Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2021 – UniCredit Bank vs SRB

(Kawża T-402/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: UniCredit Bank AG (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Schäfer, H. Großerichter u F. Kruis, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2021/22) inklużi l-annessi tagħha, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

L-ewwel motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 tikser ir-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE peress li ma ġietx korrettament stabbilita.

It-tieni motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 u l-Annessi I sa III tagħha jiksru r-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal amministrazzjoni tajba peress li ma għandhomx motivazzjoni suffiċjenti skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

It-tielet motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 u l-Annessi I u II tagħha jiksru d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta peress li huwa prattikament impossibbli li l-eżattezza materjali tad-deċiżjoni tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

Ir-raba’ motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 u l-Annessi tagħha huma illegali peress li l-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 1 huma, huma stess, illegali. Huma jiksru d-dritt tal-istituzzjoni għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li jwasslu għal deċiżjonijiet li huma intrinsikament nieqsa mit-trasparenza.

Il-ħames motiv: Jekk jitqies li l-kalkolu nieqes mit-trasparenza tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet huwa diġà impost fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 2 u fl-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 3 , dawn l-atti huma illegali fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija fir-raba’ motiv u għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inapplikabbli.

Is-sitt motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 tikser l-Artikolu 6, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 sa fejn il-konvenut ma ħax inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil tar-riskju, l-indikatur tar-riskju tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (“NSFR”), l-indikatur tar-riskju tar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji u tal-impenji eliġibbli (“MREL”) jew l-indikaturi tar-riskju tal-kumplessità (“complexity”) u tas-solvenza (“resolvability”).

Is-seba’ motiv: id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2021 u l-Annessi I sa III tagħha jiksru r-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta peress li r-rikorrenti ma ġietx mismugħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

2     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

3     Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).