex tassew meħtieġ f’kull każ li l-impriżi kkonċernati jiġu nnotifikati dwar il-verżjoni finali ta’ mudell ekonometriku u li f’dan ir-rigward jingħataw l-opportunità jikkummentaw qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura.

–       Fuq l-argument tal-Kummissjoni li deċiżjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tista’ tiddevja mill-komunikazzjoni preċedenti tal-oġġezzjonijiet

47.      Il-Kummissjoni tibda billi tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita (26), li tipprovdi li, minn perspettiva fattwali u legali, id-deċiżjoni finali f’każijiet ta’ kompetizzjoni ma hijiex meħtieġa tikkorrispondi ma’ kull punt tal-komunikazzjoni preċedenti tal-oġġezzjonijiet u li kwalunkwe devjazzjoni minn din il-komunikazzjoni lanqas ma hija meħtieġa tkun immotivata f’iktar dettall. Abbażi tal-imsemmija ġurisprudenza, hija tipprova targumenta li, fi proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tinnotifika lill-impriżi kkonċernati minn qabel dwar il-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku użat minnha u tisma’ l-fehma tagħhom dwar dan il-mudell.

48.      Dan l-argument ma jidhirlix li huwa rilevanti. Huwa minnu li n-notifika tal-oġġezzjonijiet fi proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni hija ta’ natura sempliċiment preliminari u li d-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura tista’ tiddevja minnha mingħajr motivazzjoni f’iktar dettall (27). Madankollu, huwa awtomatikament preżunt li tali devjazzjonijiet huma permessi biss fil-limiti tad-drittijiet tad-difiża.

49.      Naturalment, jekk il-Kummissjoni tiddevja min-notifika tal-oġġezzjonijiet għall-benefiċċju tal-impriżi kkonċernati billi tabbanduna wħud mill-oġġezzjonijiet, din ma jkollhiex għalfejn tikkonsulta lill-impriżi mill-ġdid. L-istess japplika jekk il-Kummissjoni tippreċiża jew tkompli tiżviluppa l-oġġezzjonijiet tagħha fid-dawl tal-kontroargumenti mressqa mill-impriżi. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiddevja min-notifika tal-oġġezzjonijiet għad-detriment tal-impriżi kkonċernati, billi tinvoka elementi, teoriji jew mudelli għall-kalkolu totalment ġodda, u li dwarhom tkun għadha ma kkonsultatx lill-impriżi, allura din tkun obbligata tagħti l-opportunità lill-impriżi sabiex jagħtu l-fehma tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-proċedura, il-Kummissjoni tista’ tinvoka biss dawk l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet) (28).

50.      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali (29), il-mudell ekonometriku li fuqu l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni inkwistjoni nbidel b’mod li ma jistax jitqies bħala negliġibbli mill-mudell li kienet iddiskutiet qabel ma’ UPS, proprju fir-rigward tal-varjabbli użati għall-kalkoli ekonometriċi. Il-Kummissjoni, li ma ressqet ebda lment ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, trid iżżomm ma’ din il-konstatazzjoni.

51.      Għaldaqstant, huwa stabbilit li fid-deċiżjoni inkwistjoni l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq oġġezzjonijiet differenti minn dawk li kienet ippreżentat osservazzjonijiet dwarhom UPS, anki jekk essenzjalment baqgħet issostni t-tbassir tagħha ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva, b’żieda fil-prezz f’sensiela ta’ Stati Membri u b’hekk l-evalwazzjoni globali negattiva tagħha dwar il-pjan ta’ amalgamazzjoni.

52.      Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

–       Fuq il-partikolaritajiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u l-effetti tagħhom fuq id-drittijiet tad-difiża

53.      Il-Kummissjoni tissokta billi tenfasizza l-partikolaritajiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fuq il-livell tal-Unjoni. Hija ssostni li l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet hija kkaratterizzata minn rekwiżit ta’ ħeffa u dan jirriżulta, b’mod partikolari, f’limiti temporali proċedurali stretti (30). Minn dan tikkonkludi li matul il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jistax ikun hemm dibattiti interminabbli bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati dwar il-mudelli ekonometriċi applikati.

54.      Huwa minnu li r-restrizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-awtorità tal-kompetizzjoni Ewropea fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (b’mod partikolari pressjoni ta’ ħin sostanzjali, iżda wkoll riżorsi limitati) jista’ jkollhom konsegwenzi fir-rigward tal-mod u tan-natura li bihom l-impriżi kkonċernati jagħmlu użu mid-drittijiet tad-difiża tagħhom.

55.      Għaldaqstant, f’termini ta’ kontenut, l-impriżi kkonċernati ma jistgħux jippretendu iktar minn deskrizzjoni qasira u konċiża tal-mudell ekonometriku applikat mill-Kummissjoni. Din id-deskrizzjoni trid tkun tali li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn persuna kkwalifikata fi kwistjonijiet ekonometriċi.

56.      F’termini temporali, din ma tistax tirriżulta f’logħba ta’ ping pong fejn l-impriżi dejjem jibqgħu jevokaw tħassib ġdid kontra l-mudell ekonometriku ppreferut mill-Kummissjoni u fejn il-Kummissjoni dejjem ikollha tagħtihom opportunità jippreżentaw osservazzjonijiet fir-rigward tal-verżjonijiet dejjem ġodda ta’ dan il-mudell.

57.      Madankollu, nixtieq immedjatament inżid li, minkejja r-restrizzjoni mhux ikkontestata tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-impriżi kkonċernati dejjem irid jibqgħalhom marġni suffiċjenti għad-difiża tagħhom u d-drittijiet tad-difiża tagħhom ma jistgħux jiġu affettwati sostantivament (31). Ix-xewqa li, fl-evalwazzjoni ta’ każijiet tal-kompetizzjoni, jiġi inkorporat iktar għarfien ekonomiku ma tistax titwettaq għad-dannu ta’ garanziji proċedurali fundamentali.

58.      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li fi proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni twettaq analiżijiet ekonomiċi kumplessi għall-finijiet ta’ approċċ iktar ekonomiku (“more economic approach”), allura, qabelxejn, hija stess tkun, minn naħa, responsabbli għat-twettiq bir-reqqa u b’imparzjalità ta’ dawn l-analiżijiet (32), u, min-naħa l-oħra, għat-tempestività tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu inkorporati mingħajr problemi fl-iżvolġiment tal-proċedura prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

59.      Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet kif ukoll l-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet, il-mudell ekonometriku li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni għandu jiġi żvelat lill-impriżi kkonċernati, u l-elementi essenzjali tiegħu spjegati, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-aġġustament fin neċessarju ta’ dan il-mudell fid-dawl tal-investigazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni u d-diskussjonijiet possibbli mal-impriżi kkonċernati jridu jkunu konklużi fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-impriżi kkonċernati mbagħad għandhom l-opportunità sabiex, fil-kuntest tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-mudell ekonometriku tal-Kummissjoni.

60.      Fil-każ li, eċċezzjonalment, ikun biss iktar tard li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku applikat minnha, dan id-dewmien ma jistax ikun ta’ żvantaġġ għad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Pjuttost, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni trid terġa’ tikkonsulta lill-impriżi kkonċernati separatament dwar dan il-punt, għajr jekk il-verżjoni finali ma tkunx kunsiderevolment differenti mill-verżjonijiet diskussi preċedentement mal-impriżi jew jekk din sempliċement tkun tikkostitwixxi żvilupp ta’ dawn il-verżjonijiet fid-dawl tal-argumenti tal-impriżi (33).

61.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża, il-verżjoni finali tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, li kienet differenti b’mod mhux negliġibbli fir-rigward tal-varjabbli użati (34), ġiet adottata fil‑21 ta’ Novembru 2012 (35). Il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda indikazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet konkreti tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li f’din id-data, madwar xahrejn qabel il-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, kien prattikament impossibbli għaliha li tisma’ lil UPS dwar l-imsemmi mudell, u tistabbilixxi terminu qasir li fih kellha tingħata risposta.

62.      F’dan l-isfond, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis suffiċjentement l-elementi prinċipali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u partikolarment ir-rekwiżit ta’ ħeffa applikabbli f’dan il-qasam.

–       Fuq il-bidliet fil-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet użat mill-Kummissjoni allegatament komprensibbli intuwittivament

63.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni targumenta li s-smigħ ta’ UPS dwar il-verżjoni finali tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet ma kienx meħtieġ peress li l-funzjonament tal-imsemmi mudell kellu jkun intuwittivament komprensibbli għal UPS.

64.      Huwa minnu li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tisma’ lill-impriżi kkonċernati dwar is-sempliċi żvilupp jew irfinar tal-elementi, teoriji jew mudelli għall-kalkolu applikati minnha, u li dwarhom dawn l-impriżi diġà setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (36). Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-verżjoni finali tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet applikat mill-Kummissjoni kienet differenti b’mod mhux negliġibbli, fir-rigward tal-varjabbli użati, minn dik li kienet ġiet diskussa ma’ UPS (37). Il-Kummissjoni, li ma ressqet l-ebda lment ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, għandha taċċetta din il-konstatazzjoni.

65.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki fil-każ ta’ interpretazzjoni benevolenti, ma jistax jiġi argumentat li l-funzjonament tal-verżjoni finali tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet applikat mill-Kummissjoni kien intuwittivament komprensibbli għal UPS. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali lanqas f’dan ir-rigward ma wettqet żball ta’ liġi.

2.      L-effetti tal-ksur ikkonstatat tad-drittijiet tad-difiża fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni inkwistjoni

66.      Fit-tieni u fir-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta, permezz ta’ lment separat, li, anki fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS, il-Qorti Ġenerali xorta setgħet tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni targumenta li, minn tal-inqas fir-rigward ta’ żewġ Stati Membri – id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi –, it-tbassir tagħha ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva jibqa’ validu anki jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet.

67.      Skont ġurisprudenza stabbilita, irregolarità proċedurali tiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss fil-każ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità proċedurali, il-proċedura amministrattiva setgħet tkun konkluża b’riżultat differenti (38). Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi eskluż li l-irregolarità proċedurali kellha effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li d-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti (39).

68.      Jista’ jagħti l-każ li, f’każijiet ta’ proċeduri ta’ akkordji, żball proċedurali fir-rigward ta’ prova speċifika jkun irrilevanti jekk provi oħra persważivi, li fir-rigward tagħhom ma twettaq ebda żball proċedurali, ikunu disponibbli għall-Kummissjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE (40).

69.      Madankollu, il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa kkaratterizzat mill-partikolarità li, fid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-approvazzjoni jew il-projbizzjoni ta’ pjanijiet ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet fir-rigward tat-tbassir, li dejjem ikunu bbażati fuq analiżi globali ta’ għadd ta’ fatturi kwantitattivi u kwalitattivi.

70.      Fil-kawża preżenti, is-sekwenza tal-avvenimenti turi b’mod konvinċenti li t-tfassil konkret ta’ mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet jista’ jiddetermina sostanzjalment in-numru ta’ Stati Membri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tbassar li ser ikun hemm ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, filwaqt li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kienet għadha qiegħda tbassar li l-pjan ta’ konċentrazzjoni ser ikollu tali effett negattiv fuq il-kompetizzjoni f’29 suq nazzjonali, id-deċiżjoni inkwistjoni li tipprojbixxi dan il-pjan issemmi biss ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fi 15-il Stat Membru, fosthom minħabba l-bidliet li saru fil-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet applikat.

71.      Barra minn hekk, UPS tirrimarka korrettament li, f’każ bħal dak inkwistjoni, it-tbassir ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva jista’ jkun iktar b’saħħtu jew iktar dgħajjef f’ċerti Stati Membri, skont jekk il-Kummissjoni tkunx tista’ tibbaża ruħha wkoll fuq analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, għajr fuq elementi l-oħra. Il-fatturi kwalitattivi li ġew enfasizzati b’mod partikolari mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom jidderivaw effetti negattivi għall-kompetizzjoni, jista’ jkollhom inqas importanza fl-evalwazzjoni globali jekk f’daqqa waħda l-kalkoli ekonometriċi kwantitattivi li permezz tagħhom dawn il-fatturi kwalitattivi kienu inizjalment ġew imsaħħa, isiru inqas affidabbli.

72.      Nixtieq inżid li impriża kkonċernata normalment tista’ tiddefendi ruħha iktar faċilment kontra l-oġġezzjoni ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’żewġ Stati Membri biss (fil-każ ineżami, id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi fejn il-Kummissjoni kienet bassret problemi sinjifikattivi ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kwalitattivi indipendenti mill-analiżi ekonometrika tagħha) milli kontra l-oġġezzjoni ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fi 15‑il Stat Membru (kif indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni) jew saħansitra f’29 Stat Membru (kif kienet bassret il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha).

73.      Il-prospetti li l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu invalidati permezz ta’ impenji xierqa u li b’dan il-mod titfassal it-triq għal approvazzjoni tal-pjan ta’ konċentrazzjoni taħt kundizzjonijiet u obbligi, normalment ukoll jitjiebu jekk l-impriża kkonċernata jkollha tippreżenta impenji speċifiċi għal żewġ swieqi nazzjonali biss u mhux għal 15‑il suq jew saħansitra għat-territorju sħiħ tal-Unjoni jew iż-ŻEE sħiħa.

74.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod kompletament korrett li UPS setgħet tiddefendi ruħha b’mod iktar effettiv li kieku l-impriża diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-verżjoni finali tal-analiżi ekonometrika magħżula mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni (41). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, kien loġiku li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni.

3.      Ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sentenza fl-ewwel istanza

75.      Fl-aħħar nett, f’diversi partijiet tal-erba’ aggravji tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx ċerti aspetti tal-argumenti tagħha fl-ewwel istanza. Dawn huma essenzjalment il-punti li ġejjin:

–        is-sottomissjoni primarja tal-Kummissjoni, li ma kinitx obbligata tinnotifika lil UPS bl-emendi fil-mudell ekonometriku applikat minnha (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju),

–        l-argument tal-Kummissjoni li anki saħansitra l-ksur possibbli tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni (it-tieni parti tat-tieni aggravju),

–        l-argument tal-Kummissjoni li l-emendi li saru fil-mudell ekonometriku tagħha kienu intuwittivament komprensibbli għal UPS (l-ewwel parti tat-tielet aggravju),

–        l-argument tal-Kummissjoni li l-iskambju li kien sar bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-ekonomisti impjegati minn UPS jeskludi kull ksur tad-drittijiet tad-difiża (it-tieni parti tat-tielet aggravju), kif ukoll

–        l-argument tal-Kummissjoni li l-oġġezzjonijiet ta’ UPS għad-deċiżjoni inkwistjoni fi kwalunkwe każ huma mingħajr effett fir-rigward tad-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi (it-tieni parti tar-raba’ aggravju).

76.      Fil-proċedura tal-appell, l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod sodisfaċenti għall-finijiet tad-dritt għall-argumenti kollha invokati mill-partijiet (42). Jekk il-Qorti Ġenerali ma tindirizzax parti ċentrali mill-argumentazzjoni ta’ parti fil-proċedura fl-ewwel istanza, allura din tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha (43) (Artikolu 36 flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja).

77.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita l-Qorti Ġenerali ma għandhiex għalfejn tittratta, b’mod eżawrjenti u suċċessivament, l-argumenti kollha żviluppati mill-partijiet fil-kawża, partikolarment, jekk dawn ma jkunux ċari u preċiżi biżżejjed (44); il-motivazzjoni ta’ sentenza tagħha tista’ pjuttost tkun anki impliċita fir-rigward ta’ wħud mill-punti (45). Dak li huwa importanti huwa jekk il-Qorti Ġenerali indirizzatx debitament il-motivi tal-partijiet (46).

78.      Fil-fehma tiegħi, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet obbligata tinnotifika lil UPS bil-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku tagħha u li tisma’ lill-impriża f’dan ir-rigward, proprju minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet bidliet f’dan il-mudell li ma jistgħux jitqiesu negliġibbli u li ma jmorrux lura għal diskussjonijiet preċedenti ma’ UPS (47). Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivi tagħha fl-ewwel istanza kienu konċiżi ħafna dwar din it-tema u bl-ebda mod ma kienu maqsuma b’mod ċar f’argument prinċipali u argumenti oħra (48). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali kellha tindirizza l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni b’mod iktar intensiv.

79.      Mis-sentenza appellata joħroġ ukoll b’mod suffiċjentement ċar li l-emendi mwettqa mill-Kummissjoni fil-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet tagħha ma kinux intuwittivament komprensibbli għal UPS u li, b’mod partikolari, ma kinux jirriżultaw mill-iskambju preċedenti mal-konsulenti tal-impriża (49).

80.      Fl-aħħar nett, l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li fuqha kienu bbażati l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni inkwistjoni huma, minn tal-inqas, risposta impliċita għall-motivi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi (50).

81.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod sħiħ l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 36 flimkien mal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, ma nara ebda inkonsistenzi fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

82.      Fir-realtà, jidhirli li, bin-nuqqasijiet ilmentati minnha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza mhux l-eżiġenzi formali tal-motivazzjoni, iżda pjuttost, sostantivament, il-fondatezza tal-motivi tas-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali waslet għal eżitu differenti minn dak mixtieq mill-appellanti ma jikkostitwixxix bażi xierqa għall-ilment ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni (51).

83.      Għaldaqstant, globalment, l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx b’mod sodisfaċenti l-argumenti tal-Kummissjoni fis-sentenza appellata għandha tiġi miċħuda.

C.      Sommarju

84.      Peress li ebda waħda mill-oġġezzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni kontra s-sentenza appellata ma tista’ tintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI.    Fuq l-ispejjeż

85.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86.      Skont l-Artikolu 138(1) u (2) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-appell, kif mitlub minn UPS.

87.      FedEx, l-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza, ma pparteċipatx fil-proċedura tal-appell u għalhekk ma tistax tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell, kif previst fl-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

VII. Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      tiċħad l-appell.

2)      tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2013 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawża COMP/M.6570 – UPS/TNT Express), innotifikata skont id-dokument C(2013)431 finali u miġbura fil-qosor fil-ĠU 2014, C 137, p. 8.


3      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144).


4      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


5      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88).


6      Punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


7      Punti 203 u 208 tas-sentenza appellata.


8      Punti 203 u 208 tas-sentenza appellata.


9      Punti 202 u 220 tas-sentenza appellata.


10      Punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


11      Punti 210 u 221 tas-sentenza appellata.


12      Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 29), tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punti 103 u 104), u tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punti 83 u 84).


13      F’dan is-sens is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑278/95 P, EU:C:1997:240, punti 44 u 45), tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 60), u tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punti 53 u 54).


14      Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 51), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 47) u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine (C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 31).


15      Sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43), tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 92), u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 47).


16      Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 52), u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (C‑520/09 P, EU:C:2011:619, punt 31); bl-istess sens is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il-Kummissjoni (C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 64).


17      Sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59), tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 95), u tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 55).


18      Punti 210 u 221 tas-sentenza appellata.


19      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21), tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51); ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 52).


20      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 152).


21      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21), tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51).


22      Kif jirriżulta mid-dibattitu bejn il-Kummissjoni u UPS quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet fil-każ ineżami kellu effett parzjalment kolpevoli għal UPS u parzjalment eżoneranti: minn naħa, fid-deċiżjoni inkwistjoni l-Kummissjoni essenzjlament ibbażat ruħha fuq dan il-mudell sabiex tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata. Min-naħa l-oħra, il-verżjoni finali ta’ dan il-mudell kienet tipprovdi wkoll li l-konċentrazzjoni ppjanata ser twassal għal ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’inqas swieq milli preżunt oriġinarjament.


23      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 54).


24      Sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 107), u tal‑4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 46).


25      Ara mill-ġdid, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21), tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51).


26      Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, partikolarment il-punti 61, 63 u 64) u tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni (T‑175/12, EU:T:2015:148, partikolarment il-punti 246, 253 sa 258, 314 u 344).


27      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 63 sa 65).


28      F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, l-aħħar biċċa tal-punt 63), li tipprovdi li n-notifika tal-oġġezzjonijiet ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tibdel il-fehma tagħha għall-benefiċċju tal-impriżi kkonċernati.


29      Punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


30      Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 39), u tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 49 u 90).


31      F’dan is-sens, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 66), li tipprovdi li l-argumenti tal-partijiet f’konċentrazzjoni proposta jibbenefikaw, fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, mill-istess teħid inkunsiderazzjoni bħall-argumenti tal-impriżi kkonċernati fil-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE.


32      Ara mill-ġdid, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza elenkata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


33      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


35      Punti 202 u 220 tas-sentenza appellata.


36      Dwar dan ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


37      Punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


38      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il-Kummissjoni (30/78, EU:C:1980:186, punt 26), u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C 301/87, EU:C:1990:67, punt 31); ara bl-istess mod, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 73), u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punti 97 u 98).


39      Sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 47), u tat‑23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament (150/84, EU:C:1986:167, punt 28); bl-istess sens is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punti 57 u 62), u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 96 sa 98)


40      F’dan is-sens b’mod partikolari s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 72 u 73) invokata mill-Kummissjoni.


41      Punt 215 tas-sentenza appellata.


42      Sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244), u tat‑2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 41).


43      F’dan is-sens is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C‑283/90 P, EU:C:1991:361, punt 29), u tas‑17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni (C‑68/91 P, EU:C:1992:531, punti 37 sa 39), u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29).


44      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 121), tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 91), u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 83).


45      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 372), tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 35), u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑463/17 P, EU:C:2018:411, punt 26).


46      Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41); bl-istess sens is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 22).


47      Punt 209 flimkien mal-punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata.


48      Fil-verità hija kkonċernata biss madwar paġna waħda (il-punt 27 sa 29) tar-risposta tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. L-ispjegazzjonijiet jibdew b’riferiment għall-iskambju tal-fehmiet li sar fil-proċedura amministrattiva bejn il-Kummissjoni u UPS dwar il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet u għall-allegat dewmien tal-kummenti ta’ UPS dwar dan il-mudell. Huwa biss sussegwentement li l-Kummissjoni tindirizza l-ġurisprudenza dwar ir-relazzjoni bejn in-notifika tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura.


49      Punt 208 tas-sentenza appellata.


50      Punti 216 sa 218 tas-sentenza appellata.


51      Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 80), u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).