Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' April 2009 - Winzer Pharma vs UASI - Alcon (OFTAL CUSI)

(Kawża T-160/09)

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Dr. Robert Winzer Pharma GmbH (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: S.Schneller, Rechtsanwalt)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Alcon Inc.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-4 ta' Frar 2009 fil-Każ R 1471/2007-1 u tilqa' l-Oppożizzjoni Nru B 809899 għall-prodotti kollha;

tikkonċedi l-fażi orali tal-proċeduri;

tikkundanna lill-UASI, u sussidjarjament lil Alcon Inc., għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri.

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Alcon Cusì SA, li sussegwentement ittrasferixxiet id-drittijiet tagħha lil Alcon Inc.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "OFTAL CUSI" għal prodotti fil-klassi 5 (Applikazzjoni Nru 3 679 181)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: It-trade mark verbali "Ophtal" għal prodotti fil-klassi 5 (Trade mark Komunitarja Nru 489 948)

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li issa sar l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 1), peress li hemm probabbiltà ta' konfużjoni, jew minn tal-inqas probabbiltà ta' assoċjazzjoni, bejn it-trade marks kunfliġġenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1)