Language of document : ECLI:EU:T:2023:650

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2011(*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Sinjal ikkostitwit esklużivament minn numri – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal ‘1000’ bħala trade mark għal fuljetti, rivisti perjodiċi u gazzetti – Karattru allegatament deskrittiv tal-imsemmi sinjal – Kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Obbligu tal-UASI li jieħu kont tal-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu”

Fil-Kawża C‑51/10 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ Frar 2010,

Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o., stabbilita f’Częstochowa (il-Polonja), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl, Rechtsanwalt,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Technopol”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta’ Novembru 2009, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (1000) (T‑298/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha din tal-aħħar irrifjutat ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-7 ta’ Awwissu 2006 (Każ R 447/2006‑4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tikkonċerna l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal “1000” bħala trade mark Komunitarja.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja” jipprovdi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

3        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut” jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

[…]

3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

4        Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark Komunitarja”:

“It-trade mark Komunitarja ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

[…]

b)      indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

[…]

sakemm huwa jużahom skond il-konswetudini onesta industrijali jew kummerċjali.”

5        L-Artikolu 74 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess”, jipprovdi:

“1.      Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.      L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

6        Ir-Regolament Nru 40/94 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, il-kawża preżenti hija rregolata, hekk kif jirriżulta mid-data tal-fatti, mir-Regolament Nru 40/94.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7        Fl-4 ta’ April 2005, Technopol ippreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal li ġej:

1000

8        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 16 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja “fuljetti; rivisti perjodiċi, inklużi rivisti perjodiċi li jinkludu tislibiet u logħob; stampa ta’ kuljum”.

9        Fil-31 ta’ Jannar 2006, l-eżaminatur ċaħad din l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li s-sinjal “1000” ma kienx ta’ karattru distintiv u kien jikkostitwixxi indikazzjoni deskrittiva tal-kontenut jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti kkonċernati.

10      Fil-31 ta’ Marzu 2006, Technopol appellat mid-deċiżjoni tal-eżaminatur. Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma l-analiżi tal-eżaminatur.

11      L-imsemmi Bord ikkunsidra li s-sinjal “1000” seta’ jservi sabiex jindika l-kontenut tal-pubblikazzjonijiet ta’ Technopol u li, f’kull każ, l-imsemmi sinjal ma kienx distintiv peress li huwa jiġi perċepit mill-konsumatur bħala l-eloġju tal-imsemmija pubblikazzjonijiet u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini tagħhom.

12      B’mod partikolari, fil-punti 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi Bord tal-Appell ikkonstata dan li ġej:

“18      […] Jiġri spiss li r-rivisti perjodiċi jippubblikaw tabelli li jinkludu informazzjoni differenti […]. F’tali każijiet, tingħata preferenza lil ċifri sħaħ minħabba l-valur espressiv tagħhom.

19      Barra minn hekk, il-[prodotti] previsti mill-applikazzjoni jinkludu […] pubblikazzjonijiet li fihom ġabriet differenti […]. Il-pubblikazzjonijiet ta’ dan it-tip ġeneralment ikun fihom informazzjoni espressa f’numri sħaħ […]. Bl-istess mod, is-[sinjal ‘1000’] jista’ mingħajr ebda dubbju jintuża b’mod deskrittiv, b’mod partikolari fir-‘rivisti perjodiċi li jinkludu tislibiet u logħob’ li ntalbet il-protezzjoni tagħhom. Il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-[sinjal ‘1000’] li jinsab fuq il-pubblikazzjoni kkonċernata bħala indikazzjoni li hija fiha preċiżament 1000 logħob tal-kliem jew logħob. Kif urew ir-riċerki fuq l-Internet, diġà jeżistu numru ta’ prodotti ta’ dan it-tip fuq is-suq […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2006, Technopol ippreżentat kawża li permezz tagħha hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dak ir-regolament.

15      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, Technopol sostniet li s-sinjal “1000”, mingħajr termini addizzjonali, ma huwiex deskrittiv. Ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda rabta diretta u konkreta mill-perspettiva tal-konsumatur bejn l-imsemmi sinjal u l-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati.

16      Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx dak l-argument u, konsegwentement, l-ewwel motiv. Ir-raġunijiet essenzjali li wasslu għal dik id-deċiżjoni huma dawn li ġejjin:

“21      […] Is-sinjali u l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali tal-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, sabiex jindikaw, jew direttament jew billi jissemma’ wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalih ir-reġistrazzjoni ġiet mitluba […].

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sinjal huwa deskrittiv jekk jippreżenta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni rabta biżżejjed diretta u konkreta b’mod li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom […].

23      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, min-naħa waħda, fir-rigward tal-komprensjoni li għandu l-pubbliku rilevanti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni […].

24      F’dan il-każ, il-prodotti kkonċernati huma fuljetti, rivisti perjodiċi, inklużi dawk li jinkludu tislibiet u logħob, kif ukoll l-istampa ta’ kuljum, u huma maħsuba għall-pubbliku ġenerali, u dan ma ġiex ikkontestat mill-partijiet. […]

25      Għaldaqstant jeħtieġ jiġi stabbilit jekk il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jipperċepix fis-[sinjal ‘1000’], mingħajr ebda element supplimentari, deskrizzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti previsti fl-applikazzjonijet għar-reġistrazzjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 18 u 19 tad-deċiżjoni [kkontestata], teżisti mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat rabta diretta u konkreta bejn is-sinjal “1000” u ċerti karatteristiċi tal-prodotti previsti. Fil-fatt, is-sinjal “1000” jirreferi għal kwantità u jiġi perċepit immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra mill-pubbliku bħala deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari l-kwantità ta’ paġni kif ukoll ta’ xogħolijiet, ta’ informazzjoni u ta’ logħob miġbur, jew il-klassifikazzjoni ġerarkika ta’ referenzi inklużi. Il-fatt li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija komposta biss minn ċifri ma jikkontestax dik il-konklużjoni, minħabba l-fatt li […] l-element nieqes jista’ faċilment jiġi identifikat mill-pubbliku kkonċernat, peress li l-assoċjazzjoni bejn iċ-ċifra u l-imsemmija karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni hija immedjata.

27      B’mod partikolari, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punti 18 u 19 tad-deċiżjoni [kkontestata], spiss jiġri li fil-fuljetti u fir-rivisti perjodiċi jiġu ppubblikati klassifikazzjonijiet u ġabriet u l-preferenza tkun għalhekk, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-kontenut, għal ċifri sħaħ, filwaqt li l-Bord tal-Appell isemmi b’mod partikolari f’dan ir-rigward l-eżempju ta’ ‘1000 mistoqsija u tweġiba’. Dawk il-fatti jsaħħu r-rabta deskrittiva li teżisti, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, bejn il-prodotti inkwistjoni u s-[sinjal ‘1000’].

[…]

30      Peress li huwa stabbilit il-karattru deskrittiv tas-[sinjal ‘1000’] fir-rigward ta’ prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hijiex komposta esklużivament minn sinjali deskrittivi u jekk hija fihiex elementi oħra li jistgħu jimpedixxu l-konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tagħha. […] F’dan il-każ, is-sinjal verbali ‘1000’ huwa ppreżentat mingħajr ebda element li jiddistingwih mill-mod normali ta’ kif tiġi indikata kwantità li jista’ jċaħħdu mill-karattru deskrittiv tiegħu.

31      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li s-sinjal verbali ‘1000’ jindika karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari l-kwantità ta’ paġni kif ukoll ta’ xogħolijiet, ta’ informazzjoni u ta’ logħob miġbur, jew il-klassifikazzjoni ġerarkika tiegħu, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-pubbliku rilevanti meta jiġi biex jagħżel u li, għaldaqstant, jikkostitwixxu karatteristiċi essenzjali. […]

32      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti […]. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-reġistrazzjoni tas-sinjal ‘1000’ ma timpedix lil terzi mid-dritt li jużaw l-imsemmija ċifra sabiex jindikaw kwantitajiet meta tali użu ma jkunx jikkostitwixxi ksur tad-dritt tat-trade mark, jeħtieġ li dan jiġi miċħud bħala inapplikabbli. Permezz ta’ dak l-argument ir-rikorrenti tqajjem il-kontenut tal-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94[…], sa fejn dan jikkonċerna l-limiti tad-dritt esklużiv li jirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax fil-fatt jiġi invokat waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni […]. L-applikazzjoni ta’ dak l-artikolu tippreżupponi l-eżistenza ta’ sinjal li ġie rreġistrat bħala trade mark kemm peress li jkun akkwista karattru distintiv permezz tal-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, jew permezz tal-koeżistenza ta’ elementi deskrittivi u mhux deskrittivi, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża […]. Għaldaqstant, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jippermetti li jirrendi iktar flessibbli l-kriterji tal-eżami tar-raġunijet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni.

33      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li ma hemm l-ebda neċessità li jiġi protett is-[sinjal ‘1000’] li huwa disponibbli għal terzi, għaliex, peress li dawn huma numri b’erba’ ċifri, jeżistu 10 000 verżjonijiet possibbli, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li […] ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni huwa bbażat fuq il-karattru deskrittiv tas-sinjal. Dak il-karattru deskrittiv jimpedixxi lis-[sinjal ‘1000’] milli jissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ verżjonijiet possibbli oħra ta’ ċifri hija irrilevanti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni. Barra minn dan, il-fatt li l-UASI rreġistra bħala trade marks is-sinjali IX u XD, li jħalli disponibbli għall-kompetituri inqas verżjonijiet possibbli ta’ ċifri u ta’ ittri, huwa irrilevanti. Il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali tal-UASI […].”

17      Peress li kkonfermat ir-rilevanza, f’dan il-każ, tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali astjeniet milli teżamina t-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Technopol titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza kkontestata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

19      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Technopol għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

20      Technopol tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji rilevanti kollha għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prassi preċedenti tal-UASI.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

21      Insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, notevolment mill-punt 37 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C-383/99 P, Ġabra p. I-6251), li l-applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 hija suġġetta mhux biss għall-kriterju dwar l-“użu normali” ċċitat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tas-sentenza kkontestata, iżda wkoll għall-kundizzjoni li jkun hemm identiċità tas-sinjal inkwistjoni ma’ modalitajiet abitwali ta’ indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew tal-karatteristiċi tagħhom. Peress li injorat dik l-aħħar kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġuni għal rifjut.

22      Is-sentenza kkontestata hija, barra minn hekk, nieqsa minn konstatazzjonijiet li juru li l-użu tas-sinjal “1000” jikkostitwixxi “użu normali” sabiex jiġu indikati l-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-eżempji li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata jirrigwardaw l-użu ta’ ċifri flimkien ma’ termini oħra. Is-sentenza kkontestata hija wkoll ibbażata fuq premessa żbaljata li tikkonsisti fis-suppożizzjoni li kull sinjal ikkostitwit minn ċifra neċessarjament jiġi użat flimkien ma’ indikazzjonijiet deskrittivi jew ġeneriċi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq suppożizzjonijiet.

23      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 12(b) ta’ dak ir-regolament. Fil-punt 32 tas-sentenza kkontestata, hija llimitat b’mod żbaljat il-portata ta’ dan l-aħħar artikolu għall-każijiet fejn sinjal “ġie rreġistrat bħala trade mark kemm għaliex ikun akkwista karattru distintiv permezz tal-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, jew permezz tal-koeżistenza ta’ elementi deskrittivi u mhux deskrittivi”.

24      Addizzjonalment, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx sal-livell rikjest mill-liġi l-argument li l-Bord tal-Appell injora n-nuqqas tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà tas-sinjal “1000”. Fil-fatt, fir-risposta tagħha għall-argument imsemmi, fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tanalizza l-kwistjoni tal-interess ġenerali li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

25      L-UASI qabel kollox isostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma timplikax neċessarjament li s-sinjal inkwistjoni jikkostitwixxi “modalità abitwali” ta’ indikazzjoni ta’ karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Ikun suffiċjenti li l-imsemmi sinjal ikun jista’ jintuża sabiex tiġi indikata karatteristika.

26      Skont l-UASI, is-sinjal “1000” iwassal immedjatament għal ħsieb dwar il-kontenut tal-pubblikazzjoni kkonċernata, billi jirrifletti l-kwantità ta’ paġni jew ta’ informazzjoni. Barra min hekk, l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-pubbliku jistenna li s-sinjal “1000” jindika l-kontenut sħiħ tal-imsemmija pubblikazzjoni, ma tistax tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Fir-rigward imbagħad tar-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 12(b) ta’ dak ir-regolament, l-UASI tfakkar li dan l-aħħar artikolu jikkonċerna l-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark irreġistrata u mhux l-adegwatezza ta’ sinjal sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja. Konsegwentement, l-interazzjoni bejn dawk iż-żewġ artikoli invokata mir-rikorrenti sempliċement ma teżistix.

28      L-UASI finalment isostni li l-Qorti Ġenerali debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali. Hija ġustament iddeċidiet li ma huwiex rilevanti li numru ta’ sinjali oħra kkostitwiti minn ċifri jibqa’ disponibbili għall-kompetituri sabiex dawn jindikaw il-prodotti tagħhom. L-UASI jfakkar, f’dan ir-rigward, li l-eżami ta’ raġuni assoluta għal rifjut għandu jkun limitat għas-sinjal inkwistjoni u għas-sinjifikat tiegħu b’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, li fiha nnifisha, iċ-ċirkustanza li sinjal ikun kompost esklużivament minn ċifri ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark.

30      Dan jirriżulta, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jipprevedi espressament li ċ-ċifri huma fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark.

31      Barra minn hekk, il-fatt li sinjal, bħal dak f’din il-kawża, ikun ikkostitwit minn ċifri mingħajr tibdil grafiku u għaldaqstant ma jkunx ġie maħluq b’mod kreattiv jew artistiku mill-persuna li ressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu lanqas ma jipprekludi, bħala tali, li dan is-sinjal jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark (ara b’analoġija, fir-rigward ta’ sinjali kkostitwiti minn ittra, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, UASI vs BORCO-Marken-Import Matthiesen, C-265/09 P, Ġabra p. I‑8265, punt 38).

32      Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun adatt sabiex jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

33      Issa, sinjal li jkollu, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, karattru deskrittiv, fis-sens stabbilit fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huwa, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dak l-artikolu, nieqes mill-karattru dinstintiv fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi [ara, b’analoġija, dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C‑265/00, Ġabra p. I‑1699, punt 19; fir-rigward tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 30, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Frar 2004, Streamserve vs UASI, C‑150/02 P, Ġabra p. I-1461, punt 24].

34      Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sinjal “1000” għandu tali karattru deskrittiv għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mressqa minn Technopol, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, kif issostni r-rikorrenti, tali evalwazzjoni tirriżultax minn interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa, u għaldaqstant żbaljata, tal-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ).

35      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huma biss is-sinjali li jikkorrispondu għal “modalitajiet abitwali” ta’ indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom titressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jistgħu jiġu rrifjutati abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni.

36      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dak l-argument, jeħtieġ li jittieħed debitament kont tal-għan segwit mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati mill-imsemmi Artikolu 7(1) għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li hija msejsa fuqu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 45, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, Ġabra p. I‑8403, punt 43).

37      L-interess ġenerali li jsejjes l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jikkonsisti fl-iżgurar li s-sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jiġu użati liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Bil-għan li tiżgura r-realizzazzjoni sħiħa ta’ dak l-għan ta’ użu liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex l-UASI jopponi rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma huwiex neċessarju li s-sinjal inkwistjoni jkun effettivament użat, fil-mument meta titressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi. Ikun suffiċjenti li l-imsemmi sinjal ikun jista’ jintuża għal tali għanijiet (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UASI vs Wrigley, punt 32, u Campina Melkunie, punt 38, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Frar 2010, Mergel et vs UASI, C‑80/09 P, punt 37).

39      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-applikazzjoni ta’ dik ir-raġuni għal rifjut ma tiddependix fuq l-eżistenza tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà li tkun konkreta, attwali jew serja, u li għalhekk huwa irrilevanti li wieħed ikun jaf in-numru ta’ kompetituri li għandhom jew li jista’ jkollhom interess li jużaw is-sinjal inkwistjoni (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I-2779, punt 35, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 58). Huwa, barra minn hekk, irrilevanti li jeżistu sinjali oħra iktar normali minn dak inkwistjoni sabiex jiġu indikati l-istess karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

40      Minn dak li ntqal jirriżulta li applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma teżiġix li s-sinjal inkwistjoni għandu jikkorrispondi għal modalitajiet abitwali ta’ indikazzjoni. Il-punt 37 tas-sentenza Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, invokat mir-rikorrenti u li fih jintużaw it-termini “identiċità tas-sinjal inkwisjoni ma’ modalitajiet abitwali ta’ indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew tal-karatteristiċi tagħhom”, ma jistax għaldaqstant jinftiehem fis-sens li huwa jiddefinixxi kundizzjoni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja.

41      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżempji mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata huma ipotetiċi u mhux rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

42      Ir-rikorrenti tirreferi b’mod partikolari għall-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sinjal “1000” bħala deskrizzjoni tal-kwantità ta’ paġni jew ta’ informazzjoni kif ukoll tal-pubblikazzjoni frekwenti, fil-fuljetti u fir-rivisti perjodiċi, ta’ klassifikazzjonijiet u ta’ ġabriet li l-kontenut tagħhom huwa indikat minn ċifri sħaħ.

43      F’dak ir-rigward, hija ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmija konstatazzjonijiet fattwali huma korretti, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li tali fatti huma rilevanti sabiex iwasslu għall-konklużjoni li sinjal huwa deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tixhed interpretazzjoni żbaljata ta’ dik id-dispożizzjoni.

44      Għalkemm ir-rikorrenti ċertament ma tinvokax, permezz ta’ dak l-argument, żnaturament tal-provi, madankollu hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn ir-raġunament segwit fis-sentenza kkontestata ma huwiex koerenti u huwa bbażat fuq komprensjoni żbaljata tad-dispożizzjoni applikata. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-UASI, l-imsemmi argument jista’ jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

45      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sentenza kkontestata hijiex ivvizzjata minn tali nuqqas ta’ koerenza jew komprensjoni żbaljata minħabba n-nuqqas ta’ rilevanza tal-konstatazzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija punti 26 u 27 għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dik tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dak ir-regolament.

46      Kif ġie mfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, is-sinjali deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, bl-istess mod, ma humiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dak ir-regolament. B’mod kuntrarju, sinjal jista’ ma jkunx ta’ karattru distintiv fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(1)(b) għal raġunijiet differenti mill-karattru deskrittiv eventwali tiegħu (ara, dwar id-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Koninklijke KPN Nederland, punt 86, u Campina Melkunie, punt 19).

47      Għaldaqstant teżisti ċerta sovrappożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 7(1)(ċ) (ara, b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67), fejn l-ewwel waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet madankollu tiddistingwi ruħha mit-tieni waħda billi tkopri ċ-ċirkustanzi kollha li fihom sinjal ma jkunx ta’ natura li jiddistingwi l-prodotti jew servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

48      F’dawk il-kundizzjonijiet jeħtieġ, għall-finijiet ta’ applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jiġi żgurat li l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ), tibqa debitament irriżervata għall-każijiet korrettement previsti minn dik ir-raġuni għal rifjut.

49      Dawk il-każijiet huma dawk li fihom is-sinjal li għalih issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark jista’ jindika “karatteristika” tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni. Fil-fatt, bl-użu, fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tat-termini “x-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”, il-leġiżlatur, min-naħa waħda, indika li x-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika u l-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz għandhom kollha jiġu kkunsidrati bħala karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, ippreċiża li dik il-lista ma hijiex eżawrjenti peress li kull karatteristika oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni.

50      L-għażla tal-leġiżlatur tat-terminu “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali previsti mill-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata proprjetà, faċilment rikonoxxibbli mill-partijiet ikkonċernati, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Hekk kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal ma tistax tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ħlief jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament rikonoxxut mill-oqsma kkonċernati bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi msemmija (ara b’analoġija, fir-rigward tad-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Nru 89/104, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Windsurfing Chiemsee, punt 31, u Koninklijke KPN Nederland, punt 56).

51      Dawk il-preċiżjonijiet għandhom rilevanza partikolari fir-rigward ta’ sinjali kkostitwiti esklużivament minn ċifri.

52      Fil-fatt, peress li tali sinjali huma ġeneralment assimilati ma’ numri, dawn jistgħu b’mod partikolari jservu, fin-negozju, sabiex tiġi indikata kwantità. Madankollu, sabiex ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit esklużivament minn ċifri tkun tista’ tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li jindika kwantità, għandu jkun raġonevoli li wieħed jipprevedi li, mill-perspettiva tal-oqsma kkonċernati, il-kwantità indikata minn dawk iċ-ċifri tikkaratterizza l-prodotti jew is-servizzi li għalihom issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

53      Hekk kif jirriżulta mill-punti 26 et seq tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li s-sinjal “1000” jista’ jindika n-numru ta’ paġni tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif ukoll fuq iċ-ċirkustanza li huwa frekwenti li f’dawk il-prodotti jiġu ppubblikati klassifiki, ġabriet ta’ informazzjoni u logħob li l-kontenut tagħhom jiġi bi preferenza indikat permezz ta’ espressjoni akkumpanjata minn ċifri sħaħ.

54      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk kull wieħed minn dawk l-elementi jippermettix li jiġi konkluż li n-numru 1000 jikkaratterizza l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għall-inqas, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li s-sinjal “1000” għandu karattru deskrittiv fid-dawl tal-logħob miġbur inkluż fil-prodotti msemmija, ma hijiex inkompatibbli mal-preċiżjonijiet ipprovduti iktar ’il fuq dwar il-portata tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

55      Hekk kif jirriżulta mill-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata kif ukoll mis-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li jirreferu għalihom dawk il-punti, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI u l-Qorti Ġenerali kkonstataw li Technopol kienet ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal “1000”, b’mod partikolari, għal “rivisti perjodiċi, inklużi rivisti perjodiċi li jinkludu tislibiet”. Huma kkonstataw ukoll li jeżistu diversi prodotti ta’ dak it-tip fis-suq u li dawk il-prodotti ġeneralment ikun fihom informazzjoni espressa f’numri sħaħ. Skont evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmi Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, u li fis-sustanza rreferiet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata, is-sinjal “1000” li jinsab fuq pubblikazzjoni ta’ dak it-tip jiġi pperċepit bħala indikazzjoni li din tal-aħħar fiha 1000 tisliba.

56      Applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għal tali ċirkustanzi fattwali ma tixhidx interpretazzjoni żbaljata ta’ dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, meta applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun tikkonċerna, b’mod partikolari, kategorija ta’ prodotti li l-kontenut tagħhom huwa faċilment u tipikament indikat mill-kwantità tal-unitajiet tagħhom, huwa raġonevoli li jiġi previst li sinjal ikkostitwit minn ċifri bħal dawk inkwistjoni, jiġi effettivament rikonoxxut mill-oqsma kkonċernati bħala deskrizzjoni tal-imsemmija kwantità u għaldaqstant ta’ karatteristika ta’ dawk il-prodotti.

57      Isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li r-reġistrazzjoni tas-sinjal “1000” kellha, abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tiġi rrifjutata għall-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mressqa minn Technopol.

58      Peress li l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ koerenza jew fuq komprensjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għaldaqstant jiġi injorat ukoll, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni li teżisti bejn dik id-dispożizzjoni u l-Artikolu 12(b) tal-imsemmi regolament u, fir-raba’ u l-aħħar lok, l-argument li jgħid li fl-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli debitament tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li jsejjes l-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ) kif hija obbligata li tagħmel.

59      Fir-rigward tal-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li r-regola stabbilita minn dik id-dispożizzjoni ma tinfluwenzax b’mod determinanti l-interpretazzjoni ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ dak ir-Regolament (ara, dwar id-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

60      Fil-fatt, kif ġustament esponiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza kkontestata, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark Komunitarja, filwaqt li l-Artikolu 7 ta’ dak ir-regolament jirrigwarda r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali bħala trade marks.

61      B’mod kuntrarju għal dak li jidher li r-rikorrenti qiegħda tissuġġerixxi, iċ-ċirkustanza li l-imsemmi Artikolu 12(b) jiżgura li kull operatur ekonomiku jkun jista’ juża liberament indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi ta’ prodotti u ta’ servizzi bl-ebda mod ma jirristrinġi l-portata tal-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ). Għall-kuntrarju, l-imsemmija ċirkustanza tipprova l-interess li r-raġuni, barra minn hekk assoluta, għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 tiġi effettivament applikata għal kull sinjal li jista’ jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I‑3793, punti 58 u 59, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 45).

62      Peress li r-regola stabbilita fl-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax konsegwentement tiġi integrata fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-istess regolament, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ interazzjoni bejn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet hija infondata.

63      L-argument li jgħid li fl-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset li debitament tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li jsostni lill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kif hija obbligata li tagħmel, għandu wkoll jiġi injorat.

64      Għalkemm ċertament hija l-Qorti Ġenerali li għandha tosserva dak l-interess ġenerali waqt l-eżami tagħha tad-deċiżjonijiet tal-UASI meħuda abbażi tal-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ), il-Qorti Ġenerali ma tistax min-naħa l-oħra tkun mistennija li tfakkar u li tanalizza espressament l-imsemmi interess ġenerali f’kull sentenza li tirrigwarda tali deċiżjoni.

65      Barra minn hekk, fir-rigward tal-punt 33 tas-sentenza kkontestata, li fiha l-Qorti Ġenerali, skont ir-rikorrenti, interpretat b’mod żbaljat l-imsemmi interess ġenerali, jkun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, f’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali, fis-sustanza u b’mod korrett, tenniet ir-regola mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza li tgħid li d-disponibbiltà ta’ sinjali oħra hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk is-sinjal inkwistjoni għandux karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, u taqa’ b’hekk taħt ir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita f’dik id-dispożizzjoni.

66      Peress li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha ma huwa fondat, hemm lok li dak l-aggravju jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-UASI ma segwiex il-prassi preċedenti tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-rikorrenti tfakkar li hija semmiet, quddiem l-UASI u mbagħad mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, diversi eżempji ta’ sinjali li kienu ġew irreġistrati bħala trade marks mill-UASI u li, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, ma setgħux jiġu hekk irreġistrati. Dak l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-UASI ma segwiex il-prassi preċedenti tiegħu ġie injorat b’mod ġuridikament żbaljat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata.

68      Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Qorti tal-Ġustizzja, skont ġurisprudenza stabbilita, iddeċidiet li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u mhux skont il-prassi deċiżjonali preċedenti, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina mill-ġdid dik il-ġurisprudenza fid-dawl tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, li jimplika li kull awtorità għandha tapplika l-liġi bl-istess mod fil-każijiet kollha. Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza u t-trattament ugwali hija partikolarment evidenti għal awtorità bħall-UASI li jittratta numru kbir ħafna ta’ fajls.

69      Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-prassi deċiżjonali preċedenti tista’ tiġi validament invokata u li l-UASI huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-prassi preċedenti tiegħu bil-għan li jiddetermina jekk id-deċiżjoni meħuda għandhiex tkun l-istess fil-każ ta’ kawżi identiċi jew simili.

70      F’dan il-każ, ma ttieħed inkunsiderazzjoni la l-fatt li l-UASI jikkunsidra, skont prassi stabbilita, li s-sinjali li jikkonsistu f’termini li jiddeskrivu l-kontenut tal-pubblikazzjonijiet ma humiex deskrittivi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas il-fatt li l-UASI jaċċetta sinjali kkostitwiti minn ċifri. Billi kkunsidrat b’dan il-mod żbalajt li l-UASI kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ), jew fil-kuntest tal-eżami ex officio li għandu jwettaq skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

71      L-UASI josserva li l-prassi deċiżjonali preċedenti hija ċertament imsemmija fid-direttivi ta’ eżami tiegħu, iżda li, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, din ma hijiex legalment vinkolanti.

72      Il-fondatezza ta’ dak il-karattru mhux vinkolanti tad-deċiżjonijiet preċedenti sejra tiġi murija permezz ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-każijiet preċedenti invokati mir-rikorrenti quddiem l-UASI u l-Qorti Ġenerali jippreżentaw differenzi essenzjali meta mqabbla mal-każ inkwistjoni, peress li dawn kienu jikkonċernaw sinjali u prodotti għal kollox differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Kif ġustament irrilevat ir-rikorrenti, l-UASI huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

74      Fid-dawl ta’ dawk iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (ara b’analoġija, dwar l-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 89/104, id-digriet tat-12 ta’ Frar 2009, Bild digital u ZVS, C-39/08 u C-43/08, punt 17).

75      Minkejja dan, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ amminstrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikkonċiljati mal-osservanza tal-legalità.

76      Konsegwentement, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika (ara, f’dan is-sens, id-digriet Bild digital u ZVS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

77      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 45, u UASI vs BORCO-Marken-Import Matthiesen, punt 45). Dak l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, Ġabra p. I-1725, punt 62).

78      F’dan il-każ ġara li, b’mod kuntrarju għal kif seta’ kien il-każ fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet preċedenti għal reġistrazzjoni ta’ sinjali kkostitwiti minn ċifri bħala trade marks, din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet f’kunflitt, fid-dawl tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u tal-perċezzjoni mill-oqsma kkonċernati, minn waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94.

79      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata, li fid-dawl tal-konklużjoni, li kienet diġà waslet għaliha fil-punti preċedenti tal-istess sentenza u li tgħid li reġistrazzjoni tas-sinjal “1000” bħala trade mark għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Technopol kienet inkompatibbli mar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka utilment deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI bil-għan li tikkontesta dik il-konklużjoni.

80      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju tal-appell ma jistax jintlaqa’.

81      Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mir-rikorrenti ma huwa fondat, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Technopol tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.