Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 - Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-550/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG (Amburgu, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Itzen u J. Ziebarth, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 - Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta ddeċidiet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea minħabba li pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew fi prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax).

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta bi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li mill-evalwazzjoni tal-provi li l-Kummissjoni wettqet fid-deċiżjoni kkontestata ma jidhirx ċar liema atti preċiżi għandhom jiġu attribwiti lir-rikorrenti. L-evalwazzjoni ġenerali mwettqa mill-Kummissjoni tkopri, minbarra lir-rikorrenti, impriżi oħra li għall-atti tagħhom ir-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli. Fid-dawl tal-ambigwità tal-evalwazzjoni tal-provi, jeżisti ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kummissjoni għandha turi b'mod ċar u mhux ambigwu liema atti għandhom jiġu attribwiti lil liema impriżi u liema konsegwenzi joħorġu minn dawn.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma ħadet sehem fl-ebda att li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni mhux biss ma wettqitx evalwazzjoni korretta fuq il-livell formali, iżda wkoll ġabet prova sussidjarja materjali li ma ġietx issostanzjata fil-konfront tar-rikorrenti. Il-laqgħat imsemmija speċifikament u għaldaqstant il-provi kkunsidrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni ma jindikawx li r-rikorrenti ħadet sehem f'kartell illegali. Dan jgħodd b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li inizjalment ir-rikorrenti ġiet akkużata biss bi ksur ristrett. Madankollu, dan il-fatt ma tteħidx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni; min-naħa l-oħra, provi li jistgħu juru l-eventwali ksur minn terzi, u li r-rikorrenti ma ħaditx sehem fih, ittieħdu inkunsiderazzjoni, anki bi preġudizzju għar-rikorrenti.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-preskrizzjoni. Hija ttrasferiet lil kumpannija oħra l-parti tan-negozju kkonċernata sa mill-bidu tas-sena 2000, b'tali mod li l-ewwel miżuri li jinterrompu l-preskrizzjoni adottati fil-bidu tas-sena 2005 fil-konfront tar-rikorrenti ma jistgħux iwasslu għat-tressiq quddiem il-qorti ta' ksur anterjuri.

____________