Language of document : ECLI:EU:T:2013:259

Kawżi magħquda T‑147/09 u T‑148/09

Trelleborg Industrie SAS

u

Trelleborg AB

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Kunċett ta’ ksur kontinwu jew ripetut — Preskrizzjoni — Ċertezza legali — Ugwaljanza fit-trattament — Multi — Gravità u tul tal-ksur”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2013

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni — Sensiela ta’ indizji — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni li tħalli lill-qorti bid-dubju — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 81(1)KE; Artikolu 6(2) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Ksur uniku u kontinwu — Assenza ta’ prova fir-rigward ta’ ċerti perijodi partikolari tal-perijodu globali kkunsidrat — Assenza ta’ effett — Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur — Ksur ripetut — Kunċett — Konsegwenzi fil-qasam tal-preskrizzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 2, 25(2) u 31)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Kunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ċertezza legali — Portata

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Effett

(Artikoli 81(1) KE u 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u (3) u 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-53)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata meta twettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tibda’ tiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.

F’dan ir-rigward, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Tali indizji u koinċidenzi jippermettu, meta jiġu evalwati globalment, li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehimiet antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Min-naħa l-oħra, ksur bħal dan jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata peress li element wieħed jew iktar minn din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt pjan ġenerali, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tikkunsidra r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu.

Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew, għall-inqas, dwar l-implementazzjoni tiegħu minn impriża matul perijodu speċifiku, il-fatt li l-prova tal-ksur ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jostakolax li dan il-ksur jitqies li huwa kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dawn, peress li tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu skop wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa. F’dan ir-rigward, numru ta’ kriterji huma rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura unika ta’ ksur, jiġifieri l-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, l-identiċità tal-impriżi li ħadu sehem fih u l-identiċità tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-identiċità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identiċità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami.

B’hekk, għal dak li jirrigwarda l-ksur kontinwu, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li l-ksur — jew li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur — ma ġiex interrott, anki jekk hija ma għandhiex il-provi tal-ksur għal ċerti perijodi speċifiċi, sa fejn l-azzjonijiet differenti li jagħmlu parti minn dan il-ksur għandhom skop wieħed u jistgħu jidħlu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa, fejn tali konstatazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq indizji oġġettivi u konkordanti li juru l-eżistenza ta’ pjan globali. Meta jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-kunċett ta’ ksur kontinwu jippermetti b’hekk lill-Kummissjoni timponi multa għall-perijodu kollu li matulu seħħ il-ksur meħud inkunsiderazzjoni u jiddetermina d-data li fiha beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri d-data li fiha l-ksur kontinwu ntemm. Madankollu, l-impriżi akkużati b’kollużjoni jistgħu jippruvaw jaqilbu din il-preżunzjoni, billi jinvokaw indizji jew provi li jistabbilixxu li, bil-kontra, il-ksur — jew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur — ma żvolġiex matul dawn l-istess perijodi.

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ ksur ripetut huwa kunċett distint minn dak ta’ ksur kontinwu, peress li din id-distinzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-użu tal-konġunzjoni “jew” fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

Għalhekk, fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġiet interrotta u li l-impriża pparteċipat fil-ksur qabel u wara din l-interruzzjoni, dan il-ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala ripetut jekk — bħal fil-każ tal-ksur kontinwu — jeżisti għan uniku mħaddan minn din qabel u wara l-interruzzjoni, li jista’ jiġi dedott mill-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw għall-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati f’isem impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-imsemmija prattiki. Il-ksur huwa b’hekk uniku u ripetut u jekk il-Kummissjoni tista’ timponi multa għall-perijodu tal-ksur kollu, hija ma tistax tagħmel dan, min-naħa l-oħra, għall-perijodu li fih il-ksur ġie interrott. B’hekk, xi episodji ta’ ksur distinti li għalihom ipparteċipat l-istess impriża, iżda li għalihom ma jistax jintwera għan komuni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur uniku — kontinwu jew ripetut — u jammontaw għal ksur distint.

(ara l-punti 56-63, 83, 88, 89)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73, 74)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 96, 97)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 110-114)