Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Benefiċċji tal-familja – Artikolu 68 – Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji – Obbligu għall-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza sussidjarja li tibgħat applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja lill-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza prijoritarja – Assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza tal-wild – Irkupru parzjali tal-benefiċċji tal-familja mħallsa fl-Istat Membru tal-attività bħala persuna impjegata ta’ wieħed mill-ġenituri”

Fil-Kawża C‑36/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

L

vs

Familienkasse Sachsen der Bundesagentur für Arbeit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: N. Mundhenke, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Familienkasse Sachsen der Bundesagentur für Arbeit, minn M. Gößling, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Lachowicz u A. Siwek‑Ślusarek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Drugda u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L u l-Familienkasse Sachsen der Bundesagentur für Arbeit (il-Fond għall-Allowances tal-Familja ta’ Sachsen tal-Aġenzija Federali tal-Impjieg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Fond għall-Allowances tal-Familja”) dwar it-talba, minn din tal-aħħar, għar-rimbors parzjali tal-allowances tal-familja mħallsa lil L.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 1408/71

3        L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kien jipprovdi:

“1.      Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

2.      Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

 IrRegolament Nru 883/2004

4        Il-premessa 35 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi:

“Sabiex ikunu evitati każijiet ta’ overlapping fejn din ma tkunx mixtieqa, hemm il-ħtieġa li jkunu stabbiliti regoli ta’ prijorità fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-familja li jingħataw taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih huma residenti l-membri tal-familja.”

5        L-Artikolu 1(a) u (ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘attività bħala persuna impjegata’ tfisser kwalunkwe attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti;

(b)      ‘attività bħala persuna li taħdem għal rasha’ tfisser kwalunkwe attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti;

(ċ)      ‘persuna assigurata’, fil-kuntest tal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti minn Titolu III, Kapitoli 1 u 3, tfisser kwalunkwe persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti taħt Titolu II biex ikollu d-dritt għal benefiċċji, dejjem waqt li jittieħdu in konsiderazzjoni d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”.

6        L-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[...]”

7        Il-Kapitolu 8, iddedikat għall-benefiċċji tal-familja, tat-Titolu III ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċjali dwar id-Diversi Kategoriji ta’ Benefiċċji”, jinkludi l-Artikoli 67 sa 69 tiegħu.

8        L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

9        Skont l-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ overlapping”:

“1.      Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

(a)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

(b)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:

(i)      fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm ikun hemm attività bħal din, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-akbar ammont ta’ benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti. Fil-każ imsemmi l-aħħar, l-ispejjeż tal-benefiċċji għandhom jinqassmu skond il-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

[...]

(iii)      fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ residenza: il-post ta’ residenza tat-tfal.

2.      Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta’ tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta’ residenza biss.

3.      Jekk, taħt l-Artikolu 67, tkun sottomessa applikazzjoni għal benefiċċji marbutin mal-familja lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli, iżda mhux bi dritt ta’ preċedenza skond il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)      dik l-istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tapplika bi preċedenza, tinforma lill-persuna konċernata u, mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-għoti proviżjonali ta’ benefiċċji, tagħti jekk ikun hemm bżonn is-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza msemmi fil-paragrafu 2;

(b)      l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tapplika bi preċedenza għandha tipproċessa din l-applikazzjoni bħallikieku kienet sottomessa direttament lilha, u d-data li fiha din l-applikazzjoni kienet sottomessa lill-ewwel istituzzjoni għandha titqies bħala d-data ta’ meta saret it-talba lill-istituzzjoni li għandha preċedenza.”

10      L-Artikolu 76(4) u (5) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“4.      L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin u li jikkoperaw sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament ikun implimentat kif suppost.

[...]

Il-persuni konċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza malli jkun possibbli dwar xi bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li tolqot d-dritt tagħhom għal benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

5.      F’każ li l-obbligu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4 ma jkunx rispettat, jistgħu jkunu applikati miżuri proporzjonati skond il-liġi nazzjonali. Minkejja dan, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u ma għandhomx, fil-prattika, jagħmluha impossibbli jew diffiċli ħafna biex il-persuni li jagħmlu talba jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

11      L-Artikolu 81 tal-istess regolament jipprovdi:

“Kull talba, dikjarazzjoni jew appell li suppost kienu sottomessi, fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, f’perjodu speċifiku lil awtorità, istituzzjoni jew tribunal ta’ dak l-Istat Membru, għandhom ikunu aċċettati jekk ikunu sottomessi fl-istess perjodu lil awtorità, istituzzjoni jew tribunal korrispondenti fi Stat Membru ieħor. F’każ bħal dan, l-awtorità, l-istituzzjoni jew it-tribunal li jirċievu t-talba, id-dikjarazzjoni jew l-appell għandhom jibagħtuha mingħajr dewmien lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal kompetenti fl-ewwel Stat Membru, jew direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati. Il-jum li fih dawn it-talbiet, dikjarazzjoni jew appelli kienu sottomessi lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal tat-tieni Stat Membru għandu jitqies bħala l-jum li fih kienu sottomessi lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal kompetenti.”

12      L-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Kollezzjoni ta’ kontribuzzjonijiet u rkupru ta’ benefiċċji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kollezzjoni ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jingħataw lil istituzzjoni ta’ Stat Membru wieħed u rkupru ta’ benefiċċji mogħtija mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru wieħed iżda li mhux suppost ingħataw jistgħu jsiru fi Stat Membru ieħor skond il-proċeduri u bil-garanziji u privileġġi applikabbli għall-kollezzjoni tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jingħataw lill-istituzzjoni korrispondenti fit-tieni Stat Membru u għall-irkupru ta’ benefiċċji mogħtija minnha meta dawn ma kellhomx jingħataw.

2.      Deċiżjonijiet li jistgħu jkunu infurzati ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi dwar il-kollezzjoni ta’ kontribuzzjonijiet, interessi u kull piż ieħor jew dwar l-irkupru ta’ benefiċċji mogħtija meta dawn ma kellhomx jingħataw, taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, għandhom ikunu rikonoxxuti u infurzati fuq talba ta’ l-istituzzjoni kompetenti fi Stat Membru ieħor fil-limiti u skond il-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni u skond xi proċeduri oħra applikabbli għal deċiżjonijiet simili tat-tieni Stat Membru. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu dikjarati bħala deċiżjonijiet li jistgħu jkunu infurzati f’dak l-Istat Membru sa fejn dan ikun mitlub mil-leġislazzjoni u mill-proċeduri l-oħra ta’ dak l-Istat Membru.

[...]”

 IrRegolament (KE) Nru 987/2009

13      L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), jipprovdi:

“Il-persuni li għalihom japplika [r-Regolament Nru 883/2004] għandhom ikunu meħtieġa jibagħtu lill-istituzzjoni relevanti l-informazzjoni, id-dokumenti jew l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa biex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni tagħhom jew dik tal-familji tagħhom, biex jiġu stabbiliti jew jinżammu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u biex jiġu ddeterminati l-leġislazzjoni applikabbli u l-obbligi tagħhom taħtha.”

14      L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“(1)      L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament [Nru 883/2004], għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.

(2)      L-istituzzjoni li ssirilha applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandha teżamina l-applikazzjoni abbażi tal-informazzjoni ddettaljata mogħtija mill-applikant, billi tikkunsidra s-sitwazzjoni de facto u legali ġenerali tal-familja tal-applikant.

Jekk dik l-istituzzjoni tikkonkludi li l-leġislazzjoni tagħha hija applikabbli bi dritt ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament [Nru 883/2004], hija għandha tipprovdi l-benefiċċji marbutin mal-familja konformement mal-leġislazzjoni li hi tapplika.

Jekk dik l-istituzzjoni jidhrilha li jista’ jkun hemm id-dritt għal supplement għad-differenza bis-saħħa tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 68(2) tar-Regolament [Nru 883/2004], dik l-istess istituzzjoni għandha tgħaddi l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor u tinforma lill-persuna kkonċernata; barra minn hekk, hija għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor bid-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni u bl-ammont ta’ benefiċċji marbutin mal-familja mħallas.

(3)      Fejn l-istituzzjoni li ssirilha l-applikazzjoni tikkonkludi li l-leġislazzjoni tagħha tkun applikabbli, iżda mhux bi dritt ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament [Nru 883/2004], hija għandha tieħu deċiżjoni provviżorja, mingħajr dewmien, dwar ir-regoli ta’ preċedenza li għandhom jiġu applikati u tibgħat l-applikazzjoni, taħt l-Artikolu 68(3) tar-Regolament [Nru 883/2004], lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor u għandha tinforma wkoll lill-applikant b’dan. Dik l-istituzzjoni għandha tieħu pożizzjoni dwar id-deċiżjoni provviżorja fi żmien xahrejn.

Jekk l-istituzzjoni li lilha ntbagħtet l-applikazzjoni ma tiħux pożizzjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni, għandha tapplika d-deċiżjoni provviżorja msemmija hawn fuq u l-istituzzjoni għandha tħallas il-benefiċċji previsti fil-leġislazzjoni tagħha u tinforma lill-istituzzjoni li saritilha l-applikazzjoni bl-ammont tal-benefiċċji mħallas.

[...]

(5)      Jekk l-istituzzjoni li tat il-benefiċċji fuq bażi provviżorja ħallset aktar mill-ammont li għalih hija ultimament responsabbli, hija tista’ titlob ħlas lura tal-ammont mogħti żejjed mill-istituzzjoni b’responsabbiltà primarja konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 73 tar-Regolament implimentattiv.”

 Iddritt Ġermaniż

15      It-tielet sentenza tal-Artikolu 31 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EStG”) tipprovdi:

“Matul is-sena kalendarja kurrenti, l-allowances tal-familja jitħallsu kull xahar fil-forma ta’ rimbors tat-taxxa.”

16      L-Artikolu 32(1) u (3) tal-EStG jistabbilixxi li:

“(1)      L-ulied għandhom ifissru

1.      L-ulied li huma relatati fl-ewwel grad mal-kontribwent,

[...]

(3)      Wild jittieħed inkunsiderazzjoni b’effett mix-xahar kalendarju li matulu twieled u għal kull xahar kalendarju sussegwenti li fil-bidu tiegħu ma jkunx għalaq 18-il sena.”

17      L-Artikolu 62(1) tal-EStG jipprovdi:

“Fir-rigward tal-ulied fis-sens tal-Artikolu 63, hija intitolata għall-allowances tal-familja taħt din il-liġi, kull persuna:

1.      li għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali jew

2.      li, minkejja li ma għandhiex id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali,

a)      hija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat abbażi tat-taxxa fuq id-dħul skont l-Artikolu 1(2), jew

b)      hija ttrattata bħala li hija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat abbażi tat-taxxa fuq id-dħul skont l-Artikolu 1(3).

[...]”

18      Skont l-Artikolu 63(1) tal-EStG:

1 L-ulied għandhom ifissru

1.      l-ulied fis-sens tal-Artikolu 32(1),

[...]

2 L-Artikolu 32(3) sa (5) japplika b’analoġija. […]”

19      L-Artikolu 70(2) tal-EStG jipprovdi:

1      Sa fejn ikun hemm tibdil fiċ-ċirkustanzi rilevanti għad-dritt għall-allowances tal-familja, l-għoti tal-allowances tal-familja għandu jiġi annullat jew mibdul b’effett mid-data tat-tibdil fiċ-ċirkustanzi. [...]”

20      L-Artikolu 37 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)      Id-drittijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar għat-taxxa jinkludu l-ġbir tat-taxxa mingħand il-persuna taxxabbli, ir-rimbors tat-taxxa, il-ġbir tat-taxxa mingħand terzi solidari, il-ħlasijiet anċillari tat-taxxa, ir-rimbors previst fil-paragrafu 2 kif ukoll il-ħlas lura tat-taxxa previst fil-liġijiet fiskali speċjali.

(2) 1      Kull persuna li f’isimha jkun sar il-ħlas jew ir-rimbors, mingħajr bażi legali, ta’ taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli, ta’ rimbors tat-taxxa, ta’ taxxa dovuta minn terz solidari jew ta’ ħlas anċillari tat-taxxa għandha, fil-konfront tal-benefiċjarju tal-pagament, dritt għar-rimbors tal-ammont imħallas jew irrimborsat. 2 L-istess japplika meta l-bażi legali tal-ħlas jew tar-rimbors ma tibqax eżistenti sussegwentement.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

21      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Pollakk li ilu diversi snin jaħdem bħala persuna impjegata fil-Ġermanja. Martu tgħix il-Polonja flimkien mal-wild komuni tagħhom, imwieled fl-2008.

22      Fl-2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni sabiex jikseb allowances tal-familja fil-Ġermanja, filwaqt li ddikjara l-attività tiegħu bħala persuna impjegata fil-Ġermanja u l-assenza ta’ attività professjonali eżerċitata mill-konjuġi tiegħu fil-Polonja. Il-Fond għall-Allowances tal-Familja laqa’ din l-applikazzjoni għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tagħti dritt għall-allowances tal-familja hija applikabbli bi prijorità għall-perijodu ta’ attività bħala persuna impjegata tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

23      Fl-2019, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll tad-dritt għall-allowances tal-familja, il-Fond għall-Allowances tal-Familja bagħat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali kwestjonarju sabiex jikkonferma l-informazzjoni pprovduta u talab informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti Pollakki dwar l-eżistenza, possibbilment, ta’ attività professjonali tal-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u ta’ dritt għall-benefiċċji tal-familja Pollakki.

24      L-imsemmija awtoritajiet wieġbu li din tal-aħħar kienet ilha teżerċita attività professjonali sa mis-sena 2006 u kienet tikkontribwixxi għall-iskema ta’ sigurtà soċjali agrikola Pollakka, iżda ma kinitx tirċievi benefiċċji tal-familja Pollakki. Għalkemm, wara emenda leġiżlattiva li saret fil-Polonja matul is-sena 2019, kien issa possibbli li jingħataw benefiċċji msejħa “familja 500+” mingħajr kundizzjoni ta’ dħul, il-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet madankollu ddikjarat li ma xtaqitx tippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens.

25      Wara din ir-risposta, il-Fond għall-Allowances tal-Familja, skont l-Artikolu 70(2) tal-EStG, annulla, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2020, l-għoti tal-allowances tal-familja Ġermaniżi sal-ammont tal-benefiċċji tal-familja legalment previsti fil-Polonja.

26      Barra minn hekk, il-Fond għall-Allowances tal-Familja, permezz ta’ “talba għal deċiżjoni fil-qasam tal-kompetenza”, talab lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki jeżaminaw id-dritt għal benefiċċji tal-familja mix-xahar ta’ Lulju 2019. Dawn l-awtoritajiet wieġbu b’mod partikolari li l-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienet irċeviet ebda benefiċċju ta’ dan it-tip mill‑1 ta’ Lulju 2019 u li hija kienet xtaqet li ma tippreżentax applikazzjoni sabiex tirċievi tali benefiċċji.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Jannar 2021, il-Fond għall-Allowances tal-Familja annulla l-għoti tal-allowances tal-familja għall-perijodu mix-xahar ta’ Lulju 2019 sax-xahar ta’ Settembru 2020 sal-ammont tal-benefiċċji tal-familja legalment previsti fil-Polonja u talab mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali r-rimbors tal-ħlas żejjed tal-allowances tal-familja, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 1 674.60 li jikkorrispondi għall-ħlas ta’ dawn l-allowances matul dan il-perijodu.

28      Wara ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal emenda ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq azzjoni quddiem il-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

29      Insostenn tal-azzjoni tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-konjuġi tiegħu ma teżerċitax attività professjonali, peress li r-razzett agrikolu li hija wirtet mingħand il-ġenituri tagħha ma kienx operat. L-assigurazzjoni mal-iskema ta’ sigurtà soċjali agrikola Pollakka, li għaliha huwa jħallas kontribuzzjonijiet, ġiet sottoskritta minħabba l-proprjetà ta’ dan ir-razzett u ma tippreżumix l-eżerċizzju ta’ attività agrikola indipendenti. Barra minn hekk, matul il-perijodu msemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-konjuġi tiegħu la talbet u lanqas irċeviet allowances tal-familja fil-Polonja.

30      Il-Fond għall-Allowances tal-Familja jsostni, b’mod partikolari, li l-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha dritt għal benefiċċji msejħa “familja 500+”, li l-għoti tagħhom ma huwiex, sa mix-xahar ta’ Lulju 2019, suġġett għall-ġbir ta’ dħul. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet kompetenti Pollakki, l-imsemmija konjuġi għandha titqies li teżerċita attività professjonali fil-Polonja. Mill-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li l-benefiċċji tal-familja huma dovuti b’mod prijoritarju f’dan l-Istat Membru peress li l-wild tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konjuġi tiegħu jirrisjedu hemmhekk.

31      Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar ir-Regolament Nru 1408/71 li tħassar bir-Regolament Nru 883/2004, u b’mod partikolari mis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer (C‑16/09, EU:C:2010:605), jirriżulta li s-sospensjoni ta’ dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżistenza ta’ tali dritt fi Stat Membru ieħor hija possibbli biss jekk il-benefiċċji tal-familja jitħallsu effettivament minn dan l-Istat Membru l-ieħor u li, fl-assenza ta’ tali ħlas, huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ ħlas ikun dovut biss għall-fatt li ma tkunx ġiet ippreżentata applikazzjoni f’dan is-sens.

32      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jeżistu taħt ir-Regolament Nru 883/2004, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) qieset li, skont il-finzjoni stabbilita fl-Artikolu 68(3)(b) u fl-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex applikabbli bi prijorità titqies ukoll bħala applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata, fl-istess data, fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli bi prijorità, li tippermetti li jitqies li l-kundizzjoni formali ta’ ftuħ tad-dritt, fil-kuntest ta’ applikazzjoni f’dan l-Istat tal-aħħar, tkun osservata. Skont il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), dan ikun il-każ anki jekk l-ewwel Stat ma jkunx jaf bl-eżistenza ta’ element barrani, peress li ma jkunx ġie informat dwar dan mill-applikant, u għalhekk ma jibgħatx l-imsemmija applikazzjoni lit-tieni Stat Membru. Minn dan isegwi li huwa biss meta, fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli bi prijorità, il-kundizzjonijiet materjali ta’ dritt ma jkunux issodisfatti, b’mod partikolari minħabba li jinqabeż il-limitu tal-età jew tal-limiti ta’ dħul, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament ma japplikawx.

33      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-Regolament Nru 883/2004 għandu l-għan, kif jirriżulta mill-premessa 35 tiegħu, li jevita kumuli inġustifikati ta’ benefiċċji fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, b’tali mod li r-regoli ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx, bħala prinċipju, ikollhom l-effett li jagħtu lill-persuna intitolata benefiċċji li jkunu inqas minn dawk li kienu jitħallsu lilha li kieku dawn ir-regoli ta’ prijorità ma kinux applikati.

34      Fir-rigward tal-Artikolu 68(3) tal-imsemmi regolament, il-qorti tar-rinviju tqis li l-assimilazzjoni tal-applikazzjonijiet, kif deskritti fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li hija prevista fih u li hija intiża li tissemplifika l-proċedura għall-persuna intitolata, ma għandhiex effett fuq il-fatt li t-termini għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja u l-possibbiltà ta’ għoti retroattiv ta’ tali benefiċċji jibqgħu rregolati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li, għaldaqstant, il-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni annwali u minn qabel hija meħtieġa fil-Polonja. Barra minn hekk, il-proċedura msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu 3 tikkonċerna biss is-sitwazzjoni li fiha għandha tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja li tkun għadha ma ġietx ittrattata.

35      Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ u r-regoli ta’ prijorità previsti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 883/2004 kellhom japplikaw f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi ddeterminata l-prijorità bejn l-Istati Membri kkonċernati abbażi tal-kundizzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet previsti mid-dritt nazzjonali jew abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward ta’ din it-tieni ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jiġi preżunt li persuna teżerċita attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru, ladarba l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jikkonfermaw dan, minkejja l-affermazzjoni kuntrarja tal-imsemmija persuna.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 jippermetti li r-rimbors parzjali ta’ allowances Ġermaniżi tal-familja jintalab a posteriori abbażi ta’ dritt prijoritarju fi Stat Membru ieħor, anki jekk l-ebda benefiċċju tal-familja ma huwa u ma jkun ġie stabbilit u mħallas għall-wild fl-Istat Membru l-ieħor, bil-konsegwenza li l-ammont li jifdal lill-benefiċjarju taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża jkun, finalment, inqas mill-allowances Ġermaniżi tal-familja?

(2)      Ir-risposta għad-domanda dwar liema huma r-raġunijiet li għalihom l-allowances għandhom jingħataw minn diversi Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 u b’mod partikolari liema elementi jagħtu lok għad-drittijiet li għandhom jiġu kkoordinati, għandha tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-drittijiet previsti mir-regoli nazzjonali, jew inkella fuq il-punt dwar taħt liema kriterju l-persuni kkonċernati huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri rispettivi skont l-Artikoli 11 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004?

(3)      Fil-każ li l-aspett determinanti jkun jinsab fil-punt dwar taħt liema kriterju l-persuni kkonċernati huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri rispettivi skont l-Artikoli 11 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004[, l]-Artikolu 68, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġu interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ attività bħala persuna impjegata jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor jew l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li, mil-lat tad-dritt tas-sigurtà soċjali, hija assimilata għal tali attività, meta l-fond tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru l-ieħor jiċċertifika l-eżistenza ta’ assigurazzjoni “fil-kwalità ta’ agrikultur” u meta l-istituzzjoni kompetenti għall-benefiċċji tal-familja f’dan l-Istat tikkonferma l-eżistenza ta’ attività professjonali, anki jekk il-persuna kkonċernata ssostni li l-assigurazzjoni hija marbuta biss mal-proprjetà tar-razzett li huwa rreġistrat bħala art agrikola għammiela, iżda li, fir-realtà, ma huwiex maħdum?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

37      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, li jistabbilixxi r-regoli ta’ prijorità fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-familja, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex prijoritarja skont il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li titlob lill-persuna kkonċernata r-rimbors parzjali ta’ tali benefiċċji mħallsa f’dan l-Istat Membru, minħabba l-eżistenza ta’ dritt għal dawn il-benefiċċji previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor applikabbli bi prijorità, u dan minkejja li ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ġie stabbilit jew imħallas f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li ħaddiem li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jaħdem fi Stat Membru u li l-familja tiegħu tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.

39      L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi l-prinċipju li bis-saħħa tiegħu persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru li ma jkunx dak kompetenti sabiex iħallas dawn il-benefiċċji, daqslikieku dawn kienu jirrisjedu f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. B’hekk, dan l-artikolu huwa maħsub sabiex jiffaċilita lill-ħaddiema migranti jirċievu l-allowances tal-familja fl-Istat Membru fejn ikunu impjegati, meta l-familja tagħhom ma tiċċaqlaqx magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, (C‑32/18, EU:C:2019:752, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Issa, dan il-prinċipju ta’ assimilazzjoni ma huwiex assolut, fis-sens li meta diversi drittijiet huma dovuti skont leġiżlazzjonijiet differenti, ir-regoli kontra l-kumulu previsti fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, DN (Irkupru ta’ benefiċċji tal-familja), C‑199/21, EU:C:2022:789, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Kif jirriżulta mill-premessa 35 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jiġu evitati kumuli inġustifikati ta’ benefiċċji fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja.

42      Għalhekk, il-punt (a) tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jiddetermina r-regoli ta’ prijorità meta benefiċċji jkunu dovuti minn iktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, filwaqt li l-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità għal benefiċċji li jkunu dovuti fuq l-istess bażi. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet, il-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw skont il-leġiżlazzjoni indikata bħala li hija prijoritarja skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, peress li d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont leġiżlazzjonijiet oħra huma sospiżi sal-ammont previst mill-ewwel leġiżlazzjoni u mogħtija, jekk ikun il-każ, fil-forma ta’ suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza, għall-parti li taqbeż dan l-ammont.

43      Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dawn ir-regoli ta’ prijorità, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jitqies li teżisti tali sitwazzjoni ta’ kumulu f’każ partikolari, ma huwiex biżżejjed li benefiċċji jkunu dovuti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-wild ikkonċernat u jkunu, fl-istess ħin, jistgħu jitħallsu biss fi Stat Membru ieħor. Huwa neċessarju wkoll li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm formali kif ukoll sostantivi, imposti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, li fosthom jista’ jkun hemm, jekk ikun il-każ, il-kundizzjoni li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punti 52 u 53, u tat-‑13 ta’ Ottubru 2022, DN (Irkupru ta’ benefiċċji tal-familja), C‑199/21, EU:C:2022:789, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna r-regoli ta’ prijorità li kienu previsti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, ma ġietx tqegħditx f’dubju bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004.

45      F’dan ir-rigward, mill-punt (a) tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li quddiemha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja iżda li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tkunx applikabbli bi prijorità skont il-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandha tibgħat din l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli bi prijorità, tinforma lill-persuna kkonċernata u tagħti, jekk ikun il-każ, is-suppliment għad-differenza msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 dwar il-likwidazzjoni provviżorja tal-benefiċċji.

46      Fir-rigward ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, li, minħabba r-riferiment tiegħu għall-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 34), għandu jiġi kkonstatat li huwa jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu, li l-istituzzjoni adita b’applikazzjoni għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, li tqis li l-leġiżlazzjoni tagħha ma hijiex prijoritarja, għandha tieħu deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli u tibgħat din l-applikazzjoni lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor, filwaqt li tinforma lill-applikant b’din it-trażmissjoni. It-tieni subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu jippreċiża li jekk l-istituzzjoni li lilha ntbagħtet l-imsemmija applikazzjoni ma tiħux pożizzjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha, id-deċiżjoni provviżorja meħuda mill-istituzzjoni adita fl-ewwel lok għandha tapplika u din tal-aħħar għandha tħallas il-benefiċċji previsti abbażi tal-leġiżlazzjoni tagħha.

47      B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta b’mod ċar li l-istituzzjoni ta’ Stat Membru adita b’applikazzjoni għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, li tqis li l-leġiżlazzjoni tagħha ma hijiex prijoritarja, hija obbligata, fil-każ ta’ assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-istituzzjoni b’kompetenza allegatament prijoritarja, tħallas il-benefiċċji previsti abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni.

48      Konsegwentement, f’tali każ, din l-istituzzjoni ma tistax tissospendi l-ħlas tal-imsemmija benefiċċji tal-familja sal-ammont eventwalment previst mil-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala prijoritarja u tipprovdihom fil-forma ta’ suppliment għad-differenza għall-parti li teċċedi dan l-ammont.

49      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 987/2009 li jipprovdi li, meta istituzzjoni tkun wettqet il-ħlas ta’ benefiċċji b’mod provviżorju għal ammont li jeċċedi dak li finalment tkun responsabbli għalih, hija tista’ tindirizza lill-istituzzjoni prijoritarja għall-irkupru tal-ħlas żejjed.

50      B’żieda ma’ dan, l-Artikolu 68(3)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li l-istituzzjoni kompetenti li l-leġiżlazzjoni tagħha tapplika bi prijorità għandha tittratta din l-applikazzjoni bħallikieku kienet sottomessa direttament lilha u d-data li fiha din l-applikazzjoni tressqet quddiem l-ewwel istituzzjoni għandha titqies bħala d-data ta’ meta l‑applikazzjoni tressqet quddiem l-istituzzjoni prijoritarja.

51      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 huma kkompletati b’dawk tal-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, li bis-saħħa tagħhom il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni quddiem awtorità, istituzzjoni jew qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub jagħti l-benefiċċju għandha l-istess effetti daqslikieku din l-applikazzjoni kienet ġiet direttament imressqa quddiem l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar u d-data li fiha din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-ewwel Stat Membru hija kkunsidrata bħala d-data tal-preżentazzjoni quddiem l-awtorità, l-istituzzjoni jew il-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

52      Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-moviment tal-ħaddiema migranti, billi jissemplifikaw, minn perspettiva amministrattiva, il-passi tagħhom, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi eżistenti fid-diversi Stati Membri, u sabiex jevitaw li, għal raġunijiet purament formali, il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiċċaħħdu mid-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Chief Appeals Offcer et (C‑3/21, EU:C:2022:737, punt 26).

53      B’hekk, sa fejn applikazzjoni mressqa mill-persuna kkonċernata hija preżunta li tintbagħat b’mod awtomatiku lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli bi prijorità u li, minħabba l-finzjoni li d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni quddiem awtorità kompetenti għandha titqies bħala d-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni quddiem l-awtorità mitluba tieħu konjizzjoni tagħha bi prijorità, il-kundizzjoni, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni minn qabel, ma għadhiex, bħala prinċipju, meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ benefiċċji fid-dawl tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ prijorità.

54      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha formali u sostantivi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza prijoritarja għandhom jiġu osservati, sa fejn hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja u d-dritt li wieħed jirċievi tali benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 46, u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, DN (Irkupru ta’ benefiċċji tal-familja), C‑199/21, EU:C:2022:789, punt 42).

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-għoti tagħhom, kif ukoll it-termini għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ksib ta’ dawn il-benefiċċji (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Chief Appeals Officer et, C‑3/21, EU:C:2022:737, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(a) u (b) tar-Regolament Nru 883/2004, li jiddefinixxi attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha bħala li hija attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala tali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih din l-attività hija eżerċitata jew li fih isseħħ is-sitwazzjoni ekwivalenti, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk persuna teżerċitax tali attività, fis-sens tal-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, għandha ssir mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih din l-attività hija eżerċitata.

57      Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja hija suġġetta għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma tkunx f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ikunux kollha ssodisfatti. Din l-istituzzjoni jkollha għalhekk tillimita ruħha li tikkonstata li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew effettivament tat lill-persuna kkonċernata benefiċċji tal-familja, jew irrifjutat l-għoti tagħhom lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, EU:C:1983:26, punt 11).

58      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni inizjali għall-allowances tal-familja fil-Ġermanja, dan l-Istat Membru laqa’ l-applikazzjoni bis-saħħa tal-kompetenza tiegħu bħala Stat Membru prijoritarju mingħajr ma ta bidu għall-mekkaniżmu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament Nru 987/2009.

59      Kien biss waqt verifika sussegwenti, minħabba emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Polonja, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qieset li l-leġiżlazzjoni tagħha ma kinitx għadha prijoritarja, fis-sens tal-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, u informat b’dan kemm lill-benefiċjarju tal-allowances tal-familja kif ukoll lill-istituzzjoni Pollakka kompetenti, peress li din tal-aħħar kienet, konformement mal-mekkaniżmu introdott mill-Artikolu 68(3) ta’ dan ir-regolament, mitluba tittratta l-applikazzjoni daqslikieku kienet ġiet sottomessa lilha direttament, u dan fid-data tal-preżentazzjoni tagħha quddiem l-istituzzjoni Ġermaniża kompetenti.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “applikazzjoni”, li ma jistax jiġi assimilat mal-fatt li wieħed jirċievi servizz perijodiku min-naħa tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru, jeħtieġ pass amministrattiv min-naħa tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Chief Appeals Officer et, C‑3/21, EU:C:2022:737, punt 31), bħal dak tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tad-dritt għall-allowances tal-familja sabiex jikkonferma l-informazzjoni pprovduta.

61      Fl-ipoteżi fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha formali u sostantivi previsti mil-leġiżlazzjoni Pollakka għall-għoti tal-allowances tal-familja huma ssodisfatti, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tqajjem argumenti ta’ formaliżmu pur fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni sabiex tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċji tal-familja. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-raġunijiet li għalihom persuna tirrifjuta jew ma jkollhiex l-intenzjoni tressaq applikazzjoni formali ma għandhom ebda effett fuq ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 54).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-istituzzjoni Pollakka, b’kompetenza prijoritarja, ma tħallasx il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tastjeni milli tieħu pożizzjoni fuq it-talba għal trasferiment, l-istituzzjoni Ġermaniża, bħala l-ewwel istituzzjoni adita, ikollha ċertament tħallas il-benefiċċji previsti taħt il-leġiżlazzjoni tagħha iżda tkun tista’ sussegwentement titlob mingħand l-istituzzjoni kompetenti Pollakka r-rimbors tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja li jeċċedi dak impost fuqha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004.

63      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009, l-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza prijoritarja u l-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza sussidjarja huma marbuta reċiprokament u huma dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li għandhom jipproċessaw flimkien l-applikazzjoni ppreżentata mill-applikant għal benefiċċji tal-familja lil waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 66).

64      Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll mill-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li Stat Membru jista’ jeżiġi minn Stat Membru ieħor rimbors tal-ammont imħallas żejjed tal-benefiċċju tal-familja, inkluż għall-passat, sakemm il-kundizzjonijiet formali u sostantivi previsti fil-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru jitqiesu li huma ssodisfatti għall-passat.

65      Kull interpretazzjoni oħra, li tikkonsisti f’li jiġi allegat nuqqas ta’ kollaborazzjoni lil waħda mill-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-ammont tal-allowances tal-familja li għandhom jitħallsu lill-benefiċjarju jew li timponi fuq dan tal-aħħar l-obbligu li jirrimborsa ammonti mħallsa minn istituzzjoni iżda li l-ħlas tagħhom ma kienx jaqa’ fuqha, tikkontradixxi b’mod ċar l-għan tar-regoli kontra l-kumulu, li huma maħsuba sabiex il-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri jiġi ggarantit ammont totali tal-benefiċċji identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed minn dawn l-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004, għalkemm l-awtoritajiet previsti minn dan ir-regolament huma obbligati jwieġbu għall-applikazzjonijiet kollha fi żmien raġonevoli u jipprovdu lill-persuni kkonċernati kull informazzjoni neċessarja sabiex dawn ikunu jistgħu validament jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament, dawn il-persuni huma, min-naħa tagħhom, obbligati jinformaw, fl-iqsar żmien possibbli, lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti u tal-Istat Membru ta’ residenza b’kull bidla fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li jkollha effett fuq id-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji previsti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Chief Appeals Offcer et (C‑3/21, EU:C:2022:737, punt 34).

67      F’dan il-każ, fil-każ li jiġi deċiż li d-dikjarazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-konjuġi tiegħu ma taħdimx fil-Polonja, ma tikkorrispondix mar-realtà, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-rimedju għal tali nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni ma jinsabx madankollu fl-irkupru tal-benefiċċji skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, iżda fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati previsti mid-dritt nazzjonali li, konformement mal-Artikolu 76(5) ta’ dan ir-regolament, għandhom, barra minn hekk, josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Chief Appeals Offcer et (C‑3/21, EU:C:2022:737, punt 43).

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, li jistabbilixxi r-regoli ta’ prijorità fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minkejja li ma jippermettix lill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex prijoritarja skont il-kriterji previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li teżiġi mill-persuna kkonċernata r-rimbors parzjali ta’ tali benefiċċji mħallsa f’dan l-Istat Membru, minħabba l-eżistenza ta’ dritt għal dawn il-benefiċċji previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor applikabbli bi prijorità, sa fejn ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ġie stabbilit jew imħallas f’dan l-Istat Membru l-ieħor, huwa madankollu jippermetti lil din l-istituzzjoni teżiġi mingħand l-istituzzjoni b’kompetenza prijoritarja r-rimbors tal-ammont tal-benefiċċji li jeċċedi dak impost fuqha skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

69      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

 Fuq lispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, li jistabbilixxi r-regoli ta’ prijorità fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-familja,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minkejja li ma jippermettix lill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex prijoritarja skont il-kriterji previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li teżiġi mill-persuna kkonċernata r-rimbors parzjali ta’ tali benefiċċji mħallsa f’dan l-Istat Membru, minħabba l-eżistenza ta’ dritt għal dawn il-benefiċċji previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor applikabbli bi prijorità, sa fejn ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ġie stabbilit jew imħallas f’dan l-Istat Membru l-ieħor, huwa madankollu jippermetti lil din l-istituzzjoni teżiġi mingħand l-istituzzjoni b’kompetenza prijoritarja r-rimbors tal-ammont tal-benefiċċji li jeċċedi dak impost fuqha skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.