Language of document : ECLI:EU:C:2015:199

Kawża C‑279/13

C More Entertainment AB

vs

Linus Sandberg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(2) – Xandira diretta ta’ avveniment sportiv fuq sit internet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Marzu 2015

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Possibbiltà, għall-Istati Membri, li jestendu d-drittijiet tal-organi tax-xandir għal atti ta’ komunikazzjoni mwettqa fuq l-Internet – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(2)(d), u 2006/115, premessa 16 u Artikoli 8(3) u 12)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-socjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-dritt esklużiv ta’ organi tax-xandir imsemmija fl-ittra d) ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi li jintwerew dirett fuq l-internet, bil-kundizzjoni li tali estensjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 3(2) ma jaffettwax il-possibbiltà tal-Istati Membri, irrikonoxxuta fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, dwar id-dritt ta’ kiri jew self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, moqri flimkien mal-premessa 16 ta’ din tal-aħħar, li jipprevedu dispożizzjonijiet iktar protettivi, fir-rigward tax-xandir u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet imwettqa mill-organi tax-xandir, kif ukoll dawk li għandhom jiġu implementati konformement mal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva. Tali possibbiltà timplika li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, lill-organi tax-xandir, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom magħmula f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3), b’mod partikolari x-xandiriet li għalihom wieħed ikun jista’ jaċċedi mill-post li jagħżel hu, filwaqt li dan id-dritt ma għandu, kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, bl-ebda mod jaffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

(ara l-punti 35-37 u d-dispożittiv)