Language of document : ECLI:EU:T:2013:258

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Mejju 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Aspettattivi leġittimi — Limitu massimu ta’ 10 % — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑146/09,

Parker ITR Srl, stabbilita f’Veniano (l-Italja),

Parker-Hannifin Corp., stabbilita f’Mayfield Heights, Ohio (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn B. Amory, F. Marchini Càmia, u F. Amato, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn N. Khan, V. Bottka u S. Noë, sussegwentement minn V. Bottka, S. Noë u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, b’mod prinċipali, talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba għal annullament jew għal tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom bid-deċiżjoni msemmija,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Prek u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Settur tal-manek marittimi intiżi għaż-żejt u l-gass

1        Il-manek marittimi jintużaw sabiex żejt mhux raffinat ħelu jew ipproċessat u prodotti oħra taż-żejt minn faċilitajiet offshore (pereżempju, il-bagi — normalment ankrati ’l barra mix-xtut, li jservu bħala punt ta’ ttrakkar għat-tankers taż-żejt — jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna jew tal-ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ — li huma sistemi ta’ ċisterni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma li jintużaw għall-estrazzjoni taż-żejt jew tal-gass minn pjattaforma viċina, għall-ipproċessar u għall-ħażna sakemm dan jiġi ttrasferit lejn tanker) jitgħabba fuq bastimenti-ċisterni u, sussegwentement, sabiex dawn il-prodotti jiġu ttrasferiti minn dawn il-bastimenti lejn faċilitajiet offshore (pereżempju bagi) jew fuq l-art.

2        Il-manek marittimi jintużaw offshore — jiġifieri fil-baħar jew viċin il-baħar — filwaqt li l-manek industrijali jew tal-art jintużaw fuq l-art.

3        Kull installazzjoni ta’ manek marittimi tinvolvi, skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-klijenti, ċertu numru ta’ manek standard, ta’ manek speċifiċi li jinkludu ġonot maż-żewġ estremitajiet u dispożittivi addizzjonali, bħal valvoli, gear terminali jew ulterjorment tagħmir li jżomm fil-wiċċ tal-ilma. F’dan il-każ, l-espressjoni “manek marittimi” tinkludi dawn id-dispożittivi addizzjonali.

4        Il-manek marittimi jintużaw minn kumpanniji taż-żejt, mill-manifatturi ta’ bagi, mit-terminals tal-portijiet, mill-industrija taż-żejt u mill-gvernijiet, u jinxtraw jew għal proġetti ġodda jew għal finijiet ta’ sostituzzjoni.

5        Fir-rigward ta’ proġetti ġodda, it-terminals tat-tankers jew l-utenti finali l-oħra ġeneralment jikkuntrattaw kumpannija tal-inġinerija (imsejħa wkoll “kostruttur ta’ materjal”, “kostruttur OEM” jew “manifattur oriġinali ta’ tagħmir”) sabiex tikkostruwixxi jew tinstalla faċilitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni taż-żejt, bħas-sistemi ta’ ttrakkar f’punt wieħed jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna u ta’ ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma. Għal tali proġetti, il-manifattur oriġinali ta’ tagħmir jixtri faċilità kompleta ta’ manek marittimi mingħand produttur.

6        Meta dawn il-manek marittimi jkunu ġew installati, il-partijiet individwali għandhom jiġu ssostitwiti f’perijodu inkluż bejn sena u seba’ snin. Ix-xiri ta’ manek marittimi għal finijiet ta’ sostituzzjoni (magħrufa wkoll taħt l-isem “settur tal-partijiet separati”) ta’ spiss isir direttament mill-utenti finali. Madankollu, f’ċerti każijiet, dawn jissubappaltaw u jiċċentralizzaw ix-xiri tagħhom lil sussidjarji jew impriżi esterni. Globalment, il-bejgħ għal finijiet ta’ sostituzzjoni jirrappreżenta sehem ikbar mis-suq tal-manek marittimi milli l-bejgħ ta’ prodotti ġodda.

7        Id-domanda għal manek marittimi tiddependi fil-parti l-kbira mill-iżvilupp tas-settur taż-żejt u, b’mod partikolari, mill-operat fl-isfruttament taż-żejt fiż-żoni ’l bogħod mill-post ta’ konsum. Id-domanda kibret matul iż-żmien. Hija ċiklika u, sa ċertu punt, marbuta mal-iżvilupp tal-prezzijiet taż-żejt. Hija bdiet tkun importanti fi tmiem is-snin 60 u żdiedet fil-bidu tas-snin 70, b’mod partikolari minn reġjuni produtturi ta’ żejt fil-golf Persiku, fil-baħar ta’ Fuq u fl-Afrika ta’ Fuq. Matul is-snin 80, id-domanda minn impriżi taż-żejt nazzjonali li kienu qed jiżviluppaw mill-Amerika t’Isfel żdiedet. Fi tmiem is-snin 90, id-domanda ttrasferixxiet ruħha lejn l-Afrika tal-Punent.

8        Il-manek marittimi huma ffabbrikati minn impriżi magħrufa għall-manifattura ta’ tajers u ta’ prodotti mill-gomma jew minn waħda mill-prodotti derivati tagħhom. Huma jiġu prodotti fuq id-domanda, skont il-bżonnijiet tal-klijenti. Peress li d-domanda għal manek marittimi hija mifruxa sew mill-perspettiva ġeografika, il-parti l-kbira tal-produtturi ta’ manek marittimi jikkuntrattaw numru kunsiderevoli ta’ aġenti li, fir-rigward ta’ swieq speċifiċi, jipprovdu servizzi ta’ marketing ġenerali u jipproponu l-prodotti tagħhom fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti li huma ppubblikati.

9        Il-manek marittimi huma kkummerċjalizzati fid-dinja kollha u l-produtturi prinċipali huma attivi fuq livell internazzjonali. Ir-rekwiżiti leġiżlattivi applikabbli għall-manek marittimi ma humiex fundamentalment differenti minn pajjiż għal ieħor u għalkemm ir-rekwiżiti tekniċi huma differenti skont l-ambjent u l-kundizzjonijiet ta’ użu, madankollu dan ma huwiex ipperċepit bħala ostakolu għall-bejgħ ta’ manek marittimi fid-dinja kollha.

10      Fl-aħħar nett, matul il-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti fl-akkordju biegħu manek marittimi prodotti fil-Ġappun, fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza lil utenti finali kif ukoll lil manifatturi oriġinali ta’ tagħmir stabbiliti f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għalkemm il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ manek marittimi għandhom reġjuni mhux Ewropej bħala destinazzjoni finali, min-naħa l-oħra wħud mill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir prinċipali fid-dinja jinsabu fid-diversi pajjiżi tal-Unjoni u taż-ŻEE.

 Preżentazzjoni tar-rikorrenti

11      Waħda miż-żewġ rikorrenti, Parker-Hannifin Corp., hija attiva fil-manifattura ta’ sistemi u ta’ teknoloġiji ta’ moviment u ta’ kontroll, li joffru soluzzjonijiet fil-qasam tal-mekkanika ta’ preċiżjoni għal firxa wiesgħa ta’ swieq kummerċjali, mobbli, industrijali u aeronawtiċi.

12      Parker-Hannifin hija maqsuma fi tmien gruppi: aerospazjali, sistemi idrawliċi, filtraġġ, kontroll klimatiku u industrijali, konnessjonijiet għall-fluwidi, washers, strumentazzjoni u awtomatizzazzjoni/pnewmatiċi. Il-grupp tal-konnessjonijiet għall-fluwidi huwa maqsum fuq erba’ reġjuni ġeografiċi (Amerika ta’ Fuq, Amerika ta’ Isfel, l-Unjoni u l-Asja). Fl-Unjoni, il-grupp tal-konnessjonijiet għall-fluwidi jinqasam f’erba’ diviżjonijiet u f’unità operazzjonali. Il-prodotti tal-imsemmija unità operazzjonali jinbiegħu fis-suq globali taż-żejt u tal-gass marittimu.

13      Parker-Hannifin hija l-kumpannija parent ta’ Parker-Hannifin International Corp. Min-naħa tagħha, din tal-aħħar hija l-kumpannija parent ta’ Parker Italy Holding LLC. Parker Italy Holding LLC iżżomm 100 % tal-ishma ta’ Parker Italy Holding Srl, il-kumpannija parent tar-rikorrenti l-oħra, Parker ITR Srl.

14      Id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat fuq skala globali mwettaq minn Parker-Hannifin għall-prodotti kollha matul l-2006 laħaq EUR 7 410 miljun.

15      Parker ITR timmanifattura u tikkummerċjalizza manek industrijali u idrawliċi, manek marittimi għaż-żejt u għall-gass kif ukoll komponenti tekniċi. Id-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR [kunfidenzjali] (1) fl-2006. Hija stabbilita f’Veniano (l-Italja).

16      Is-settur tal-manek marittimi intiż għaż-żejt u għall-gass li jappartjenu lil Parker ITR inħoloq fl-1966 minn Pirelli Treg SpA, kumpannija li tappartjeni lill-grupp Pirelli.

17      F’Diċembru tal-1990, l-attivitajiet ta’ Pirelli Treg fis-settur tal-manek marittimi ttieħdu minn ITR SpA, kumpannija li tirriżulta mill-fużjoni bejn Pirelli Treg u Itala, sussidjarja oħra tal-grupp Pirelli. Fl-1993, ITR inxtrat minn Saiag SpA.

18      Wara li bdiet negozjati ma’ Parker-Hannifin fuq eventwali bejgħ tal-attività tagħha b’mod partikolari tal-manek marittimi, ITR ħolqot sussidjarja, ITR Rubber Srl, fis-27 ta’ Ġunju 2001.

19      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, fil-5 ta’ Diċembru 2001, Parker-Hannifin Holding, sussidjarja ġdida fi ħdan il-grupp Parker bil-għan li tixtri s-settur tal-manek tal-gomma ta’ ITR, u ITR ikkonkludew kuntratt skont liema Parker-Hannifin Holding kellha tixtri 100 % tal-ishma ta’ ITR Rubber.

20      It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tal-preambolu (e) tal-kuntratt jindikaw li t-trasferiment tas-settur tal-manek tal-gomma ta’ ITR lil ITR Rubber kellu jsir fuq talba minn Parker-Hannifin Holding.

21      It-tielet nett, l-Artikolu 3.1.3 tal-kuntratt jipprovdi li “l-obbligu ta’ [Parker-Hannifin Holding] jiddependi […] mit-twettiq tat-trasferiment minn [ITR]”. [Din tal-aħħar] “għandha żżomm lil [Parker-Hannifin Holding] informata b’mod kostanti dwar il-proċess tal-proċedura ta’ trasferiment u […] tiftiehem [magħha] fir-rigward ta’ kull modifika importanti fit-trasferiment […] li [tirriżulta] neċessarja jew [tiġi] meqjusa xierqa”.

22      Ir-raba’ nett, l-Artikolu 7.1.2 tal-kuntratt jippreċiża li ITR Rubber, li ġiet stabbilita “għall-finijiet tat-trasferiment u qabel id-data” tiegħu, “ma operatx, ma ppreżentatx kontijiet, u lanqas ma eżerċitat l-iċken attività ħlief dawk li kienu neċessarji sabiex it-trasferiment jitwettaq b’mod sħiħ u, mid-data tat-trasferiment, hija kompliet topera b’mod normali u ma eżerċitat ebda attività oħra”.

23      Fid-19 ta’ Diċembru 2001, ITR ittrasferixxiet is-settur tagħha tal-manek tal-gomma, inkluż is-settur tal-manek marittimi, lil ITR Rubber.

24      It-trasferiment daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

25      Fil-31 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber inxtrat minn Parker-Hannifin Holding u, xi xhur wara, ġiet imsemmija Parker ITR.

26      Parker-Hannifin Holding, sussegwentement Parker Italy Holding Srl, iżżomm 100 % tal-ishma ta’ Parker ITR.

 Il-proċedura amministrattiva

27      Meta ngħata bidu għal investigazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġappun u tar-Renju Unit għal fatti simili, [kunfidenzjali], billi kienet invokat il-pjan ta’ klemenza previst mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), ippreżentat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl-20 ta’ Diċembru 2006, talba għal immunità billi allegat l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-manek marittimi.

28      Għalhekk il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, fit-2 ta’ Mejju 2007, wettqet sensiela ta’ ispezzjonijiet għand Parker ITR, għand produtturi oħra kkonċernati kif ukoll għand [kunfidenzjali] u għand W.

29      Manuli Rubber Industries, Parker ITR u Bridgestone rispettivament bagħtu talba għal klemenza lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju, fis-17 ta’ Lulju u fis-7 ta’ Diċembru 2007.

30      Fit-28 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija nnotifikat lid-diversi kumpanniji kkonċernati bejn id-29 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2008.

31      Il-kumpanniji kollha kkonċernati rrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija u talbu, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali]/DOM, ta’ ContiTech AG u ta’ Continental AG, sabiex jinstemgħu fi smigħ li ġie organizzat fit-23 ta’ Lulju 2008.

 Id-deċiżjoni kkontestata

32      Fit-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 428 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek marittimi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

–        hija kienet indirizzata lil ħdax-il kumpannija fosthom ir-rikorrenti;

–        il-kumpanniji kkonċernati minnha pparteċipaw, skont metodi xi kultant differenti, fi ksur uniku u kumpless, li kellu bħala għan l-għoti ta’ sejħiet għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi, u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti;

–        l-akkordju ġie fis-seħħ definittivament fl‑1 ta’ April 1986 (għalkemm jidher li jmur lura għall-bidu tas-snin 70) u ntemm fit‑2 ta’ Mejju 2007;

–        mit-13 ta’ Mejju 1997 sal‑11 ta’ Ġunju 1999, l-akkordju kellu attività limitata u kien hemm problemi bejn il-membri tiegħu; madankollu, skont il-Kummissjoni dan ma tax lok għal interruzzjoni ġenwina tal-ksur; fil-fatt, l-istruttura organizzata tal-akkordju ġiet stabbilita mill-ġdid kompletament minn Ġunju 1999 skont l-istess metodu u bl-istess parteċipanti, (bl-eċċezzjoni ta’ Manuli, li integrat ruħha mill-ġdid kompletament fl-akkordju s-sena ta’ wara); konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-produtturi wettqu ksur uniku u kontinwu mill‑1 ta’ April 1986 sat‑2 ta’ Mejju 2007, jew, mill-inqas, kieku minkejja kollox kellu jiġi kkunsidrat li kien hemm interruzzjoni, ksur uniku u ripetut; il-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sal-11 ta’ Ġunju 1999 madankollu ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, fid-dawl tan-numru limitat ta’ provi tal-ksur għal dan il-perijodu;

–        ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet ikkunsidrata għall-perijodi segwenti:

–        Parker ITR: mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007;

–        Parker-Hannifin Corp.: mill-31 ta’ Jannar 2002 sat-2 ta’ Mejju 2007;

–        b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta lil kull waħda mill-kumpanniji ġiet iddeterminata kif ġej:

–        il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-medja tal-bejgħ annwali globali ta’ kull waħda mill-kumpanniji matul il-perijodu 2004‑2006, bl-eċċezzjoni ta’ Yokohama Rubber, li fir-rigward tagħha hija kkunsidrat il-perijodu 2003‑2005; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat il-bejgħ iffatturat lix-xerrejja stabbiliti fiż-ŻEE;

–        hija ddeterminat il-bejgħ rilevanti ta’ kull waħda minnhom billi applikat is-sehem tagħhom fis-suq globali għall-bejgħ aggregat ġewwa ż-ŻEE, skont il-punt 18 tal-Linji Gwida;

–        hija stabbilixxiet 25 % ta’ dan l-aħħar valur (minflok il-massimu ta’ 30 % previst mil-Linji Gwida) b’kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur;

–        hija mmoltiplikat dan il-valur miksub man-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fil-ksur;

–        skont il-punt 25 tal-linji gwida, finalment hija stabbilixxiet ammont addizzjonali ta’ 25 % tal-bejgħ rilevanti għal finijiet dissważivi;

–        sussegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet ċirkustanzi aggravanti kontra Parker ITR u kumpannija oħra u ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti kollha għall-kumpanniji l-oħra fl-akkordju;

–        fl-aħħar nett, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni naqset il-multa ta’ żewġ kumpanniji iżda ċaħdet it-talbiet għal tnaqqis magħmula minn Parker ITR u minn kumpannija oħra.

33      F’dak li jikkonċerna lil Parker ITR, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-valur tal-bejgħ kien jammonta għal EUR [kunfidenzjali] abbażi ta’ sehem mis-suq globali ta’ [kunfidenzjali] %, li Parker ITR kienet ipparteċipat fl-akkordju matul 19-il sena u ħamest ijiem, liema fatt kien jagħti moltiplikatur ta’ 19, u Parker-Hannifin matul 5 snin, 3 xhur u tlett ijiem, liema fatt kien jagħti moltiplikatur ta’ 5.5, u, b’applikazzjoni tad-diversi fatturi ppreċiżati fil-punt preċedenti, iffissat l-ammont bażiku tal-multa għal EUR 19 700 000 għal Parker ITR u għal EUR 6 400 000 għal Parker-Hannifin.

34      Sussegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti adottati kontra Parker ITR u Parker-Hannifin, il-multa ġiet ikkalkolata għal EUR 25 610 000 għall-ewwel waħda, li minnhom it-tieni waħda hija responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 8 320 000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) fid-9 ta’ April 2009, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

36      Peress li membru tal-Ewwel Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

37      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet biex jippreżentaw xi dokumenti u għamlitilhom xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba.

38      B’ittra tat-12 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, intiża għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ġodda.

39      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ April 2012.

40      F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti rtiraw it-talba tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

41      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiddikjara lil Parker ITR responsabbli mill-1 ta’ April 1986 sad-9 ta’ Ġunju 2006, u lil Parker-Hannifin responsabbli mill-31 ta’ Jannar 2002 sad-9 ta’ Ġunju 2006;

–        tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

43      Ir-rikorrenti jressqu disa’ motivi insostenn tar-rikors.

44      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti josservaw li, billi imputat b’mod żbaljat ir-responsabbiltà tal-ksur lil Parker ITR għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, wettqet abbuż proċedurali, kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

45      It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur marbut mal-aġir illegali ta’ P., li kien jidderiġi s-settur tal-manek marittimi fi ħdan l-impriża.

46      Bit-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li Parker-Hannifin ġiet ikkunsidrata b’mod żbaljat bħala responsabbli in solidum għall-ksur ma’ Parker ITR.

47      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Parker ITR, għall-perijodu qabel il-11 ta’ Ġunju 1999, jikser l-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u hija nieqsa minn kull motivazzjoni.

48      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li kien żbaljat li l-multa ġiet miżjuda minħabba li Parker ITR kellha rwol ta’ mexxej.

49      Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà individwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-multa imposta fuq Parker-Hannifin minħabba r-rwol ta’ mexxej ikkunsidrat fir-rigward ta’ Parker ITR.

50      Bis-seba’ motiv, ir-rikorrenti josservaw li l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi nkiser minħabba l-applikazzjoni ta’ metodu żbaljat għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-iffissar tal-multa.

51      It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kalkolu tal-limitu minimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

52      Finalment, id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba r-rifjut mill-Kummissjoni li tapplika tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni.

53      Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, it-tieni, it-tielet, is-seba’, it-tmien u d-disa’ premessi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà għall-ksur lil Parker ITR għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002

 Id-deċiżjoni kkontestata

54      Essenzjalment, mill-premessi 327 sa 329 u 366 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, kien hemm lok li Parker ITR, preċedentement ITR Rubber, tinżamm responsabbli għall-ksur kollu mwettaq mill-1986, wara r-ristrutturazzjoni interna li saret fi ħdan il-grupp Saiag u t-trasferiment tas-settur tal-manek tal-gomma ta’ ITR lil ITR Rubber, u sussegwentement minħabba t-trasferiment ta’ din is-sussidjarja lil Parker-Hannifin, u li kellha tiġi injorata l-argumentazzjoni mressqa minnha matul il-proċedura amministrattiva relatata mal-prinċipju tar-responsabbiltà personali.

55      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li l-fatt li jista’ jkun li hija ma bbażatx ruħha fuq il-ġurisprudenza bl-istess mod bħal fil-kuntest ta’ kawża oħra li kienet tikkonċerna wkoll ir-riorganizzazzjoni interna ta’ grupp, ma kellu ebda impatt u ma kienx jipprekludiha milli ssib soluzzjoni differenti f’dan il-każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ provi differenti.

 L-argumenti tal-partijiet

56      L-ewwel motiv imressaq mir-rikorrenti jinqasam fi tliet partijiet.

57      Essenzjalment, insostenn tal-ewwel parti tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li Parker ITR ma tistax tinżamm responsabbli għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, peress li, skont huma, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-persuna ġuridika li kienet tmexxi l-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur li għandha tkun responsabbli għalih, anki jekk, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstatah, l-operat tal-impriża tpoġġa taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra. B’hekk, Parker ITR saret proprjetarja tal-attiv li kkontribwixxa għall-ksur biss mill-31 ta’ Jannar 2002.

58      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta ttrattat it-trasferiment tal-attiv ta’ ITR lil ITR Rubber bħala tip ta’ ristrutturazzjoni interna tal-impriża li tiġġustifika l-applikazzjoni tat-teorija tas-suċċessjoni ekonomika u, b’hekk, deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

59      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-ġurisprudenza riċenti tikkonferma li, fil-każ ta’ trasferiment tal-attiv fi ħdan grupp, it-teorija tas-suċċessjoni ekonomika tista’ tapplika biss jekk ir-rabtiet strutturali bejn l-entità li tirċievi u l-entità li tittrasferixxi jkunu għadhom jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur mill-Kummissjoni.

60      Issa, skont ir-rikorrenti, bejn il-mument tal-ħolqien tagħha, fis-27 ta’ Ġunju 2001, u l-1 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber ma eżerċitat ebda attività ekonomika. Din kienet mezz maħluq unikament sabiex jitwettaq it-trasferiment tas-settur tal-gomma lil Parker-Hannifin. Dan l-għan jidher kjarament, skont huma, fl-Artikolu 7.1.2. tal-ftehim iffirmat bejn ITR u Parker-Hannifin.

61      It-tieni parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq abbuż ta’ proċedura.

62      Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddikjarat lil Parker ITR responsabbli għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002 biss bil-għan li tevita l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 li jistabbilixxi termini ta’ preskrizzjoni li l-applikazzjoni tagħhom kienet tipprekludi li ITR u Pirelli jiġu ssanzjonati, liema ħaġa, b’hekk, tikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura.

63      It-tielet parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

64      Insostenn tal-argumentazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment josservaw li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni applikat it-teorija tal-kontinwità ekonomika b’mod identiku f’dak li jikkonċerna lilhom u f’dak li jikkonċerna lil Dunlop Oil & Marine Ltd, li kienet tinsab f’sitwazzjoni simili ħafna. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, hija abbandunat it-teorija tal-kontinwità ekonomika biss f’dak li jikkonċerna lil Dunlop Oil & Marine Ltd u mhux f’dak li jikkonċernahom, u dan mingħajr ma tat l-iċken spjegazzjoni, filwaqt li, fiż-żewġ każijiet, ix-xerrej kien xtara l-attiv tal-bejjiegħ, jiġifieri l-attiv marbut mal-manek marittimi.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, meta kkundannathom għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, l-ewwel nett, il-Kummissjoni injorat il-prattika preċedenti tagħha mingħajr ma tat spjegazzjoni loġika f’dan ir-rigward, it-tieni nett, naqset milli tirrispondi għall-argumenti li huma kienu ppreżentaw b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u, it-tielet nett, ma spjegatx id-differenza fit-trattament bejniethom u Dunlop Oil & Marine Ltd.

66      Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

67      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li ma kienx hemm lok għalfejn jiġi applikat il-prinċipju ta’ responsabbiltà individwali f’dan il-każ, peress li kien hemm suċċessjoni fi ħdan l-istess grupp (premessi 370 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont hija, il-ġurisprudenza tiddistingwi l-konsegwenzi ta’ trasferiment tal-attiv minn dawk ta’ trasferiment ta’ entitajiet legali, billi tipprovdi li, jekk jiġi ttrasferit biss attiv involut fil-ksur, ir-responsabbiltà ssegwi dan l-attiv biss fil-każ eċċezzjonali fejn il-persuna ġuridika li kellha dan l-attiv waqfet teżisti legalment jew waqfet kull attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, meta tinbiegħ entità legali responsabbli mill-aġir li jikkostitwixxi ksur, din l-istess entità tibqa’ responsabbli mill-ksur passat tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693).

68      Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893) jirriżulta li suċċessjoni ekonomika tiddependi miċ-ċirkustanzi prevalenti fil-mument tat-trasferiment ta’ attiv u li l-imsemmija suċċessjoni ekonomika ma hijiex milquta mill-bejgħ ulterjuri ta’ sussidjarja lil impriża ġdida. Min-naħa tagħhom, il-konsegwenzi fuq il-pjan tar-responsabbiltà ta’ dan il-bejgħ ulterjuri tas-sussidjarja huma rregolati mill-ġurisprudenza fuq ix-xoljiment tal-impriża. Skont hi, il-konsegwenza tal-iżmantellar ta’ impriża responsabbli minn ksur ma hijiex it-tmiem tar-responsabbiltà tad-diversi entitajiet legali li qabel kienu jikkostitwixxu l-unità ekonomika. B’mod kuntrarju, dawn l-entitajiet legali dejjem jistgħu jinżammu responsabbli in solidum anki jekk xi wħud minnhom ikunu jagħmlu parti minn grupp ġdid fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur.

69      F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, huwa biss it-trasferiment tal-attiv ta’ ITR lil ITR Rubber, kumpanniji li bejniethom kienu jeżistu, hekk kif f’kull każ jinsab stabbilit, rabtiet strutturali u ekonomiċi peress li kienu lkoll jagħmlu parti mill-grupp Saiag, li huwa rilevanti fir-rigward tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, peress li r-responsabbiltà sħiħa ta’ ITR ġiet ittrasferita lis-sussidjarja tagħha, ITR Rubber, inkluż għall-perijodu qabel il-ħolqien tagħha.

70      Sussegwentement, din ir-responsabbiltà ngħaqdet mal-persuna ġuridika ta’ ITR Rubber, u, meta din il-persuna ġuridika saret Parker ITR wara t-trasferiment tagħha lil Parker-Hannifin, hija baqgħet responsabbli għall-ksur passat tal-kumpannija parent preċedenti ta’ ITR Rubber, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tgħid li entità legali tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-impriża li kienet tappartjeni lilha.

71      Il-Kummissjoni tippreċiża li, f’dak li jikkonċerna l-bejgħ ta’ ITR Rubber lil Parker-Hannifin, ma hemmx kwistjoni ta’ bejgħ ta’ attiv lil impriża mhux relatata, għaliex il-bejgħ mhux biss jirrigwarda l-attiv, iżda anki lil entità legali eżistenti, li tinkludi magħha r-responsabbiltà tagħha.

72      B’hekk, il-bejgħ tal-attiv inkwistjoni ġewwa l-grupp Saiag, minn ITR lil ITR Rubber, u l-bejgħ sussegwenti ta’ din tal-aħħar lil grupp ġdid, jiġifieri l-grupp Parker-Hannifin, għandhom jiġu ttrattati bħala avvenimenti distinti, peress li l-bejgħ ta’ ITR Rubber ma setax itemm is-suċċessjoni ekonomika preċedenti.

73      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-uniku mument opportun sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni fattwali u sabiex jiġi ddeterminat jekk trasferiment tal-attiv sarx fi ħdan grupp jew bejn impriżi indipendenti huwa l-mument tat-trasferiment innifsu. Id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tintuża biss sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija responsabbli mill-ksur ġietx xolta minn dakinhar.

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tul tal-perijodu li matulu jkun hemm rabtiet strutturali wara s-suċċessjoni ekonomika huwa irrilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tagħha; għalhekk, is-sussidjarja mibjugħa tista’ dejjem tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur mal-entitajiet li fadal fl-unità ekonomika tagħha qabel il-perijodu tal-ksur sal-bejgħ tas-sussidjarja.

75      Apparti dan, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-analiżi tar-rikorrenti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑161/05, Ġabra p. II‑3555), u tqis, essenzjalment, li l-fatti ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża.

76      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li ITR Rubber inħolqot u kienet miżmuma 100 % mill-kumpannija parent tagħha, jiġifieri ITR, u l-kumpannija ċentrali tal-grupp Saiag sal-bejgħ tagħha lil Parker-Hannifin. Skont hi, il-fatt li matul sitt xhur (mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-1 ta’ Jannar 2002), ITR Rubber kellha biss attività ekonomika dgħajfa jikkonferma l-konstatazzjoni li din is-sussidjarja kienet wettqet ir-rwol ekonomiku li kienet tatha l-kumpannija parent tagħha u li din ma setgħetx taġixxi b’mod awtonomu, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tpoġġiet indiskussjoni minn dak li seta’ sar bejn l-1 ta’ Jannar 2002, id-data li fiha sar effettiv it-trasferiment tal-attiv ta’ ITR lil ITR Rubber, u l-31 ta’ Jannar 2002, id-data li fiha l-ishma kollha ta’ ITR Rubber inxtraw minn Parker-Hannifin.

77      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-projbizzjoni kuntrattwali fuq ITR milli teżerċita influwenza fuq ITR Rubber kienet tapplika wara t-trasferiment tal-attiv, mill-1 ta’ Jannar 2002, u li dan ifisser li l-ftehim li japprova l-bejgħ ma setax jipprekludi l-eżistenza ta’ unità ekonomika fil-mument tat-trasferiment.

78      Finalment, il-Kummissjoni tosserva li t-trasferimenti fi ħdan grupp ta’ kumpanniji normalment iseħħu bejn diversi entitajiet legali kkontrollati minn kumpannija parent waħda u, f’dan il-każ, tkun din tal-aħħar li ġeneralment tinżamm responsabbli, jekk tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha. B’hekk, suċċessjoni ekonomika ġewwa grupp tippermettilha, skont hi, li tipproċedi kontra s-sussidjarja li hija s-suċċessur ekonomiku anki jekk is-sussidjarja msemmija ma tkunx għadha kkontrollata mill-kumpannija parent preċedenti. Din il-possibbiltà hija utli, skont hi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kumpannija parent preċedenti ma tkunx għadha teżisti jew jekk ma jistgħux jitressqu proċeduri kontriha għal raġunijiet oħra, bħall-fatt li, f’dan il-każ, il-ksur huwa preskritt għal dak li jikkonċerna lil ITR u Saiag.

79      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-ġurisprudenza tirrikonoxxilha marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilha li tagħżel kontra min tindirizza d-deċiżjoni tagħha li tikkonstata l-ksur kemm fil-każ tas-suċċessjoni ekonomika kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom; konsegwentement, hija setgħet tiddeċiedi li tindirizza d-deċiżjoni kkontestata biss lis-suċċessur ekonomiku, jiġifieri Parker ITR, u mhux lill-predeċessur li għadu jeżisti, jiġifieri ITR u/jew Saiag.

80      B’risposta għat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti skont liema hija wettqet abbuż proċedurali. Hija tippreċiża li, anki jekk ir-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata tiġi indirizzata kontra Parker ITR kienet li kull sanzjoni kontra ITR jew Saiag kienet preskritta, dan l-approċċ huwa ġġustifikat, għaliex skont hi, l-istess attiv, u l-istess impriża, komplew il-ksur.

81      Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel motiv, essenzjalment, il-Kummissjoni b’mod partikolari tosserva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ibbażata fuq fatti ineżatti f’dak li jikkonċerna lil Dunlop Oil & Marine Ltd. Fil-fatt, skont hi, hija Unipoly Ltd, il-proprjetarja l-ġdida tal-attiv ikkonċernat mill-ksur, li ħolqot lil Dunlop Oil & Marine Ltd, u mhux il-bejjiegħ ta’ dan l-attiv, [kunfidenzjali], liema ħaġa tiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ din l-impriża minn dik tar-rikorrenti, li għalihom fir-realtà seħħ bejgħ ta’ entità legali u mhux biss bejgħ ta’ attiv.

82      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni essenzjalment tikkunsidra li dan huwa sempliċi formulazzjoni mill-ġdid tal-ilmenti l-oħra mressqa insostenn ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59).

84      Il-kunċett ta’ impriża, fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika — jiġifieri organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li tfittex għan ekonomiku determinat fit-tul — anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11; tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, Ġabra p. II‑5515, punt 122, u tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

85      Barra minn hekk, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, fatt punibbli ma jistax jiġi imputat ħlief lill-awtur tiegħu. Apparti dan, b’mod konformi mal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni, piena ma tistax tiġi imposta fuq persuna oħra għajr dik ħatja. Konsegwentement, dawn il-prinċipji, li jikkostitwixxu garanziji fundamentali derivanti mid-dritt ripressiv, li jillimita l-eżerċizzju tal-jus puniendi tal-poteri pubbliċi, jipprekludu r-responsabbiltà ta’ persuna fiżika jew ta’ persuna ġuridika li ma kinitx l-awtriċi tal-ksur (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4130, punt 74; tal-Avukat Ġenerali Colomer fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑133, punti 63 u 64, u tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 181, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 162).

86      Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-prinċipji japplikaw għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll fid-dawl tan-natura u tal-grad ta’ severità tal-pieni marbutin miegħu, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha natura personali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 78, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 77).

87      Konsegwentement, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument tal-ksur li għandha twieġeb għalih, anki jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża ma tkunx għadha taħt ir-responsabbiltà tagħha (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża — jew tal-entitajiet li jifformawha — issegwi lill-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, anki jekk l-elementi materjali u umani li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur ittieħdu minn terz wara l-perijodu tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punti 25 u 27).

89      Persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex l-awtur tal-ksur tista’ madankollu tiġi ssanzjonata għalih meta l-persuna fiżika jew ġuridika li wettqet il-ksur waqfet teżisti legalment jew ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 40, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 144) sabiex jiġi evitat li impriża tkun tista’ tevita sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħha nbidlet b’riżultat ta’ ristrutturar, ta’ trasferimenti jew ta’ bdil legali jew organizzattiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-kriterju tal-kontinwità ekonomika.

90      B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta l-bdil fil-forma ġuridika u fl-isem tal-impriża ma għandux l-effett li joħloq impriża ġdida meħlusa mir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dik ta’ qabilha, meta, mill-aspett ekonomiku, dawn iż-żewġ impriżi jkunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 356 sa 359, u ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 42).

91      Barra minn hekk, il-fatt li persuna ġuridika tkompli teżisti bħala entità ġuridika ma jeskludix li, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jista’ jkun hemm trasferiment ta’ parti mill-attivitajiet ta’ din il-persuna ġuridika lil persuna ġuridika oħra, li ssir responsabbli għall-atti mwettqa mill-ewwel waħda (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 356 sa 359, u ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 132).

92      Tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija effettivament ammissibbli meta dawn il-persuni ġuridiċi kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 356 sa 359, u ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 49).

93      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun hemm kontinwità ekonomika biss fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur, fil-każ ta’ żewġ impriżi eżistenti u operattivi fejn waħda minnhom ittrasferixxiet parti mill-attivitajiet tagħha lill-oħra u li ma kellhomx rabta strutturali bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 145, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 359).

94      Għalhekk, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika jippermetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti strettament mill-ġurisprudenza, li tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-awtur tal-ksur u li tiġi ssanzjonata persuna ġuridika, ċertament differenti minn dik li wettqet il-ksur imsemmi, iżda li magħha hija għandha rabtiet strutturali.

95      Għalhekk, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni tista’ tissanzjona lil persuna fiżika differenti minn dik li wettqet il-ksur, minkejja kull dispożizzjoni legali intiża, fi ħdan l-istess impriża, sabiex tostakola b’mod artifiċjali s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li twettaq minn waħda jew minn uħud mill-persuni ġuridiċi li jiffurmawha.

96      Madankollu, il-kunċett ta’ kontinwità ekonomika ma għandux l-għan li jippermetti li tinżamm responsabbli impriża differenti minn dik li, jekk ikun il-każ permezz tal-persuni ġuridiċi li jifformawha, wettqet il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 145), sakemm dawn iż-żewġ impriżi ma jkollhomx huma stess rabtiet strutturali li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 359, u ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, punt 49) jew sakemm il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur tkun ġiet ittrasferita lil terz f’kundizzjonijiet abbużivi, jiġifieri li ma kinux dawk tas-suq, bl-intenzjoni li taħrab mis-sanzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-akkordji (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza ETI et, punt 68 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10896, punti 82 u 83).

97      Min-naħa l-oħra, impriża li, f’kundizzjonijiet tas-suq, ittrasferixxiet il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur lil terza persuna li magħha ma għandha ebda rabta strutturali, tibqa’ suġġetta li tiġi ssanzjonata b’applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali għall-perijodu tal-ksur preċedenti għat-trasferiment, bla ħsara għar-regoli relattivi għall-preskrizzjoni, u dan minkejja li ma toperax iktar fis-settur kummerċjali li kien is-suġġett tal-ksur imsemmi.

98      Fi kliem ieħor, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika ma għandux l-għan, meta regoli tad-dritt, bħal dawk li jirregolaw il-preskrizzjoni, jipprekludu li impriża tiġi ssanzjonata talli wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew meta l-impriża li ttrasferixxiet il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur lil terza persuna indipendenti tkun ġiet xolta, li jippermetti li titfittex u tiġi assenjata b’mod retroattiv ir-responsabbiltà ta’ impriża oħra għall-fatti li twettqu mill-ewwel waħda, sakemm dawn ma jkollhomx rabtiet strutturali li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 72) jew sakemm it-trasferiment tal-persuna ġuridika li wettqet il-ksur ma jkunx twettaq f’kundizzjonijiet abbużivi (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).

99      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk ikunx hemm trasferiment tal-attiv jew trasferiment ta’ persuna ġuridika lil din it-terza persuna, u għandha tiġi injorata t-teżi mressqa mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett.

100    Fil-fatt, ġie deċiż li l-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni mill-kriterju tal-kontinwità ekonomika fil-każijiet fejn impriża ttrasferixxiet parti mill-attivitajiet tagħha involuti fl-akkordju lil terza persuna indipendenti permezz ta’ trasferiment ta’ sussidjarja maħluqa għall-finijiet ta’ dan it-trasferiment u fejn ma teżisti l-ebda rabta strutturali bejn l-operatur oriġinali u dak ġdid, liema ħaġa tiġġustifika li l-impriża li tittrasferixxi tiġi ssanzjonata għall-perijodu tal-ksur preċedenti għat-trasferiment u li l-impriża li tirċievi tiġi ssanzjonata għall-perijodu tal-ksur sussegwenti għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punti 28 u 61).

101    Isegwi wkoll li, b’applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, il-persuna ġuridika ttrasferita, mid-data tal-ħolqien tagħha, tista’ tiġi ssanzjonata għall-perijodu tal-ksur li matulu hija stess ipparteċipat fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punti 28, 61, 66 u 67) peress li, effettivament, minn dan il-mument, hija tista’ tinżamm responsabbli individwalment għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punti 81 u 82).

102    Għandu jingħad ukoll li l-ommissjoni tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq mill-impriża li tittrasferixxi u, jekk ikun il-każ, tas-sanzjoni tagħha, jista’ jkun ta’ dannu għall-effettività tas-sanzjoni fil-każ ta’ reċidività ulterjuri.

103    F’dan il-każ, għandhom qabel kollox jiġu mfakkra l-fatti segwenti.

104    Min-naħa waħda, is-settur tal-manek marittimi intiżi għaż-żejt u għall-gass li llum jappartjeni lil Parker ITR inħoloq fl-1966 minn Pirelli Treg, li l-attivitajiet tagħha għaddew f’Diċembru 1990 għand ITR, li ġiet mixtrija fl-1993 minn Saiag.

105    Min-naħa l-oħra, Saiag ħolqot sussidjarja, ITR Rubber, fis-27 ta’ Ġunju 2001, wara li kienet bdiet negozjati ma’ Parker-Hannifin dwar eventwali bejgħ tal-attività ta’ manek marittimi tagħha li lilha hija kienet ittrasferixxiet, fid-19 ta’ Diċembru 2001, is-settur tagħha tal-manek tal-gomma, inkluż is-settur tal-manek marittimi.

106    It-trasferiment tas-settur tal-manek tal-gomma lil ITR Rubber, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 u, fil-31 ta’ Jannar 2002, is-sussidjarja ITR Rubber — li xi xhur wara ssemmiet Parker ITR — inxtrat minn Parker-Hannifin.

107    Barra minn hekk, mill-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn Diċembru 1990 sas-27 ta’ Ġunju 2001, id-data li fiha ITR Rubber ġiet iffurmata minn Saiag, kienet ITR li pparteċipat fl-akkordju u li, b’hekk, wettqet il-ksur issanzjonat minn din id-deċiżjoni.

108    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li ITR baqgħet teżerċita l-attività relattiva għall-manek tal-gomma ta’ Saiag, u b’mod partikolari l-attività relattiva għall-manek marittimi, sal-mument tat-trasferiment tal-attiv tagħha lil ITR Rubber, fid-19 ta’ Diċembru 2001, liema trasferiment sar effettiv mill-1 ta’ Jannar 2002.

109    Barra minn hekk, huwa stabbilit li t-twettiq tal-ksur kompla mis-27 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru 2001.

110    Isegwi li kienet ukoll ITR li wettqet il-ksur bejn is-27 ta’ Ġunju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2001.

111    Għalhekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, kienu Saiag u ITR li kellhom jiġu ssanzjonati għall-ksur imwettaq — għall-inqas — bejn Diċembru 1990 u l-31 ta’ Diċembru 2001.

112    Issa, huwa stabbilit ukoll li l-Kummissjoni ma ssanzjonatx lil ITR u lil Saiag, għaliex hija qieset, abbażi tal-preċiżazzjonijiet li pprovdiet f’dan ir-rigward matul il-kawża, li l-ksur kien preskritt f’dak li kien jikkonċerna lilhom.

113    Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li kien għalhekk li, biex tissanzjona l-ksur imwettaq minn ITR minn Diċembru 1990 sa Diċembru 2001 u, qabel dan, minn Pirelli Treg minn 1986 sa Diċembru 1990, hija ddeċidiet li timputa lil Parker ITR, preċedentement ITR Rubber, ir-responsabbiltà tal-ksur kollu matul iż-żmien. Fil-fatt, hija kkunsidrat li f’tali każ jista’ jintuża l-kriterju tal-kontinwità ekonomika sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni.

114    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat il-kriterju tal-kontinwità ekonomika f’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni.

115    Min-naħa, għandu jiġi kkonstatat li, mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber kienet sussidjarja miżmuma 100 % minn ITR u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment tal-attiv relattiv għall-manek tal-gomma lil ITR Rubber sar effettiv biss mill-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li xejn mill-fajl tal-Kummissjoni ma juri li ITR Rubber kellha xi attività, u, b’mod partikolari, attività b’rabta mal-manek marittimi, qabel din id-data. Peress li ITR ipproċediet bil-bejgħ tal-ishma kollha ta’ ITR Rubber lil Parker-Hannifin, permezz ta’ kuntratt konkluż fil-5 ta’ Diċembru 2001 u eżegwit bit-trasferiment tal-ishma kollha lix-xerrej fil-31 ta’ Jannar 2002, huwa stabbilit li l-konverżjoni f’sussidjarja tal-parti tal-attività relattiva għall-manek tal-gomma mwettqa minn ITR kienet evidentement tifforma parti mill-għan ta’ bejgħ tal-ishma ta’ din is-sussidjarja lil impriża terza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni , punt 75 iktar ’il fuq, punt 60).

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-persuna ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, jiġifieri ITR u l-kumpannija parent tagħha Saiag, li kienet responsabbli għaliha, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-attività relattiva għall-manek marittimi kienet tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża oħra, f’dan il-każ Parker-Hannifin. Fil-fatt, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, impriża involuta fl-akkordju, jiġifieri Saiag, u s-sussidjarja tagħha ITR, tittrasferixxi parti mill-attivitajiet tagħha lil terz indipendenti u fejn ma teżisti ebda rabta strutturali bejn min jittrasferixxi u min jirċievi — jiġifieri, f’dan il-każ, bejn Saiag jew ITR u Parker-Hannifin.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija ma għandha ebda ħjiel li jista’ jwassal għal suspett li l-bejgħ sar f’kundizzjonijiet abbużivi intiżi sabiex jippermettu lil Saiag u lil ITR li jevitaw ir-responsabbiltà tagħhom u għandu jiġi rrilevat li hija ma ressqitx din it-teżi fid-deċiżjoni kkontestata.

118    Konsegwentement, kienet il-Kummissjoni li kellha tikkonstata li Saiag u ITR kienu responsabbli għall-ksur sal-1 ta’ Jannar 2002, u wara, jekk ikun il-każ, li tikkonstata li dan il-ksur kien preskritt, hekk kif tippermettilha ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 60 u 61, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punt 72).

119    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’tali kundizzjonijiet, tinvoka r-responsabbiltà ta’ ITR Rubber għall-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2002, id-data li fiha ġie ttrasferit lilha l-attiv involut fl-akkordju.

120    Din kienet barra minn hekk is-soluzzjoni adottata mill-Kummissjoni stess fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, b’applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, liema soluzzjoni ġiet approvata mill-Qorti Ġenerali.

121    Barra minn hekk, peress li għandha tiġi injorata l-premessa tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika biss għat-trasferiment tal-attiv ta’ ITR lil ITR Rubber (u mhux it-trasferiment tas-sussidjarja ITR Rubber lil Parker-Hannifin), ir-responsabbiltà ta’ Saiag u ta’ ITR ma setgħetx ġiet ittrasferita lil ITR Rubber b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. Isegwi li ma tistax tirnexxi l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-responsabbiltà attribwita, bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, lis-sussidjarja ffurmata bil-għan li tinxtara minn Parker-Hannifin ġiet b’hekk ittrasferita lil din tal-aħħar f’din l-okkażjoni.

122    Għandha tiġi miċħuda wkoll l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, essenzjalment, hija għandha, f’kull każ, marġni ta’ diskrezzjoni biex tagħżel min hu responsabbli mill-ksur kemm fil-każ tal-kontinwità ekonomika kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, f’dak li jikkonċerna lill-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, liema ħaġa tkun tippermettilha li tissanzjona lil ITR Rubber għall-ksur kollu passat ta’ ITR u ta’ Saiag.

123    L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza fil-fatt jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, huwa possibbli li jiġi imputat lil kumpannija parent l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha minħabba l-kontroll li teżerċita l-kumpannija parent fuqha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T‑309/94, Ġabra p. II‑1007, punti 41, 42, 45, 47 u 48, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 73).

124    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika f’dan il-każ peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni trid timputa lil sussidjarja, ITR Rubber, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tagħha, Saiag, għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja oħra ta’ din tal-aħħar, jiġifieri ITR.

125    It-tieni nett, ġie deċiż ukoll li l-Kummissjoni kellha l-għażla li tippenalizza kemm lis-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, kif ukoll lill-kumpannija parent li kienet tikkontrollaha matul dan il-perijodu (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 81 sa 84, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 331) jew lit-tnejn li huma flimkien u in solidum (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 52 sa 82, u tal-24 ta’ Marzu 2011, IBP u International Building Products France vs Il-Kummissjoni, T‑384/06, Ġabra p. II‑1177, punt 13).

126    Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm, ċertament, is-sussidjarja tista’ tiġi ssanzjonata minflok il-kumpannija parent, dan huwa sakemm hija stess tkun ipparteċipat fil-ksur u, għalhekk, għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fih, liema ħaġa b’mod partikolari teskludi li hija tista’ tinżamm responsabbli b’mod retroattiv għal ksur imwettaq mill-kumpannija parent tagħha qabel il-ħolqien tas-sussidjarja msemmija.

127    Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi imputata b’mod retroattiv ir-responsabbiltà ta’ ksur lil persuna ġuridika differenti minn dik li wettqitu, hija possibbli biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, li madankollu ġiet eskluża f’dan il-każ (ara l-punti 114 sa 119 iktar ’il fuq).

128    B’hekk, peress li t-trasferiment tal-attiv involut fil-ksur minn ITR lil ITR Rubber effettivament sar effettiv fl-1 ta’ Jannar 2002 u peress li ma tressqet ebda prova mill-Kummissjoni dwar l-involviment ta’ ITR Rubber għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, għandu jitqies li ITR Rubber wettqet il-ksur personalment mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Jannar 2002, f’liema data l-ishma kollha ta’ ITR Rubber inxtraw minn Parker-Hannifin.

129    Isegwi wkoll li, mingħajr preġudizzju għall-eżami tat-tieni u tat-tielet motiv, ir-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi imputata għall-perijodu preċedenti għall-31 ta’ Jannar 2002, data li fiha din xtrat l-ishma kollha ta’ ITR Rubber (li saret Parker ITR). Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ġustament tiddikjara r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin mill-31 ta’ Jannar 2002, għandha tiġi kkonfermata f’dan ir-rigward u taħt din ir-riżerva.

130    B’hekk, mingħajr ma hemm għalfejn jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet parti tal-ewwel motiv, għandha tiġi milqugħa l-ewwel parti tiegħu, peress li r-responsabbiltà ta’ Parker ITR ma tistax tiġi imputata għall-perijodu tal-ksur qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Parker ITR għall-perijodu qabel il-11 ta’ Ġunju 1999 hija żbaljata

 Id-deċiżjoni kkontestata

131    Fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 148 sa 187 u 289 sa 307, il-Kummissjoni tfakkar sensiela ta’ fatti li, skont hi, iwasslu sabiex issir distinzjoni bejn tliet perijodi fl-eżistenza tal-akkordju: l-ewwel perijodu ta’ attività “sħiħ u komplet” mill-1986 sa Mejju 1997, perijodu ta’ attività limitata, li jestendi, skont il-membri tal-akkordju, minn Mejju 1997 sa Ġunju 1999 jew Ġunju 2000, u, finalment, perijodu ta’ attività ġdid “sħiħ u komplet” minn Ġunju 1999 jew Ġunju 2000, skont il-membri tal-akkordju, sa Mejju 2007. Essenzjalment, hija tikkunsidra li, peress li hija stabbilita l-eżistenza ta’ kuntatti bejn xi wħud mill-parteċipanti fl-akkordju, kuntatti li b’mod partikolari kellhom l-għan li jerġa’ jinbeda l-akkordju, għandu jitqies li l-ksur huwa kontinwu, jew għall-inqas ripetut, iżda li madankollu ma hemmx lok li tiġi imposta multa għall-perijodu ta’ attività limitata tal-akkordju.

 L-argumenti tal-partijiet

132    Bir-raba’ motiv, ir-rikorrenti josservaw li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Parker ITR, għall-perijodu qabel il-11 ta’ Ġunju 1999, tikser, minn naħa, l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-ksur ma jistax jitqies li huwa ksur kontinwu jew ripetut, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Huma jikkunsidraw li l-obbligu ta’ motivazzjoni wkoll ġie miksur mill-Kummissjoni.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

134    Ir-raba’ motiv, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-preskrizzjoni nkisbet għal perijodu tal-ksur, qabel il-11 ta’ Ġunju 1999, għandu karattru loġikament sussidjarju meta mqabbel mal-ewwel motiv, li jimplika li dan għandu jiġi eżaminat biss jekk l-ewwel motiv jiġi miċħud.

135    Għalhekk, peress li l-ewwel motiv ġie milqugħ, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-multa żdiedet bi żball minħabba li Parker ITR kellha rwol ta’ mexxej

 Id-deċiżjoni kkontestata

136    Mill-premessi 457 sa 463 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tal-involviment ta’ P. fl-akkordju, li kellu rwol ta’ mexxej ikkonfermat minn diversi provi, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid l-ammonti bażiċi tal-multa bi 30 % abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti u li tiċħad l-argumentazzjoni ta’ Parker ITR u ta’ Parker-Hannifin dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lil P.

 L-argumenti tal-partijiet

137    Insostenn tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li kien żball li l-multa ġiet miżjuda għar-raġuni li Parker ITR kellha rwol ta’ mexxej matul il-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

139    Peress li ġie milqugħ l-ewwel motiv, Parker ITR ma tistax tingħata r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju għall-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001.

140    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi milqugħ, sa fejn dan huwa bbażat fuq iż-żieda żbaljata tal-multa imposta għal aġir li ma jistax jiġi imputat lir-rikorrenti.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà individwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-multa imposta fuq Parker-Hannifin minħabba r-rwol ta’ mexxej ikkunsidrat fir-rigward ta’ Parker ITR

 L-argumenti tal-partijiet

141    Is-sitt motiv imressaq mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà individwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-multa imposta fuq Parker-Hannifin, minħabba r-rwol ta’ mexxej ikkunsidrat fir-rigward ta’ Parker ITR.

142    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ma żammitx lil Parker-Hannifin responsabbli għall-perijodu tal-ksur qabel il-31 ta’ Jannar 2002, iżda li hija ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ kap tal-konsorzju li ITR kellha minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001 sabiex fl-istess ħin iżżid il-multa ta’ Parker ITR u żżid il-parti tal-multa li għaliha Parker-Hannifin hija responsabbli in solidum. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet lil Parker-Hannifin responsabbli għall-fatti li seħħew qabel ma din xtrat lil Parker ITR fil-31 ta’ Jannar 2002, u dan bi ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali.

143    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja u insuffiċjenti.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

145    Peress li ġie milqugħ l-ewwel motiv, ir-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin, f’dak li jikkonċerna r-rwol ta’ mexxej tas-sussidjarja tagħha, Parker ITR, ma tistax tiġi imputata għall-perijodu tal-ksur mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001, li ma jistax jiġi imputat lil Parker ITR.

146    Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur relatat mal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ P., direttur tal-unità “Oil & Gas”

 Id-deċiżjoni kkontestata

147    Essenzjalment, mill-premessi 374 sa 381 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti, li tgħid li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, ir-responsabbiltà personali ta’ P., direttur tal-unità “Oil & Gas” ta’ ITR Rubber kemm qabel ix-xiri ta’ din tal-aħħar minn Parker-Hannifin kif ukoll wara dan ix-xiri, li allegatament aġixxa mingħajr il-kunsens tal-persuna li timpjegah, billi stabbilixxa mekkaniżmu estiż intiż sabiex jipparteċipa fl-akkordju għall-profitt personali tiegħu kif ukoll għal dak tal-kumpanniji li kien relatat magħhom, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dan l-aġir twettaq għad-detriment u b’kontradizzjoni mal-politika interna tal-impriża, billi ħolqilha dannu kbir u billi ma kisbilha ebda benefiċċju.

 L-argumenti tal-partijiet

148    Essenzjalment, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-aġir ta’ P., direttur tal-unità “Oil & Gas” ta’ ITR Rubber (li saret Parker ITR), huwa imputabbli għalihom, minħabba l-fatt, l-ewwel nett, li huwa ħbielhom il-verità, billi stabbilixxa pjan frawdolenti intiż sabiex jippermetti lilu, kif ukoll lil diversi kumpanniji li kien jikkontrolla jew li kien marbut magħhom, li jibbenefikaw minn qliegħ illegali b’riżultat tal-akkordju, it-tieni nett, li huwa oppona ruħu bil-mezzi kollha possibbli milli Parker-Hannifin tintervjeni fit-tmexxija kummerċjali tas-settur tal-manek marittimi li huwa assigura b’mod kompletament awtonomu, u, finalment, it-tielet nett, li huma kienu l-ewwel li batew danni minħabba l-aġir ta’ P., li aġixxa biss fl-interess personali tiegħu u ta’ dak tal-kumpanniji tiegħu, kif ukoll bi ksur tar-regoli deontoloġiċi ta’ Parker-Hannifin. Huma jqisu li, abbażi tal-ġurisprudenza Amerikana, ma hemmx lok għalfejn l-impriża tinżamm responsabbli għall-aġir tal-impjegat tagħha peress li l-attivitajiet illegali tiegħu saru bl-intenzjoni li jkunu ta’ profitt għal persuni differenti mill-persuna li timpjegah.

149    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li ma kkonkludew ebda ftehim mal-membri tal-akkordju matul il-perijodu li fih P. kien impjegat tal-impriża u jikkontestaw li ħbew l-akkordju mill-Kummissjoni meta kellhom xi suspetti f’dan ir-rigward, peress li, fil-fehma tagħhom, dawn ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw li jittieħdu miżuri bil-għan, b’mod partikolari, li titressaq talba għall-klemenza.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

151    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 85 KE tat-Trattat ma tirrikjedix azzjoni u lanqas għarfien min-naħa tal-persuni assoċjati jew tal-amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (ara, fir-rigward tat-Trattat KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 58).

152    Għandu jiġi rrilevat li P. ħadem mingħajr interruzzjoni mill-1981 sal-2006 suċċessivament għal Pirelli Treg, Saiag (ITR) u Parker ITR. Barra minn hekk, wara l-allegata riżenja tiegħu, fid-9 ta’ Ġunju 2006, Parker ITR ikkonkludiet ma’ dan tal-aħħar kuntratt ta’ konsulent sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-settur tal-manek marittimi.

153    L-involviment ta’ P. fl-akkordju kif ukoll ir-rwol ta’ mexxej li kellu fih, li ma humiex formalment ikkontestati mir-rikorrenti, huma spjegati fid-dettall fil-premessi 94, 122 (tabella 9), 144, 145, 151, 154, 155, 156, 158, 163, 172, 177, 185, 189 (tabella 10), 190, 196, 241, 302, 349, 379, 383, 384, 386, 459 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata.

154    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew li P. kien awtorizzat li jaġixxi f’isem l-impriża, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn din il-premessa jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentaw “kopja ta’ att ta’ abilitazzjoni […] li jindika li huwa kien awtorizzat li jiffirma firxa wiesgħa ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali”, liema ħaġa turi li, jekk huwa minnu li P. kien igawdi minn marġni ta’ manuvra wiesgħa fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, dan kien għaliex dan il-poter ingħatalu espressament mir-rikorrenti.

155    Għalhekk, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti tidher li hija stabbilita, mingħajr ma għandu jiġi ddeterminat jekk P. aġixxiex bil-moħbi tagħhom.

156    Għalhekk, tirriżulta wkoll bħala ineffettiva l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li huma stess ma kkonkludew ebda ftehim mal-membri l-oħra tal-akkordju, peress li huma saru legalment responsabbli permezz ta’ P.

157    L-istess jgħodd għall-allegazzjonijiet relattivi għall-ksur tar-regoli deontoloġiċi interni tal-grupp Parker u ta’ dawk li jikkonċernaw il-fatt li P. aġixxa bil-għan li jqarraq lill-grupp imsemmi. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jippermetti li dawn l-allegazzjonijiet jiġu sostnuti, li inizjalment ġew miċħuda mill-fatt li l-grupp Parker qatt ma lmenta u lanqas ma beda xi proċedura kontra l-ex-impjegat tagħha.

158    Finalment, fir-rigward tad-danni allegatament ikkawżati lil Parker-Hannifin, il-Kummissjoni ġustament osservat li, meta pparteċipat fl-akkordju, l-impriża, kuntrarjament għal dak li tippretendi, kisbet vantaġġi b’riżultat, b’mod partikolari, tal-iffissar tal-prezzijiet u tat-tqassim tas-swieq bejn id-diversi membri tal-akkordju, li hija ma setgħetx tikseb kieku ma kienx hemm ftehim bejniethom.

159    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li Parker-Hannifin ġiet ikkunsidrata bi żball bħala responsabbli in solidum għall-ksur ma’ Parker ITR

 Id-deċiżjoni kkontestata

160    Essenzjalment, mill-premessi 382 sa 389 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-influwenza determinanti ta’ Parker-Hannifin fuq Parker ITR setgħet tiġi preżunta peress li l-kumpannija parent kienet iżżomm 100 % mill-kapital tas-sussidjarja tagħha u li barra minn hekk kien jeżisti ħjiel fattwali li juri li Parker-Hannifin kienet teżerċita kontroll fuq Parker ITR, b’mod partikolari att ta’ abilitazzjoni mogħti lil P. li jipprova li dan kien awtorizzat jiffirma firxa wiesgħa ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

161    Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argumenti mressqa mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

162    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ċaħdet argument li jgħid li kien biżżejjed li jintwera li Parker-Hannifin ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti biss fuq l-attività relattiva għall-manek marittimi ta’ Parker ITR, mingħajr ma kellha tittieħed kunsiderazzjoni tas-setturi ta’ attività oħra ta’ din is-sussidjarja, billi tqis li mill-ġurisprudenza kien jirriżulta li din kienet tirreferi għall-aġir tas-sussidjarja sħiħa.

163    It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti li kienu qegħdin jirreferu għalihom ir-rikorrenti sabiex jistabbilixxu l-awtonomija ta’ Parker ITR ma kinux juru li s-sussidjarja kienet qed taġixxi b’mod totalment indipendenti mill-kumpannija parent, iżda kienu juru biss eventwalment xi diverġenzi ta’ fehmiet u problemi ta’ kooperazzjoni. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ma kienx neċessarju li jsir intervent fit-tmexxija kurrenti tal-attivitajiet ta’ sussidjarja biex tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja msemmija.

164    It-tielet nett, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-akkordju kien moħbi mill-kumpannija parent, meta jitqies b’mod partikolari mill-ġurisprudenza li hija ma hijiex marbuta li tipprova li l-amministrazzjoni ta’ impriża kienet taf bi ksur, iżda li l-individwu li kkontribwixxa għal dan il-ksur kien ġie awtorizzat jaġixxi f’isem l-impriża.

165    Il-Kummissjoni kkonkludiet billi kkunsidrat li, minbarra r-responsabbiltà ta’ Parker ITR għall-ksur imwettaq mill-1986, Parker-Hannifin u Parker ITR kellhom jiġu ddikjarati responsabbli in solidum mill-aġir ta’ Parker ITR bejn il-31 ta’ Jannar 2002 u t-2 ta’ Mejju 2007.

 L-argumenti tal-partijiet

166    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, minn naħa, li Parker-Hannifin ma eżerċitatx l-iċken influwenza — u, a fortiori, influwenza determinanti — fuq l-unità “Oil & Gas” ta’ Parker ITR matul iż-żmien li fih P. kien imexxiha. Insostenn ta’ din l-argumentazzjoni, huma jallegaw li P. sistematikament irrifjuta li josserva d-direttivi u l-politika kummerċjali ta’ Parker-Hannifin, li huwa rnexxielu jimbotta t-tentattivi ta’ intervent tagħha fit-tmexxija tas-settur tal-manek marittimi u li huwa injora deliberatament il-kodiċi deontoloġiku tal-grupp Parker. Konsegwentement, skont huma, l-imsemmija unità “Oil & Gas” immexxija minn P. aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq. Għalhekk, huma jqisu li rnexxielhom jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti.

167    Min-naħa l-oħra, minbarra xi allegat ħjiel, il-fajl tal-Kummissjoni ma fih, dejjem skont ir-rikorrenti, ebda prova tal-eżerċizzju minn Parker-Hannifin ta’ influwenza determinanti fuq Parker ITR matul il-perijodu inkluż bejn il-31 ta’ Jannar 2002 u d-9 ta’ Ġunju 2006.

168    It-tieni nett, ir-rikorrenti essenzjalment iqisu li huma għandhom biss l-obbligu li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti f’dak li jikkonċerna l-prodotti milquta mill-akkordju, jiġifieri dawk li jiffurmaw parti mill-unità “Oil & Gas” ta’ Parker ITR. Għalhekk huwa manifestament sproporzjonat u f’kontradizzjoni mar-raġunament li jsostni l-preżunzjoni l-fatt li huma obbligati li jipprovaw li Parker-Hannifin ma eżerċitat ebda influwenza determinanti fuq l-attivitajiet kollha eżerċitati minn Parker ITR. Kumpannija parent tista’ fil-fatt tiddeċiedi li teżerċita influwenza determinanti fuq ċerti setturi ta’ attivitajiet tas-sussidjarji tagħha u li tħallilhom indipendenza totali f’dak li jikkonċerna setturi oħra. F’dan il-każ għandu jitqies li l-provi tal-fajl juru li Parker-Hannifin u Parker ITR ma kinux jikkostitwixxu impriża unika fis-sens tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-attività tal-manek marittimi intiżi għaż-żejt u l-gas.

169    It-tielet nett, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li ma huwiex neċessarju li jsir intervent fit-tmexxija kurrenti ta’ sussidjarja sabiex tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

170    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti essenzjalment iqisu li ma għandhomx jikkontestaw il-fatt li Parker-Hannifin imponiet għanijiet u strateġiji li jinfluwenzaw ir-riżultati u l-koerenza tal-grupp u pprovat tikkoreġi l-aġiri li jistgħu jinjoraw dawn l-għanijiet u strateġiji hekk kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata.

171    Finalment, fil-ħames lok, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw il-portata u l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għal ċerti provi li din semmiet fil-premessi 383 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, intiżi sabiex juru li Parker-Hannifin kellha l-intenzjoni li teżerċita kontroll fuq is-sussidjarja tagħha.

172    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

173    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda skont il-ġurisprudenza. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Barra minn hekk, l-aġir tas-sussidjarja fis-suq ma jistax jikkostitwixxi l-uniku element li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent, iżda dan huwa biss wieħed mis-sinjali li jindika l-eżistenza ta’ unità ekonomika (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 73).

178    B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir ta’ sussidjarja huwiex indipendenti fuq is-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 74).

179    F’dan il-każ, huwa stabbilit li Parker-Hannifin kienet iżżomm, permezz tad-diversi sussidjarji tagħha, 100 % tal-kapital ta’ ITR Rubber (li saret Parker ITR). Għalhekk, bħala kumpannija parent, hija preżunta li eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

180    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu evalwati l-provi mressqa mir-rikorrenti għall-finijiet li tikkonfuta din il-preżunzjoni.

181    Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu preliminarjament jitfakkar li mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-awtonomija għandha tiġi stabbilita għal kull sussidjarja u mhux biss għal unità kummerċjali attiva fis-suq li tkun is-suġġett tal-akkordju, peress li l-prova ta’ aġir awtonomu tas-sussidjarja għandha, finalment, l-għan li tistabbilixxi li l-kumpannija parent u s-sussidjarja ma jiffurmawx unità ekonomika, liema ħaġa tista’ tiġġustifika li l-kumpannija parent ma tkunx responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 55, 56 u 59).

182    Konsegwentement, it-teżi tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandha tiġi miċħuda.

183    Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li ma huwiex meħtieġ mill-partijiet ikkonċernati li dawn iressqu prova diretta u irrifjutabbli tal-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarja fis-suq, iżda biss li dawn jippreżentaw provi li jistgħu juru din l-awtonomija.

184    Meta jkun meħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq (ara l-punt 176 iktar ’il fuq), li jitressqu “biżżejjed provi li juru li [s-]sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq”, ma huwiex meħtieġ li r-rikorrenti jġibu prova diretta u inkonfutabbli tal-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarja fis-suq, iżda biss, fin-nuqqas, li jressqu sensiela ta’ provi preċiżi u konkordanti li jistgħu juru li din is-sussidjarja effettivament aġixxiet b’mod awtonomu, minkejja l-fatt li l-kumpannija parent kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.

185    Barra minn hekk, insostenn tat-teżi tagħhom li tgħid li l-kumpannija parent ma eżerċitat ebda influwenza u lanqas, a fortiori, influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, ir-rikorrenti josservaw li P. irrifjuta sistematikament li josserva d-direttivi u l-politika kummerċjali ta’ Parker-Hannifin, li huwa rnexxielu jimbotta t-tentattivi ta’ intervent tagħha fit-tmexxija tas-settur tal-manek marittimi, liema ħaġa hija rrikonoxxuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata), u li barra minn hekk, huwa injora deliberatament il-kodiċi deontoloġiku tal-grupp Parker li jipprekludi lill-impjegati tagħha milli jieħdu sehem f’attivitajiet kollużorji.

186    B’hekk, ir-rikorrenti jqisu li stabbilixxew li Parker-Hannifin ma kinitx intervjeniet fit-tmexxija kurrenti tal-unità “Oil & Gas” ta’ Parker ITR.

187    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li fl-istess ħin, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li Parker-Hannifin ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq Parker ITR, iżda li hija ma waqfitx tintervjeni fit-tmexxija tagħha u li kien biss minħabba l-manuvri ta’ P. li hija ma rnexxiliex tagħmel dan.

188    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova li tista’ tistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn Parker-Hannifin kienet leġittimament prekluża milli teżerċita influwenza determinanti fuq Parker ITR għal diversi snin, kif sostnut minnhom.

189    Fil-fatt, għandu jitfakkar li Parker-Hannifin hija l-kumpannija ċentrali ta’ grupp globali, li, fil-bidu tal-2002, xtrat settur ta’ attività ġdid għaliha, jiġifieri s-settur tal-manek tal-gomma ta’ ITR Rubber (li saret Parker ITR).

190    B’hekk, ir-rikorrenti jsostnu li P. żamm lill-grupp Parker barra mill-attivitajiet ta’ Parker ITR, b’tali mod li l-kumpannija ċentrali tal-grupp imsemmi injorat totalment dak li kien għaddej f’dawn l-attivitajiet għal iktar minn erba’ snin sal-mument meta telqet din il-persuna fl-2006.

191    Minbarra n-natura singolarment ftit kredibbli ta’ dawn l-allegazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma kien jipprekludi lil Parker-Hannifin milli teżerċita legalment u ekonomikament il-kontroll tagħha fuq Parker ITR.

192    Barra minn hekk, xejn ma kien jipprekludi lil Parker-Hannifin milli twarrab jew tkeċċi lil P., peress li kien biss wieħed mill-impjegati tagħha, kieku r-rikorrenti kienu jqisu, hekk kif isostnu llum, li dan kien jostakola l-kontroll ta’ Parker-Hannifin fuq Parker ITR.

193    Barra minn hekk, il-provi li għandhom jitressqu mill-kumpannija parent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex juru li s-sussidjarja kienet oġġettivament awtonoma fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li kienu jorbtuhom. L-intenzjonijiet tas-sussidjarja f’dan ir-rigward, anki jekk stabbiliti, huma, min-naħa tagħhom, irrilevanti. Deċiżjoni kuntrarja twassal sabiex tiġi ttollerata l-inerzja u n-negliġenza tal-kumpannija parent fit-tmexxija tas-sussidjarji tagħha involuti f’aġiri li jikkostitwixxu ksur.

194    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova li tista’ teskludi la l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja, u lanqas il-provi supplimentari kkunsidrati mill-Kummissjoni.

195    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minħabba l-applikazzjoni ta’ metodu żbaljat għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-iffissar tal-multa

 Id-deċiżjoni kkontestata

196    Essenzjalment, mill-premessi 422 sa 428 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, minn naħa, ikkunsidrat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bejgħ ikkonċernat, il-medja tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin qabel it-tmiem tal-ksur biex tieħu inkunsiderazzjoni l-volatilità tal-bejgħ annwali, u, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat li s-suq taż-ŻEE kien jikkorrispondi għall-bejgħ kollu ffatturat lil xerrej li jinsab fi ħdan iż-ŻEE, billi ppreċiżat li hija kienet tal-fehma, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tas-suq rilevanti, li dan kien l-iktar kriterju affidabbli biex jiġi ddeterminat fejn kienet tinsab il-kompetizzjoni milquta mill-ksur, u mhux il-post tal-użu finali, li effettivament seta’ jinsab barra miż-ŻEE.

197    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-parti l-kbira tal-kumpanniji, fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni min-naħa tagħha, wettqu tqassim ġeografiku tal-klijenti jew tad-dħul mill-bejgħ abbażi tal-post ta’ fatturazzjoni u mhux abbażi tal-post tal-kunsinna jew tal-użu finali tal-prodotti.

198    Finalment, il-Kummissjoni tindika li tali evalwazzjoni ma hijiex f’kontradizzjoni mal-linji gwida, peress li dawn ma jindikawx il-kriterji li abbażi tagħhom il-bejgħ jitqies li jinsab fi ħdan iż-ŻEE.

 L-argumenti tal-partijiet

199    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-bejgħ aggregat ġewwa ż-ŻEE, mhux biss il-bejgħ ta’ manek marittimi kkunsinnati ġewwa ż-ŻEE, iżda wkoll il-bejgħ ta’ prodotti ffatturati lil kumpanniji stabbiliti ġewwa ż-ŻEE, u dan sabiex, skont huma, jiżdied b’mod artifiċjali l-ammont tal-multa.

200    Skont ir-rikorrenti, huwa biss il-bejgħ ta’ prodotti kkunsinnati ġewwa ż-ŻEE li jirrifletti l-impatt kompetittiv ta’ aġir potenzjalment illegali fiż-ŻEE. Fil-fatt, il-bejgħ ta’ prodotti kkunsinnati barra miż-ŻEE ma jistax “jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri” jew “bejn il-partijiet kontraenti”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE; effettivament, il-kummerċ fiż-ŻEE jiġi affettwat biss meta l-prodotti kkonċernati mill-akkordju jiġu kkunsinnati ġewwa t-territorju taż-ŻEE, indipendentement mill-post fejn hija stabbilita l-entità legali li huma ffatturati lilha.

201    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu għall-punt 197 tal-Komunikazzjoni ġurisdizzjonali kkonsolidata tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet”), li jgħid li “[…] b’mod ġenerali l-post tal-konsenja huwa l-azzjoni karatteristika għall-bejgħ tal-prodotti […]”, liema ħaġa tikkonferma l-analiżi tagħhom tal-paragrafu 18 tal-linji gwida.

202    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata — li fiha l-Kummissjoni tindika li “l-bejgħ għal finijiet ta’ parts [jiġifieri lil utenti finali] jirrappreżenta sehem ikbar mis-suq tal-manek marittimi fid-dinja milli l-bejgħ ta’ prodotti ġodda [jiġifieri l-bejgħ lill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir]” — tinsab f’kontradizzjoni mal-premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata — li tgħid li “kwantità kunsiderevoli ta’ manek marittimi tinxtara mill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir”.

203    Barra minn hekk, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-kriterju tal-fatturazzjoni huwa kriterju kurrenti, użat mill-impriżi stess, minħabba s-sempliċi fatt li diversi mill-impriżi kkonċernati indikaw it-tqassim ġeografiku intern tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi bbażaw ruħhom fuq il-post ta’ fatturazzjoni u mhux fuq il-post ta’ kunsinna u filwaqt li Parker-Hannifin kienet ġibdet l-attenzjoni tagħha fuq il-fatt li l-kalkolu ta’ dan id-dħul jista’ ma jirriflettix id-dħul mill-bejgħ imwettaq fiż-ŻEE għall-bżonnijiet tal-każ.

204    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

205    Skont il-punt 13 tal-linji gwida:

“Għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi, miksuba mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Normalment, il-Kummissjoni għandha tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur […]”

206    B’mod konformi mal-paragrafu 18 tal-linji gwida:

“Meta l-firxa ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (pereżempju fil-każ ta’ akkordji dinjija), il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq id-daqs ta’ kull impriża fil-ksur. B’mod partikolari, dan jista’ il-każ ta’ ftehim dinjija ta’ tqassim tas-suq.

F’tali ċirkostanzi, bil-għan li jiġu riflessi fl-istess ħin id-daqs globali tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE u d-daqs relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ tistma l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ globali ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.”

207    Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li s-suq tal-manek marittimi huwa suq globali.

208    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tal-paragrafu 18 tal-linji gwida, applikabbli f’dan il-każ.

209    Għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 18 tal-linji gwida — l-istess bħall-paragrafu 13 tagħhom — ma jsemmix il-“bejgħ ikkunsinnat” jew il-“bejgħ iffatturat” ġewwa ż-ŻEE, iżda jirreferi biss għall-“bejgħ” imwettaq fiż-ŻEE.

210    Isegwi li l-linji gwida, l-istess kif ma jimponux li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ ikkunsinnat fiż-ŻEE, ma jipprekludux li l-Kummissjoni tikkunsidra l-bejgħ iffatturat fiż-ŻEE sabiex tikkalkula l-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża fi ħdan iż-ŻEE.

211    Madankollu, biex tkun tista’ tikkunsidra l-bejgħ iffatturat fiż-ŻEE, hemm bżonn li dan il-kriterju jkun jirrifletti r-realtà tas-suq, jiġifieri li jkun jista’ jidentifika l-iktar il-konsegwenzi tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

212    Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li, għalkemm il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ manek marittimi għandhom bħala destinazzjoni finali reġjuni mhux Ewropej, min-naħa l-oħra, xi wħud mill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir prinċipali fid-dinja jinsabu fid-diversi pajjiżi tal-Unjoni/ŻEE (ara l-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, l-effett fuq il-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE tal-akkordju fuq il-manek marittimi jidher rifless b’mod korrett meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ iffatturat fiż-ŻEE u għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li huwa biss il-bejgħ ikkunsinnat fiż-ŻEE li jista’ jippermetti li jiġu mifhuma l-effetti tal-akkordju fiż-ŻEE.

213    Min-naħa l-oħra, huwa irrilevanti li, fil-Komunikazzjoni dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tippreferi l-post ta’ kunsinna f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ftehim fuq is-suq ma hijiex effettivament paragunabbli mad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, minkejja li d-determinazzjoni tal-valur tas-suq hija identika fil-Komunikazzjoni dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u fil-linji gwida.

214    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni tillimita ruħha waħedha f’qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jobbligahiex li tillimita ruħha waħedha b’mod identiku f’qasam ieħor, u lanqas ma jfisser ipso facto li hemm limitazzjoni identika f’dan.

215    Apparti dan, il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkonstatat li l-bejgħ ta’ parts lill-utenti finali — li fil-parti l-kbira ċertament jinsabu barra miż-ŻEE — jirrappreżenta sehem mis-suq ikbar mill-manek marittimi fid-dinja milli l-bejgħ ta’ prodotti ġodda (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jinsabx f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dan il-każ, il-post fejn tinsab l-entità li lilha huwa ffatturat il-bejgħ huwa l-iktar element xieraq biex jiġi evalwat jekk il-bejgħ seħħx fi ħdan iż-ŻEE (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata), liema ħaġa fil-fatt tfisser li huwa biss il-bejgħ iffatturat lil klijenti li jinsabu fiż-ŻEE — indipendentement mil-lokalizzazzjoni tal-utenti finali — li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

216    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni użatx l-informazzjoni li l-impriżi kienu pprovdew fir-rigward tal-bejgħ, jiġifieri informazzjoni dwar il-bejgħ iffatturat, b’mod mhux mistenni minnhom u b’mod li jikser l-aspettattivi leġittimi tagħhom.

217    Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74). Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, irrispettivament mill-forma li fiha hija kkomunikata, tikkostitwixxi tali garanziji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P, Ġabra p. I‑3855, punt 33). Min-naħa l-oħra, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑506/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147). Fuq kollox, huma biss garanziji konformi mar-regoli applikabbli li jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102; tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Denka International vs Il-Kummissjoni, T‑334/07, Ġabra p. II‑4205, punt 132).

218    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tat ebda assigurazzjoni lir-rikorrenti, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew inizjalment fuq inizjattiva tagħhom stess, u wara fuq talba tal-Kummissjoni, dwar il-bejgħ iffatturat fiż-ŻEE ma kinitx ser tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa li kienet ser tiġi imposta fuqhom.

219    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw minn xi ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħhom stess f’dak li jikkonċerna l-bejgħ iffatturat fiż-ŻEE, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

220    Bħala konklużjoni, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

 L-argumenti tal-partijiet

221    L-ewwel nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Parker ITR u mhux id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Parker-Hannifin għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tal-multa imposta fuq Parker ITR u li, b’hekk, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, skont huma, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta żewġ entitajiet kienu jiffurmaw parti mill-istess impriża fil-mument tal-ksur, iżda ma jkunux jappartjenu iktar lil din l-impriża fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-limitu massimu ta’ 10 % għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ separat rispettiv tagħhom. L-istess raġunament kellu jiġi applikat b’analoġija f’dan il-każ, peress li, Saiag u ITR SpA, li, matul il-parti l-kbira tal-perijodu tal-ksur, kienu proprjetarji tal-attiv li kien is-suġġett tal-ksur, kienu jikkostitwixxu entità legali indipendenti minn Parker-Hannifin.

222    Ir-rikorrenti josservaw li kull interpretazzjoni differenti tkun tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u tkun twassal għal riżultati sproporzjonati.

223    It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li b’dan il-mod, id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, peress li, mill-1 ta’ April 1986 sal-31 ta’ Jannar 2002, l-attiv marbut mal-manek marittimi ta’ Parker ITR kien jappartjeni lil impriżi differenti.

224    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispondietx għall-argumentazzjoni mressqa minnhom matul il-proċedura amministrattiva li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Skont huma, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha biex tindika li l-ammonti bażiċi korretti użati għall-multi ma jaqbżux il-limitu massimu ta’ 10 %, liema ħaġa ma tippermettix li jinftiehmu l-ġustifikazzjonijiet li jsostnu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkalkola l-limitu massimu ta’ 10 % abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Parker-Hannifin għall-parti tal-multa li għaliha Parker ITR inżammet responsabbli waħedha.

225    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

226    Minn naħa, għandu jitfakkar li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u li, konsegwentement, il-perijodu tal-ksur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kontra Parker ITR jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-2 ta’ Mejju 2007 u, min-naħa l-oħra, li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud, liema ħaġa twassal lill-Qorti Ġenerali biex tqis li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, bl-eċċezzjoni tal-perijodu li jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Jannar 2002, Parker ITR kienet 100 % sussidjarja ta’ Parker-Hannifin, li fuqha din kienet teżerċita influwenza determinanti.

227    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan imfittex bl-introduzzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % jista’ jiġi rrealizzat biss jekk dan il-limitu massimu jiġi applikat, inizjalment, lil kull destinatarju separat tad-deċiżjoni li timponi multa. Huwa biss jekk jirriżulta, sussegwentement, li diversi destinatarji kienu jikkostitwixxu ‘l-impriża’ fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat, u dan fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tiegħu kollha (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 390).

228    Peress li l-ewwel motiv ġie milqugħ, it-tmien motiv, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur qabel l-1 ta’ Jannar 2002 li matulu l-ksur twettaq minn ITR, huwa ineffettiv. Barra minn hekk, huwa infondat, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur wara l-1 ta’ Jannar 2002, peress li, matul dan il-perijodu kollu, bl-eċċezzjoni ta’ xahar, Parker ITR u Parker-Hannifin kienu jikkostitwixxu unità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat. Għalhekk, il-limitu massimu tal-multa seta’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tiegħu kollha.

229    Barra minn hekk, peress li l-ewwel motiv ġie milqugħ, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u tal-proporzjonalità u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li dawn jirrigwardaw l-impatt tat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

230    Konsegwentement, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni

 Id-deċiżjoni kkontestata

231    Essenzjalment, mill-premessi 489 sa 493 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Parker ITR ippreżentat lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, dokumenti li fir-rigward tagħhom hija kkunsidrat, min-naħa, li kellhom ftit valur miżjud f’dak li kien jikkonċerna l-perijodu mill-1986 sal-2007 u, min-naħa l-oħra, li kellhom provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju tal-1972 sal-bidu tas-snin 80. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-perijodu kellu jitqies li huwa preskritt. Minn dan, hija kkonkludiet li ma kienx hemm lok għalfejn jingħata tnaqqis fil-multa lir-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

232    Ir-rikorrenti josservaw li huma ġabru u ppreżentaw, fit-talba għal klemenza tagħhom, provi sinjifikanti ta’ fatt, [kunfidenzjali], li l-Kummissjoni ma kinitx taf dwarhom qabel u li għandhom relazzjoni diretta ma’ [kunfidenzjali] tal-ksur. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-provi, li kienu jirrigwardaw il-perijodu inkluż bejn [kunfidenzjali], ma kienu jagħtu ebda valur miżjud minħabba [kunfidenzjali]. Issa, tali analiżi tinsab f’kontradizzjoni ma’ [kunfidenzjali]. Apparti dan, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda argument li jispjega għalfejn [kunfidenzjali].

233    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-provi mressqa mir-rikorrenti kellhom valur miżjud sinjifikanti, Parker ITR ma kinitx tkun tista’ tinżamm responsabbli għal [kunfidenzjali] tal-akkordju abbażi ta’ dawn il-provi u din l-immunità parzjali kienet tiġi akkumulata mat-tnaqqis mogħti fil-kuntest tal-klemenza abbażi tal-kooperazzjoni, b’mod konformi mal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

234    Finalment, ir-rikorrenti jikkontestaw li ħbew l-akkordju meta saru jafu bih.

235    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

236    Il-paragrafu 26 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi:

“F’kull deċiżjoni finali deċiża fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li l-impriża għandha tibbenefika minnu, li għandu jiġi stabbilit bil-mod segwenti fir-rigward tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas.

–        L-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis inkluż bejn 30 u 50 %,

–        [i]t-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis inkluż bejn 20 u 30 %,

–        [i]mpriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %.

Biex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis f’dawn l-iskali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-[paragrafu 24] u l-livell tal-valur miżjud li dawn irrappreżentaw.

Jekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-[paragrafu 25], li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi provi ta’ fatt supplimentari li jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti biex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fir-rigward tal-impriża li ppreżentathom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

237    Il-paragrafu 36 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tippreċiża:

“Il-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi dwar l-opportunità li tingħata jew le immunità kundizzjonali jew inkella li tiġi rikompensata jew le talba jekk ikun jidher li t-talba tikkonċerna ksur li għalih japplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin iffissat fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex tali talba tkun irrilevanti.”

238    F’dan il-każ, il-provi li r-rikorrenti jqisu li kellhom iwassluhom biex jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirrigwardaw il-perijodu inkluż [kunfidenzjali].

239    Anki jekk jitqiesu li huma sinjifikanti, dawn il-provi jikkonċernaw perijodu [kunfidenzjali].

240    Hekk kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, dan il-perijodu tal-ksur, anki jekk jitqies suffiċjentement stabbilit permezz tal-provi msemmija, kellu jitqies li huwa preskritt.

241    Barra minn hekk, fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li l-provi ppreżentati għall-perijodu [kunfidenzjali] huma wisq inkonsistenti biex ikun jista’ jiġi stabbilit ksur.

242    Peress li l-Kummissjoni tikkonstata li hija ma għandha ebda prova ta’ attività kollużorja suffiċjenti biex jiġi stabbilit ksur matul il-perijodu inkluż [kunfidenzjali], minn dan kellha tikkonkludi li l-perijodu li kienu jirreferu għalih il-provi mressqa mir-rikorrenti [kunfidenzjali] u kien ġustament li l-Kummissjoni rrifjutat li tnaqqas il-multa tar-rikorrenti fid-dawl tan-nuqqas ta’ kull valur miżjud tal-provi msemmija.

243    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward, li tidher fil-premessi 489 sa 493 tagħha.

244    Konsegwentement, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

245    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn fih hemm ikkonstatat li Parker ITR Srl kienet ħadet sehem fil-ksur għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002. Għalhekk, għandu jiġi annullat ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għal reviżjoni, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

246    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 261 KE, ir-regolamenti adottati konġuntament mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, jistgħu jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet previsti f’dawn ir-regolamenti. Tali kompetenza ngħatat lill-Qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, din għandha l-kapaċità, lil hinn mis-stħarriġ sempliċi tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni għandha l-kapaċità li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta kwistjoni tal-ammont tal-multa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, u li din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata kemm biex tnaqqas il-multa kif ukoll biex iżżidha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra s-serjetà tal-ksur, it-tul tiegħu.

248    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tas-serjetà tiegħu, bħall-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li dawn setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanziji kkonċernati kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Komunità Ewropea (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

249    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġiri antikompetittivi, in-numru u l-intensità tagħhom, il-firxa tas-suq milqut u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll reċidività eventwali (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 248 iktar ’il fuq, punt 57).

250    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni, iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2004, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

251    F’dan il-każ, fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest, minn naħa, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u, min-naħa l-oħra, tal-ħames u s-sitt motivi kif ukoll tal-iżbalji kkonstatati f’din l-okkażjoni (ara l-punti 130, 140 u 146 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa li ġiet ikkonferita lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament nº 1/2003 u li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

252    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju huwa ta’ serjetà ċerta, fid-dawl tal-fatt li l-aġiri li jikkostitwixxu ksur, li ħadu sehem fihom b’mod sħiħ ir-rikorrenti, ġew ikkaratterizzati mill-għoti ta’ sejħiet għal offerti, mill-iffissar tal-prezzijiet, mill-iffissar ta’ kwoti, mill-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, mit-tqassim ta’ swieq ġeografiċi kif ukoll mill-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u fuq is-sejħiet għal offerti. Barra minn hekk, dan huwa akkordju ta’ dimensjoni globali.

253    Madankollu, it-tul tal-ksur, fid-dawl tal-fatt li ġie milqugħ l-ewwel motiv, għandu jitnaqqas għal 5 snin u nofs minflok 19-il sena f’dak li jikkonċerna lil Parker ITR, li effettivament ma tistax tkun responsabbli għall-ksur imwettaq bejn l-1986 u Diċembru 2001 minn ITR u Saiag kif ukoll mill-predeċessuri tagħhom.

254    Isegwi li r-rikorrenti lanqas ma huma responsabbli għar-rwol ta’ mexxej li kellha ITR bejn l-1999 u l-2001.

255    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari fid-dawl tal-effett kumulattiv tal-illegalitajiet ikkonstatati preċedentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jekk jiġi ffissat ammont finali tal-multa imposta fuq Parker ITR ta’ EUR 6 400 000. Fil-fatt, multa ta’ tali ammont tippermetti li jiġi ssanzjonat effettivament l-aġir illegali tar-rikorrenti, b’mod proporzjonali għas-serjetà tal-ksur u suffiċjentement dissważiv.

256    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Parker-Hannifin xtrat l-ishma kollha ta’ ITR Rubber fil-31 ta’ Jannar 2002 u li l-ammont tal-multa li għalih il-kumpannija parent għandha tkun ikkundannata in solidum għandu jiġi stabbilit fuq il-perijodu minn din id-data sat-2 ta’ Mejju 2007.

257    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu, l-ewwel nett, jiġi annullat l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jirrigwarda l-ksur ilmentat kontra Parker ITR għall-perijodu qabel Jannar 2002, it-tieni nett, jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 6 400 000, għal liema ammont Parker-Hannifin għandha tinżamm responsabbli in solidum f’ammont ta’ EUR 6 300 000, peress li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi applikata għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002, u finalment, it-tielet nett, jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

258    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

259    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti talbu tnaqqis sostanzjali fil-multa, liema talba ġiet milqugħa. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat fih li Parker ITR Srl kienet ħadet sehem fil-ksur għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

2)      L-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni C (2009) 428 finali huwa annullat.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR huwa ffissat għal EUR 6 400 000, għal liema ammont Parker-Hannifin Corp. hija responsabbli in solidum f’ammont ta’ EUR 6 300 000.

4)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

5)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll dawk sostnuti minn Parker ITR u minn Parker-Hannifin.

Azizi

Prek

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Settur tal-manek marittimi intiżi għaż-żejt u l-gass

Preżentazzjoni tar-rikorrenti

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltŕ għall-ksur lil Parker ITR għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Parker ITR għall-perijodu qabel il-11 ta’ Ġunju 1999 hija żbaljata

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-multa żdiedet bi żball minħabba li Parker ITR kellha rwol ta’ mexxej

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltŕ individwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-multa imposta fuq Parker-Hannifin minħabba r-rwol ta’ mexxej ikkunsidrat fir-rigward ta’ Parker ITR

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lir-rikorrenti tar-responsabbiltŕ għall-ksur relatat mal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ P., direttur tal-unitŕ “Oil & Gas”

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li Parker-Hannifin ġiet ikkunsidrata bi żball bħala responsabbli in solidum għall-ksur ma’ Parker ITR

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minħabba l-applikazzjoni ta’ metodu żbaljat għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-iffissar tal-multa

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipju tar-responsabbiltŕ personali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talbiet għal reviżjoni, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –            Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.