Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2021 – Norddeutsche Landesbank – Girozentrale vs SRB

(Kawża T-403/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Norddeutsche Landesbank – Girozentrale (Hannover, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Flore u J. Seitz, avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Bħala s-suċċessur legali ta’ Deutsche Hypothekenbank (Actien-Gesellschaft) ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-14 ta’ April 2021 (SRB/ES/2021/22) inklużi l-annessi tagħha, b’mod partikolari l-Anness I dwar ir-“Riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-istituzzjonijiet kollha suġġetti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021, murija separatament (skont l-istituzzjoni) fl-Annessi Armonizzati” – sa fejn dawn huma rilevanti għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi li ġejjin.

L-ewwel motiv: ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

Il-konvenut naqas milli jisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u b’hekk kiser l-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

It-tieni motiv: ksur tar-regoli proċedurali

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali ġenerali li joħorġu mill-Artikolu 41 tal-Karta, mill-Artikolu 298 TFUE, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mir-regoli proċedurali tal-konvenut.

It-tielet motiv: motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

B’mod kuntrarju għall-Artikolu 296 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti; b’mod partikolari, la hemm motivazzjoni li tindirizza l-każ partikolari inkwistjoni u lanqas ma hemm espożizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest tal-proporzjonalità u tas-setgħa diskrezzjonali.

Barra minn hekk, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali ma jinftehimx, b’mod partikolari minħabba l-użu ta’ termini inkonsistenti u nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ passi intermedji importanti.

Ir-raba’ motiv: ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ

Minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ferm iktar diffiċli għar-rikorrenti li tikseb stħarriġ ġudizzjarju tagħha.

B’dan il-mod, il-konvenut jikser b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja li jipprovdi li l-parteċipanti fil-proċedura għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-fatti kif ukoll l-aspetti legali li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura.

Il-ħames motiv: l-applikazzjoni tal-indikatur IPS (Institutional Protection Scheme) tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Fl-applikazzjoni tal-indikatur IPS, l-importanza tas-sħubija tad-Deutsche Hypothekenbank fl-iskema ta’ protezzjoni istituzzjonali tal-Grupp tal-Finanzi tal-Banek tat-Tfaddil ġiet interpretata ħażin.

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 1 il-konvenut kien imissu ħa inkunsiderazzjoni l-probabbiltà baxxa ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni u, għalhekk, tal-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, u kien imissu osserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-sitt motiv: it-teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta’ riskju dderivat globali fil-kuntest tal-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” jikkostitwixxi ksur tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 interpretat fid-dawl tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Inkonformità mar-rekwiżit ta’ orjentament fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju li jieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ riskju ta’ derivattivi b’mod ġenerali, fil-kuntest tal-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) u tal-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, il-konvenut kien imissu ħa inkunsiderazzjoni, fil-każ tad-Deutsche Hypothekenbank, id-derivattivi kollha attribwiti lill-portafoll li ma huwiex innegozjat u li huma intiżi esklużivament għal finijiet ta’ hedging, u li Deutsche Hypothekenbank kellha livell baxx ta’ kumplessità u livell għoli ta’ kapaċità ta’ riżolvibbiltà.

Is-seba’ motiv: in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-MREL (Minimum Requirements for own funds and Eligible Liabilities) fil-kuntest tal-qasam tar-r-riskju “Espożizzjoni għar-riskju” jikkostitwixxi ksur tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63

Il-konvenut kien imissu ħa inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 6(1)(a) u 2(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, il-proporzjon tal-MREL ogħla mill-medja tar-rikorrenti ta’ 67.6 %, li eċċeda sewwa l-proporzjoni minimu ta’ 8 % stabbilit mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

It-tmien motiv: l-applikazzjoni tal-mulitplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil tar-riskju tikkostitwixxi ksur tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 interpretat fid-dawl tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Il-konvenut kien imissu ħa inkunsiderazzjoni l-probabbiltà baxxa ta’ inadempjenza u l-proporzjoni tal-MREL ogħla mill-medja tar-rikorrenti meta stabbilixxa l-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil tar-riskju, skont ir-rekwiżit ta’ orjentament għall-profil tar-riskju u d-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża skont l-Artikolu 16 tal-Karta.

Id-disa’ motiv (sussidjarju): it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Sa fejn tipprevedi relativizzazzjoni tal-indikatur tal-IPS, it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn istituzzjonijiet li huma suġġetti għall-istess skema ta’ protezzjoni istituzzjonali u li għalhekk huma suġġetti għall-istess probabbiltà ta’ inadempjenza, jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti.

L-għaxar motiv: id-definizzjoni ta’ “depożiti interbankarji” fil-Pass 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Id-definizzjoni ta’ “depożiti interbankarji” prevista fil-Pass 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 hija illegali sa fejn titoli li ma jimplikaw ebda riskju, bħalma huma obbligi rreġistrati fuq isem partikolari, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-indikatur tar-riskju “krediti u depożiti interbankarji” minħabba koperatura eżistenti.

Il-ħdax-il motiv: il-klassifikazzjoni tal-klassijiet prevista fil-Pass 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 tikkostitwixxi ksur tad-dritt f’livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi

Il-klassifikazzjoni tal-klassijiet prevista fil-Pass 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 hija illegali sa fejn in-numru żgħir ta’ klassijiet u n-numru identiku ta’ istituzzjonijiet f’kull klassi ma jippermettux li l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni rispettiva, bħalma hija d-Deutsche Hypothekenbank, jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjentement iddifferenzjat.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).