Language of document : ECLI:EU:T:2014:1081

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xama’ tal-paraffin — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Prova tal-ksur — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Perijodu ta’ referenza — Kalkolu tal-valur tal-bejgħ — Gravità tal-ksur — Konċentrazzjoni matul il-perijodu tal-ksur — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑551/08,

H&R ChemPharm GmbH, stabbilita f’Salzbergen (il-Ġermanja) irrappreżentata inizjalment minn M. Klusmann, avukat, u S. Thomas, professur, sussegwentement minn M. Klusmann,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Antoniadis u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Xama’ tax-xemgħa), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll, b’mod sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-deċiżjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Xama’ tax-xemgħa) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li r-rikorrenti, H&R ChemPharm GmbH, kienet, flimkien ma’ impriżi oħra, kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipat f’akkordju relatat mas-suq tax-xama’ tal-paraffin fiż-ŻEE u mas-suq Ġer maniż tax-xama’ ratba.

2        Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma l-kumpanniji segwenti: Eni SpA, Esso Deutschland GmbH, Esso Société anonyme française, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa, “ExxonMobil”), H&R ChemPharm, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG (iktar ’il quddiem, flimkien, “H&R”), Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG (iktar ’il quddiem “Tudapetrol”), MOL Nyrt., Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa, “Repsol”), Sasol Wax GmbH, Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Ltd (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa,“Sasol”), Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Ltd, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa, “Shell”), RWE Dea AG u RWE AG (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa, “RWE”), kif ukoll Total SA u Total France SA (iktar ’il quddiem, kollha f’daqqa, “Total”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Ix-xama’ tal-paraffin tiġi mmanifatturata fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Din tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħalma huma x-xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Ix-xama’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xama’ tal-paraffin. Din tiġi prodotta fir-raffineriji bħala prodott sekondarju tal-produzzjoni ta’ żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Din tinbiegħ ukoll lill-klijenti finali, per eżempju lill-produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Il-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informata, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, bl-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ppreżentat quddiemha talba għal immunità skont l-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-28 u fid-29 ta’ April 2007, il-Kummissjoni tat bidu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), għal verifika fil-bini ta’ “H&R/Tudapetrol”, ta’ Eni, ta’ MOL, kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Bejn il-25 u d-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji li jidhru fil-punt 2 iktar ’il fuq, fosthom ir-rikorrenti (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007, il-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R, fosthom ir-rikorrenti, u Tudapetrol bagħtu risposta konġunta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8        Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha l-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R, fosthom ir-rikorrenti, u Tudapetrol ġew irrappreżentati b’mod konġunt (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xama’ tal-paraffin u tax-xama’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti f’akkordji jew fi prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u fuq l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xama’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“komponent prinċipali tal-ksur”). F’dak li jikkonċerna lil RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa x-xama’ bajda kien jikkonċerna wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni komponent tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jikkonċerna wkoll ix-xama’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“komponent dwar ix-xama’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew xi drabi laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xama’ ratba” iddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xama’ ratba.

11      L-ammont tal-multi imposti f’dan il-każ ġie kkalkolat abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

12      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xama’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

[…]

Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: mill-24 ta’ Marzu 1994 sat-30 ta’ Ġunju 2002;

H&R Wax Company Vertrieb GmbH: mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-28 ta’ April 2005;

Hansen & Rosenthal KG: mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-28 ta’ April 2005;

H&R ChemPharm GmbH: mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005;

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

Eni SpA: EUR 29 120 000;

Esso Société anonyme française: EUR 83 588 400,

li minnha flimkien u in solidum ma’

ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 Corporation għal EUR 34 670 400 li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: EUR 12 000 000;

Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH: EUR 24 000 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

MOL Nyrt.: EUR 23 700 000;

Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA: EUR 19 800 000;

Sasol Wax GmbH: EUR 318 200 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol [Ltd] għal EUR 250 700 000;

Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, The Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Limited: EUR 0;

RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG: EUR 37 440 000;

Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128 163 000.”

2.     Rabtiet bejn il-grupp H&R u Tudapetrol

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“(22) Il-grupp [H&R] huwa attiv fuq skala mondjali fil-prodotti taż-żejt. Tudapetrol […] kienet impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ xama’ tal-paraffin u ta’ xama’ ratba għal H&R. L-investigazzjoni rrilevat li H&R u Tudapetrol huma żewġ impriżi distinti u indipendenti. Madankollu, minħabba rabtiet personali mill-qrib eżistenti (kif spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem, wieħed mill-assoċjati ta’ Tudapetrol, [H.], kien impjegat ukoll minn H&R), kif ukoll relazzjonijiet bejn H&R u Tudapetrol fil-qasam tad-distribuzzjoni, iż-żewġ impriżi huma msejħa iktar ’il quddiem bħala ‘H&R/Tudapetrol’. Il-grupp H&R/Tudapetrol huwa prinċipalment stabbilit f’żewġ siti Ġermaniżi, Hamburg u Salzbergen.

(23)      Id-dħul ta’ H&R/Tudapetrol fis-suq tax-xama’ tal-paraffin seħħ fl-24 ta’ Marzu 1994, meta Hansen & Rosenthal KG xtrat mill-ġdid, fil-kuntest ta’ akkwist konġunt, raffinerija (SRS GmbH) ta’ lubrifikanti f’Salzbergen (Il-Ġermanja) li kienet proprjetà ta’ Wintershall AG, sussidjarja ta’ BASF, u ttrasformatha f’impriża ta’ produzzjoni.

(24)      Ir-raffinerija ta’ (SRS GmbH) hija amministrata minn H&R Chemisch-Pharmazeutische Spezialitäten GmbH, sussidjarja 100 % ta’ H&R ChemPharm GmbH. Min-naħa tagħha, H&R ChemPharm GmbH hija sussidjarja miżmuma 100 % minn H&R Wasag AG. L-azzjonist prinċipali ta’ H&R Wasag AG hija H&R Beteiligung GmbH (il-bqija tal-azzjonijiet inqasmu bejn diversi azzjonisti). Min-naħa tagħha, H&R Beteiligung GmbH hija miżmuma minn H&R Wax Company Vertrieb GmbH, sussidjarja miżmuma 100 % minn Hansen & Rosenthal KG (il-kumpannija holding ta’ H&R).

(25)      Oriġinarjament, ix-xama’ tal-paraffin u x-xama’ ratba kienu ddistribwiti minn Tudapetrol, impriża indipendenti (il-‘Komplementäre’ [soċji solidali] huma [HA., HAN. u H.], u l-‘Kommanditist’ [soċju akkomandanti] huwa [HANS.]). Fl-1 ta’ Mejju 2000, id-distribuzzjoni ġiet ittrasferita lil H&R Wax Company Vertrieb Komplementär GmbH & Co. KG u, mill-1 ta’ Jannar 2001 id-distribuzzjoni hija amministrata minn H&R Wax Company Vertrieb […] Madankollu, mill-investigazzjoni jirriżulta li, minkejja li Tudapetrol ħarġet fil-maġġor parti mill-qasam tal-paraffina fl-1 ta’ Mejju 2000, hija żammet xi klijenti [li jixtru xi prodotti tal-paraffina].

[…]

(28)      Il-persuni li kienu responsabbli mill-amministrazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp H&R/Tudapetrol fil-qasam tax-xama’ tal-paraffin u tax-xama’ ratba, li kienu jirrappreżentaw lil H&R/Tudapetrol jew li kienu jafu bl-arrranġamenti deskritti f’din id-deċiżjoni kkontestata huma […]:

[H.]: apprentist ma’ SRS GmbH, 1994-1997; dipartiment tal-bejgħ u tal-marketing ta’ Tudapetrol […], 1997-2002; responsabbli mill-bejgħ ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH mill-2001 sa llum; [Geschäftsführer (amministratur)] mill-2002 ta’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH;

[G.]: amministratur tal-prodotti ma’ SRS GmbH, 1994-2001; amministratur tal-prodotti ma’ H&R Management & Service GmbH/H&R ChemPharm GmbH mill-2001 sa llum (fl-2002, H&R Management & Service GmbH ingħatat l-isem ġdid ta’ H&R ChemPharm GmbH); responsabbli mill-bejgħ għal Tudapetrol[…], 1999-2000; responsabbli mill-bejgħ għal H&R Wax Company Vertrieb GmbH mill-2001 sa llum;

[W.]: responsabbli mill-bejgħ għal Tudapetrol […], 1994-1998; konsulent għal Tudapetrol […], 1999; responsabbli mill-bejgħ għal SRS GmbH (minn Lulju 2001, impjegat ma’ H&R Management & Service GmbH, li ngħatat l-isem ġdid ta’ H&R Chem-Pharm GmbH fl-2002), 2000-2001; qabel l-1994, responsabbli mill-bejgħ ma’ Wintershall AG.

(29)      Fi[d-deċiżjoni kkontestata], u ħlief għal indikazzjoni kuntrarja, l-impriżi tal-grupp Hansen & Rosenthal/Tudapetrol li pparteċipaw fl-akkordju huma msejħa bl-isem ‘H&R/Tudapetrol’.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

15      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ressqet talba inċidentali fis-sens tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex ir-rettifika tar-risposta ppreżentata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2009 titneħħa mill-proċess.

16      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2009, it-talba inċidentali ġiet inkluża fil-mertu.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, din stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi u sabiex jipprovdu ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għad-domandi fit-terminu stabbilit u pproduċew ċerti dokumenti. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li hija la setgħet tipproduċi l-kopja u lanqas it-traskrizzjoni ta’ ċerti dikjarazzjonijiet kunfidenzjali ppreżentati fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tagħha.

18      B’digriet tat-12 ta’ Ġunju 2012, adottat skont, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 65(b) u l-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ordnat li l-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjonijiet jew il-kopji tad-dikjarazzjonijiet kunfidenzjali msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq. Dawn id-dokumenti setgħu jiġu kkonsultati mill-avukati tar-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali qabel is-seduta.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-10 ta’ Lulju 2012.

20      Fid-dawl tar-rabtiet fattwali mal-kawżi T‑540/08, Esso vs Il‑Kummissjoni, T‑541/08, Sasol et vs Il-Kummissjoni, T‑543/08, RWE u RWE Dea vs Il-Kummissjoni, T‑544/08, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, T‑548/08, Total vs Il‑Kummissjoni, T‑550/08, Tudapetrol vs Il-Kummissjoni, T‑558/08, Eni vs Il-Kummissjoni, T‑562/08, Repsol YPF Lubricantes y especialidades et vs Il-Kummissjoni, u T‑566/08, Total Raffinage et Marketing vs Il-Kummissjoni, kif ukoll fid-dawl tax-xebh tal-kwistjonijiet legali mqajma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti s-sentenza għal din il-kawża wara s-seduti tal-imsemmija kawżi konnessi, li l-aħħar waħda minnhom seħħet fit-3 ta’ Lulju 2013.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu, inkluża t-talba sussidjarja;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għal irtirar ta’ dokument mill-proċess

23      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li tiġi rtirata mill-proċess ir-rettifika tar-risposta, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2009, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija rettifika tikkoreġi ċerti żbalji tal-pinna li jinsabu fir-risposta, il-parti l-kbira tagħhom fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, li n-natura żbaljata tagħha setgħet tiġi faċilment osservata sew mir-rikorrenti kif ukoll mill-Qorti Ġenerali abbażi tad-deċiżjoni kkontestata u abbażi ta’ atti u dokumenti oħra ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Barra minn hekk, fil-punt 93 tal-verżjoni oriġinali tar-risposta, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali “tiċħad bħala infondati t-tliet motivi tar-rikorrenti”, filwaqt li, skont ir-rettifika, hija titlob iċ-ċaħda ta’ erba’ motivi. In-natura żbaljata tal-verżjoni oriġinali madankollu kienet faċilment rilevabbli kemm mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mir-rikorrenti, peress li, fil-punt 94 tal-verżjoni oriġinali tar-risposta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors kollu kemm hu.

25      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rettifika kellha biss l-għan li tiffaċilita x-xogħol tal-Qorti Ġenerali u li l-iżbalji tal-pinna li kienet intiża tikkoreġi kienu faċilment rilevabbli kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ebda waħda mill-korrezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma kienet tirrigwarda s-sustanza tal-argumentazzjoni tagħha, b’mod li r-rikorrenti ma setgħetx issostni b’mod validu li ż-żieda tar-rettifika fil-proċess setgħet tirrestrinġi d-drittijiet tad-difiża tagħha.

26      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali indirizzat domanda bil-miktub lir-rikorrenti sabiex din tkun tista’ tispjega l-allegati konsegwenzi żvantaġġużi tal-imsemmija rettifika fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti ma identifikatx tali konsegwenzi.

27      Konsegwentement, it-talba għall-irtirar mill-proċess tar-rettifika tar-risposta hija miċħuda.

2.     Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħha, minħabba l-motivazzjoni allegatament mingħajr differenzjazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-grupp H&R u Tudapetrol. It-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-assenza ta’ prova ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti. It-tielet motiv, imqajjem ukoll sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li jirriżulta minn determinazzjoni allegatament żbaljata tad-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni matul il-kalkolu tal-ammont tal-multa. Ir-raba’ motiv, li huwa wkoll imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, minħabba l-motivazzjoni allegatament mingħajr differenzjazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

29      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE. It-tieni parti tikkonċerna l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

30      Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni qieset il-grupp H&R u Tudapetrol bħala żewġ impriżi distinti u indipendenti (premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, matul l-eżami tal-provi tal-ksur, il-Kummissjoni ttrattat lil dawn iż-żewġ impriżi mingħajr differenzjazzjoni u sejħitilhom bl-isem “H&R/Tudapetrol”.

31      Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u l-Artikolu 81 KE meta ma ppreżentatx, fid-deċiżjoni kkontestata, motivazzjoni separata f’dak li jikkonċerna l-aġir allegatament li jikkostitwixxi ksur ta’ Tudapetrol u dak tal-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R.

32      B’mod partikolari, hija tqis li jekk H&R u Tudapetrol huma żewġ impriżi distinti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li kull waħda minn dawn l-impriżi pparteċipat, b’mod individwali u awtonomu, għall-ksur kollu tal-Artikolu 81 KE inkwistjoni f’din il-kawża. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli twettaq tali turija.

33      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002, l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, ta’ responsabbiltà parallela ta’ Tudapetrol, minn naħa, u ta’ Hansen & Rosenthal, jew tas-sussidjarja ta’ din tal-aħħar, H&R Wax Company Vertrieb, min-naħa l-oħra, kif ukoll ta’ H&R ChemPharm mill-1 ta’ Lulju 2001.

34      Il-kwistjoni ta’ jekk, u sa fejn, ir-rikorrenti tista’ tinżamm responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE flimkien ma’ Tudapetrol ma tidhirx fir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-“perspettiva unitarja” adottata mill-Kummissjoni.

35      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li ma huwiex kompitu tagħha li tfittex il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fl-informazzjoni li tinsab fiha u li tagħmel rikostruzzjoni tal-loġika li wasslet lill-Kummissjoni sabiex timponi r-responsabbiltà għal ċerti laqgħat tekniċi u ċerti perijodi fuqha. Id-deċiżjoni kkontestata għandu jkollha motivazzjoni espliċita f’dan ir-rigward.

36      Fit-tielet lok, is-sempliċi preżenza ta’ G. f’ċerti laqgħat tekniċi ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ H&R ChemPharm fl-akkordju, b’mod li s-sempliċi riferiment għal dan il-fatt ma jkunx jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 253 KE. G. ma kienx impjegat fid-diviżjoni kummerċjali tar-rikorrenti u kien jaħdem għaliha 30 % biss tal-ħin tiegħu. Il-kompitu tiegħu bħala wieħed mit-tliet amministraturi tal-prodotti tar-rikorrenti, kien jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ prodotti tal-paraffin u ta’ emulsjoni tax-xama’ ma’ kompożizzjonijiet kimiċi ġodda, u b’hekk ma jinvolvi ebda kompitu, u ebda responsabbiltà marbuta mal-attività kummerċjali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, matul il-perijodu inkwistjoni, H&R ChemPharm kienet kumpannija holding u għaldaqstant hija ma kellha ebda attività ta’ produzzjoni.

37      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kellha tispjega r-raġunijiet li għalihom il-preżenza ta’ G. kienet timplika l-parteċipazzjoni ta’ H&M ChemPharm fl-akkordju dwar il-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur tal-prodotti, huwa ma setax jieħu deċiżjonijiet dwar dan is-suġġett f’dak li kien jikkonċerna lil H&M ChemPharm u li din tal-aħħar ma kienet tipproduċi u tbigħ xejn.

38      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

39      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, bħala l-awtur tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 145).

40      Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li deċiżjoni individwali tkun motivata għandu l-għan li, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex possibbilment ivvizzjata b’xi żball li jagħmilha possibbli li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 145, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 462).

41      Bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi regolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni matul il-proċedura li tirrigwardaha quddiem l-istanzi tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 463, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 149).

42      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 178).

43      Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun tikkonċerna diversi destinatarji u tkun tikkonċerna l-imputabbiltà tal-ksur, din għandu jkollha motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont il-kliem ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, għandhom ibatu r-responsabbiltà ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      L-ewwel nett, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-użu tal-isem komuni “H&R/Tudapetrol” kien ġustifikat minħabba r-rabtiet personali mill-qrib bejn Tudapetrol u l-grupp H&R kif ukoll minħabba r-relazzjonijiet li dawn tal-aħħar kellhom fil-qasam tad-distribuzzjoni.

45      Fir-rigward tar-rabtiet personali, mill-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kull waħda mit-tliet persuni li pparteċipaw fil-laqgħat antikompetittivi, jiġifieri H., G. u W., kienet impjegata, matul id-diversi perijodi inkwistjoni, minn Tudapetrol u l-grupp H&R. Barra minn hekk, fl-istess ħin H. kien soċju solidali ta’ Tudapetrol u, mill-2001 u wkoll fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, responsabbli mill-bejgħ għal H&R Wax Company Vertrieb. Barra minn hekk, G. kien, bejn l-1999 u l-2000, fl-istess ħin amministratur tal-prodotti ma’ SRS GmbH (kumpannija li tappartjeni lill-grupp H&R, miżmuma b’mod indirett minn H&R ChemPharm) u responsabbli mill-bejgħ għal Tudapetrol.

46      F’dak li jikkonċerna r-rabtiet kummerċjali bejn H&R u Tudapetrol, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar kienet impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ xama’ tal-paraffin u ta’ xama’ ratba għal H&R.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni spiss ittrattat lil Tudapetrol mal-grupp H&R bl-isem komuni “H&R/Tudapetrol” jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

48      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata fihiex motivazzjoni suffiċjenti dwar l-aġir li tiegħu tqiesu responsabbli l-kumpanniji tal-grupp H&R u ta’ Tudapetrol rispettivament.

49      Fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-funzjonament tal-komponenti tal-ksur li jikkonċernaw ix-xama’ tal-paraffin (il-komponent prinċipali u t-tieni komponent tal-ksur). Għalhekk, ir-rappreżentanti tal-impriżi parteċipanti ltaqgħu b’mod regolari f’“laqgħat tekniċi”. Dawn il-laqgħat kienu “dejjem jinqasmu f’żewġ partijiet: diskussjoni inizjali dwar kwistjonijiet tekniċi, segwita minn diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva dwar, fost oħrajn, l-iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-swieq u tal-klijentela (f’ċerti każijiet), u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-pjan kummerċjali bħalma huma l-politiki tal-prezz attwali u futuri, il-klijenti, il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ”.

50      Fil-premessi 381 u 610 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 625 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod separat, fir-rigward ta’ Tudapetrol, minn naħa, u tal-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R, min-naħa l-oħra, il-bidu, it-tmiem u t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Skont id-deċiżjoni kkontestata, H&R ChemPharm b’hekk ipparteċipat fil-ksur mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005, jiġifieri tliet snin u disa’ xhur, u SRS mit-22 ta’ Frar 2001 sal-1 ta’ Lulju 2001, jiġifieri tliet xhur. Il-parteċipazzjoni ta’ Hansen & Rosenthal u ta’ H&R Wax Company Vertrieb damet mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-28 ta’ April 2005, jiġifieri erba’ snin u tliet xhur. Tudapetrol ipparteċipat fil-ksur mill-24 ta’ Marzu 1994 sat-30 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri tmien snin u tliet xhur. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, matul l-eżami tat-tul ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, l-element determinanti kien il-perijodi li matulhom W., H. u G. kellhom karigi fil-kumpanniji miżmuma bħala responsabbli għalih, kif ukoll il-preżenza magħrufa tal-imsemmija persuni fil-laqgħat tekniċi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-anness tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat l-erbatax-il laqgħa teknika li fihom, skont il-provi disponibbli, “H&R/Tudapetrol” kien ħa sehem matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li tiegħu inżammet responsabbli H&R ChemPharm (mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005). Fin-noti ta’ qiegħ il-paġna li jirreferu għal dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni identifikat l-impjegat ta’ H&R ChemPharm li ħa sehem fil-laqgħa, f’dan il-każ G., u ppreċiżat il-prova li turi l-preżenza tiegħu.

52      B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata, moqrija fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha jirriżulta b’mod ċar li huma biss il-laqgħat tekniċi fejn il-preżenza ta’ “H&R/Tudapetrol” kienet indikata fid-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u li fihom G., impjegat tar-rikorrenti, ipparteċipa, li għalihom inżammet responsabbli din tal-aħħar.

53      It-tielet nett, madankollu għandu jiġi eżaminat il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002, li għalih il-Kummissjoni qieset li kemm H&R ChemPharm u kemm Tudapetrol huma responsabbli.

54      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar (ara l-punt 50 iktar ’il fuq) li, waqt li kien qiegħed jiġi ddefinit it-tul ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, l-element determinanti meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kien il-perijodi li matulhom W., H. u G. kellhom karigi fil-kumpanniji miżmuma responsabbli għall-ksur. Issa, il-Kummissjoni indikat fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata li, waqt il-laqgħat tekniċi matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002, l-entità “H&R/Tudapetrol” kienet irrappreżentata minn G. u H. Hija ppreċiżat ukoll, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li matul dan il-perijodu G. kien responsabbli mill-bejgħ għal H&R Wax Company Vertrieb u amministratur tal-prodotti ma’ H&R ChemPharm, filwaqt li H. kien impjegat kemm mad-dipartiment tal-bejgħ u tal-marketing ta’ Tudapetrol (1997-2002) kif ukoll responsabbli mill-bejgħ ma’ H&R Wax Company Vertrieb (mill-2001 u wkoll fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni imponiet ir-responsabbiltà fuq il-kumpanniji kkonċernati biss għall-perijodi ta’ ksur li matulhom l-impjegati rispettivi tagħhom kienu jieħdu sehem fil-laqgħat tekniċi u li r-raġuni għall-istabbiliment ta’ responsabbiltà parallela matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002 kienet li l-persuni li pparteċipaw f’dan il-laqgħat kellhom karigi kemm ma’ Tudapetrol kif ukoll mal-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R, b’mod partikolari mar-rikorrenti.

56      Ir-raba’ nett għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, imqajma fir-replika, li permezz tagħhom hija ssostni li s-sempliċi riferiment għar-relazzjoni ta’ impjieg bejn G. u bejnha ma jistax jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti, peress li din “ma kienet tipproduċi u tbiegħ xejn”, li G. kien amministratur tal-prodotti u mhux amministratur kummerċjali u li huwa ħadem mar-rikorrenti matul 30 % biss tal-ħin tiegħu.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li “ma [...] tipproduċi u tbiegħ xejn”, tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tagħha stess matul il-proċedura amministrattiva. L-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2005 tar-rikorrenti hija akkumpanjata minn lista ta’ “produtturi ta’ paraffin/mikroxama’ fl-Ewropa” li fiha hija tidher ukoll fost oħrajn. Fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2006, hija ddikjarat li “H&R ChemPharm [kienet] biss impriża ta’ produzzjoni u għaldaqstant ma [kinitx tbiegħ] paraffin lil terzi”. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Jannar 2008, hija tesponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ Hansen & Rosenthal u ta’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH huma “fil-parti l-kbira nett tagħhom imwettqa mid-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ H&R ChemPharm”.

58      Fir-rigward tal-karigi ta’ G., ir-rikorrenti ppreċiżat fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 2007 li huwa kien “l-interface bejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni”, peress li kien jeżerċita kariga doppja, jiġifieri dik ta’ amministratur tal-prodotti u dik ta’ amministratur tal-bejgħ. Skont l-istess ittra, din il-kariga doppja kienet prevista fil-kuntratt ta’ xogħol konkluż mar-rikorrenti.

59      Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ produzzjoni minn H&R ChemPharm u fl-assenza ta’ involviment ta’ G. fid-distribuzzjoni tax-xama’ tal-paraffin ma humiex sostnuti mill-fatti. Barra minn hekk, il-fatt li dan kien iqatta’ biss 30 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu jaħdem għar-rikorrenti ma setax iċaħħdu milli jinfluwenza l-aġir kummerċjali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-laqgħat tekniċi. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant hija kompatibbli mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva u tippermetti li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għaqqdet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur mar-relazzjoni ta’ impjieg bejnha u G.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata, moqrija fl-intier tagħha u fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, fiha motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur li tagħhom inżammet responsabbli r-rikorrenti u li hija tippermetti li ssir distinzjoni tagħhom mill-fatti li tagħhom inżammet responsabbli Tudapetrol.

61      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma jistax jiġi meħtieġ li hija tfittex il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna u fl-annessi tagħha u li tagħmel rikostruzzjoni b’dan il-mod tal-loġika li wasslet lill-Kummissjoni li tikkonkludi li hija kienet responsabbli għal ċerti perijodi.

62      Fil-fatt, fid-dawl tal-volum kbir ta’ informazzjoni u ta’ evalwazzjonijiet li jappoġġjaw id-deċiżjoni li jiġu imposti multi fuq diversi kumpanniji li kull waħda minnhom tista’ jkollha motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-elementi li jirrigwardawha, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li din torganizza l-motivazzjoni tad-deċiżjoni f’diversi livelli. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tikser ebda regola ta’ liġi meta fit-test tindika biss il-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha u l-kunsiderazzjonijiet imressqa fir-rigward tal-argumenti speċifiċi mqajma mill-impriżi involuti fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u meta tippreżenta l-informazzjoni jew il-kunsiderazzjonijiet ta’ spjegazzjoni u r-riferimenti għall-provi fin-noti ta’ qiegħ il-paġna jew fl-anness tad-deċiżjoni.

63      Wieħed għandu jżid li l-Kummissjoni diġà użat l-isem komuni “H&R/Tudapetrol” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tal-provi u fit-tabella ta’ rikapitulazzjoni li tindika l-preżenza għal-laqgħat tekniċi partikolari tal-impriżi parteċipanti, filwaqt li t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur ġiet stabbilita b’mod separat għal H&R u Tudapetrol. Madankollu, ir-rikorrenti ma kkontestatx dan l-approċċ fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija ppreżentat b’mod konġunt ma’ Tudapetrol u mal-kumpanniji l-oħra appartenenti għall-grupp H&R, minkejja l-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata b’mod separat lil kull kumpannija. Barra minn hekk, fl-imsemmija risposta, H&R u Tudapetrol b’mod sistematiku użaw l-isem “H&R/Tudapetrol” fl-argumentazzjoni tagħhom, minbarra fil-punt 2.7.2 li fih silta fejn ġie allegat li l-ksur imwettaq minn Tudapetrol kien preskritt, peress li din allegatament kienet temmet l-attivitajiet tagħha relatati max-xama’ tal-paraffin fl-1 ta’ Mejju 2000. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika b’mod validu lill-Kummissjoni li ma pproduċietx motivazzjoni iktar espliċita fir-rigward tal-aspetti inkwistjoni.

64      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE.

65      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-użu tal-isem komuni “H&R/Tudapetrol” mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

66      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għar-rabtiet personali bejn Tudapetrol u H&R, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

67      Barra minn hekk, mill-estratti tan-noti u tar-rendikonti li kellha l-Kummissjoni u mid-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju, imniżżla fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-proċess li fih il-provi kollha li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-parteċipanti l-oħra fil-ksur spiss irreferew għal entità komuni “SRS/Tudapetrol” jew “H&R/Tudapetrol”, jew inkella assoċjaw lil Tudapetrol u lill-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R fil-kuntest tal-aġir li jikkostitwixxi ksur. Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-użu frekwenti mill-Kummissjoni tal-isem komuni “H&R/Tudapetrol” jikkorrispondi wkoll għall-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

68      Sussegwentement, il-Kummissjoni għamlet riferiment ukoll għar-relazzjoni vertikali bejn il-grupp H&R u Tudapetrol.

69      Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li Tudapetrol kienet “impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ xama’ tal-paraffin bajda u ta’ xama’ ratba għal H&R”, b’mod li kienet teżisti rabta vertikali bejn iż-żewġ impriżi. Minn din ir-rabta vertikali jirriżulta li ż-żewġ impriżi kellhom interess kummerċjali komuni intiż li jimmassimizza l-profitti fuq il-prodotti tax-xama’ tal-paraffin prodotti jew ikkummerċjalizzati minnhom. Dan l-interess kien servit mill-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni, li b’mod partikolari kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet, biex b’hekk jippermetti li jitwettqu marġni ta’ profitt li jeċċedu dawk li setgħu jirriżultaw minn kompetizzjoni libera. Barra minn hekk, peress li x-xama’ tal-paraffin mibjugħa minn Tudapetrol kienet prodotta mill-grupp H&R, l-imsemmija rabta vertikali setgħet issaħħaħ l-impressjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju li dawn iż-żewġ impriżi kienu marbuta mill-qrib, b’mod li huma kienu jipperċepixxuhom bħala entità waħda, u dan jirriżulta barra minn hekk mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

70      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament setgħet issemmi r-rabta vertikali bejn Tudapetrol u l-grupp H&R fost l-elementi li jiġġustifikaw l-użu tal-isem komuni “H&R/Tudapetrol” f’ċerti partijiet mid-deċiżjoni kkontestata.

71      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R u Tudapetrol ippreżentaw b’mod konġunt ir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni segwiet approċċ loġiku meta ppreżentat l-argumenti mqajma minn dawn tal-aħħar bħala li huwa dawk ta’ “H&R/Tudapetrol”.

72      Konsegwentement, fid-dawl tar-rabtiet personali bejn iż-żewġ impriżi, tal-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kif ukoll tar-relazzjoni vertikali bejn Tudapetrol u H&R u tar-risposta konġunta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81 KE meta użat l-isem komuni “H&R/Tudapetrol” matul l-eżami ta’ ċerti aspetti tal-ksur.

73      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli biss għal-laqgħat tekniċi li fihom kienet ipparteċipat persuna li tokkupa kariga ma’ H&R ChemPharm, skont l-evalwazzjoni tagħha tad-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha (ara l-punti 45 sa 52 iktar ’il fuq). Issa, il-preżenza ta’ impjegat jew ta’ rappreżentanti oħra fil-laqgħat antikompetittivi huwa element fattwali li jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ impriża għal ksur tal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, is-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża meta din tkun wettqet ksur tippresupponi biss l-azzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ persuna li hija awtorizzata b’mod ġenerali sabiex taġixxi għan-nom tal-impriża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 277; tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, T‑141/08, Ġabra p. II‑5761, punt 258, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97).

74      Għaldaqstant, billi użat l-isem komuni “H&R/Tudapetrol” f’ċerti partijiet tal-evalwazzjoni li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, iżda madankollu indikat li l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tekniċi kienet responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba l-preżenza ta’ wieħed mill-impjegati tagħha fl-imsemmija laqgħat, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81 KE.

75      Billi r-rikorrenti la wriet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u lanqas ksur tal-Artikolu 81 KE, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

76      Ir-rikorrenti ssostni li billi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx distinzjoni bejn l-atti li tagħhom tqieset responsabbli hija u dawk imputati lil Tudapetrol, hija ma tippermettilhiex li tidentifika l-aġir materjali li bih hija tinsab ikkritikata. Għaldaqstant, il-possibbiltajiet għaliha li tipproduċi provi li jiskaġunawha huma limitati. Billi nżammet koresponsabbli għall-aġir kollu ta’ Tudapetrol, hija għandha għaldaqstant, sabiex tagħti prova tal-innoċenza tagħha, tikkontesta l-ilmenti materjali kollha mqajma kontra Tudapetrol f’dak li jikkonċerna l-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 10; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 66, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 44).

78      Ir-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi, fl-Artikolu 27(1) tiegħu, li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet, li b’mod ċar għandha tinfurmahom bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’mod effettiv l-aġir li l-Kummissjoni qiegħda takkużahom bih u sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma din tadotta deċiżjoni definittiva. Tali dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑299/08, Ġabra p. II‑2149, punt 135).

79      Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa fir-rigward ta’ din l-impriża, bħall-fatti kkritikati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara s-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi, din għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u għandha tindika f’liema kwalità din il-persuna ser tiġi akkużata bil-fatti allegati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 137; ara wkoll, f’dan is-sens, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

81      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti.

82      Fil-punt 104 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni diġà pproduċiet it-tabella, li tidher fil-premessa 124 u fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tippreċiża, skont l-informazzjoni tagħha, il-laqgħat li fihom kienet ipparteċipat l-entità “H&R/Tudapetrol”.

83      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fil-punti 2 u 257 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 493 taħt l-imsemmi punt 257, li hija kellha l-intenzjoni li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ H&R ChemPharm għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005 għal ksur tal-Artikolu 81 KE li jikkonsisti fi ftehimiet jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali li jaffettwaw is-suq tax-xama’ tal-paraffin. Hemmhekk il-Kummissjoni indikat ukoll li, waqt id-definizzjoni tat-tul ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, l-element determinanti kien il-perijodi li matulhom W., H. u G. kellhom karigi fil-kumpanniji meqjusa responsabbli għall-ksur. Fil-punt 31 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni diġà ppreċiżat it-tul tal-impjieg u l-karigi li dawn it-tliet persuni kellhom, bl-istess mod kif għamlet fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fl-iżviluppi li jinsabu taħt it-Taqsima “4.2. Informazzjoni ddettaljata dwar il-laqgħat tekniċi”, jinsabu indikati l-provi meħuda inkunsiderazzjoni mil-Kummissjoni għal kull waħda mil-laqgħat tekniċi.

84      Għaldaqstant, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-uniċi laqgħat tekniċi li ttieħdu inkunsiderazzjoni kontra H&R ChemPharm u nżammet responsabbli tagħhom kienu dawk li fihom, wieħed mill-impjegati tagħha kien ipparteċipa. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi b’mod validu li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tippermettilha tidentifika l-aġir li bih hija ġiet akkużata u li hija kellha, sabiex tagħti prova tal-innoċenza tagħha, tikkontesta l-oġġezzjonijiet materjali mqajma kontra Tudapetrol.

85      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li Tudapetrol u l-kumpanniji tal-grupp H&R irrispondew b’mod konġunt għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minkejja l-fatt li ntbagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’mod separat lil kull waħda mill-kumpanniji. Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom Tudapetrol u l-kumpanniji tal-grupp H&R użaw l-isem komuni “H&R/Tudapetrol”. Ir-rikorrenti ma sostnietx li dan l-isem kien jagħmilha impossibbli għaliha li tiddefendi ruħha kontra l-ilmenti mqajma kontrieha biss.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv, u għaldaqstant l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-assenza ta’ prova ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti

87      It-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ġabritx biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà individwali tagħha. Fit-tieni parti, hija ssostni li r-responsabbiltà tagħha lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-provi kontra l-kumpanniji l-oħra appartenenti għall-grupp H&R.

 Fuq l-ewwel parti dwar l-assenza ta’ provi li jistabbilixxu r-responsabbiltà diretta tar-rikorrenti

88      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija, personalment, kienet wettqet att li jikkostitwixxi ksur.

89      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni tal-provi, tal-fatt li hija ma żammitx lir-rikorrenti responsabbli għaż-żewġ komponenti tal-ksur uniku, jiġifieri t-tqassim tal-klijenti u tas-swieq (it-tieni komponent tal-ksur) u tal-komponent dwar is-suq Ġermaniż tax-xama’ ratba (komponent xama’ ratba tal-ksur). Huwa biss il-komponent prinċipali tal-ksur, jiġifieri l-iffissar tal-prezz u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fis-suq tax-xama’ tal-paraffin, li tqies kontrieha fid-dawl tal-premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-amministrazzjoni tal-prova mill-Kummissjoni kellha titfassal b’mod iktar preċiż sabiex jiġu identifikati l-provi li jikkonċernawha u sabiex jiġi evitat li l-provi li jistgħu jistabbilixxu ksur imwettaq biss minn terzi jkunu tqiesu kontrieha.

90      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perijodu tal-ksur ikkunsidrat, mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005, ebda impjegat tar-rikorrenti li kien jaħdem b’mod attiv għaliha ma pparteċipa fil-laqgħat antikompetittivi. G., “amministratur tal-prodotti” sa mill-2001 fi ħdanha, ma eżerċitax funzjonijiet fid-diviżjoni kummerċjali tagħha. Huwa ħadem għar-rikorrenti għal 30 % mill-ħin tiegħu. Bħala wieħed mit-tliet amministraturi tal-prodotti, il-kompitu tiegħu mar-rikorrenti kien jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ prodotti tal-paraffin u ta’ emulsjoni tax-xama’ ma’ kompożizzjoni kimika ġdida. Dan ma involva ebda kompitu u ebda responsabbiltà marbuta mal-attività kummerċjali tar-rikorrenti u lanqas, a fortiori, mar-rappreżentazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti toffri bħala prova x-xhieda tad-direttur tagħha, S.

91      Skont ir-rikorrenti, fl-ittra tad-19 ta’ Jannar 2007 hemm indikat li G. kien “sales manager” (responsabbli mill-bejgħ) ta’ H&R Wax Company Vertrieb, kumpannija distinta mir-rikorrenti. Hija tikkontesta li H&R Wax Company Vertrieb kienet il-kumpannija ta’ distribuzzjoni tagħha. Din tal-aħħar kienet awtonoma fuq il-livell legali u r-rikorrenti ma kellhiex ishma minn din il-kumpannija, u lanqas setgħa ta’ tmexxija. Hija tikkontesta wkoll li H&R Wax Company Vertrieb kellha l-kwalità ta’ assoċjat jew li hija kellha “drittijiet speċjali ta’ kontroll” fir-rigward tagħha. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà ta’ H&R Wax Company Vertrieb ma tistax tiġi imputata fuqha.

92      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wrietx li G. aġixxa għaliha meta huwa pparteċipa fil-laqgħat tekniċi. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, ma teżisti ebda prova ta’ parteċipazzjoni personali tar-rikorrenti fil-ksur.

93      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li G. kien ir-rappreżentant tagħha fil-laqgħat tekniċi, il-Kummissjoni fl-ebda każ ma tat prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE imwettaq minnha. F’dan ir-rigward hija tipprovdi analiżi ddettaljata li tikkonċerna kull waħda mil-laqgħat tekniċi li għalihom kienet preżenti H&R, skont id-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

94      Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbiti kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala l-għan jew l-effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

95      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

96      Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra p. II‑3355, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il quddiem, punti 151 sa 157 u 206).

97      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi r-riskji tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika bejniethom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

98      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza fuq l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (sentenza Heineken Nederland u eineken vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 47, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 97 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

–       Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

99      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi li jkunu ta’ natura li juru, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hija għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx issodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement fid-dritt jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 60, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, Ġabra p. II‑3871, punt 58).

102    Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li huma marbutin magħhom, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza huwa applikabbli b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 59; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mhux kull prova prodotta mill-Kummissjoni għandha neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji għal kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, ikunu jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    L-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tagħti prova tal-eżistenza ta’ ksur, min-naħa ta’ impriża, tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għandu jiġi rilevat ukoll li, fil-prattika, il-Kummissjoni hija spiss obbligata tagħti prova tal-eżistenza ta’ ksur f’kundizzjonijiet li ma tantx huma adattati għal dan il-kompitu, sa fejn setgħu jkunu għaddew diversi snin miż-żmien li fih seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u sa fejn diversi impriżi li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw magħha b’mod attiv. Minkejja li hija bilfors il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illeċitu ta’ ffissar tal-prezz, ikun eċċessiv li wieħed jirrikjedi, barra minn hekk, li hija tagħti tipproduċi l-prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih kellu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li hija ħatja ta’ ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata f’dak li jikkonċerna l-funzjonament ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni sakemm dawn ikollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar il-provi kollha invokati kontrihom mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 203).

106    F’dak li jikkonċerna l-provi li jistgħu jiġu invokati sabiex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak ta’ produzzjoni libera tal-provi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72, u Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 64).

107    Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 72).

108    Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838, u Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 70).

109    Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-imġiba tal-impriża inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur, ikun biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk jippermettu li tingħata spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti minflok dik miżmuma minnha sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 186).

110    Għall-kuntrarju, fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentali, ikunu l-impriżi kkonċernati li jkollhom jippreżentaw mhux sempliċement alternattiva plawżibbli għat-teżi tagħha, iżda tabilħaqq ikollhom iqajmu l-insuffiċjenza tal-provi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 157). Tali amministrazzjoni tal-provi ma tiksirx il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 181).

111    Fid-dawl tan-notorjetà tal-projbizzjoni tal-ftehimiet antikompetittivi, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57; ara wkoll, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Matul l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi dokumentali, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ikun ġie stabbilit b’rabta immedjata mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied et Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 181) jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 207).

113    L-assenza ta’ data jew ta’ firma ta’ dokument jew il-fatt li dan ikun miktub ħażin ma tneħħilux is-saħħa probatorja kollha tiegħu, b’mod partikolari meta l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jkunu jistgħu jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 124; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 86).

114    Mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni libera tal-provi jirriżulta li, anki jekk l-assenza ta’ provi dokumentali tista’ tirriżulta rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, din waħedha ma għandhiex il-konsegwenza li tippermetti lill-impriża kkonċernata li tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan ikun il-każ biss meta l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur b’mod inekwivoku u mingħajr ma tkun meħtieġa interpretazzjoni (sentenza Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

115    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 192, u Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 67).

116    Jista’ jiġi rrikonoxxut valur probatorju partikolarment għoli fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, joriġinaw minn persuna li għandha obbligu professjonali li taġixxi f’isem din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, joriġinaw minn xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huma jirrappurtaw u, is-sitt nett, ikunu ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni bir-reqqa (sentenza Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

117    Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra, u dan billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punti 219 u 220, u Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 68).

118    Minbarra dan, minkejja li hija ġeneralment applikata ċerta kawtela fir-rigward tad-depożizzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali, minħabba l-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom tendenza li jċekknu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u li jkabbru dik tal-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 sabiex tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-ammont tal-multa ma toħloqx neċessarjament inċentiv sabiex jiġu prodotti provi distorti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qiegħed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (sentenza Hitachi et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

119    B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 166, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

120    Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

–       Fuq id-deċiżjoni kkontestata

121    Qabelxejn għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Taqsira tal-ksur”, qieset li d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni kienu ħadu sehem fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-komponent prinċipali ta’ dan il-ksur kien jikkonsisti fi “ftehimiet jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezz u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali” li jikkonċernaw ix-xama’ tal-paraffin. Dan il-komponent prinċipali kien l-uniku komponent tal-ksur li r-rikorrenti ħadet sehem fih skont id-deċiżjoni kkontestata. Ċerti impriżi oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jipparteċipaw ukoll fil-komponenti l-oħra tal-ksur, jiġifieri “t-tqassim tal-klijenti u/jew tas-swieq” sa fejn dan jikkonċerna x-xama’ tal-paraffin (it-tieni komponent tal-ksur), kif ukoll “ix-xama’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali Ġermaniżi” (il-komponent xama’ ratba tal-ksur).

122    Fid-deċiżjoni kkontestata, bit-Titoli “4. Deskrizzjoni tal-avvenimenti” u “4.1. Prinċipji bażiċi u funzjonament tal-akkordju”, il-Kummissjoni ddeskriviet, fil-premessi 106 et seq tal-imsemmija deċiżjoni, il-kontenut tal-prattiki ta’ ffissar tal-prezz bil-mod li ġej:

“[…]

(106) Il-laqgħat tekniċi dejjem inqasmu f’żewġ partijiet: diskussjoni inizjali dwar kwistjonijiet tekniċi, segwita minn diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva li jikkonċernaw, fost oħrajn, l-iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-swieq u tal-klijentela (f’ċerti każijiet), u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali bħalma huma l-politiki tal-prezz attwali u futuri, il-klijenti, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ.

(107) Id-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezz potenzjali kienu ġeneralment iseħħu fi tmiem il-laqgħat tekniċi. Ġeneralment, Sasol kienet teżamina d-diskussjonijiet li jikkonċeraw il-prezzijiet, iżda mbagħad il-prezzijiet u l-istrateġiji ta’ politika tal-prezz kienu jiġu diskussi mill-parteċipanti kolha fil-forma ta’ “ġbir tal-opinjonijiet tal-persuni madwar il-mejda” […] Id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw kemm iż-żidiet fil-prezz u l-prezzijiet indikattivi għal klijenti speċifiċi u ż-żidiet fil-prezz ġenerali, kif ukoll il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet indikattivi għas-suq kollu […] Iż-żidiet fil-prezz normalment kienu jiġu miftiehma f’ċifri assoluti u mhux perċentwali (per eżempju, [EUR] 60 kull tunnellata għax-xama’ tal-paraffin totalment raffinata) […] Il-prezzijiet minimi ma kinux biss jiġu miftiehma meta kien jeżisti ftehim ta’ żieda fil-prezz, iżda wkoll meta żieda fil-prezz ma kinitx fattibbli (per eżempju, f’perijodu ta’ tnaqqis fil-prezz) […]

[…]

(109) Ir-rappreżentanti tal-impriżi barra minn hekk kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva u kienu jiżvelaw l-istrateġija ġenerali tagħhom […]

(110) L-impriżi, minbarra MOL, kienu rrappreżentati minn maniġers li kelhom is-setgħa li jiddeterminaw l-istrateġija tal-prezz tal-impriża rispettiva tagħhom u li jiffissaw prezzijiet għal klijenti partikolari […]

(111) Matul il-parti l-kbira tal-laqgħat tekniċi, id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienu jikkonċernaw ġeneralment ix-xama’ tal-paraffin […] u rarament biss id-diversi tipi ta’ xama’ tal-paraffin (bħax-xama’ tal-paraffin totalment raffinata, ix-xama’ tal-paraffin parzjalment raffinata, it-taħlitiet ta’ xama’/speċjalitajiet, ix-xama’ tal-paraffin solida jew ix-xama’ finalizzata bl-ilma). Kien ċar għall-impriżi kollha li l-prezzijiet għat-tipi kollha ta’ xama’ tal-paraffin kienu ser jiżdiedu bl-istess ammont jew bl-istess perċentwali […]

[…]

(113) Ir-riżultat tal-laqgħat tekniċi kien ġeneralment implementat permezz tal-avviż taż-żidiet fil-prezz lill-klijenti jew l-annullament tal-formuli tariffarji eżistenti […] Il-każijiet okkażjonali ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni kienu diskussi waqt il-laqgħat segwenti [ara, per eżempju, il-premessi (149) u (157)]. Ġeneralment, waħda mill-impriżi rrappreżentati kienet tieħu l-inizjattiva u kienet tibda żżid il-prezzijiet tagħha. Ġeneralment, din kienet tkun Sasol, iżda xi drabi din kienet titlob lil parteċipant ieħor sabiex jibda. Ftit wara n-notifika lill-klijentela, minn impriża, tal-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet, il-fornituri l-oħra kienu jsegwu l-moviment u anki dawn kienu jħabbru żidiet fil-prezz […] Il-persuni li kienu jirrappreżentaw lill-impriżi matul il-laqgħat tekniċi kienu jinformaw lill-oħrajn bil-passi meħuda sabiex ir-riżultati tal-laqgħat tekniċi jiġu applikati. Din l-informazzjoni kienet tgħaddi oralment […] jew billi tintbagħat kopja tal-avviżi ta’ żieda fil-prezz jew ta’ annullament tal-prezz ikkonċernati lil impriża oħra jew lill-impriżi [parteċipanti] l-oħra kollha. Il-Kummissjoni fil-fatt skopriet li tali avviżi kienu skambjati bejn il-parijiet. Kampjun ta’ madwar 150 ittra ta’ dan it-tip ġie identifikat bħala li ġie skambjat fis-sitt ġimgħat ta’ wara l-laqgħat tekniċi […] Ġie ddikjarat ukoll li, skont ftehim, l-impriżi rrappreżentati ma kellhomx japprofittaw mill-applikazzjoni ta’ żieda fil-prezz miftiehma sabiex ikabbru l-parti rispettiva tagħhom tas-suq […] Din id-dikjarazzjoni ma ġietx ikkontestata fir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

123    Bit-Titolu “4.2. Informazzjoni ddettaljata dwar il-laqgħat tekniċi”, il-Kummissjoni qabelxejn ippreżentat, fid-deċiżjoni kkontestata, tabella ta’ rikapitulazzjoni li tindika l-post, id-data tal-laqgħat tekniċi u l-impriżi preżenti (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement hija eżaminat il-provi disponibbli li jikkonċernaw kull waħda mil-laqgħat tekniċi (premessi 126 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Bit-Titoli “5. Applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] f’dan il-każ” u “5.3. Natura tal-ksur f’dan il-każ”, il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipji li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-aġir antikompetittiv applikabbli:

“5.3.1. Prinċipji

[…]

(205) [F]il-każ ta’ ksur kumpless ta’ dewmien twil, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tikklassifikah [bħala ftehim jew prattika miftiehma]. Il-kunċett ta’ ftehim [jew] ta’ prattika miftiehma huma vagi u jista’ jkun hemm sovrappożizzjoni tagħhom. L-aġir antikompetittiv jista’ jkun tabilħaqq varja f’mument jew l-ieħor, jew il-mekkaniżmi tiegħu jistgħu ikunu ġew aġġustati jew imsaħħa sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, tali distinzjoni tista’ anki tkun impossibbli, sa fejn ksur jista’ fl-istess waqt ikollu l-karatteristiċi ta’ kull waħda mill-forom ta’ aġir ipprojbit, filwaqt li, jekk jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, uħud minn dawn il-manifestazzjonijiet jistgħu jiġu ddefiniti bħala li jaqgħu preċiżament taħt forma iktar milli taħt il-forma l-oħra. Madankollu jkun artifiċjali li wieħed jaqsam, fl-analiżi, dak li b’mod ċar jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ aġir li għandhom għan globali waħdieni u uniku f’diversi forom distinti ta’ ksur. Għaldaqstant, akkordju jista’ fl-istess waqt jikkostitwixxi ftehim u prattika miftiehma. L-Artikolu 81 [KE] ma jipprevedix klassifikazzjoni speċifika għal ksur kumpless tat-tip ta’ dak deskritt fid-deċiżjoni preżenti […]

(206)  Fil-preżenza ta’ diversi membri ta’ akkordju li l-aġir antikompetittiv tagħhom jista’ jiġi kklassifikat, fuq it-tul, bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma (ksur kumpless), il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tevalwa b’mod preċiż taħt liema kategorija jaqa’ kull tip ta’ aġir […]”

125    Sussegwentement, dejjem bit-Titolu “5.3. Natura tal-ksur f’dan il-każ”, il-Kummissjoni ddeskriviet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tal-ksur kif ġej:

“5.3.2. Applikazzjoni

(210)            Huwa stabbilit mill-fatti deskritti fil-Kapitolu 4 ta’ din id-deżijoni li l-impriżi kollha li huma s-suġġett tal-preżenti proċedura pparteċipaw f’attivitajiet kollużorji li jikkonċernaw ix-xama’ tal-paraffin u, għall-kumpanniji identifikati fil-premessa (2), ix-xama’ ratba, […] u li huma pparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat li matulhom ġew diskussi l-elementi segwenti:

1)      l-iffissar tal-prezz [;]

2)      […] it-tqassim tal-klijenti u/jew it-tqassim tas-swieq [ ;]

3)      l-iżvelar u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, b’mod partikolari dwar il-klijenti, it-tariffar, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ […]

5.3.2.2. Iffissar tal-prezzijiet

(240) Il-premessi (98), (107), (126), (128), (131), (133), (135), (137), (139), (140), (142), (145), (147), (149), (152), (153), (156), (157), (163), (168), (174), (176) u (177) juru li l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi u kienu jiftiehmu dwar żidiet tariffarji (‘iffissar tal-prezz’).

(241) ExxonMobil, Repsol, Sasol u Shell ikkonfermaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ ffissar tal-prezzijiet [ara l-premessa (107)] u kkonfermaw din l-informazzjoni mill-ġdid matul is-smiegħ tagħhom kif ukoll fir-risposta bil-miktub tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

–       Fuq l-imputabbiltà ta’ H&R ChemPharm għall-preżenza ta’ G. fil-laqgħat tekniċi

126    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-preżenza ta’ G. fil-laqgħat tekniċi. Il-kompiti ta’ dan tal-aħħar bħala amministratur tal-prodotti kienu limitati għall-iżvilupp tal-prodotti l-ġodda, bl-esklużjoni ta’ attività kummerċjali jew ta’ responsabbiltajiet għan-nom tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, mar-rikorrenti huwa qatta’ biss 30 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu.

127    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, is-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża meta din tkun wettqet ksur tippresupponi biss l-azzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ persuna li hija awtorizzata b’mod ġenerali sabiex taġixxi għan-nom tal-impriża.

128    Fir-rigward tar-responsabbiltajiet ta’ G., ir-rikorrenti ddikjarat, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 2007, dan li ġej:

“[ G.] kien fil-kariga ta’ amministratur tal-prodotti ma’ SRS mill-1994 sal-1 ta’ Lulju 2001 u, bħala tali, kien impjegat ta’ din l-impriża. Fl-1 ta’ Lulju 2001, l-impjieg tiegħu ġie ttrasferit għal H&R Management & Service [li saret H&R ChemPharm] Konsegwentement, [G.], mill-2001 sa llum huwa impjegat ta’ H&R ChemPharm […] bħala amministratur tal-prodotti […] Sa mill-1 ta’ Jannar 2001, huwa qiegħed jeżerċita l-kariga ta’ Sales Manager ta’ H&R Wax Company Vertrieb mingħajr ma huwa formalment impjegat tagħha […] Sa mill-1999, G. qiegħed jeżerċita l-kariga doppja ta’ amministratur tal-prodotti u ta’ Sales Manager. Bħala amministratur tal-prodotti, huwa jikkostitwixxi l-interface bejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Minbarra li jaġġusta b’mod kostanti l-possibbiltajiet tal-produzzjoni għall-eżiġenzi tas-suq, il-kompiti tal-amministratur tal-prodotti jikkonsistu b’mod partikolari fl-għoti ta’ assistenza teknika lill-klijenti għall-implementazzjoni tal-prodotti. F’din il-kariga doppja, [G.] huwa responsabbli għall-kwistjonijiet tekniċi tal-klijenti u, flimkien ma’ [ H.], huwa responsabbli wkoll għall-kwistjonijiet kummerċjali. Din il-kariga doppja hija prevista fil-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ H&R ChemPharm.”

129    Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ddikjarat dan li ġej:

“Sa mid-dħul ta’ [H&R ChemPharm] fis-settur tal-paraffini fl-1994 sal-2001, [W.] kien responsabbli mid-distribuzzjoni. [W.] ilu li ħareġ bil-pensjoni sa minn tmiem l-2001. Fil-perspettiva tat-tluq ipprogrammat ta’ [W.], l-ewwel ġie [H.] sabiex isaħħaħ (mill-1997) dan id-dipartiment, u wara ngħaqad miegħu, fl-1999, [G.]. Dawn iż-żewġ persuni għadhom sa llum responsabbli għad-distribuzzjoni tal-paraffina.”

130    Fl-ewwel lok għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur tal-prodotti ta’ H&R ChemPharm, G. kien awtorizzat jaġixxi għan-nom ta’ din tal-aħħar. Tali konklużjoni hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li wieħed mill-kompiti ta’ G. kien li “jagħti assistenza teknika lill-klijenti għall-implementazzjoni tal-prodotti”, li jfisser li dan tal-aħħar kien awtorizzat jaġixxi fir-rigward tal-klijenti għan-nom tar-rikorrenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu marbuta biss mal-produzzjoni.

131    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis li l-funzjonijiet ta’ G. marbuta mad-distribuzzjoni wkoll huma rilevanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ressqet il-prova f’dan il-każ li l-impjegat tar-rikorrenti, li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu magħha ppreveda kompiti relatati kemm mal-produzzjoni kif ukoll mad-distribuzzjoni, kien preżenti fil-laqgħat antikompetittivi. Ikun faċli wisq għal impriża ħatja ta’ ksur li taħrab minn kull sanzjoni li kieku din tkun tista’ topponi tali konstatazzjoni b’mod validu billi tgħid li fil-verità l-impjegat tagħha aġixxa fl-imsemmija laqgħat f’isem kumpannija oħra. Tali soluzzjoni tista’ wkoll tippermetti lill-kumpanniji parteċipanti fl-akkordji jaħarbu minn kull responsabbiltà billi joħolqu sitwazzjonijiet ta’ impjieg doppju ma’ kumpannija mhux involuta fl-akkordju, billi jsostnu l-fatt li l-impjegat komuni aġixxa biss għan-nom ta’ dik l-aħħar kumpannija.

132    Fit-tielet lok għandu jitfakkar li r-rikorrenti stess iddikjarat li G. kien “l-interface bejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni” u l-funzjoni tiegħu kienet “li jaġġusta b’mod kostanti l-possibbiltajiet tal-prodotti għall-eżiġenzi tas-suq” billi jkun responsabbli wkoll tal-“kwistjonijiet kummerċjali”. Issa, tali pożizzjoni kienet tippermetti lil G. li jinfluwenza l-aġir kummerċjali tar-rikorrenti fid-dawl tal-informazzjoni miksuba waqt il-laqgħat tekniċi, b’mod partikolari dwar “l-eżiġenzi tas-suq”, li l-manipulazzjoni tagħhom hija barra minn hekk spiss intiża mill-attivitajiet kollużorji bejn kompetituri, u li għaldaqstant ir-rikorrenti tibbenefika mill-imsemmija attivitajiet.

133    Fir-raba’ lok, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li magħha G. kien jiddedika biss 30 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, anki perijodi qosra ħafna mgħoddija f’kuntatt mal-kumpannija ta’ produzzjoni jistgħu jippermettu li l-informazzjoni miksuba matul il-laqgħat antikompetittivi tiġi mgħoddija jew li jingħataw istruzzjonijiet partikolari fid-dawl tal-imsemmija informazzjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni arranġamenti deċiżi waqt il-laqgħat antikompetittivi.

134    Fil-ħames lok, it-teżi tar-rikorrenti li tgħid li hija ma kinitx involuta fid-distribuzzjoni tax-xama’ tal-paraffin hija kontradetta mhux biss mill-fatt li l-funzjonijiet ta’ direttur tal-bejgħ ta’ G. kienu previsti fil-kuntratt ta’ xogħol li jorbtuh mar-rikorrenti, iżda wkoll mill-fatt li, mit-28 ta’ Frar 2001, hija impjegat ukoll lil W. bħala direttur tal-bejgħ.

135    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn G. u r-rikorrenti kien jiġġustifika li l-atti tal-ewwel wieħed tinżamm responsabbli għalihom ir-rikorrenti.

–       Fuq l-offerta ta’ prova tar-rikorrenti

136    Ir-rikorrenti toffri bħala prova x-xhieda tal-amministratur tagħha, S., sabiex turi li r-responsabbiltajiet ta’ G. fi ħdanha kienu limitati għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda.

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess iddikjarat, in tempore non suspecto, li G. kien jeżerċita kompiti marbuta mad-distribuzzjoni u li huwa kien l-interface bejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Il-valur probatorju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huwa iktar minn dak ta’ xhieda stabbilita in tempore suspecto, b’mod li dawn jippermettu lill-Qorti Ġenerali li tibbaża l-konklużjoni li tidher fil-punt 135 iktar ’il fuq u li tiċħad l-ilment preżenti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-offerta ta’ prova tar-rikorrenti hija miċħuda.

–       Evalwazzjoni globali tal-provi li jsostnu l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti

138    Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li diversi impriżi ammettew li, waqt il-laqgħat tekniċi, il-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin ġew diskussi bl-għan ġenerali li jiftiehmu dwar il-livell tagħhom.

139    B’mod partikolari, skont id-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-12 ta’ Mejju 2005, il-laqgħat tekniċi kienu jagħtu lok, b’mod ġenerali, għal attività kollużorja, sa fejn fihom kienu jsiru diskussjonijiet dwar żidiet u tnaqqis tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin u sa fejn fihom kienet tiġi skambjata informazzjoni dwar il-prezzijiet gross u l-pjanifikazzjonijiet fil-qasam tal-kapaċitajiet.

140    Skont id-dikjarazzjoni ta’ Repsol tad-19 ta’ Mejju 2005, diskussjoni dwar il-livelli tal-prezz tax-xama’ tal-paraffin applikati mill-parteċipanti kienet tagħmel parti mil-laqgħat tekniċi.

141    Shell iddikjarat li l-laqgħat tekniċi kollha kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet. Skont id-dikjarazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2006, sa minn tal-inqas is-sena 1999, meta r-rappreżentant tagħha li ta xhieda beda jipparteċipa fil-laqgħat tekniċi, il-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin qatt ma ġew deċiżi b’mod unilaterali, iżda dejjem ġew iffissati mill-kompetituri matul il-laqgħat tekniċi.

142    Barra minn hekk, l-istess impriżi sostnew ukoll, fl-istess dikjarazzjonijiet, li, matul diversi laqgħat tekniċi, il-parteċipanti effettivament ftiehmu dwar il-prezzijiet minimi jew dwar iż-żidiet fil-prezz, xi drabi anki dwar il-miżuri ta’ żieda.

143    Għandu jiġi enfasizzat li, b’mod partikolari fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 139 sa 141 hawn fuq, kif ukoll fir-risposta ta’ Sasol tat-18 ta’ Diċembru 2006 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, sar riferiment għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet SRS, SRS/Tudapetrol, H&R/Tudapetrol jew Hansen & Rosenthal fil-laqgħat tekniċi u ġie indikat l-isem ta’ G., impjegat tar-rikorrenti, bħala li kien preżenti fl-imsemmija laqgħat.

144    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għamlet riferiment għad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni fil-premessi 107 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata.

145    Id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru abbażi tax-xhieda tal-persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tekniċi, wara riflessjoni kbira, u jinkriminaw ukoll lill-impriżi li għan-nom tagħhom saru dawn id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet jaqblu f’termini wiesgħa dwar id-deskrizzjoni tal-ksur, u dan jikkontribwixxi wkoll sabiex l-affidabbiltà tagħhom tikber. Għalhekk, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq, dawn huma partikolarment affidabbli.

146    Fit-tieni lok għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq huma kkorroborati minn noti miktuba fl-istess żmien tal-laqgħat tekniċi li l-Kummissjoni sabet matul l-ispezzjonijiet, li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess matul il-proċedura amministrattiva u li parti minnhom hija ċċitata b’mod partikolari fil-premessi 165, 173, 174 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata. In-noti ta’ SC. imsemmija fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nota ta’ Total imsemmija fil-premessa 174 u n-nota ta’ MOL li tinsab fil-premessa 177 tal-istess deċiżjoni huma noti miktuba bl-idejn ippreparati matul il-laqgħat mill-persuna li tkun qiegħda tassisti għalihom u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għaldaqstant, il-valur probatorju tagħhom huwa qawwi ħafna. F’dak li jikkonċerna r-rendikont “Blauer Salon” ta’ Sasol (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-nota ta’ Eni (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn huma dokumenti taż-żmien li fih seħħ il-ksur u li ġew redatti in tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara l-laqgħa teknika li għaliha jagħmlu riferiment. Għaldaqstant, il-valur probatorju tagħhom huwa qawwi.

147    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-28 ta’ April 2005), ir-rikorrenti kienet irrappreżentata minn G. f’kull waħda mill-erbatax-il laqgħa teknika li saret. Ir-rikorrenti ma tikkontestax li G. ipparteċipa f’kull waħda minn dawn il-laqgħat tekniċi.

148    Issa, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ natura antikompetittiva li jimmanifestaw ruħhom, bħal f’dan il-każ, matul laqgħat ta’ impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ksur tal-Artikolu 81 KE kien jiġi kkostitwit meta dawn il-laqgħat kien ikollhom l-għan li jirrestrinġu, li jipprojbixxu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u għaldaqstant kellhom l-intenzjoni li jorganizzaw il-funzjonament tas-suq b’mod artifiċjali. F’każ bħal dan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, sabiex tiġi ppruvata l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bi ħsieb differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 81, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 47).

149    Ir-raġuni wara din ir-regola hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qiegħda taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 82, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 48). Il-prinċipji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza japplikaw ukoll għal-laqgħat li jwasslu għall-prattiki miftiehma, kif iddefiniti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq.

150    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tallegax li tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat antikompetittivi.

151    Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju globali anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxuh peress li, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-andament normali tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju. Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax il-fatt li l-għan antikompetittiv u, għaldaqstant, il-ksur kien ħaġa waħda, sakemm kull impriża tkun ikkontribwixxiet, fil-livell tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 370, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, fil-każ ta’ ċerti laqgħat tekniċi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tagħmel rikostruzzjoni tal-kontenut tad-diskussjonijiet, b’mod li dawn il-laqgħat setgħu jikkonċernaw biss il-komponenti tal-ksur — it-tqassim tal-klijenti u l-arranġamenti li jikkonċernaw ix-xama’ ratba — li għalihom din ma nżammitx responsabbli.

153    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha provi li juru li ġeneralment, matul il-laqgħat tekniċi kienet issir tal-inqas diskussjoni dwar il-prezzijiet. B’mod partikolari, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2005, Sasol sostniet li, ġeneralment, il-laqgħat tekniċi kienu jwasslu għal attività kollużorja, sa fejn kienu jiġu “diskussi żidiet u tnaqqisi fil-prezz” u li hemmhekk kienet tiġi skambjata informazzjoni dwar il-prezzijiet gross u l-pjanifikazzjonijiet fil-qasam tal-kapaċitajiet. Skont id-dikjarazzjoni ta’ Repsol tad-19 ta’ Mejju 2005, diskussjoni fuq il-livelli ta’ prezzijiet applikati mill-parteċipanti kienet tagħmel parti mil-laqgħat tekniċi. Shell iddikjarat li l-laqgħat kollha kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet (ara wkoll il-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti ma tistax topponi b’mod validu li dawn huma elementi mressqa għall-ewwel darba fir-risposta, peress li l-Kummissjoni għamlet riferiment għall-imsemmija dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, ta’ Repsol u ta’ Shell fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata u peress li huma tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

154    Sussegwentement, wieħed għandu jżid li, fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-provi li juru li l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi u kienu jiftiehmu dwar żidiet tariffarji kienu jinsabu b’mod partikolari fil-premessi 163, 168, 174, 176 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessi 165 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat tekniċi kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar ix-xama’ tal-paraffin, relatati, b’mod partikolari, mal-livell tal-prezzijiet. Il-premessi ċċitati iktar ’il fuq fihom ċitazzjonijiet tal-provi bil-miktub tal-istess żmien li fih seħħew il-laqgħat tekniċi li jagħtu xhieda ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet, tar-rieda li l-prezzijiet jiżdiedu jew jiġu stabilizzati, u saħansitra, f’ċerti każijiet, dwar żidiet fil-prezz miftiehma, u dawn huma kkompletati mir-riferimenti għad-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi.

155    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, ġeneralment, id-deċiżjoni kkontestata fiha dimostrazzjoni dokumentata dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur.

156    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

157    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-ispjegazzjonijiet alternattivi ppreżentati mir-rikorrenti kull darba jikkonċernaw laqgħa teknika partikolari. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jikkostitwixxu spjegazzjoni alternattiva plawżibbli f’dak li jikkonċerna l-provi kollha miġbura mill-Kummissjoni u li ppermettew lil din tal-aħħar tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu.

158    Fit-tieni lok, parti kbira mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti tikkonċerna l-allegata assenza ta’ ftehim li jiffissa l-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin. Issa, tali argumentazzjoni ma hijiex rilevanti.

159    Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata jkun għadhom qegħdin jiġu nnegozjati. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn turi li l-parteċipanti effettivament ftiehmu fuq livelli tal-prezz partikolari jew fuq miżuri speċifiċi u kwantitattivi ta’ żieda. Kien biżżejjed li jintwera qbil ta’ rieda bejn il-parteċipanti bl-għan li jiffissaw jew jallinjaw il-prezzijiet. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument speċifiku sabiex tikkonfuta d-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, ta’ Repsol u ta’ Shell li jgħidu li l-għan tal-laqgħat tekniċi kien l-iffissar tal-prezzijiet.

160    Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha diversi provi inkonfutabbli li minnhom jirriżulta li l-parteċipanti skambjaw b’mod regolari informazzjoni dwar il-prezzijiet tagħhom u fuq iż-żidiet previsti matul il-laqgħat tekniċi, u dan għal iktar minn tnax-il sena, inkluż matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ H&R ChemPharm. Madankollu, ir-rikorrenti ma pprovdietx spjegazzjonijiet koerenti għal dawn l-attivitajiet, b’mod li jċaħħdu mill-plawżibbiltà tagħha l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-raġuni wara dawn il-prattiki kienet b’mod partikolari l-iffissar tal-prezz. Għall-kuntrarju, iż-żmien twil li matulu l-laqgħat antikompetittivi li jikkonċernaw il-prezzijiet inżammew b’mod sistematiku jikkostitwixxi fih innifsu indizju li l-parteċipanti kellhom l-għan li jarmonizzaw il-politiki ta’ prezz tagħhom, u dan billi intenzjonalment jissostitwixxu r-riskji tas-suq b’kooperazzjoni bejniethom.

161    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll ta’ natura li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jżomm huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta f’dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Issa, ir-rikorrenti la tikkontesta l-kuntatt u lanqas l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva matul il-laqgħat tekniċi.

162    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti, b’mod ġenerali, ma humiex ta’ natura li jikkompromettu l-validità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kif tidher fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-iżviluppi li ġejjin, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, minn naħa, is-sitwazzjoni li kienet tipprevali fil-mument tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ċerti laqgħat tekniċi partikolari sabiex jiġi vverifikat l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, tal-bidu u tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, kif ukoll il-konstatazzjoni li tgħid li l-laqgħat tekniċi inkwistjoni kienu jikkonċernaw effettivament il-komponent prinċipali tal-ksur li r-rikorrenti nżammet responsabbli tiegħu.

–       Fuq id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

163    Preliminarjament, għandhom jiġu ppreżentati l-avvenimenti rilevanti li seħħew qabel il-bidu tad-dħul fil-kariga ta’ G. mar-rikorrenti, l-1 ta’ Lulju 2001. Tali eżami jippermetti li jiġi vverifikat jekk G. kienx jaf bil-komponent prinċipali tal-ksur (l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin) u jekk l-arranġamenti antikompetittivi li jikkonċernaw il-prezzijiet setgħux jinfluwenzaw, sa minn din id-data, l-aġir kompetittiv ta’ H&R ChemPharm.

164    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Tudapetrol, il-kumpannija li kkummerċjalizzat ix-xama’ tal-paraffin tar-rikorrenti sal-1 ta’ Mejju 2000, kienet ipparteċipat fl-akkordju sa mill-24 ta’ Marzu 1994, billi kienet irrappreżentata fil-laqgħat tekniċi mill-impjegat tagħha W. Il-parteċipazzjoni ta’ Tudapetrol fil-komponent prinċipali tal-ksur hija dokumentata sew u eżaminata fid-dettall fis-sentenza mogħtija fil-Kawża konnessa T‑550/08, Tudapetrol vs Il-Kummissjoni.

165    Sussegwentement, H&R Wax Company Vertrieb, li reġgħet ħadet ir-rwol ta’ distributur tax-xama’ tal-paraffin tar-rikorrenti sa mill-1 ta’ Mejju 2000, ukoll ipparteċipat fl-akkordju sa mill-1 ta’ Jannar 2001, billi kienet irrappreżentata fil-laqgħat tekniċi mill-impjegat tagħha H. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma tikkontestax li H&R Wax Company Vertrieb u hija jagħmlu parti minn impriża waħda (premessi 381 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta wkoll li H. u G. ħadmu f’kollaborazzjoni mill-qrib u flimkien irrappreżentaw lill-grupp H&R f’tal-inqas tlettax-il laqgħa teknika, inklużi dawk tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, tat-22 u tat-23 ta’ Frar 2001 u tas-26 u tas-27 ta’ April 2001 (matul il-perijodu ta’ dawn il-laqgħat tekniċi, G. kien amministratur tal-prodotti ma’ SRS, sussidjarja indiretta tar-rikorrenti).

166    Fit-tieni lok, f’dan ir-rigward, għandha titfakkar ir-risposta ta’ Sasol tat-18 ta’ Diċembru 2006 għal talba għal informazzjoni, fejn din iddikjarat dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna l-bidu tas-Salon bleu [frażi użata sabiex jissejħu l-laqgħat tekniċi, imsejħa wkoll bħala l-laqgħat ‘Blauer salon’], dawn il-laqgħat bdew bħala ‘ċirku Ġermaniż’ bil-parteċipanti segwenti: Deutsche Texaco AG (issa Shell/DEA), HOS (issa Sasol), Wintershall (li l-attività tagħha tax-xama’ tal-paraffin issa hija Hansen & Rosenthal) u Arco (li l-attività tagħha tax-xama’ tal-paraffin ġiet sussegwentement mixtrija minn HOS). Dak iż-żmien, Wintershall kienet sussidjarja ta’ BASF. Wintershall kienet irrappreżentata minn [W.], li kien wieħed mill-ʽmissirijiet fundaturiʼ tas-Salon bleu. Wintershall/BASF kienet tipparteċipa b’mod regolari fil-laqgħat tas-Salon bleu (irrappreżentata minn [W.]). […] L-involviment (indirett) ta’ BASF ġie fi tmiemu fl-1994, meta l-attività tax-xama’ ta’ Wintershall ġiet akkwistata minn Hansen & Rosenthal (dak iż-żmien SRS). Sa minn dak il-mument, [W. u H.], iben [HA.] (l-azzjonist prinċipali ta’ Hansen & Rosenthal) assistew għal-laqgħat tas-Salon bleu għan-nom ta’ Hansen & Rosenthal. Wara li [W.] ħareġ bil-pensjoni, [H.] ħa r-rwol ta’ [ W.], flimkien ma’ [G].”

167    Il-parteċipazzjoni ta’ G., ir-rwol tiegħu ta’ rappreżentazzjoni tal-entità “H&R/Tudapetrol” waqt il-laqgħat tekniċi, u l-fatt li hu u H., ħadu r-rwol ta’ W. wara li dan tal-aħħar ħareġ bil-pensjoni, ġew ikkonfermati wkoll minn Repsol, minn Shell u minn ExxonMobil.

168    Barra minn hekk, W., li kien preżenti f’diversi laqgħat tekniċi sa mill-1994 u kien, skont Sasol, “wieħed mill-missirijiet fundaturi” tal-laqgħat antikompetittivi, kien ukoll impjegat mir-rikorrenti sa mit-28 ta’ Frar 2002.

169    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, qabel il-bidu tar-relazzjoni professjonali bejn H&R ChemPharm u G., dan kien diġà pparteċipa fil-laqgħat tekniċi tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-22 u tat-23 ta’ Frar 2001 (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata) u tas-26 u tas-27 ta’ April 2001 (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, f’dak li jikkonċerna dawn il-laqgħat tekniċi, Shell, Sasol u Repsol indipendentement iddikjaraw li huma kellhom kontenut antikompetittiv. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha provi li juru li ġeneralment, matul il-laqgħat tekniċi kienet issir tal-inqas diskussjoni dwar il-prezzijiet (ara l-punt 153 iktar ’il fuq).

170    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-provi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ċċitati fil-premessa 159, waqt il-laqgħa teknika tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, ġew diskussi l-prezzijiet għal klijent speċifiku u li matul dan id-dibattitu Total ġiet akkużata li qiegħda tbigħ bi prezzijiet baxxi wisq. Għaldaqstant, din il-laqgħa teknika ċertament kienet b’rabta mal-komponent prinċipali tal-ksur, li r-rikorrenti nżammet responsabbli għalih f’perijodu sussegwenti.

171    Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-Kummissjoni ma sabitx dokumenti li jattestaw spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ G. f’dak li jikkonċerna l-laqgħa teknika tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 f’Pariġi (Franza) (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata), xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-preżenza ta’ “SRS-Tuda” ġiet indikata fir-rendikont “Blauer Salon” ta’ Sasol dwar din il-laqgħa. Issa, G., li dak iż-żmien kien impjegat ta’ SRS, kien preżenti fiż-żewġ laqgħat tekniċi preċedenti u fl-erbatax-il laqgħa teknika wara l-imsemmija laqgħa. Fi kwalunkwe każ, G. rrappreżenta lill-grupp H&R fil-laqgħat tekniċi b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ H., u dan kien jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni. Fid-dawl tan-natura frammentarja u mferrxa tal-elementi li l-Kummissjoni seta’ għandha (ara l-ġurisprudenza fil-punt 111 iktar ’il quddiem) f’dak li jikkonċerna l-fatti li jikkonċernaw l-akkordji sigrieti, bil-ħtieġa li ssir rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti, għandu jitqies, abbażi tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, li r-rikorrenti kienet taf bil-kontenut ta’ din il-laqgħa.

172    Issa, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċitat ir-rendikont “Blauer Salon” ta’ Sasol dwar il-laqgħa tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 f’Pariġi u li fih b’mod partikolari l-osservazzjonijiet li ġejjin:

“F’Lulju:  annullament tal-prezzijiet tal-klijenti speċjali mill-iktar fis possibbli […]

Tmiem Awwissu      annullament tal-prezzijiet kollha fit-30/9.01.

Fl-1/10.01 + 7 €,- ”

173    Skont id-deċiżjoni kkontestata, “dan juri li l-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi […] jaqblu […] dwar żieda fil-prezzijiet għall-paraffin […] ta’ EUR 7 fl-1 ta’ Ottubru 2001, u qabel dan, matul it-tieni nofs tas-sena sat-30 ta’ Settembru, ikun hemm annullament tal-arranġamenti kollha eżistenti fil-qasam tal-prezz”.

174    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li matul il-laqgħa teknika tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 kien intlaħaq ftehim ta’ ffissar tal-prezz.

175    Għalhekk, bħala taqsira ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, G., f’kollaborazzjoni ma’ H., ħa r-rwol ta’ W. matul il-laqgħat tekniċi. Matul il-parteċipazzjoni ta’ W., Tudapetrol, kumpannija li tiddistribwixxi l-prodotti tar-rikorrenti, ipparteċipat fil-prattiki li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin. W. kien impjegat tar-rikorrenti sa mill-1 ta’ Lulju 2001. It-tieni nett, H&R Wax Vertrieb, kumpannija li indirettament kellha xi ishma tar-rikorrenti u distributur ta’ din tal-aħħar, diġà kienet ilha tipparteċipa fil-ksur sa mill-1 ta’ Jannar 2001, billi kienet irrappreżentata minn H., li miegħu G. ħadem f’kollaborazzjoni mill-qrib. It-tielet nett, G. kien preżenti għal-laqgħa teknika tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, li matulha ġew diskussi l-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni wriet li l-entità “H&R/Tudapetrol” kienet preżenti għal-laqgħa teknika tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 f’Pariġi, li f’dak iż-żmien H&R kienet irrappreżentata minn H. u minn G. u li matul din il-laqgħa ntlaħaq ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Il-ħames nett, għandu jitfakkar (ara l-punti 139 sa 141 u 153 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni għandha provi li juru li matul il-laqgħat tekniċi kienet issir tal-inqas diskussjoni dwar il-prezzijiet. Issa, G. kien preżenti f’tal-inqas tliet laqgħat tekniċi li seħħew qabel il-bidu tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li tiegħu nżammet responsabbli r-rikorrenti.

176    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li G. kellu jkun jaf bil-komponent prinċipali tal-ksur, jiġifieri bil-“ftehimiet jew il-prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali” dwar ix-xama’ tal-paraffin sa mid-dħul fil-kariga tiegħu mar-rikorrenti. Huwa kellu informazzjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju, jiġifieri dwar l-arranġamenti intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin, u/jew dwar il-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-parteċipanti intenzjonalment issostitwixxew r-riskji tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam b’kooperazzjoni prattika bejniethom. Barra minn hekk, ir-responsabbiltajiet eżerċitati minn G. skont il-kuntratt ta’ xogħol li jorbtu ma’ H&R ChemPharm ippermettewlu li jinfluwenza l-aġir kummerċjali ta’ din tal-aħħar b’mod li hija tkun tikseb benefiċċju mill-konoxxenzi tiegħu dwar l-akkordju.

177    Għaldaqstant, ir-rikorrenti diġà kellha informazzjoni dwar il-funzjonament tal-ksur, b’mod partikolari, dwar il-komponent prinċipali tiegħu, u dan mill-1 ta’ Lulju 2001, li ppermettitilha li taġġusta l-aġir kummerċjali tagħha għall-arranġamenti kollużorji sa minn dik id-data.

178    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat l-1 ta’ Lulju 2001 bħala d-data ta’ bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

–       Fuq l-argumenti tar-rikorrenti dwar ċerti laqgħat tekniċi partikolari

179    Fl-iżviluppi li ġejjin, il-Qorti Ġenerali teżamina l-kontenut ta’ ċerti laqgħat tekniċi li seħħew matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

180    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa teknika tal-4 u tal-5 ta’ Settembru 2001 (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għal din il-laqgħa, peress li l-kontenut ġenerali biss ġie stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr riferiment għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’xi attività li tikkostitwixxi kwalunkwe ksur.

181    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din il-laqgħa teknika kienet tagħmel parti minn sensiela twila ta’ laqgħat antikompetittivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu u li l-Kummissjoni għandha provi li turi li ġeneralment, matul il-laqgħat tekniċi kienet issir tal-inqas diskussjoni dwar il-prezzijiet (ara l-punt 153 iktar ’il fuq).

182    Barra minn hekk, hekk il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punt 176 iktar ’il fuq, G. kien jaf, sa mid-dħul fil-kariga tiegħu mar-rikorrenti fl-1 ta’ Lulju 2001, u għaldaqstant matul il-laqgħa tal-4 u tal-5 ta’ Settembru 2001, bil-fatt li l-laqgħat tekniċi kienu jagħtu lok għal diskussjonijiet antikompetittivi dwar il-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin.

183    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq, meta l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva tiġi stabbilita, hija jkollha tistabbilixxi li hija tbiegħdet mill-kontenut antikompetittiv ta’ din il-laqgħa, u din hija xi ħaġa li r-rikorrenti f’dan il-każ ma għamlitx.

184    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żammet lir-rikorrenti responsabbli għal-laqgħa teknika tal-4 u tal-5 ta’ Settembru 2001.

185    Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-laqgħa teknika tal-21 u tat-22 ta’ Frar 2002 f’Budapest (L-Ungerija) (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

186    Ir-rikorrenti ssostni li n-nota ta’ Eni ċċitata iktar ’il fuq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix ħjiel tal-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet matul din il-laqgħa.

187    F’dak li jikkonċerna l-kontenut tan-nota ta’ Eni, il-Kummissjoni ċċitat is-silta segwenti fid-deċiżjoni kkontestata:

“Il-laqgħa li seħħet fi klima trasparenti ħafna kkonfermat — b’teħid inkunsiderazzjoni anki tad-differenzi tas-swieq individwali u tad-diversi strateġiji f’dak li jikkonċerna l-prodotti u s-suq — il-possibbiltà li d-dħul jiżdied bi qbil mal-azzjonijiet li aħna diġà adottajna. Konsegwentement, nistgħu nkomplu l-azzjonijiet li jinsabu fis-seħħ dwar ir-reviżjoni tal-kuntesti kuntrattwali u tal-prezzijiet relattivi li jinvolvu naturalment il-klijenti prinċipali tagħna u d-distributuri tal-paraffin tagħna.”

188    Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut ta’ din in-nota turi li seħħew diskussjonijiet fuq il-livelli tal-prezz. Din l-interpretazzjoni għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, il-fatt li n-nota ta’ Eni ssemmi r-reviżjoni tal-prezzijiet bħala l-istrateġija li għandha titkompla fid-dawl tad-diskussjonijiet imwettqa matul il-laqgħa jindika li fiha l-parteċipanti skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mit-talba għal klemenza ta’ Shell tat-30 ta’ Marzu 2005, li turi l-laqgħa teknika inkwistjoni fil-lista bit-titolu “Ħarsa ġenerali lejn il-laqgħat u l-kommunikazzjonijiet dwar il-prezzijiet”.

189    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta serjament li din il-laqgħa kienet taqa’ taħt il-komponent prinċipali tal-ksur. Peress li din kienet preżenti għalihom mingħajr ma wriet distakkament fir-rigward tal-kontenut antikompetittiv tagħha, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żammitha responsabbli għal din il-laqgħa teknika.

190    Fit-tielet lok, għandha tiġi eżaminata l-laqgħa teknika tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003 f’München (Il-Ġermanja) (premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Il-Kummissjoni tiċċita dikjarazzjoni ta’ Sasol fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li “l-ħtieġa ta’ żieda fil-prezz ġiet diskussa matul il-laqgħa”.

192    Ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li d-dikjarazzjoni ta’ impriża waħda, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi kkonċernati oħra, ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq (ara l-punt 117 iktar ’il fuq).

193    Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, Shell u Repsol ikkonfermaw indipendentement li l-laqgħa teknika inkwistjoni kellha kontenut antikompetittiv. Minkejja li huwa minnu li dawn tal-aħħar ma ppreċiżawx l-imsemmi kontenut, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha provi li juru li ġeneralment, matul il-laqgħat tekniċi kienet issir tal-inqas diskussjoni dwar il-prezzijiet (ara l-punt 153 iktar ’il fuq).

194    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq, meta l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva tkun ġiet stabbilita, tkun din l-impriża li jkollha turi li hija tbegħditx mill-kontenut antikompetittiv tagħha, u r-rikorrenti f’din il-kawża dan ma għamlitux.

195    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi stabbilit, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li din il-laqgħa tagħmel parti mill-komponent prinċipali tal-ksur. Billi r-rikorrenti kienet preżenti għaliha mingħajr ma wriet distakkament fir-rigward tal-kontenut antikompetittiv tagħha, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żammitha responsabbli għal din il-laqgħa teknika.

196    Fir-raba’ lok, għandha tiġi eżaminata l-laqgħa teknika tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 f’Hamburg (Il-Ġermanja) (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

197    F’dan ir-rigward, in-nota miktuba bl-idejn misjuba fil-bini ta’ Total France fiha l-indikazzjonijiet segwenti:

“-> Sasol 40 €/50 $. — Fl-aħħar ta’ Lulju.

-> Mer : 38 - 28.

-> L-1 ta’ Lulju -

+ FRP : 70 -> 6000 €/T

+ Xemgħa tealight: 50 -> 500 €/T

+ Mikroxama’: 25 -> 50 €/T

[…]

-> 40 €/T xama’ ratba”.

198    Ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija nota tikkostitwixxi biss lista ta’ kontroll ippreparata minn Total, dwar aġir unilaterali ta’ Sasol, u ma turix l-eżistenza ta’ ftehim bejn Sasol u Total, u inqas u inqas bejn dawn iż-żewġ impriżi u hija.

199    Għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni alternattiva mogħtija mir-rikorrenti hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw f’din il-laqgħa teknika. Sasol iddikjarat li l-parteċipanti kienu ddiskutew żieda fil-prezz u Shell indikat li matul din il-laqgħa teknika ġiet miftiehma żieda fil-prezz. Fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tiċċita d-dikjarazzjoni ta’ Shell li l-kontenut tagħha huwa dan li ġej:

“Sasol kienet favur żieda fil-prezz għax-xama’ tal-paraffin. Ġie miftiehem ukoll li Sasol ser tmexxi l-applikazzjoni tagħha. Iż-żieda fil-prezz seħħet mill-1 ta’ Lulju […] sal-1 ta’ Awwissu 2004.”

200    Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Awwissu 2005, Sasol issostni wkoll li, “minħabba li l-prezzijiet tal-materji primi għolew b’mod drastiku, HOS [li saret Sasol] bagħtet ʽkatina ta’ ittriʼ li jħabbru żieda fil-prezz ta’ EUR 5-7/100 kg fl-14 ta’ Ġunju 2004 […]” u li “[f]id-29 ta’ Ġunju 2004, HOS irċeviet ittra ta’ żieda fil-prezz ta’ Hansen & Rosenthal li kienet tħabbar żieda ta’ EUR 5.20-6.80/100 kg”.

201    Għaldaqstant minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li Sasol kellha l-intenzjoni li żżid il-prezzijiet tagħha eżattament bl-istess ammont bħal dak indikat fin-nota ta’ Total u li, sussegwentement, H&R bagħtet ukoll ittra ta’ żieda fil-prezzijiet, fejn indikat miżura ta’ żieda simili ħafna għal dik ta’ Sasol.

202    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq, meta l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva tkun ġiet stabbilita, tkun din l-impriża li jkollha turi li hija tbegħdet mill-kontenut antikompetittiv tagħha, u din hija xi ħaġa li r-rikorrenti f’din il-kawża ma għamlitx.

203    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha biżżejjed provi sabiex tikkonkludi li matul din il-laqgħa ntlaħaq ftehim ta’ ffissar tal-prezz u li tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta żammet lir-rikorrenti responsabbli għal-laqgħa teknika.

204    Fil-ħames lok, għandha tiġi eżaminata l-laqgħa teknika tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005 f’Hamburg (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

205    Il-Kummissjoni tiċċita, fid-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ MOL li tinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“ExxonMobil       IV.1 [= 1 ta’ April]          € 15/t”

“Shell                   Prezz miżjud”

“Sasol          IV.12 [= 12 ta’ April]          Żieda fil-prezzijiet”

206    Sasol ammettiet li kien hemm diskussjoni fuq żieda fil-prezzijiet kif ukoll komunikazzjoni min-naħa tagħha mal-parteċipanti l-oħra dwar iż-żieda fil-prezzijiet tagħha stess. Ir-rikorrenti rrikonoxxiet ukoll l-eżistenza ta’ “diskussjoni dwar l-evoluzzjoni ġenerali tal-prezzijiet, li matulha Exxon u Sasol esponew iż-żidiet tagħhom fil-prezz deċiżi fuq il-livell intern”, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Kemm Shell kif ukoll Sasol ikklassifikaw din il-laqgħa bħala kollużorja f’dikjarazzjonijet li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għalihom.

207    Fil-mori tal-kawża, ir-rikorrenti sostniet li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għal din il-laqgħa, peress li ebda ftehim dwar il-prezzijiet ma ġie konkluż u li l-provi li kellha l-Kummissjoni kienu l-iktar l-iktar juru l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bilaterali li tikkonċerna l-impriżi Repsol u Total. Fi kwalunkwe każ, in-nota ta’ MOL turi li r-rikorrenti ma pparteċipatx fi ksur, peress li ExxonMobil, Shell u Sasol biss jissemmew bħala parteċipanti.

208    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim, huwa biżżejjed li tintwera konkordanza tar-ridiet bejn il-parteċipanti bl-għan li jiffissaw jew li jallinjaw il-prezzijiet (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 81(1)KE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali (ara l-punt 98 iktar ’il fuq). Issa, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet mill-kompetituri jirriżulta mingħajr ebda dubju min-nota ta’ MOL u d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi jeliminaw kull dubju raġonevoli f’dak li jikkonċerna n-natura kollużorja tal-laqgħa teknika. Barra minn hekk, mill-provi miġbura mill-Kummissjoni jirriżulta wkoll li l-kontenut tal-laqgħa kien jikkonċerna l-komponent prinċipali tal-ksur.

209    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq, meta l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva tkun ġiet stabbilita, tkun din l-impriża li jkollha tistabbilixxi li hija tbegħdet mill-kontenut antikompetittiv tagħha, u dan ir-rikorrenti f’din il-kawża ma għamlitux.

210    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żammet lir-rikorrenti responsabbli għal din il-laqgħa teknika.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur f’dan il-każ kien jikkonċerna l-attivitajiet kollużorji li fihom ġie diskuss l-iffissar tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin. Bl-istess mod, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li, matul ċerti laqgħat, il-parteċipanti kienu laħqu ftehimiet ta’ ffissar tal-prezz.

212    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti pparteċipat fil-komponent prinċipali tal-ksur bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-28 ta’ April 2005 għandha tiġi kkonfermata u, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tinċaħad.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

213    Ir-rikorrenti ssostni li r-responsabbiltà tagħha għall-ksur ma tistax tiġi stabbilita iktar b’mod derivat. Il-Kummissjoni la stabbilixxiet u lanqas ma invokat b’mod konkret l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarji tar-rikorrenti. Il-kumpannija parent tar-rikorrenti, f’dan il-każ H&R WASAG, ma baqgħetx tieħu sehem personalment fil-ksur.

214    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-komponent prinċipali tal-ksur bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-28 ta’ April 2005, permezz tal-preżenza ta’ G., impjegat tar-rikorrenti, fil-laqgħat tekniċi li tagħhom intwera l-kontenut antikompetittiv (ara l-punt 212 iktar ’il fuq).

215    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru l-assenza ta’ responsabbiltà derivata għall-atti tas-sussidjarji tagħha jew tal-kumpannija parent tagħha ma humiex rilevanti. Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tinċaħad bħala ineffettiva.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ kalkolu f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

216    Permezz tat-tielet motiv tagħha, imqajjem b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bi żball iddeterminat id-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fis-swieq suġġetti għal kartell (il-valur tal-bejgħ skont il-Linji gwida tal-2006) li ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u li għaldaqstant hija kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-iżball iwassal għal li l-Kummissjoni ffissat livell għoli wisq tal-ammont bażiku użat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa għar-rikorrenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

217    Skont il-paragrafu 6 tal-Linji gwida tal-2006, l-għaqda tal-valur tal-bejgħ f’relazzjoni mal-ksur u tat-tul titqies bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti fil-ksur.

218    Skont il-paragrafi 15 u 16 ta’ dawn l-istess Linji gwida, bl-għan li jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tuża l-aħjar data disponibbli ta’ din l-impriża. Meta d-data li ssir disponibbli minn impriża tkun inkompleta jew mhux affidabbli, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ din l-impriża abbażi tad-data parzjali li hija tkun kisbet u/jew abbażi ta’ kull informazzjoni oħra li hija tqis bħala rilevanti jew xierqa.

219    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ evalwazzjoni sostanzjali għal din tal-aħħar. Il-linji gwida fihom diversi elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’konformità mar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 267, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra p. II‑1895, punt 62).

220    Madankollu, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 77 u 79, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 41).

221    Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fil-Linji gwida tagħha ma jikkawżaw ebda preġudizzju, bħala prinċipju, għall-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tawtorizzaha tannulla, jew tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ tal-impriżi kollha parteċipanti fl-akkordju sat-tmiem tiegħu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-medja tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-swieq suġġetti għal kartell matul l-aħħar tliet snin sħaħ tal-ksur, jiġifieri l-2002, l-2003 u l-2004. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan l-approċċ li barra minn hekk huwa debitament motivat, fil-punt 634 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-impatt tat-tkabbir tal-Unjoni fl-2004.

223    Fil-premessa 640 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-valur tal-bejgħ tal-prodotti “b’relazzjoni mal-ksur” tal-grupp H&R, matul il-perijodu ta’ mill-2002 sal-2004, għal ammont annwali ta’ EUR 26 012 309. Fil-punt 79 tad-difiża, il-Kummissjoni tispjega li hija waslet għal dan ir-riżultat billi bbażat ruħha fuq dħul mill-bejgħ ta’ EUR 20 594 125 fl-2002, ta’ EUR 18 042 804 fl-2003 u ta’ EUR 39 400 000 fl-2004.

 Dwar id-dħul mill-bejgħ meqjus għas-snin 2002 u 2003

224    Preliminarjament għandu jiġi ppreċiżat li l-kapital kollu tal-kumpanniji Klaus Dahleke, Tudapetrol u Hansen & Rosenthal huwa miżmum mill-istess erba’ persuni fiżiċi, jiġifieri l-familja H. Ebda waħda minn dawn it-tliet kumpanniji ma għandhom ishma fit-tnejn l-oħra. Klaus Dahleke, Tudapetrol, Hansen & Rosenthal, is-sussidjarja tagħha, H&R Wax Company Vertrieb, kif ukoll il-kumpannija H&R Sales (sussidjarja indiretta ta’ H&R ChemPharm) issemmew b’mod frekwenti mir-rikorrenti fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni bħala l-“kumpanniji ta’ distribuzzjoni”. L-imsemmija “kumpanniji ta’ distribuzzjoni” kienu responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tax-xama’ tal-paraffin prodotta mill-“kumpanniji ta’ produzzjoni”, jiġifieri minn H&R ChemPharm u s-sussidjarji tagħha. Għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-“kumpanniji ta’ distribuzzjoni”. Hija imponiet multa separata fuq Tudapetrol, ikkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minnha. Madankollu, peress li Klaus Dahleke ma ġietx issanzjonata fid-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fis-swieq suġġetti għal kartell ġie miżjud ma’ dak ta’ Hansen & Rosenthal u ta’ H&R Wax Company Vertrieb. Għas-sena 2004, ġie miżjud ukoll il-valur tal-bejgħ ta’ H&R Sales. Dan il-valur tal-bejgħ ikkombinat serva bħala bażi ta’ kalkolu għall-ammont tal-multa imposta fuq Hansen & Rosenthal u fuq is-sussidjarja tagħha H&R Wax Company Vertrieb kif ukoll fuq H&R ChemPharm.

225    F’dak li jikkonċerna s-snin 2002 u 2003, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Hansen & Rosenthal u tas-sussidjarja tagħha H&R Wax Company Vertrieb, bl-esklużjoni ta’ dak ta’ Klaus Dahleke, li ma kinitx tagħmel parti mill-istess impriża.

226    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-ittri li r-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva dwar dan is-suġġett.

227    Fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreċiżat li x-xama’ tal-paraffin prodotta minnha kienet ikkummerċjalizzata, sa mill-1 ta’ Jannar 2001, prinċipalment minn H&R Wax Company Vertrieb. Hija żiedet li xi kwantitajiet ridotti kienu wkoll ikkummerċjalizzati għal ċerti klijenti minn Tudapetrol, Klaus Dahleke u Hansen & Rosenthal.

228    Fl-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008, ir-rikorrenti kkomunikat id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji ta’ produzzjoni, H&R Chemisch‑Pharmazeutische Spezialitäten GmbH u H&R Ölwerke Schindler GmbH, fit-territorju tal-Unjoni. Minkejja li r-rikorrenti rrifjutat li tippreċiża, b’risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rabtiet kapitalisti bejnha u bejn dawn il-kumpanniji, mill-proċess jirriżulta li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu sussidjarji diretti jew indiretti matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur.

229    Fl-istess ittra, ir-rikorrenti kkomunikat ukoll id-dħul mill-bejgħ ta’ H&R Wax Company Vertrieb, ta’ Hansen & Rosenthal kif ukoll dak ta’ Klaus Dahleke. Hija indikat li l-parti essenzjali tad-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke kien ġej mid-distribuzzjoni tal-prodotti tal-“kumpanniji ta’ produzzjoni”, jiġifieri minn H&R Chemisch-Pharmazeutische Spezialitäten u minn H&R Ölwerke Schindler, sussidjarji tar-rikorrenti.

230    Diġà f’din l-ittra, ir-rikorrenti kienet tindika li d-data l-iktar eżatta hija kkostitwita mid-dħul mill-bejgħ estern tal-kumpanniji ta’ distribuzzjoni, jiġifieri, skont il-kliem ta’ din l-ittra, minn dak ta’ H&R Wax Company Vertrieb, ta’ Klaus Dahleke u ta’ Tudapetrol. Hija spjegat ukoll li d-dħul mill-bejgħ estern, jiġifieri l-bejgħ mill-kumpanniji ta’ distribuzzjoni, mhux neċessarjament kien jeċċedi d-dħul mill-bejgħ intern, jiġifieri dak tal-kumpanniji ta’ produzzjoni. Fil-fatt, parti mill-prodotti tal-kumpanniji ta’ produzzjoni kienet tinbiegħ lir-raffineriji l-oħra tal-grupp bħala materja prima, u l-kumplament kien jinbiegħ lill-kumpanniji ta’ distribuzzjoni. Madankollu, anki jekk parti mill-bejgħ tal-kumpanniji ta’ distribuzzjoni kienet diretta mill-ġdid lejn il-grupp sabiex tkopri l-konsum tagħha ta’ materji primi, id-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija kumpanniji żdied permezz tal-bejgħ tal-prodotti suġġetti għal kartell li huma kienu xtraw mingħand terzi u biegħuhom mill-ġdid lil xi terzi.

231    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni talbet iktar kjarifiki lir-rikorrenti.

232    Fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti għaldaqstant indikat id-dħul mill-bejgħ segwenti għall-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp H&R, iżda “mingħajr Tudapetrol”:

H&R Wax Company Vertrieb:

–        2002: EUR 19.78 miljun;

–        2003: EUR 17.32 miljun;

–        2004: EUR 17.88 miljun.

Klaus Dahleke:

–        2002: EUR 0.29 miljun;

–        2003: EUR 0.2 miljun;

–        2004: EUR 0.16 miljun.

Hansen & Rosenthal:

–        2002: EUR 0.52 miljun;

–        2003: EUR 0.52 miljun;

–        2004: EUR 0.86 miljun.

233    Fl-istess ittra, ir-rikorrenti kkomunikat ukoll l-ammont tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-“kumpanniji ta’ distribuzzjoni”, jiġifieri s-somma tad-dħul mill-bejgħ ta’ H&R Wax Company Vertrieb, ta’ Klaus Dahleke u ta’ Hansen & Rosenthal mwettqa fis-swieq suġġetti għal kartell:

–        2002: EUR 20.59 miljun;

–        2003: EUR 18.04 miljun;

–        2004: EUR 19 miljun.

234    Ir-rikorrenti spjegat ukoll fl-istess ittra li dan kien dħul mill-bejgħ estern tal-grupp, li ma jiħux kont tal-bejgħ fl-intern tal-grupp.

235    Fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti kkonfermat l-ammonti tad-dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ H&R Wax Company Vertrieb, ta’ Hansen & Rosenthal u ta’ Klaus Dahleke, li hija diġà kienet indikat fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Lulju 2008 (ara l-punt 233 iktar ’il fuq).

236    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għas-snin 2002 u 2003 jikkorrispondu eżattament għad-data kkomunikata mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tat-3 u tas-7 ta’ Lulju 2008.

237    Il-Kummissjoni għaldaqstant ibbażat ruħha fuq id-data li hija kisbet mingħand ir-rikorrenti wara skambju ta’ ittri u ta’ sejħiet telefoniċi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza bejn id-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ fl-intern tal-grupp u dak li joriġina mill-bejgħ mill-ġdid ta’ xama’ tal-paraffin mill-kumpanniji ta’ distribuzzjoni lil terzi.

238    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li fid-dħul mill-bejgħ tal-grupp H&R ir-rikorrenti inkludiet dak ta’ Klaus Dahleke f’kull waħda mill-ittri tagħha ddedikati għal din il-kwistjoni, jiġifieri f’dawk tat-23 ta’ April, tat-3 ta’ Lulju u tas-7 ta’ Lulju 2008. Barra minn hekk, Klaus Dahleke hija ċċitata fl-ittra tar-rikorrenti tat-3 ta’ Lulju 2008 (ma’ H&R Wax Company Vertrieb u Tudapetrol) bħala waħda mit-tliet kumpanniji ta’ distribuzzjoni tal-prodotti affettwati mill-akkordju. Ir-rikorrenti fl-ebda mument ma indikat fl-ittri tagħha li, skontha, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke matul il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R. Għall-kuntrarju, anki fl-aħħar ittra tagħha, f’dan il-każ dik tas-7 ta’ Lulju 2008, hija pproduċiet dħul mill-bejgħ kumulat wieħed biss, għal kull waħda mis-snin ikkonċernati, għall-“kumpanniji ta’ distribuzzjoni” H&R Wax Company Vertrieb, Hansen & Rosenthal u Klaus Dahleke, mingħajr ma semmiet li d-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar kellu jitnaqqas mill-ammonti li hija kienet indikat.

239    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva dwar l-inklużjoni tal-bejgħ ta’ Klaus Dahleke fid-data kkomunikata, segwit mill-Kummissjoni, huwa ġġustifikat, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, bil-ħsieb li l-piż tal-ksur imwettaq minn H&R ma jiġix irrappreżentat b’mod ħażin. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008 ir-rikorrenti tindika li d-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke kien “prattikament esklużivament” iġġenerat mid-distribuzzjoni tal-prodotti tal-“kumpanniji ta’ produzzjoni” tal-grupp H&R. Għaldaqstant, jekk wieħed inaqqas id-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke mis-somom ikkomunikati mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tat-3 u tas-7 ta’ Lulju 2008, parti mill-produzzjoni suġġetta għal kartell tibqa’ mistura, jiġifieri x-xama’ tal-paraffin prodotta mill-grupp H&R li ma hijiex ikkummerċjalizzata minn Hansen & Rosenthal jew minn H&R Wax Company Vertrieb, iżda minn Klaus Dahleke.

240    B’hekk, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod konformi mal-paragrafu 15 tal-Linji gwida tal-2006, li jgħid li “[b]l-għan li jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tuża l-aħjar data disponibbli ta’ din l-impriża”, billi tinkludi fil-kalkolu tagħha d-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke skont il-preferenza tar-rikorrenti, li skontha kien jaqbel li l-kalkolu jiġi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ estern tal-grupp. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R b’mod li jirrifletti l-gravità tal-ksur imwettaq minnu, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

241    Għandu jiżdied li, skont is-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall il-korrispondenza matul il-proċedura amministrattiva bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-qasam, billi għamlet diversi domandi bil-miktub lir-rikorrenti sabiex tikkjarifika iktar ir-relazzjonijiet ta’ provvista bejn Klaus Dahleke u l-“kumpanniji ta’ produzzjoni” miżmuma direttament jew indirettament mir-rikorrenti. Ir-risposti għal dawn id-domandi ma setgħux juru żbalji fil-kalkolu tal-Kummissjoni. Għandu jiżdied li wħud minn dawn ir-risposti rriżultaw ineżatti fid-dawl tad-dokumentazzjoni tal-kawża u tal-affermazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fis-seduta.

242    Fit-tieni lok, għandha madankollu tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-inklużjoni ta’ Klaus Dahleke fl-impriża H&R tmur kontra s-soluzzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005), sa fejn H&R u Klaus Dahleke ma jappartjenux lill-istess impriża. Skont il-punti 98 u 99 tal-imsemmija sentenza, is-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjenu lil persuna waħda jew lil familja waħda ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ekonomika li għandha l-konsegwenza li l-aġir ta’ waħda jistgħu jiġu imputati fuq l-oħra u li waħda tista’ tiġi obbligata tħallas multa tal-oħra.

243    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kuntrarjament għas-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 242 iktar ’il fuq (punt 98 u 99), din ma hijiex kwistjoni tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv ta’ Klaus Dahleke fuq il-grupp H&R jew fuq ir-rikorrenti b’mod partikolari, iżda tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R. Huwa paċifiku li d-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke, f’dak li jikkonċerna l-prodotti affettwati mill-akkordju kien joriġina “prattikament esklużivament” mill-bejgħ mill-ġdid tax-xama’ tal-paraffin, fl-2002 u fl-2003, mill-kumpanniji ta’ produzzjoni tal-grupp H&R, huma stess involuti fl-akkordju. Għandu jitfakkar li, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali, il-frażi “kumpanniji ta’ produzzjoni” tikkorrispondi għar-rikorrenti u għas-sussidjarji diretti u indiretti tagħha.

244    L-alternattiva għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ estern kienet it-teħid inkunsiderazzjoni “tad-dħul mill-bejgħ intern” u, għaldaqstant, tad-dħul mill-bejgħ li l-kumpanniji tal-grupp H&R wettqu bil-bejgħ tal-prodotti suġġetti għal kartell lil Klaus Dahleke. Hija r-rikorrenti stess li esprimiet li hija kienet tippreferi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ estern tal-grupp H&R, li, fil-fehma tagħha, il-parti tad-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke indikata fl-ittri tat-3 u tas-7 ta’ Lulju 2008 kienet tappartjeni lilu. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub dwar ir-relazzjonijiet ta’ provvista bejn il-“kumpanniji ta’ produzzjoni” u Klaus Dahleke. Madankollu, ir-rikorrenti ma tat ebda informazzjoni li setgħet twassal lill-Qorti Ġenerali tibdel l-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni inkwistjoni.

245    Għaldaqstant, sa fejn is-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 242 iktar ’il fuq, tikkonċerna sitwazzjoni fattwali differenti ħafna mill-każ inkwistjoni, din ma tistax tiġi invokata b’mod validu mir-rikorrenti.

246    Abbażi ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 meta hija ddeterminat il-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R abbażi tad-data pprovduta mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tat-3 u tas-7 ta’ Lulju 2008, mingħajr ma naqqset id-dħul mill-bejgħ ta’ Klaus Dahleke.

247    Bl-istess mod, abbażi tal-provi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li l-valur tal-bejgħ ikkalkolat għas-snin 2002 u 2003 jirrifletti b’mod korrett il-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

248    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ tal-2004 u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“kumpanniji barra mill-pajjiż” u ta’ H&R ESP International

249    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“[…]

(636)       H&R/Tudapetrol tallega li l-2004 ma għandhiex tintuża bħala s-sena ta’ referenza fil-każ tagħha minħaba l-fatt li ċ-ċifri għas-sena 2004 jinkludu d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija H&R ESP International, akkwistata biss fl-1 ta’ Jannar 2004. L-akkwist ippermetta li d-dħul mill-bejgħ totali jikber b’iktar mid-doppju li, skont H&R/Tudapetrol, għaldaqstant ma jirrappreżentax it-tul tal-ksur. Barra minn hekk, H&R/Tudapetrol tallega li l-infrastrutturi tal-produzzjoni ta’ H&R ESP International huma parzjalment inutilizzati fil-produzzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur.

(637) Dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu. Kull żieda fid-dħul mill-bejgħ matul sena kkunsidrata ma teskludix fiha nfisha li dik is-sena tintuża bħala bażi ta’ kalkolu [tal-ammont] tal-multa. Il-fatt li xi sottodiviżjonijiet ta’ H&R/Tudapetrol ma humiex attivi fil-prodotti b’rabta mal-ksur huwa ġustament rifless fl-ammont bażi tal-multi, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ relatat ma’ dawn il-prodotti. Kif jissemma fil-premessa (634), il-Kummissjoni ser tuża għal H&R, għal raġunijiet oħra, il-medja tal-valur tal-bejgħ tas-snin 2002, 2003 u 2004 bħala bażi ta’ kalkolu [tal-ammont] tal-multa.”

250    Fir-risposta, il-Kummissjoni spjegat kif hija kienet waslet għall-ammont ta’ EUR 39.4 miljun meqjus bħala valur tal-bejgħ tal-impriża H&R għas-sena 2004, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data pprovduta mir-rikorrenti fil-paġni 2 u 12 tal-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008.

251    Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel kolonna tad-data fil-paġna 2 ta’ din l-ittra, id-dħul mill-bejgħ tal-grupp imwettaq fl-2004 permezz tal-bejgħ tal-erba’ kategoriji kkonċernati ta’ xama’ tal-paraffin kien ta’ EUR 27.5 miljun, ammont li minnu l-Kummissjoni naqqset l-ammont tad-dħul mill-bejgħ ta’ Tudapetrol (EUR 1.2 miljun). Għaldaqstant, fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni waslet għal dħul mill-bejgħ ta’ EUR 26.3 miljun.

252    Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet id-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”, ta’ EUR 9.2 miljun (l-ewwel kolonna ta’ data fil-paġna 12 tal-ittra tat-23 ta’ April 2008), u d-dħul mill-bejgħ ta’ H&R Ölwerke Schindler, ta’ EUR 3.9 miljun (it-tieni kolonna ta’ data fil-paġna 12 tal-istess ittra). Iż-żieda ta’ dawn l-ammonti maċ-ċifra ta’ EUR 26.3 miljun stabbilita għall-grupp H&R kienet ġustifikata, skont il-Kummissjoni, mill-fatt li, b’mod partikolari fil-paġni 1 u 12 tal-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008, ir-rikorrenti ripetutament indikat li, fil-fehma tagħha, la d-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”, u lanqas dak ta’ H&R Ölwerke Schindler, imwettaq permezz ta’ bejgħ ta’ H&R Sales, ma kien is-suġġett tat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, peress li dawn il-kumpanniji ma kinux jipparteċipaw fil-ksur.

253    Għalhekk, billi żiedet id-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” (EUR 9.2 miljun) u dak ta’ H&R Ölwerke Schindler (EUR 3.9 miljun) mal-ammont inizjali ta’ EUR 26.3 miljun, il-Kummissjoni stabbilixxiet li d-dħul mill-bejgħ tal-grupp H&R għas-sena 2004, imwettaq bil-prodotti suġġetti għal kartell, kien ta’ EUR 39.4 miljun.

254    Ir-rikorrenti tressaq tliet ilmenti sabiex tikkontesta dan il-kalkolu. L-ewwel nett, hija ssostni li l-valur tal-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u dak ta’ H&R Sales ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex dawn il-kumpanniji ma pparteċipawx fl-akkordju. It-tieni nett, skont din, il-valur tal-bejgħ ikkalkolat b’dan il-mod ma jirriflettix l-importanza ekonomika tal-ksur li din wettqet. It-tielet nett, il-Kummissjoni żiedet darbtejn mal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R id-dħul mill-bejgħ rilevanti tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”.

–       Fuq l-inklużjoni, fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, tal-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u ta’ H&R Sales, akkwistati fl-2004

255    Ir-rikorrenti ssostni li d-dħul mill-bejgħ rilevanti tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u ta’ H&R Sales ma kellux jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ ta’ H&R, peress li dawn il-kumpanniji nxtraw biss fl-2004 u peress li ebda lment ibbażat fuq parteċipazzjoni fl-akkordju ma tqajjem fir-rigward tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha twarrab id-dħul mill-bejgħ tal-faċilitajiet ta’ konverżjoni, li ma jipproduċux xama’ tal-paraffin.

256    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, bl-għan li tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi mwettqa mill-impriża, b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE.

257    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex ikkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-bejgħ tal-prodotti effettivament affettwati mill-ksur, iżda abbażi tad-dħul mill-bejgħ imwettaq b’mod ġenerali fis-suq affettwat mill-ksur, mill-impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE li kienet ipparteċipat fil-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra p. II‑3729, punti 59 sa 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

258    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u H&R Sales ma pparteċipawx fl-akkordju qabel l-2004 ma għandux rilevanza fuq il-fatt li fl-2004 dawn il-kumpanniji saru parti mill-impriżi involuta fl-akkordju, billi ġew akkwistati mill-grupp H&R. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari fil-punti 261 sa 264, il-Kummissjoni kienet diġà ddeskriviet il-grupp H&R bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li r-rikorrenti ma kkontestatx din il-klassifikazzjoni fir-risposta tagħha għall-imsemmija dikjarazzjoni.

259    Barra minn hekk, f’dan il-każ, żewġ kumpanniji tal-grupp H&R kienu direttament involuti fl-akkordju fl-2004, jiġifieri H&R Wax Company Vertrieb u H&R ChemPharm, minħabba l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tekniċi ta’ G. u H., li fl-2004 kienu jeżerċitaw xi funzjonijiet f’dawn il-kumpanniji.

260    Il-Qorti Ġenerali għamlet xi domandi bil-miktub lir-rikorrenti sabiex tikkjarifika l-identità tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u “r-rabtiet kapitalisti bejn l-imsemmija kumpanniji, H&R Ölwerke Schindler, ESP International, H&R Sales u l-grupp H&R”, sabiex tkun tista’ tqiegħed lil dawn il-kumpanniji fl-istruttura tal-grupp H&R.

261    Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti b’mod espress ċaħdet li hija kellha xi azzjonijiet fil-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u astjeniet milli tippreċiża l-identità tagħhom.

262    Hija wkoll ċaħdet li hija kellha xi azzjonijiet f’H&R Ölwerke Schindler, ESP International u H&R Sales. Din ir-risposta kienet manifestament falza, hekk kif ir-rikorrenti ammettiet matul is-seduta, wara li ġiet ikkonfrontata bil-provi li kellha l-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ESP International hija sussidjarja 100 % tar-rikorrenti, filwaqt li H&R Ölwerke Schindler hija sussidjarja 100 % tal-ewwel waħda. Fl-aħħar nett, fl-2004, H&R Sales kienet sussidjarja 100 % ta’ H&R Ölwerke Schindler. Għaldaqstant dawn huma kumpanniji li l-kapital tagħhom kien miżmum totalment mir-rikorrenti matul il-perijodu rilevanti.

263    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet xi żball meta inkludiet il-valur tal-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u ta’ H&R Sales f’dak tal-grupp H&R, sabiex tikkalkola l-valur tal-bejgħ għas-sena 2004.

264    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax ssostni b’mod validu li l-Kummissjoni żiedet id-dħul mill-bejgħ tal-faċilitajiet ta’ konverżjoni, li ma jipproduċux xama’ tal-paraffin. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-risposta, hija waslet għall-ammont ta’ EUR 26.3 miljun billi għaddet biss l-erba’ kategoriji ta’ xama’ tal-paraffin (paraffin solidu idroġenat, paraffin solidu mhux idroġenat, xama’ tal-paraffin u speċjalitajiet ta’ xama’ idroġenata) li jinsabu fl-ewwel kolonna tal-paġna 2 tal-ittra tat-23 ta’ April 2008 tar-rikorrenti u billi eskludiet kemm ix-xama’ ratba kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tal-faċilitajiet ta’ konverżjoni. Hija mxiet bl-istess mod fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kolonni ta’ data li jinsabu fil-paġna 12 tal-imsemmija ittra (valur tal-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u ta’ H&R Sales).

265    Il-Kummissjoni, li għaldaqstant qieset il-valur tal-bejgħ ta’ H&R għas-sena 2004 billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji li jappartjenu lil dik l-impriża mwettaq fis-suq affettwat mill-akkordju, aġixxiet b’konformità mal-Linji gwida tal-2006 u mal-ġurisprudenza applikabbli u ma kisritx l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq iż-żieda tal-medja tal-valur tal-bejgħ matul il-perijodu ta’ referenza għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji akkwistati fl-2004

266    Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji akkwistati fl-2004 jwassal sabiex il-valur tal-bejgħ meqjus, ikkalkolat bħala l-medja tal-valuri tal-bejgħ tas-snin 2002 sa 2004, ma għadux jirrifletti l-importanza tal-ksur.

267    Għandu jiġi rrilevat li għaqda ma’ entità jew l-akkwist ta’ entità li ma pparteċipatx fil-ksur qabel il-konċentrazzjoni jista’ jkollha impatt fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ meta l-valur tal-bejgħ ta’ wara l-konċentrazzjoni ma jkunx jikkostitwixxi, fid-dawl tat-tul kollu tal-parteċipazzjoni fil-ksur, “valur ta’ sostituzzjoni xieraq sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv [tal‑]impriża li tipparteċipa fil-ksur” fis-sens tal-paragrafu 6 tal-Linji gwida tal-2006 (ara l-punt 217 iktar ’il fuq).

268    F’dan il-każ, il-Kummissjoni inkludiet fil-perijodu ta’ referenza li jservi għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ it-tliet snin sħaħ ta’ parteċipazzjoni ta’ H&R ChemPharm fil-ksur (is-snin 2002 sa 2004). L-ewwel perijodu li fir-rigward tiegħu l-valur tal-bejgħ tal-perijodu ta’ referenza ġie estrapolat (il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2001) kien jippreċedi l-akkwist, b’mod li l-valur tal-bejgħ tas-snin 2002 u 2003 kien rappreżentattiv fir-rigward tiegħu. It-tieni perijodu li fir-rigward tiegħu l-valur tal-bejgħ tal-perijodu ta’ referenza kien estrapolat (dak mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-28 ta’ April 2005) kien sussegwenti għall-akkwist, b’mod li l-valur tal-bejgħ tas-sena 2004 kien rappreżentattiv fir-rigward tiegħu.

269    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari fil-kawża inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li l-medja tal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R għas-snin 2002 sa 2004 tikkostitwixxi “valur ta’ sostituzzjoni xieraq sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv [tal‑]impriża li tipparteċipa fil-ksur” għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni ta’ H&R ChemPharm.

270    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

271    Għandu jiżdied li, fis-sentenza tagħha mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża konnessa T‑540/08 Esso et vs Il-Kummissjoni (Ġabra), il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Esso Société anonyme française sabiex tirrifletti l-fatt li l-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża ExxonMobil li lilha din kienet tappartjeni kien kważi rdoppja wara l-għaqda bejn Exxon u Mobil, li seħħet fl-1999, u li l-valur tal-bejgħ, ikkalkolat unikament abbażi tal-bejgħ wara l-għaqda matul is-snin 2000 sa 2002, kien ġie estrapolat anki għall-perijodu mill-1992 sal-1999, li matulu Mobil France biss kienet ipparteċipat fl-akkordju.

272    Għaldaqstant, il-kuntest fattwali tal-kawża li wasslet għas-sentenza Esso et vs Il-Kummissjoni (punt 271 iktar ’il fuq) huwa differenti fuq punt kruċjali minn dak tal-kawża inkwistjoni, peress li, fl-imsemmija kawża, il-valur tal-bejgħ ta’ ExxonMobil ta’ wara l-għaqda ma kienx jikkostitwixxi “valur ta’ sostituzzjoni xieraq sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv [tal-]impriża li tipparteċipa fil-ksur” fir-rigward tat-tul kollu tal-ksur imwettaq minn Esso Société anonyme française.

–       Fuq l-allegat teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”

273    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni darbtejn id-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 9.2 miljun tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”. Hija ssostni li d-differenza bejn l-ewwel kolonna ta’ data fuq il-paġna 2 tal-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008 (EUR 27.5 miljun), li tinkludi lil ESP International, u t-tieni kolonna (EUR 18.3 miljun), mingħajr ESP International, hija preċiżament ta’ EUR 9.2 miljun. Il-Kummissjoni għaldaqstant ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ ESP International darbtejn.

274    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni dan li ġej:

“51      Madankollu, anki jekk wieħed jimputa l-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż] (jiġifieri ESP International) u H&R Sales GmbH għas-sena 2004 […], iċ-ċifri li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha huma ħżiena u għoljin wisq. Fil-fatt, il-Kummissjoni, bi żball, għaddet darbtejn id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż]. Iċ-ċifra eżatta għall-2004 hija ta’ EUR 26.3 miljun bil-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż] u ta’ EUR 30.2 miljun jekk barra minn hekk tiżdied H&R Sales. Fl-ebda każ iċ-ċifra totali għall-2004 ma hija ta’ EUR 39.4, ċifra meqjusa mill-[Kummissjoni]. Dan jirriżulta minn dan li ġej.

52      [L-]ammont intermedjarju ta’ EUR 26.3 miljun [li jirriżulta mill-ewwel kolonna ta’ data fil-paġna 2 tal-ittra tat-23 ta’ April 2008] diġà jinkludi d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż], li huwa ta’ EUR 9.2 miljun, kif jirriżulta b’mod ċar mill-[imsemmija ittra]. Il-[Kummissjoni] għaldaqstant twettaq l-iżball […] li żżid ma’ dan l-ammont is-somma ta’ EUR 9.2 miljun għal darb’oħra għall-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż], u b’hekk tirdoppja din il-parti tad-dħul mill-bejgħ. Għaldaqstant, anki li kieku ħadet kont tal-kumpanniji [li jinsabu barra mill-pajjiż], il-[Kummissjoni] setgħet biss issostni b’mod validu ammont ta’ EUR 26.3 miljun. Jekk wieħed iżid anki lil H&R Sales GmbH, dan l-ammont jitla’ għal EUR 30.2 miljun — fl-ebda każ, madankollu, għal EUR 39.4 miljun.”

275    Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li ma huwiex possibbli li l-argumenti tar-rikorrenti fil-mori tal-kawża jiġu kkonċiljati mal-informazzjoni mgħoddija minnha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li tagħmel parti mill-proċess ippreżentat lill-Qorti Ġenerali.

276    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti indikat li l-valur tal-bejgħ ta’ H&R fis-suq tax-xama’ tal-paraffin (mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ minn Tudapetrol u l-bejgħ ta’ emulsjonijiet ta’ xama’ u ta’ xama’ ratba), kien ekwivalenti għal EUR 38.99 miljun fl-2004, ċifra li kważi taqbel ma’ dik ikkalkolata mill-Kummissjoni (EUR 39.4 miljun).

277    It-tieni nett, ir-rikorrenti indikat ukoll, matul is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta, li permezz tal-akkwist tar-raffinerija l-ġdida li tinsab f’Hamburg‑Neuhof (il-Ġermanja), li tappartjeni lil H&R Ölwerke Schindler, id-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fis-swieq tal-“prodotti tal-paraffin” kien żdied b’2.5 darba. F’an ir-rigward hija pprovdiet ukoll data fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005. Skont din id-data, minħabba l-akkwist ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda fl-2004, il-volum tal-bejgħ tagħha ta’ xama’ tal-paraffin żdied minn 43 000 tunnellata fl-2003 għal 84 400 tunnellata fl-2004. Hija ppreċiżat ukoll li fl-2004 il-prezz ta’ dawn il-prodotti kien żdied.

278    Issa, skont it-teżi tar-rikorrenti, imressqa fil-mori tal-kawża, il-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R għadda biss minn EUR 24 107 000 fl-2003 għal EUR 26 300 000 fl-2004. Din l-allegata żieda ma hijiex b’rabta mat-tkabbir fil-produzzjoni u fil-bejgħ li jirriżultaw mill-akkwist tar-raffinerija ta’ Hamburg‑Neuhof u tikkontradixxi b’mod manifest l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

279    It-tielet nett għandu jiġi rrilevat li jeżistu dubji serji fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” huma identiċi għall-kumpannija H&R ESP International.

280    Fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti tindika li ESP International hija l-kumpannija parent 100 % ta’ H&R Ölwerke Schindler. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li H&R Ölwerke Schindler u ESP International huma kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż u l-fabbrika ta’ produzzjoni ta’ dawn il-kumpanniji tinsab f’Hamburg‑Neuhof.

281    Il-Qorti Ġenerali ma tinsabx f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti għażlet li toħloq il-frażi “kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” sabiex tikkomunika l-valur tal-bejgħ imwettaq minn H&R ESP International waħedha, li hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u li l-fabbrika ta’ produzzjoni tagħha tinsab fil-Ġermanja.

282    Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat ġustament, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma indikat fl-ittri numerużi tagħha li hija bagħtitilha, matul il-proċedura amministrattiva, li H&R ESP International kienet tikkorrispondi, jew kienet inkluża fil-kunċett ta’ “kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”. Għall-kuntrarju, fl-ewwel paġna tal-ittra tat-23 ta’ April 2008, il-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u H&R ESP International huma ppreżentati ħdejn xulxin, li jagħti x’jifhem li dawn huma żewġ entitajiet ittrattati b’mod separat. Barra minn hekk, ir-raġunijiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-imsemmija ittra, sabiex tiġġustifika li l-valur tal-bejgħ ta’ dawn il-kumpanniji ma jittiħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, ukoll huma distinti. Għall-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”, ir-rikorrenti ssostni li dawn ma “humiex koperti mill-investigazzjoni”, filwaqt li, għal H&R ESP International, hija tenfasizza li din ġiet akkwistata biss fl-2004, u dan wassal għal “qabża fid-dħul mill-bejgħ”.

283    Sussegwentement, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-“kumpanniji fl-istess grupp ta’ kumpanniji” ta’ H&R Ölwerke Schindler li jamministraw faċilitajiet ta’ konverżjoni barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, skont ir-rapport ta’ attività tas-sena 2004 ta’ H&R Wasag, l-akkwist tal-attivitajiet fl-ispeċjalitajiet ta’ raffinerija li jirriżultaw mill-kumpannija BP kkonċerna biss lil H&R Ölwerke Schindler, fil-Ġermanja, u lil H&R ESP Nuth B.V., fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti tippreċiża li l-kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż, li jinsabu f’Corryton u f’Chorley fir-Renju Unit, wettqu, skont stima tal-bidu, dħul mill-bejgħ ta’ EUR 8.6 miljun mill-bejgħ tax-xama’ tal-paraffin fl-2004. Dawn l-elementi jindikaw li l-grupp H&R kien jinkludi kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż, kuntrarjament għal H&R ESP International, li hija stabbilita fil-Ġermanja.

284    Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni b’mod validu li din żiedet mal-ammont inizjali ta’ EUR 26.3 miljun kemm il-valur tal-bejgħ ta’ H&R ESP International kif ukoll dak tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li, matul il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għas-sena 2004, il-Kummissjoni aġixxiet b’osservanza sħiħa tal-paragrafi 15 u 16 tal-Linji gwida tal-2006, iċċitati fil-punt 218 iktar ’il fuq.

285    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod validu l-fatt li l-kalkolu ddettaljat tal-valur tal-bejgħ ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, iżda ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Minn naħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iċ-ċifri li r-rikorrenti stess ipproduċiet fil-proċedura amministrattiva u waslet għal ammont li joqrob ħafna għall-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u quddiem l-uffiċjal tas-seduta. Min-naħa l-oħra, preċiżament sabiex ir-rikorrenti tiġi permessa li tirreaġixxi darbtejn bil-miktub f’dak li jikkonċerna l-kontenut tar-risposta, il-Qorti Ġenerali b’mod espress stiednet lir-rikorrenti sabiex tirrispondi bil-miktub għall-kontroreplika tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna t-tielet motiv.

286    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-mori tal-kawża, il-Qorti Ġenerali għamlet numru kbir ta’ domandi bil-miktub lir-rikorrenti sabiex tiċċara iktar il-kuntest fattwali.

287    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali b’mod espress talbet lir-rikorrenti tidentifika l-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”. Madankollu r-rikorrenti rrifjutat tippreċiża dawn il-kumpanniji, minkejja l-fatt li hija talbet l-annullament jew il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ argumentazzjoni li ma setgħetx tiġi interpretata mingħajr ma jiġu identifikati l-imsemmija kumpanniji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma ppreċiżat ir-relazzjoni tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” ma’ ESP International, H&R Ölwerke Schindler, H&R Sales u magħha stess u hija anki ċaħdet li dawn kienu s-sussidjarji tagħha stess.

288    Wieħed għandu jżid li r-raġuni li għaliha r-rikorrenti tipproponi, b’mod sussidjarju, fil-punt 52 tar-replika, iż-żieda tad-dħul mill-bejgħ ta’ H&R Sales mal-ammont ta’ EUR 26.3 miljun li jidher fl-ewwel kolonna tal-paġna 2 tal-ittra tagħha tat-23 ta’ April 2008 ma hijiex ċara. Fl-imsemmija ittra, ir-rikorrenti indikat li d-dħul mill-bejgħ ta’ H&R Ölwerke Schindler kien dak ta’ H&R Sales, meta semmiet li “id-distribuzzjoni proprja minn OWS — H&R Sales GmbH — ma [kinitx], kif nistgħu nifhmu aħna, koperta mit-talba għal informazzjoni”. Madankollu, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti indikat li H&R Ölwerke Schindler kienet sussidjarja 100 % ta’ ESP International. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tipproponi, b’mod sussidjarju, li mal-ammont ta’ EUR 26.3 miljun jiżdied id-dħul mill-bejgħ ta’ sussidjarja ta’ ESP International, jekk din topponi, bħala prinċipju, iż-żieda, ma’ dan l-ammont, tad-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”, li hija tassimila fir-replika ma’ ESP International.

289    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, b’mod partikolari dawk li jidhru fil-punti 276 u 277 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ għas-sena 2004. Għalhekk, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn dan huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

290    Barra minn hekk, il-pretensjonijiet tar-rikorrenti wkoll għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn huma intiżi għall-bidla tal-ammont tal-multa mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, wara l-eżami fil-fond tal-proċess li ġie ppreżentat quddiemha fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis, minn naħa, li l-argumenti tar-rikorrenti u l-informazzjoni kkomunikata minnha ma jiġġustifikawx tali bidla, u, min-naħa l-oħra, li l-elementi li jinsabu fil-proċess, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 276 u 277 iktar ’il fuq, jippermettu li jiġi kkonstatat li l-valur tal-bejgħ meqjus mill-Kummissjoni għas-sena 2004 jirrifletti l-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti b’mod xieraq.

291    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa

292    Ir-raba’ motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa. Dan huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikabbiltà tal-Linji gwida tal-2006. It-tieni nett, hija tqis li r-rata ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, stabbilit kemm skont il-paragrafu 21 u skont il-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, huwa vvizzjat minn żball ta’ evalwazzjoni u jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet nett, hija tqis li l-ammont tal-multa imposta fuqha huwa sproporzjonat u diskriminatorju, fid-dawl tad-daqs tagħha. Hija essenzjalment tistaqsi lill-Qorti Ġenerali sabiex tibdel id-deċiżjoni kkontestata u sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

 Fuq l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006

293    Ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-ammont tal-multa huwa illegali minħabba li l-Kummissjoni bbażatu fuq il-Linji gwida tal-2006 minflok fuq il-Linji gwida fil-verżjoni tagħhom tal-1998 [Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171)], li wassal għal ammont tal-multa konsiderevolment iktar għoli, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li jikkorrispondi għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Hija tqis li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-retroattività fid-dritt kriminali huwa miksur, peress li, fil-mument fejn twettaq il-ksur, il-Linji gwida tal-2006 kienu għadhom ma humiex fis-seħħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ awtolimitazzjoni tas-setgħa tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ Linji gwida u l-aspettattivi leġittimi li l-imsemmija Linji gwida joħolqu f’moħħ l-operaturi ekonomiċi.

294    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tipi ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan kien neċessarju sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda li, b’mod kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċji tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni kienet teħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 109, Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 242 iktar ’il fuq, punt 81, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 169).

295    Fil-fatt, ir-rwol ta’ sorveljanza mogħti lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jinvolvix biss il-kompitu li tinvestiga u tippenalizza każijiet ta’ ksur individwali, iżda jinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali sabiex tapplika, fir-rigward tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat u li tidderieġi l-aġir tal-impriżi f’din id-direzzjoni (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 105, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 170).

296    Issa, l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u, b’mod ġenerali, matul id-definizzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 171 u 172, u l-ġurisprudenza ċċitata).

297    B’mod iktar partikolari, l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa la jistgħu jiksbu aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex ser tmur lil hinn mil-livell ta’ multi li kien jiġi applikat preċedentement, u lanqas minn metodu ta’ kalkolu ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 228).

298    Konsegwentement, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fl-imgħoddi. Dan huwa validu mhux biss meta l-Kummissjoni tipproċedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta timponi multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir bl-applikazzjoni, għal każijiet speċifiċi, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 229 u 230).

299    Għaldaqstant, is-sostituzzjoni tal-Linji gwida fil-verżjoni tagħhom tal‑1998 b’metodu ġdid ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, li jinsab fil-Linji gwida tal-2006, jekk wieħed jippresupponi li din kellha effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-ammont tal-multi imposti, kienet raġonevolment prevedibbli mill-parteċipanti fl-akkordju fid-dawl taż-żmien li fih hija ġiet implementata. Għaldaqstant, billi applikat il-Linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni la kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, u lanqas dak ta’ aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 231 u 232).

300    Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni mir-rikorrenti tal-prinċipju ta’ awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, permezz tal-adozzjoni ta’ Linji gwida, tmur kontra din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tapplika l-imsemmija Linji gwida fis-seħħ fiż-żmien li matulu twettaq il-ksur, mifrux fuq tlettax-il sena f’dan il-każ, tali obbligu jċaħħad mill-kontenut tiegħu lid-dritt tal-Kummissjoni, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 294 iktar ’il fuq, li tadatta l-metodi ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa bl-għan li tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

301    Din l-analiżi ma tistax tiġi kompromessa mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni (T‑119/02, Ġabra p. II‑1433). Ir-rikorrenti tiddeduċi mill-punt 242 tal-imsemmija sentenza li, [b]illi l-Linji gwida huma indirizzati għall-atturi legali u joħolqu stat ta’ aspettattivi imputabbli lill-Kummissjoni, huma għandhom funzjoni ta’ garanzija”. Issa, is-silta tas-sentenza inkwistjoni, li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, la ssemmi l-aspettattivi leġittimi u lanqas il-funzjoni ta’ garanzija, peress li kulma din tagħmel huwa li tindika li l-Avviż tal-kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-regolament tal-[Kummissjoni] (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89) “ma huwiex nieqes minn kull obbligu legali vinkolanti” u li “[f]il-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta mill-avviżi li hija tadotta fil-qasam tal-kontrol tal-konċentrazzjonijiet sa fejn dawn ma jinjorawx ir-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 4064/89”.

302    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, fil-qasam tal-konċentrazzjoni, il-partijiet jistgħu joffru li jimpenjaw ruħhom sabiex jirrendu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u, konsegwentement, jippermettu lill-Kummissjoni tawtorizza l-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, ir-rwol tal-avviż imsemmi fil-punt 301 hawn fuq huwa li jidderieġi lill-impriżi, li jaġixxu f’bona fides u li ma jkunu wettqu ebda ksur, fir-rigward tan-natura tal-impenni li għandhom joffru sabiex jinkiseb riżultat pożittiv fi tmiem il-proċedura amministrattiva mwettqa mill-Kummissjoni. Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi ma tistax tiġi assimilata ma’ dik tal-impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju pprojbit mill-Artikolu 81 KE.

303    Bl-istess mod għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-Linji gwida fil-qasam tal-kalkolu tal-ammont tal-multi huwa li jiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva u mhux diskriminatorja tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma titnaqqas in-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha.

304    Issa, kuntrarjament għad-dritt kriminali, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, kemm il-benefiċċji kif ukoll is-sanzjonijiet tal-attivitajiet illegali huma purament pekunjarji, bħalma hija l-motivazzjoni ta’ dawk li jwettqu l-ksur li barra minn hekk isegwu loġika ekonomika fl-azzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, il-previdibbiltà bejn wieħed u ieħor preċiża tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta minħabba l-parteċipazzjoni f’akkordju illegali għandha konsegwenzi li jikkawżaw dannu kbir fuq l-effikaċità tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sa fejn l-impriżi li jwettqu l-ksur ikunu jistgħu jqabblu l-ispejjeż u l-profitti tal-attivitajiet illegali tagħhom kif ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċansijiet li l-imsemmija attivitajiet jsiru magħrufa u għaldaqstant li jippruvaw jiżguraw il-profitibbiltà tal-imsemmija attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 83, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 45).

305    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-iżball ta’ evalwazzjoni minħabba l-iffissar ta’ koeffiċjent ta’ 17 % kemm għall-gravità tal-ksur u anki għad-dissważjoni

306    Fid-deċiżjoni kkontestata, wara li fil-premessa 651 iddefinixxiet il-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni, bit-titolu “Konklużjoni dwar il-gravità”, iddedikat il-premessa 653 għall-gravità tal-ksur:

“[…]

(651)       Fir-rigward tal-portata ġeografika, il-ksur kopra ż-ŻEE sħiħa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-impriżi inkwistjoni biegħu [xama’ tal-paraffin] fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE […]

(653)       B’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi stess tal-kawża, tal-kriterji diskussi preċedentement dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għal Eni u H&R/Tudapetrol għandu jkun ta’ 17 %. Intwera li għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total, il-ksur uniku u kontinwu kien ukoll ikkaratterizzat mit-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq. It-tqassim ta’ swieq u t-tqassim ta’ klijenti huma, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, sa fejn dawn il-prattiċi jwasslu għat-tnaqqis jew għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fuq ċerti swieq jew għal ċerti klijenti […] Fir-rigward ta’ din il-gravità addizzjonali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jitqies għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total għandu jkun ta’ 18 % […]”

307    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset, f’dak li jikkonċerna l-komponent prinċipali tal-ksur, koeffiċjent ta’ 17 % kemm għall-gravità tal-ksur, fir-rigward tal-paragrafu 21 tal-Linji gwida tal-2006, kif ukoll għad-dissważjoni, fir-rigward tal-paragrafu 25 tal-imsemmija Linji gwida. Fil-fatt, il-koeffiċjent meqjus fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw anki fil-komponent tal-ksur li jikkonċerna t-tqassim tas-swieq u tal-klijenti huwa ta’ 18 % biss. Id-differenza tal-perċentwali inkwistjoni, limitata għal punt, ma tirriflettix id-differenza fil-gravità. Għaldaqstant, ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali żżid id-differenza bejn il-koeffiċjenti ta’ 17 u 18 % billi tnaqqas l-ewwel wieħed, jiġifieri l-koeffiċjent applikat għall-valur tal-bejgħ tal-impriżi li, bħar-rikorrenti, ipparteċipaw biss fil-komponent prinċipali tal-ksur.

308    Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq u li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu. Il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza tal-piena għall-ksur jipprevedu wkoll li l-ammont tal-multa imposta għandu jkun proporzjonat mal-gravità u mat-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 106, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 226).

309    B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 308 iktar ’il fuq, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

310    Barra minn hekk, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, skont il-ġurisprudenza, xi elementi oġġettivi bħalma huma l-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, l-għadd tal-aġir u l-intensità tal-aġir, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni sostnuta mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva. Bl-għan tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida tal-2006, li fihom hija tindika b’liema mod ser tieħu inkunsiderazzjoni tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnha dwar l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 p, Ġabra p. I‑13090, punti 57 sa 59).

311    Għandu jiġi enfasizzat li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi u r-rwol tad-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni, kif previsti fil-Linji gwida tal-2006, ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilment preżenti.

312    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, hekk kif huwa indikat fil-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006, li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma intiżi li jiffissaw il-prezzijiet, li jagħmlu, bħal fil-każ ineżami, parti mill-komponent prinċipali tal-ksur, huma, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar gravi tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, skont il-paragrafi 21 u 23 tal-imsemmija Linji gwida, il-koeffiċjent li jirrifletti l-gravità tal-ksur għandu jkun stabbilit fil-parti superjuri ta’ skala bejn 0 u 30 %. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma intiżi li jiffissaw il-prezzijiet jikkonċernaw il-pajjiżi taż-ŻEE kollha, u dan huwa wkoll rilevanti skont il-paragrafu 22 tal-Linji gwida tal-2006 (premessi 651 u 653 tad-deċiżjoni kkontestata).

313    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni meta qieset koeffiċjent ta’ 17 % għall-gravità tal-ksur f’dak li jikkonċerna l-komponent prinċipali tiegħu, li jikkonsisti “fi ftehimiet jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet [u] l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali” dwar ix-xama’ tal-paraffin. L-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tal-ammont li għandu jiżdied għad-dissważjoni skont il-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, imsejjaħ “dritt ta’ dħul”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat ir-rabtiet bejn il-fatturi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni għall-gravità tal-ksur u l-koeffiċjent meqjus.

314    Wieħed għandu jżid li l-iffissar tal-koeffiċjent inkwistjoni ta’ 17 % huwa wkoll iġġustifikat fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni meqjusa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 307 iktar ’il fuq.

315    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni la wettqet żball ta’ evalwazzjoni u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat ir-rata inkwistjoni għal 17 %.

316    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li d-differenza bejn il-koeffiċjent meqjus għall-komponent prinċipali tal-ksur u dak meqjus għall-ewwel u t-tieni komponenti f’daqqa, li hija differenza ta’ punt perċentwali, ma tirriflettix id-differenza fil-gravità li tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni fi tqassim tal-klijenti u tas-swieq.

317    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 240 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehimiet li jikkonsistu fit-tqassim tas-suq u/jew tal-klijentela kienu sporadiċi matul il-laqgħat tekniċi meta mqabbla mal-ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet indipendenti ta’ impriżi li wkoll ipparteċipaw fl-akkordju (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), diskussjoni dwar il-livelli ta’ prezzijiet applikati mill-parteċipanti dejjem kienet tagħmel parti mill-laqgħat tekniċi, billi dawn il-laqgħat kienu ġeneralment jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet.

318    Barra minn hekk, skont il-premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan illegali u ssanzjonat segwit mill-parteċipanti fil-ksur uniku u kontinwu f’din il-kawża kien jikkonsisti f’li titnaqqas jew li tiġi eliminata l-pressjoni kompetittiva bl-għan aħħari li jitwettqu l-aħjar profitti u, fl-aħħar lok, li dawn il-profitti jiġi stabilizzati jew saħansitra jiżdiedu. Ċertament, it-tieni komponent tal-ksur seta’ jiggrava l-effetti ħżiena tal-ksur fir-rigward tal-klijenti u tas-swieq affettwati. Madankollu, dan ma kellux għan antikompetittiv li seta’ jiġi separat b’mod ċar minn dak relatat mal-komponent prinċipali tal-ksur, peress li l-istess prodotti u l-istess suq ġeografiku kienu kkonċernati u peress li, f’analiżi aħħarija, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti kellu anki l-għan li jikkonsisti f’li jintlaħqu livelli ta’ prezzijiet suprakompetittivi, bħall-prattiki intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet.

319    Għaldaqstant, il-Kummissjoni la wettqet żball ta’ evalwazzjoni u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta qieset, għall-gravità tal-ksur, minn naħa, u għad-dissważjoni skont il-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, min-naħa l-oħra, proporzjon ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ f’dak li kien jikkonċerna l-impriżi parteċipanti biss fil-komponent prinċipali tal-ksur u ta’ 18 % tal-valur tal-bejgħ f’dak li kien jikkonċerna l-impriżi parteċipanti anki fit-tieni komponent tal-ksur.

320    Barra minn hekk, sa fejn hija wkoll adita b’mod sussidjarju b’talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proporzjon ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi parteċipanti biss fil-komponent prinċipali tal-ksur jirrifletti l-gravità tal-ksur b’mod xieraq, hekk kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 iktar ’il fuq.

321    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-allegata natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-ammont bażiku fid-dawl tad-daqs tal-grupp H&R

322    Ir-rikorrenti tqis li l-multa imposta fuqha hija sproporzjonata u diskriminatorja meta mqabbla mad-daqs tagħha, b’paragun mal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra parteċipanti fl-akkordju. Hija tinvoka l-fatt li l-ammont bażiku aġġustat stabbilit kontra ExxonMobil jirrappreżenta biss madwar 0.04 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn dan il-grupp fl-2007, filwaqt li, fil-każ tal-grupp H&R, din ir-rata hija ta’ 2.5 %.

323    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 96).

324    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur u li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu. Il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza tal-piena għall-ksur jipprevedu wkoll li l-ammont tal-multa imposta għandu jkun proporzjonat mal-gravità u mat-tul tal-ksur.

325    B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 309 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont tal-multa b’mod proporzjonat mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li din għandha, f’dan ir-rigward, tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

326    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, huwa permess, fid-dawl tal-iffissar tal-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li huwa ħjiel, minkejja li huwa approssimattiv u mhux komplut, tad-daqs ta’ din u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tal-parti minn dan id-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti ħjiel tal-gravità tiegħu. Ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tkun tirrappreżenta biss parti żgħira minn dan id-dħul mill-bejgħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 243, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 100).

327    Għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni ma fihx prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jgħid li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża parteċipanti fil-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 326 iktar ’il fuq, punt 101).

328    Għandu wkoll jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 310 iktar ’il fuq, b’għan ta’ trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida tal-2006, li fihom hija tindika b’liema mod hija ser tieħu inkunsiderazzjoni kull wieħed mill-elementi rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, inkluż id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata u l-valur tal-bejgħ imwettaq fis-suq suġġett għal kartell.

329    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-metodu ta’ kalkolu previst fil-Linji gwida tal-2006 u r-rwol tad-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilment preżenti.

330    F’dan il-każ, 17 % tal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R u 18 % tal-valur tal-bejgħ ta’ ExxonMobil fis-swieq suġġetti għal kartell ittieħdu inkunsiderazzjoni rispettivament matul il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffissat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 minħabba d-dħul mill-bejgħ globali għoli ta’ ExxonMobil u l-perċentwali żgħira tal-valur tal-bejgħ tagħha fis-swieq suġġetti għal kartell meta mqabbla mal-imsemmi dħul mill-bejgħ, sabiex tiżgura effett dissważiv xieraq, skont il-paragrafu 30 tal-Linji gwida tal-2006. Barra minn hekk, għal kull waħda mill-impriżi parteċipanti fl-akkordju, il-Kummissjoni vverifikat li l-ammont globali tal-multa ma kienx jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

331    Minn dan isegwi li, f’diversi stadji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn is-sitwazzjoni ta’ ExxonMobil u dik tar-rikorrenti, billi rriżervat għalihom trattament differenzjat fir-rigward ta’ dawn l-aspetti.

332    Bl-istess mod, il-Kummissjoni osservat il-Linji gwida tagħha stess u l-ġurisprudenza applikabbli, li tgħid li huwa possibbli li jittieħed kont sew tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kif ukoll tal-parti mill-valur tal-bejgħ li ġej mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

333    Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżid li d-differenza fir-rata bejn l-ammont bażiku u d-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp, f’dak li jikkonċerna lil ExxonMobil u lil H&R, hija l-konsegwenza tas-sempliċi fatt li d-dħul fuq il-prodotti li jappartjenu għas-swieq suġġetti għal kartell jirrappreżenta, fid-dħul mill-bejgħ ta’ ExxonMobil, perċentwali inkomparabbilment iktar dgħajfa milli fil-każ ta’ H&R. Issa, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat jew diskriminatorju billi tagħżel b’mod arbitrarju data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-ammont tal-multa u valur intermedjarju tal-imsemmi kalkolu li ma humiex relatati direttament waħda mal-ieħor, la skont il-Linji gwida tal-2006 u lanqas skont il-ġurisprudenza.

334    Għaldaqstant, dan l-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tan-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, għandu jiġi miċħud.

335    Barra minn hekk, sa fejn din ġiet adita wkoll b’mod sussidjarju b’talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa xieraq, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq.

336    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ilment imqajjem mir-rikorrenti matul is-seduta, li jikkonċerna l-unità ekonomika bejnha u l-kumpanniji l-oħra tal-grupp H&R

337    Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejnha u l-kumpannija H&R Wax Company Vertrieb. Id-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-Qorti Ġenerali stess ma ddefinixxietx il-grupp H&R fid-domandi bil-miktub u d-domandi orali tagħha.

338    Qabelxejn għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod ċar, fil-punti 26 u 28 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-daqs tal-grupp H&R, li jikkorrispondi għall-impriża H&R. Fl-assenza ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti, din il-preżentazzjoni ġiet repetuta fil-premessi 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fir-rikors u fir-replika, ir-rikorrenti ma kkritikatx din id-definizzjoni tal-grupp H&R. Barra minn hekk, fil-punt 14 tar-rikors, hija stess semmiet li hija kienet “parti mill-entità ekonomika [Hansen & Rosenthal]” u hija bniet l-argumentazzjoni tagħha dwar l-ewwel motiv f’dan is-sens. Issa, skont il-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata Hansen & Rosenthal hija l-kumpannija holding ta’ H&R.

339    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-kawża.

340    Għaldaqstant, l-ilment ġdid imqajjem mir-rikorrenti u bbażat fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni ta’ unità ekonomika bejnha u Hansen & Rosenthal, ippreżentat fis-seduta, huwa inammissibbli.

341    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Il-ksur tal-Artikolu 253 KE, li jirrigwarda nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jirrigwarda l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti tal-Unjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq).

342    Għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda anki fid-dawl tal-kuntest li fih dan l-att ikun ġie adottat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 63).

343    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni inkludiet lir-rikorrenti fil-grupp H&R jirriżultaw b’mod ċar mill-premessi 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, din ma kinitx imputazzjoni fuq ir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur minħabba l-parteċipazzjoni ta’ kumpannija oħra li tappartjeni għall-grupp H&R fl-akkordju inkwistjoni, iżda parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti, permezz tal-preżenza ta’ wieħed mill-impjegati tagħha għal-laqgħat tekniċi.

344    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tal-grupp H&R, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ estern tal-grupp fuq it-talba espressa tar-rikorrenti, hekk kif jirriżulta mill-korrispondenza bejn din tal-aħħar u l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, dan id-dħul mill-bejgħ estern kien jinkludi wkoll dak ta’ Hansen & Rosenthal u dak tas-sussidjarja tagħha H&R Wax Company Vertrieb, li għandha parteċipazzjoni indiretta fil-kapital tar-rikorrenti, u li ġew inklużi fil-grupp H&R mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

345    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija perfettament kapaċi tifhem ir-raġunijiet tal-approċċ tal-Kummissjoni abbażi tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha, b’mod li ma hemmx lok li jitqajjem ex officio ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

346    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ definizzjoni tal-grupp H&R fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tiddefinixxi din il-frażi fil-premessi 22 u 24 tagħha u li r-rikorrenti stess tuża l-frażi “grupp H&R ”, b’mod partikolari fil-punt 68 tar-rikors, fl-istess sens. Fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti ta’ din id-definizzjoni tal-grupp H&R, u minħabba l-użu koerenti tal-frażi “grupp H&R” mill-partijiet fil-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali użat l-istess definizzjoni fir-rapport tas-seduta tagħha. Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li r-rikorrenti spiss tuża “H&R” f’sens li jikkorrispondi għal“Hansen & Rosenthal KG”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li fir-rapport tas-seduta l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet lil “H&R” b’mod identiku għal li dak li jidher fil-punt 2 iktar ’il fuq.

347    Għaldaqstant, l-ilment imqajjem fis-seduta wkoll għandu jiġi miċħud.

348    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

349    Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikorrenti la wriet ebda żball u lanqas irregolarità fid-deċiżjoni kkontestata li jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Hija tqis ukoll li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, l-ammont tal-multa imposta fuq din tal-aħħar huwa xieraq.

350    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

351    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ din l-istanza, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

352    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-Qorti Ġenerali għamlet spejjeż li setgħu jiġu evitati, hija tista’ tikkundanna lill-parti li kkawżathom sabiex tħallashom lura. F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat, b’mod partikolari fil-punt 262 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pprovdiet risposti ineżatti u impreċiżi għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. L-aġir tar-rikorrenti rrenda ħafna iktar kumpless l-eżami tal-kawża preżenti, u dan taqqal mingħajr ħtieġa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali, billi ġiegħel lil din tal-aħħar twettaq kompiti li setgħu jiġu evitati. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tirrimborsa EUR 10 000 lill-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      H&R ChemPharm GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      H&R ChemPharm hija kkundannata tirrimborsa lill-Qorti Ġenerali s-somma ta’ EUR 10 000 skont l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Rabtiet bejn il-grupp H&R u Tudapetrol

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal irtirar ta’ dokument mill-proċess

2.  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, minħabba l-motivazzjoni allegatament mingħajr differenzjazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-assenza ta’ prova ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti dwar l-assenza ta’ provi li jistabbilixxu r-responsabbiltà diretta tar-rikorrenti

–  Fuq il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

–  Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

–  Fuq id-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq l-imputabbiltà ta’ H&R ChemPharm għall-preżenza ta’ G. fil-laqgħat tekniċi

–  Fuq l-offerta ta’ prova tar-rikorrenti

–  Evalwazzjoni globali tal-provi li jsostnu l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti

–  Fuq id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

–  Fuq l-argumenti tar-rikorrenti dwar ċerti laqgħat tekniċi partikolari

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ kalkolu f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

Osservazzjonijiet preliminari

Dwar id-dħul mill-bejgħ meqjus għas-snin 2002 u 2003

Fuq il-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ tal-2004 u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“kumpanniji barra mill-pajjiż” u ta’ H&R ESP International

–  Fuq l-inklużjoni, fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, tal-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż” u ta’ H&R Sales, akkwistati fl-2004

–  Fuq iż-żieda tal-medja tal-valur tal-bejgħ matul il-perijodu ta’ referenza għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji akkwistati fl-2004

–  Fuq l-allegat teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul mill-bejgħ tal-“kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż”

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa

Fuq l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-iżball ta’ evalwazzjoni minħabba l-iffissar ta’ koeffiċjent ta’ 17 % kemm għall-gravitŕ tal-ksur u anki għad-dissważjoni

Fuq l-allegata natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-ammont bażiku fid-dawl tad-daqs tal-grupp H&R

Fuq l-ilment imqajjem mir-rikorrenti matul is-seduta, li jikkonċerna l-unità ekonomika bejnha u l-kumpanniji l-oħra tal-grupp H&R

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.