Language of document :

Rettifika għall-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-kawża T-159/09

("Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea" C 153 tal-4 ta' Lulju 2009, p. 44)

L-avviż fil-ĠU fil-kawża T-159/09, Biofrescos vs Il-Kummissjoni, għandu jinqara kif ġej:

"Rikors ippreżentat fil-21 ta' April 2009 - Biofrescos - Comércio de Produtos Alimentares, Lda vs Il-Kummissjoni tal-Komuniatjiet Ewropej

(Kawża T-159/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Biofrescos - Comércio de Produtos Alimentares, Lda (Linda-a-Velha, il-Portugall) (rappreżentanti: A. Magalhães u Menezes, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 72 finali tas-16 ta' Jannar 2009, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jammontaw għal EUR 41271.09, u li tordna l-irkupru tagħhom a posteriori.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti importat, bejn Settembru tal-2003 u Frar tal-2005, diversi kunsinni ta' gambli tal-friża mill-Indoneżja, li għalihom talbet l-eżenzjoni mill-ħlas ta' dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikoli 220(2)(b), 236 u 239(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret, minn tal-inqas, id-dispożizzjonijiet imsemmija, safejn: fl-ewwel lok, ma tatx deċiżjoni fir-rigward tal-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għall-eżenzjoni mill-ħlas ta' dazji fuq l-importazzjoni; fit-tieni lok, il-motivazzjoni kienet nieqsa, żbaljata u ma tinftiehemx; fit-tielet lok, interpretat b'mod żbaljat l-iżball tal-awtoritajiet Indoneżjani nfushom; u, fir-raba' u l-aħħar lok, ippreżentat bħala provi ċerti fatti li fil-verità ma jeżistux u li fir-rigward tagħhom l-oneru tal-prova kellu jaqa', suċċessivament, fuq l-awtoritajiet intervenjenti fil-kawża u mhux fuq ir-rikorrenti."

____________

1 - ĠU L 97, p. 38.