Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2011 - JAS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-573/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: JAS Jet Air Service France (JAS) (Franza) (rappreżentant: T. Gallois, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Awwissu 2011 fil-każ REM 01/2008 inkwantu hija:

iddeċidiet li ma kienx hemm nuqqas ta' sitwazzjoni partikolari u

ċaħdet it-talba għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni li jammontaw għal EUR 1 001 778.20 ippreżentati mill-kumpannija JAS JET AIR SERVICE fl-24 ta' Jannar 2008 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni applikat motivi ipotetiċi.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu l-Kummissjoni ma ordnatx lill-amministrazzjoni nazzjonali tipproduċi l-oriġinali jew il-kopji tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana, suġġett tat-talba għal maħfra, minkejja li dawn id-dokumenti juru li verifika fiżiku kien twettaq.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura irregolari tal-istruttorja tal-proċess minħabba bdil fl-oneru tal-prova, fejn il-Kummissjoni, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjonijiet tad-dwana inkwistjoni kienu sparixxew, ikkonkludiet li l-prova tista' tiġi prodotta biss meta l-amministrazzjoni doganali tkun fiżikament ivverifikat il-merkanzija. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax iddawwar dan in-nuqqas tal-awtoritajiet nazzjonali għad-detriment tagħha.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju  inkwantu l-Kummissjoni kienet dejqet il-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "sitwazzjoni partikolari".

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji ta' fatt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm "sitwazzjoni partikolari" fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta' kumpannija oħra ta' trasport Olandiża li tispedixxi l-merkanzija, fejn is-sitwazzjoni tagħha tqieset mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi "sitwazzjoni partikolari".

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)