Language of document : ECLI:EU:C:2020:512

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2020(1)

Kawża C265/19

Recorded Artists Actors Performers Ltd

vs

Phonographic Performance (Ireland) Ltd,

Minister for Jobs, Enterprise and Innovation,

Ireland,

Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha – Trattat tal-WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) – Obbligu ta’ ‘trattament nazzjonali’ ta’ artisti – Eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu li jirriżultaw minn riżervi internazzjonali – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit, skont dawn ir-riżervi, liema artisti ta’ pajjiżi terzi huma intitolati għal ħlas ekwu – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115/KE (2), moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 15 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem il-“WPPT”), adottat fl-20 ta’ Diċembru 1996 f’Genève u approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE (3).

2.        Essenzjalment, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema artisti (u produtturi) jistgħu jibbenefikaw mid-dritt għal “ħlas ekwu” skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Id-domandi, għalhekk, jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għalkemm l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda huma, prinċipalment, ifformulati b’riferiment għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u, fejn japplika, għal dawk tal-Istati Membri.

3.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rekwiżit ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikolu 4 tal-WPPT japplikax għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, u – fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ domanda, liema diskrezzjoni għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċjarji tad-dritt għal ħlas uniku ekwu ffissat mid-Direttiva, inkluż meta jkunu japplikaw riżervi li jkunu permessi mill-WPPT u mill-Konvenzjoni ta’ Ruma.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

4.        Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, ġiet konkluża f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”).

5.        L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“Kull Stat Kontraenti għandu jagħti trattament nazzjonali lil artisti fil-każ li tiġi ssodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-prestazzjoni ssir fi Stat Kontraenti ieħor;

(b)      il-prestazzjoni tkun inkorporata f’fonogramma li tkun protetta skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni;

(c)      il-prestazzjoni, li ma tkunx irreġistrata f’fonogramma, issir permezz ta’ xandira li tkun protetta mill-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni:

“1.      Kull Stat Kontraenti għandu jagħti trattament nazzjonali lil produtturi ta’ fonogrammi jekk tiġi ssodisfatta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)      il-produttur tal-fonogramma jkun ċittadin ta’ Stat Kontraenti ieħor (il-kriterju ta’ nazzjonalità);

(b)      l-ewwel reġistrazzjoni awdjo tkun saret fi Stat Kontraenti ieħor (il-kriterju ta’ reġistrazzjoni);

(c)      il-fonogramma tkun ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fi Stat Kontraenti ieħor (il-kriterju ta’ pubblikazzjoni).

2.       Jekk fonogramma tkun ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fi Stat mhux Kontraenti iżda tkun ġiet ippubblikata wkoll, fi żmien tletin jum mill-ewwel pubblikazzjoni tagħha, fi Stat Kontraenti (pubblikazzjoni simultanja), hija għandha titqies li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-Istat Kontraenti.

3.      Permezz ta’ notifika mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, kull Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li ma jkunx ser japplika l-kriterju ta’ pubblikazzjoni jew, minflok, il-kriterju ta’ reġistrazzjoni. Tali notifika tista’ tintbagħat waqt ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-adeżjoni, jew f’kull waqt wara; fl-aħħar każ hija jkollha effett sitt xhur wara li tkun ġiet iddepożitata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Il-WPPT

7.        Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri kollha huma partijiet tal-WPPT (kif huma, b’mod partikolari, l-Istati Uniti tal-Amerika).

8.        L-Artikolu 1(1) tal-WPPT jipprovdi:

“(1) Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-[Konvenzjoni ta’ Ruma].”

9.        Skont l-Artikolu 2(a)(b), (d), (e) u (g) tal-WPPT, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(a)      ‘prestaturi’ huma atturi, kantanti, mużiċisti, żeffiena, u atturi, iwasslu, [u persuni oħra li jippreżentaw, ikantaw], jirreċtaw, [jiddeklamaw], jieħdu sehem, jinterpretaw jew b’xi mod ieħor jaħdmu f’xogħlijiet letterarji jew artistiċi jew espressjonijiet ta’ folklor;

(b)      ‘fonogramma’ tfisser l-iffissar ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ta’ ħsejjes oħra, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, li mhix il-forma ta’ fissazzjoni inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew xogħol ieħor awdjoviżiv;

[...]

(d)      ‘Produttur ta’ fonogramma’ tfisser il-persuna, jew entita legali, li tieħu l-inizjattiva u li għandha r-responsabbilta għall-ewwel darba li jsir l-iffissar tal-ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ħsejjes oħra, jew ir-rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes.

[...]

(e)      ‘pubblikazzjoni’ ta’ prestazzjoni jew ta’ fonogramma tfisser l-offerta ta’ kopji tal-prestazzjoni ffissata jew tal fonogramma lill-pubbliku, bil-kunsens ta’ min għandu d-drittijiet, u li l-kopji huma offerti lill-pubbliku fi kwantitajiet raġjonevoli;

[...]

(g)      ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ ta’ prestazzjoni jew ta’ fonogramma tfisser trasmissjoni b’kull mezz, minbarra xandir, ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni fissi ġo fonogramma. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 15, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ tinkludi li l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes fissi ġo fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku.”

10.      L-Artikolu 4 tal-WPPT, intitolat “Trattament Nazzjonali”, jipprovdi:

“(1)      Kull Parti Kontraenti tagħti liċ-ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2), it-trattament li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess rigward id-drittijiet esklussivi mogħtija speċifikatament f’dan it-Trattat, u d-dritt ta’ ħlas ġust previst fl-Artikolu 15 ta’ dan it-Trattat.

(2)      L-obbligu fil-Paragrafu 1 ma jistax ikun applikat b’tali mod li Parti Kontraenti oħra tuża r-riservazzjoni permessi bl-Artikolu 15(3) ta’ dan it-Trattat.”

11.      Skont l-Artikolu 15 tal-WPPT:

“(1)      Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

(2)      Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali [nazzjonali] li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.

(3)      Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet.

(4)      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.”

12.      Id-dikjarazzjonijiet li hemm qbil fuqhom dwar l-Artikolu 15 jipprovdu:

“Hu mifhum li l-Artikolu 15 mhux riżoluzzjoni sħiħa tal-livell tad-drittijiet ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ l-artisti u l-produtturi fiż-żmien diġitali. Delegazzjonijiet ma laħqux ftehim dwar proposti differenti għal aspetti ta' esklussività li għandha tingħata mingħajr il-possibbiltà ta’ riservi, u għalhekk ħallew il-kwistjoni għal risoluzzjoni iktar ‘il quddiem.

Dikjarazzjoni li hemm qbil fuqha dwar l-Artikolu 15: Hu mifhum li l-Artikolu 15 ma jżommx il-konċessjoni tad-dritt mogħti minn dan l-Artikolu lill-artisti ta' folklor u produtturi ta’ fonogrammi li jirreġistraw il-folklor fejn dawn il-fonogrammi ma kinux ippubblikati għal qliegħ kummerċjali.”

13.      L-Artikolu 23(1) tal-WPPT jgħid dan li ġej:

“Disposizzjonijiet għall-infurzar tad-drittijiet

(1)      Partijiet kontraenti jiħduha fuqhom li jadottaw, skond is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat.”

C.      Id-Direttiva 2006/115

14.      Il-premessi 5, 12, 13 u 16 ta’ din id-direttiva jgħidu:

“(5)      Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b'mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

[…]

(12)      Huwa meħtieġ l-introduzzjoni ta’ arranġamenti li jiżguraw li ħlas ekwu mhux rinunzjabbli jinkiseb mill-awturi u artisti li għandhom jibqgħu ikollhom il-fakultà li jafdaw l-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt lil collecting societies li jirrappreżentawhom.

(13)      Il-ħlas ekwu jista’ jitħallas fuq bażi ta’ pagament wieħed jew diversi fi kwalunkwe mument waqt jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Dan għandu jikkunsidra l-importanza tal-kontribut ta’ l-awturi u artisti konċernati mal-fonogramm jew film.

[…]

(16)      L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.”

15.      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/115:

“Dritt tal-Iffissar

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tal-wirjiet tagħhom.”

16.      L-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li huwa identiku għall-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 92/100/KEE (4) jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġà wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta' dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

17.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Applikazzjoni kronoloġika”, jipprovdi:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta’ xogħlijiet, wirjiet, fonogrammi, xandiriet u l-ewwel iffissar ta’ films protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur imsemmija f’din id-Direttiva li kienu, fl-1 ta’ Lulju 1994, għadhom protetti bil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati jew li ssodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva f’dik id-data.”

D.      Id-dritt nazzjonali

18.      L-Artikolu 38 tal-Copyright and Related Rights Act 2000 (Nru 28 tal-2000) (l-Att tal-2000 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati, iktar ’il quddiem l-“Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur”) jipprovdi liċenzja bħala dritt f’ċerti ċirkustanzi. B’mod partikolari, dan jipprovdi:

“(1) […] meta persuna tipproponi li —

(a)      iddoqq reġistrazzjoni awdjo fil-pubbliku, jew

(b)      tinkludi reġistrazzjoni awdjo f’xandira jew f’servizz ta’ programm bil-fili,

hija tkun tista’ tagħmel hekk bħala dritt meta —

(i)      taqbel li tħallas għal dawn ir-reġistrazzjonijiet jew meta tinkludihom f’xandira jew f’servizz ta’ programm bil-fili lil korp ta’ liċenzjar, u

(ii)      tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu.

(2) Persuna tista’ tuża d-dritt li ddoqq reġistrazzjoni fil-pubbliku jew li tinkludi reġistrazzjoni awdjo f’xandira jew f’servizz ta’ programmi bil-fili, meta hija —

(a)      tagħti notifika lil kull korp ta’ liċenzjar dwar il-ħsieb tagħha li ddoqq reġistrazzjonijiet awdjo jew li tinkludi reġistrazzjonijiet awdjo f’xandira jew f’servizz ta’ programmi bil-fili,

(b)      tinforma lil kull wieħed minn dawn il-korpi bid-data li fiha jew li minnha hija tkun biħsiebha ddoqq reġistrazzjonijiet awdjo fil-pubbliku jew tinkludi reġistrazzjonijiet awdjo f’xandira jew f’servizz ta’ programmi bil-fili,

(c)      tħallas lill-korp ta’ liċenzjar […]

[…]”

19.      L-Artikolu 184 tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur jippreskrivi ċ-ċirkustanzi li fihom, inter alia, reġistrazzjoni awdjo għandha tikkwalifika għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Huwa jipprovdi:

“(1) Xogħol letterarju, drammatiku, mużikali jew artistiku, reġistrazzjoni awdjo, film, arranġament tipografiku ta’ edizzjoni ppubblikata jew ta’ database oriġinali għandhom jikkwalifikaw għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu tqiegħdu legalment għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-pubbliku —

(a)      fl-Istat; jew

(b)      f’kull pajjiż, territorju, stat jew żona li għalihom tkun tapplika d-dispożizzjoni rilevanti ta’ dan it-Taqsima.

(2) Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, it-tqegħid b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol f’pajjiż, territorju, stat jew żona partikolari għandu jitqies li jkun l-ewwel tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol anki meta x-xogħol ikun tqiegħed b’mod legali simultanjament għall-pubbliku mkien ieħor; u għal dan il-fini, it-tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mkien ieħor fiż-żmien it-tletin jum preċedenti għandu jitqies li jkun simultanju.”

20.      L-Artikolu 288 tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprovdi:

“Prestazzjoni tkun prestazzjoni kkwalifikata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima u tat-Taqsima IV jekk tingħata minn individwu kkwalifikat jew minn persuna kkwalifikata, jew li sseħħ f’pajjiż, territorju, stat jew żona kwalifikati, skont dan il-Kapitolu.”

21.      L-Artikolu 287 ta’ dan l-Att jipprovdi:

“F’din it-Taqsima, u fit-Taqsima IV

‘pajjiż ikkwalifikat’ tfisser:

(a)      l-Irlanda,

(b)      Stat Membru ieħor taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)], jew

(c)      sakemm fejn digriet skont l-Artikolu 289 ikun hekk jipprovdi, pajjiż indikat skont dan l-artikolu;

‘individwu kkwalifikat’ tfisser ċittadin jew suġġett ta’ pajjiż kkwalifikat, jew individwu ddomiċiljat jew ordinarjament residenti fih; u

‘persuna kkwalifikata’ tfisser ċittadin Irlandiż, jew individwu ddomiċiljat jew ordinarjament residenti fl-Istat.”

22.      Skont l-Artikolu 289(1) tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur:

“Il-Gvern jista’, permezz ta’ digriet, jindika bħala pajjiż ikkwalifikat li jkollu protezzjoni skont din it-Taqsima u t-Taqsima IV, kull pajjiż, territorju, stat jew żona li fir-rigward tagħhom il-gvern ikun issodisfatt li hemm provvediment jew li ser ikun hemm provvediment skont il-liġi tagħhom li jagħti protezzjoni adegwata lil prestazzjonijiet Irlandiżi.”

II.    Il-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23.      It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ġbir u t-tqassim ta’ tariffi ta’ liċenzji fir-rigward ta’ daqq ta’ mużika rreġistrata fil-pubbliku jew ix-xandir ta’ mużika rreġistrata. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sid ta’ bar, nightclub jew kull post pubbliku ieħor li jkun jixtieq idoqq mużika rreġistrata huwa obbligat iħallas tariffa fir-rigward ta’ dan l-użu. Bl-istess mod, jekk persuna tkun tixtieq tinkludi reġistrazzjoni awdjo f’xandira jew f’servizz ta’ programm bil-fili, allura hija wkoll obbligata tħallas tariffa fir-rigward ta’ din l-inklużjoni. Dan l-obbligu huwa stabbilit fid-dettall skont id-dritt nazzjonali fl-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Il-leġiżlazzjoni tipprovdi li l-utent iħallas tariffa waħda lil korp ta’ liċenzjar li jkun jirrappreżenta lill-produttur tar-reġistrazzjoni awdjo, iżda li s-somma hekk miġbura mbagħad tinqasam bejn il-produttur u l-artisti.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Recorded Artists Actors Performers Ltd (iktar ’il quddiem “RAAP”), hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Irlandiża tad-drittijiet ta’ ċerti artisti. L-ewwel konvenuta, Phonographic Performance (Ireland) Ltd (iktar ’il quddiem “PPI”), hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Irlandiża li tirrappreżenta d-drittijiet li għandhom il-produtturi ta’ fonogrammi għal reġistrazzjonijiet awdjo jew għal fonogrammi fl-Irlanda.

25.      RAAP u PPI kkonkludew kuntratt li jistipula l-mod kif jinġabru u jitqassmu tariffi ta’ liċenzja sabiex jindaqqu reġistrazzjonijiet awdjo fil-pubbliku (bars u postijiet oħra aċċessibbli għall-pubbliku) fl-Irlanda minn utenti fl-Irlanda (5).

26.      It-tilwima bejn RAAP u PPI tqum minħabba li l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur juża kriterji ta’ kwalifika differenti għal produtturi u artisti, rispettivament, li għandhom l-effett li jeskludu ċerti artisti minn ċerti pajjiżi mid-dritt għal ħlas ekwu (b’mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika). Dan ippermetta lil PPI ssostni, milli jidher, li ma hemmx obbligu fil-liġi, li dawk l-artisti partikolari jitħallsu; u, konsegwentement, PPI tkun intitolata żżomm it-tariffi konnessi ma’ dawk l-artisti, li jkunu nġabru skont il-kuntratt.

27.      RAAP tqis li t-tariffi li għandhom jitħallsu skont l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur – li ttraspona d-Direttiva 92/100, li ġiet ikkodifikata u ssostitwita bid-Direttiva 2006/115 – għandhom, skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom tirreferi din id-direttiva, jinqasmu bejn il-produttur u l-artist. In-nazzjonalità u r-residenza tal-artist huma irrilevanti.

28.      Min-naħa l-oħra, PPI ssostni li artisti li la jkunu ċittadini taż-ŻEE u lanqas residenti, u li l-prestazzjonijiet tagħhom ma jkunux joriġinaw minn reġistrazzjoni awdjo li tkun saret fiż-ŻEE, ma jkunux eliġibbli li jirċievu sehem ta’ ħlas meta dawk il-prestazzjonijiet isiru fl-Irlanda. Inkella, li kieku dawn l-artisti kellhom jitħallsu, dan ikun jikser l-approċċ ta’ reċiproċità internazzjonali adottat mill-Irlanda u li jinsab fl-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur. B’mod partikolari, li kieku kellha tiġi segwita l-pożizzjoni ta’ RAAP, artisti Amerikani jitħallsu fl-Irlanda, minkejja li artisti Irlandiżi ma jirċevux ħlas ekwu fl-Istati Uniti.

29.      RAAP ressqet kawża kontra PPI quddiem il-qorti tar-rinviju li tirrileva li meta l-Artikoli 38, 184, 208, 287 u 288 tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur jinqraw flimkien għandhom l-effett li jeskludu — sakemm ma jkunx inħareġ digriet skont l-Artikolu 289 ta’ dak l-att (quod non sa issa) — artisti “mhux miż-ŻEE” milli jibbenefikaw mis-sehem tagħhom tat-tariffi miġbura skont l-imsemmi att, bil-konsegwenza li, ta’ sikwit, produtturi (inklużi dawk stabbiliti barra miż-ŻEE) jibbenefikaw mill-ammont totali ta’ dawk it-tariffi.

30.      Fil-każ ta’ reġistrazzjoni awdjo li tkun tinvolvi produtturi u artisti mill-Istati Uniti, il-produttur jirċievi l-ammont totali tat-tariffi mingħand utenti fl-Irlanda. Ir-raġuni għal dan huwa l-fatt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-ħlas, li hemm fl-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur, huma iktar flessibbli għall-produtturi milli għall-artisti.

31.      Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tidher inkompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, sa fejn din tal-aħħar teżiġi li ħlas ekwu jinqasam bejn produtturi u artisti.

32.      Isegwi li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi, b’mod partikolari, minn jekk l-Irlanda tistax – mingħajr ma tikser id-Direttiva 2006/115 (u, qabel, id-Direttiva 92/100), tgħaddi liġi fis-sens li, fit-territorju tagħha, l-“artisti” imsemmija f’din id-direttiva ma jkunux jinkludu artisti “mhux miż-ŻEE”, bħall-artisti Amerikani.

33.      Fid-dawl tal-implikazzjonijiet kbar ta’ din il-kawża, l-Irlanda, l-Attorney Generali (il-Prosekutur Pubbliku) tagħha u l-Minister for Jobs, Enterprise and Innovation (il-Ministru għax-Xogħol, għall-Intrapriża u għall-Innovazzjoni) iddeċidew li jipparteċipaw fil-kawża prinċipali bħala t-tieni, it-tielet u r-raba’ konvenut. Is-sentenza sħiħa tinsab fl-Appendiċi tad-digriet tar-rinviju u tippermetti li wieħed jifhem aħjar il-kwistjonijiet li fuqhom huwa bbażat id-digriet.

34.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tittratta persuni ddomiċiljati u residenti fiż-ŻEE bl-istess mod bħal ċittadini Irlandiżi jfisser li l-leġiżlazzjoni ma tiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, tirileva li din il-leġiżlazzjoni għandha tkun kompatibbli mhux biss ma’ dan il-prinċipju ġenerali, iżda wkoll mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom “jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti”.

35.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-estent sa fejn huwa neċessarju li jittieħdu bħala bażi d-dispożizzjonijiet tal-WPPT (li għalih l-Irlanda u l-Unjoni huma partijiet) u l-Konvenzjoni ta’ Ruma (li għaliha l-Irlanda hija parti) sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115, jibqa’ inċert.

36.      B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi tabbilit jekk “it-trattament nazzjonali”, li hemm f’kull wieħed minn dawn it-trattati, għandux ikollu rwol fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

37.      Minħabba li, minn naħa, il-kunċett ta’ “trattament nazzjonali” – kuntrarjament għal ċerti kunċetti oħra li hemm fil-Konvenzjoni ta’ Ruma u fil-WPPT – ma ġiex riprodott espressament fid-Direttiva 2006/115, iżda li, min-naħa l-oħra – minħabba li l-Unjoni kienet ikkonkludiet il-WPPT – jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex ċar liema huwa, fl-aħħar mill-aħħar, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

38.      Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk dan it-trattament asimetriku ta’ produtturi u artisti jikkostitwixxix risposta leġittima għal riżerva taħt l-Artikolu 15(3) tal-WPPT (b’mod partikolari dik magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerika).

39.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      L-obbligu għal qorti nazzjonali li tinterpreta d-Direttiva 2006/115 […] fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u/jew tal-WPPT huwa limitat għal kunċetti li huma espressament imsemmija [f’din id-]Direttiva, jew, sussidjarjament, dan jestendi għal kunċetti li jinsabu biss fiż-żewġ ftehimiet internazzjonali? B’mod partikolari, l-Artikolu 8 [ta’ din id-]Direttiva, sa fejn għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-obbligu ta’ ‘trattament nazzjonali’ previst fl-Artikolu 4 tal-WPPT?

2)      Stat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali sabiex jistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta’ liema artisti jikkwalifikaw bħala ‘artisti relevanti’ taħt l-Artikolu 8 [tal-imsemmija] Direttiva? B’mod partikolari, Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-dritt għal tqassim f’ħlas ekwu għal ċirkustanzi fejn jew (i) il-wirja sseħħ f’pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-‘ŻEE’), jew (ii) l-artisti huma ddomiċiljati jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE?

3)      X’setgħa diskrezzjonali għandu Stat Membru sabiex iwieġeb għal riżerva magħmula minn Parti Kontraenti oħra taħt l-Artikolu 15(3) tal-WPPT? B’mod partikolari, l-Istat Membru huwa meħtieġ jirriproduċi l-kliem preċiż tar-riżerva magħmula mill-Parti Kontraenti l-oħra? Parti Kontraenti hija meħtieġa ma tapplikax ir-regola ta’ 30 jum prevista fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma sa fejn il-produttur tal-parti li tkun għamlet riżerva jkun għaldaqstant jista’ jirċievi ħlas taħt l-Artikolu 15(1), iżda l-artisti tal-istess reġistrazzjoni ma jkunux jistgħu jirċievu ħlas? Sussidjarjament, il-parti li twieġeb għal riżerva hija awtorizzata tagħti drittijiet liċ-ċittadini tal-parti li tkun għamlet din ir-riżerva fuq bażi iktar ġeneruża minn dak li tkun għamlet il-parti li tkun għamlet ir-riżerva, fi kliem ieħor, il-parti li twieġeb għal riżerva tista’ tagħti drittijiet li ma humiex irreċiprokati mill-parti li tkun għamlet ir-riżerva?

4)      Huwa permissibbli f’kull ċirkustanza li d-dritt għal ħlas ekwu jiġi limitat għall-produtturi ta’ reġistrazzjoni awdjo, fi kliem ieħor, li d-dritt jiġi miċħud lill-artisti li l-wirjiet tagħhom ġew iffissati f’din ir-reġistrazzjoni awdjo?”

40.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn RAAP, minn PPI, mill-Gvern Irlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet kollha għamlu osservazzjonijiet orali fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2020.

III. Analizi

A.      Fuq l-ewwel domanda

1.      Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

41.      RAAP issostni li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta d-Direttiva 2006/115 skont l-għan u l-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u/jew tal-WPPT jinkludi obbligu li hija tinterpreta din id-direttiva bħala li tistabbilixxi sett ta’ regoli kompatibbli mal-obbligi li hemm f’dawn l-istrumenti. L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva għandu, għalhekk, jiġi interpretat fis-sens li jestendi d-drittijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tagħha għal dawk li huma intitolati għal trattament nazzjonali fir-rigward ta’ dawk id-drittijiet skont l-Artikolu 4 tal-WPPT.

42.      Barra minn hekk, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Ruma, minkejja l-fatt li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti. Barra minn hekk, din il-konvenzjoni okkupat post importanti fil-ħolqien tad-Direttiva 2006/115.

43.      Il-mod kif l-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, minn naħa, u l-Artikoli 3 u 4 tal-WPPT, min-naħa l-oħra, jinteraġixxu, huwa tali li l-partijiet kontraenti tal-WPPT għandhom jestendu l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil artisti fir-rigward ta’ prestazzjonijiet li jkunu inkorporati f’fonogramma li tikkwalifika għal trattament nazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma. Dan il-benefiċċju għandu jiġi estiż għal kull artist ta’ tali prestazzjoni, anki meta dan l-artist ma jkunx ċittadin ta’ Stat Kontraenti.

44.      PPI ssostni, essenzjalment, li d-Direttiva għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-WPPT, u mhux b’mod li jmur kontra l-obbligi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri skont il-WPPT jew il-Konvenzjoni ta’ Ruma. Meta kunċetti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Ruma jew mill-WPPT jintużaw fit-test tad-Direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni jew il-WPPT (skont il-każ) fl-interpretazzjoni ta’ dawk il-frażijiet li jidhru fit-test tad-Direttiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 8(2) ma jistax jitqies, permezz ta’ proċess ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkorpora r-rekwiżit ta’ trattament nazzjonali skont l-Artikolu 4 tal-WPPT, minħabba li ma huwiex l-għan tad-Direttiva li tittieħed kull miżura sabiex jibda japplika dan ir-rekwiżit tal-WPPT.

45.      L-Irlanda tirrikonoxxi, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-WPPT, li l-Artikolu 3(2) tal-WPPT jinkorpora fil-WPPT il-kunċett ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma: il-kunċett ta’ trattament nazzjonali li jinkludi li Stati Kontraenti għandhom jagħtu trattament nazzjonali kull darba li prestazzjoni tiġi inkorporata f’fonogramma ppubblikata mill-ewwel (jew ippubblikata fi żmien 30 jum) fi Stat Kontraenti ieħor. Dawn ir-regoli joriġinaw mill-kriterju ta’ “pubblikazzjoni” u mill-kunċett ta’ “pubblikazzjoni simultanja” previsti fil-Konvenzjoni ta’ Ruma.

46.      Madankollu, minħabba li huwa ta’ importanza għal Stat b’politika duwalista għad-dritt internazzjonali, l-Irlanda tagħmel minn kollox sabiex tiżgura li jkunu biss liġijiet Irlandiżi ppromulgati sew jew id-dritt tal-Unjoni, li jagħtu lok għal drittijiet u obbligi fl-ordinament ġuridiku Irlandiż u dak tal-Unjoni.

47.      L-Irlanda ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċett ta’ “trattament nazzjonali” li jinsab fil-WPPT u fil-Konvenzjoni ta’ Ruma. Din id-direttiva ma tikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu inkorporati f’fonogramma ppubblikata għall-ewwel darba fi Stat terz.

48.      Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment, li mill-formulazzjoni, mill-iskema u mill-għan tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll mill-obbligu li din id-Direttiva tiġi interpretata konformement ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, isegwi li l-artisti kkonċernati jinkludu, bħala prinċipju, dawk mill-Partijiet Kontraenti kollha tal-WPPT, indipendentement minn jekk ikunux residenti fiż-ŻEE jew barra minnha.

2.      Analiżi

49.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandha tiġi interpretata d-Direttiva meta ċerti kunċetti li jissemmew espressament fil-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħall-obbligu li jiġi applikat trattament nazzjonali previst fl-Artikolu 4 tal-WPPT, ma jkunux inklużi fid-Direttiva.

50.      Minn naħa, l-importanza tal-obbligu ta’ trattament nazzjonali huwa diġà ċar mill-fatt li dan dejjem kien fil-qalba ta’ kull ftehim multilaterali dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u huwa wieħed mill-vantaġġi ewlenin li Partijiet Kontraenti jiksbu minn sħubija (6). Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-dritt għal ħlas (skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115 jew l-Artikolu 15 tal-WPPT) huwa, fuq il-livell ekonomiku, fost id-drittijiet l-iktar importanti ta’ artisti u produtturi ta’ fonogrammi.

51.      RAAP u l-Kummissjoni jsostnu li l-artisti kkonċernati mid-dritt għal ħlas ekwu, irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, jinkludu, bħala prinċipju, artisti minn pajjiżi terzi li l-mużika tagħhom tixxandar fl-Unjoni. Huma jsostnu li dan jirriżulta mill-kliem ġenerali użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni (l-“artisti”) u mill-għanijiet tad-Direttiva 2006/115 (protezzjoni ta’ livell għoli), iżda b’mod partikolari jingħad li jirriżulta mill-obbligu li d-dritt sekondarju tal-Unjoni jiġi interpretat konformement mal-ftehimiet internazzjonali milħuqa mill-Unjoni bħall-WPPT, li l-Artikolu 4(1) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1), jobbliga lill-Partijiet Kontraenti (l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha) japplikaw “it-trattament nazzjonali” b’rabta mal-ħlas ekwu dovut lill-artisti.

52.      Jiena wasalt għall-konklużjoni li din il-linja ta’ ħsieb hija korretta.

53.      Meta wieħed janalizza t-test tad-Direttiva 2006/115, huwa ċar li ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, iktar minn hekk, dan huwa konsistenti għalkollox mal-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-WPPT u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Probabbilment, minn aspett ta’ drittijiet fundamentali, kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw li, fl-Unjoni, kull artist u produttur jirċievi ħlas ekwu għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu lill-pubbliku, minkejja li jkun hemm riżerva magħmula minn Stat terz li jkollha l-effett li artisti u produtturi miż-ŻEE ma jirċevux ħlas bħal dan fit-territorju ta’ dak l-Istat terz. Drittijiet fundamentali huma universali min-natura tagħhom u l-kwistjoni hawnhekk hija dwar dritt għal proprjetà).

54.      L-argument ta’ PPI u tal-Irlanda jfisser li jingħad li, minħabba li mhux kull regola tista’ tinsab fl-acquis, l-Istati Membri għandhom libertà sħiħa.

55.      Biżżejjed jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet tali argument f’kawża dwar id-drittijiet relatati, fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C‑114/12, EU:C:2014:2151, b’mod partikolari l-punt 70), u fl-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati) (EU:C:2017:114).

56.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jinqara fid-dawl tar-rekwiżit ta’ trattament nazzjonali ta’ artisti minn pajjiżi terzi li hemm fl-Artikolu 4(1) tal-WPPT. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dak ir-rekwiżit għandux jitqies jibqa’ obbligu li jinkombi l-Istati Membri bħala Partijiet Kontraenti għal dak il-ftehim imħallat jew jekk huwiex pjuttost obbligu li l-Unjoni għandha tagħmel tagħha bħala Parti Kontraenti għall-istess ftehim.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115 fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-kawżi SCF Consorzio Fonografici (7), PPL Ireland (8), u Verwertungsgesellschaft Rundfunk (9).

58.      Din il-ġurisprudenza tirrigwarda r-rabta bejn id-Direttiva u d-diversi konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll tinterpreta wħud mill-kunċetti li hemm fit-test tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni li hemm fil-konvenzjonijiet.

59.      B’mod partikolari, fis-sentenza SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 37 sa 56) il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ir-rabta bejn il-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Dritt tal-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), il-WPPT u l-Konvenzjoni ta’ Ruma.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, “[f]tehim konkluż mal-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni u lill-Istati Membri”. Dan huwa l-każ tal-WPPT li fir-rigward tiegħu l-Unjoni hija tabilħaqq Parti Kontraenti, u dan il-ftehim jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, dan il-ftehim jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri. Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jagħmlux parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (l-Unjoni ma hijiex Parti Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni u ma tistax titqies li ssostitwixxiet l-Istati Membri tagħha dwar l-applikazzjoni tagħha, jekk xejn minħabba li mhux dawk l-Istati kollha huma partijiet għal din il-konvenzjoni: jiġifieri Malta).

61.      Fir-rigward tal-WPPT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-kawża SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 47) li l-Artikolu 23(1) tal-WPPT jeżiġi li l-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jieħdu, skont is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Isegwi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-WPPT, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tagħhom, tiddependi minn jekk jittiħdux miżuri oħra. Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett fid-dritt tal-Unjoni u ma humiex tali li joħolqu drittijiet għal individwi li huma jistgħu jibbażaw fuqhom quddiem il-qrati bis-saħħa ta’ dak id-dritt.

62.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll f’dik is-sentenza, li, fid-dawl tal-premessa 10 tad-Direttiva 92/100, peress li d-Direttiva hija intiża li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bħal, inter alia, il-Ftehim TRIPS, il-WPPT u l-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija tistabbilixxi sett ta’ regoli kompatibbli ma’ dawk li jinsabu f’dawn il-konvenzjonijiet.

63.      Fil-fatt, l-approċċ li qiegħed nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet jidher li huwa l-uniku wieħed konformi mal-Artikolu 216(2) TFUE u mal-ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni għandha, kemm jista’ jkun, tkun interpretata b’mod li jkun konsistenti mal-obbligi tad-dritt internazzjonali tal-Unjoni, b’mod partikolari fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu intiżi speċifikament li jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea (10).

64.      L-estent sħiħ tal-obbligu li tingħata interpretazzjoni konsistenti f’ċirkustanzi li fihom l-Unjoni Ewropea tkun aċċediet għall-ftehim internazzjonali kkonċernat jidher mill-kawża Hermes (11) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhux biss il-miżuri tal-Unjoni maħsuba sabiex jimplimentaw l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati skont dawk l-obbligi, iżda r-regoli nazzjonali li jimplimentaw tali miżura tal-Unjoni għandhom jikkonformaw separatament mar-rekwiżiti tal-ftehimiet internazzjonali li fir-rigward tagħhom hija parti l-Unjoni Ewropea.

65.      Barra minn hekk, il-WPPT u d-Direttiva 2006/115 it-tnejn għandhom rabta mad-dritt għal ħlas ekwu fil-qasam ikkonċernat.

66.      Infakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/100 ppreċediet id-Direttiva 2006/115. L-għan u l-fini tal-ewwel direttiva kien li titlesta l-ewwel struttura għal suq intern ta-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Il-ħsieb tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ikkonfermat mill-proposta emendata għal direttiva (12), kien li jiġu segwiti b’mod estiż id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma sabiex tinkiseb protezzjoni uniformi minima fl-Unjoni. Madankollu, ġie żgurat li dan isir konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri kienu partijiet. Dik li kienet il-Komunità Ewropea ma kienet parti għal ebda konvenzjoni dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali.

67.      Il-premessa 10 tad-Direttiva 92/100 tgħid: “[...] il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha ssir approssimattiva b’tali mod li ma tkunx konflinġenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati ħafna mid-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati.”

68.      Diversi elementi marru lil hinn mill-Konvenzjoni ta’ Ruma. Fir-rigward tal-artisti, ġie introdott dritt esklużiv għal artisti (li jawtorizzaw jew jipprojbixxu) l-iffissar tal-prestazzjonijiet tagħhom (Artikolu 7), u d-dritt esklużiv għal xandir bil-fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom ħlief meta dawn isiru minn iffissar.

69.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/100 ġie inkluż mill-Parlament Ewropew u aċċettat mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha bħala suppliment għall-introduzzjoni tad-dritt esklużiv għal artisti li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tal-iffissar fil-fonogrammi tal-prestazzjonijiet tagħhom inklużi mkien ieħor fid-Direttiva (Artikolu 7). Il-ħsieb kien li l-artisti jitħallew jaqsmu jikkondividu mal-produtturi kull użu ieħor minn terzi ta’ fonogrammi, xi drabi deskritt bħala użu sekondarju.

70.      Wara l-adozzjoni tal-WPPT, id-Direttiva 2001/29/KE (13) saret l-istrument għall-implimentazzjoni tal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-WPPT u mill-WCT (ara l-premessa 15 ta’ din id-direttiva).

71.      Kif osservat korrettament il-Kummissjoni, jibqa’ l-fatt li ma ttieħdet ebda azzjoni speċifika ġdida mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex l-Artikolu 15(1) u (2) jiddaħħal fil-WPPT.

72.      Naħseb li, f’kull każ, dan ma kienx meħtieġ peress li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, li ppreċediet l-adozzjoni mill-Unjoni tal-WPPT, jikkorrispondi speċifikament ma’ u jimplimenta l-Artikolu 15 tal-WPPT.

73.      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies b’mod ċar li, bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/100, huwa kien issodisfa l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 23(1) tal-WPPT li jintroduċi dritt għal ħlas ekwu kif previst fl-Artikolu 15(1) u (2) tal-WPPT.

74.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115) għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-WPPT.

75.      Huwa importanti li jiġi osservat li, waqt ir-ratifikazzjoni tal-WPPT, l-Unjoni ma għamlet ebda riżerva għall-WPPT u hija tibqa’ marbuta bl-obbligu li tagħti trattament nazzjonali u li tapplika d-Direttiva 2006/115 mingħajr restrizzjoni.

76.      Mill-ġurisprudenza jsegwi li l-kunċetti inklużi fid-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati, kemm jista’ jkun, fid-dawl ta’ dawk tal-WPPT (14), b’tali mod li jkun kompatibbli ma’ dawk il-ftehimiet, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw dawk il-kunċetti u l-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-interpretazzjoni tad-Direttiva għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-WPPT. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-Direttiva b’mod konformi mal-obbligu ta’ trattament nazzjonali tal-WPPT.

77.      Il-Kummissjoni ssostni korrettament li d-Direttiva 2006/115 tapplika għal atti li jseħħu fit-territorju tal-Unjoni u bħal fil-maġġoranza tal-istrumenti adottati fl-acquis dwar id-drittijiet tal-awtur, tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha u mhux dak ratione personae (15).

78.      Ser nerġa’ nindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 iktar ’il quddiem fir-risposta għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domanda.

79.      Protezzjoni tingħata lil detenturi tad-dritt li xogħolhom jew materjal ieħor bħal prestazzjonijiet, fonogrammi jew xandiriet ikunu eliġibbli għal protezzjoni ratione materiae skont id-Direttiva 2006/115. L-użu minn terz, fis-sens tal-Artikolu 8(2), jagħti lok għall-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva.

80.      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jeħtieġu biss li l-utent ikun ta lok għad-dritt għal ħlas billi jdoqq ir-reġistrazzjoni awdjo fl-Unjoni. F’dan is-sens, ikun hemm prestazzjoni fl-Unjoni/fiż-ŻEE indipendentement min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza tal-artist jew tal-produttur ta’ reġistrazzjoni jew minn fejn iseħħ l-ewwel iffissar.

81.      Naqbel mal-Kummissjoni li t-test tad-Direttiva 2006/115 huwa inambigwu, u l-applikazzjoni mingħajr restrizzjoni tal-Artikolu 8(2) għall-benefiċjarji minn Partijiet Kontraenti l-oħra hija konsistenti mhux biss mal-obbligu ta’ trattament nazzjonali, iżda wkoll mal-għan u l-fini tad-Direttiva, jiġifieri protezzjoni uniformi u ta’ livell għoli (16) u funzjonament tajjeb tas-suq intern.

82.      Għaldaqstant, l-Irlanda, bħal kull Stat Membru, ma għandhiex (u qatt ma kellha) diskrezzjoni li tapplika l-kriterji tagħha stess sabiex tistabbilixxi liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti rilevanti” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115 minħabba li dan huwa rregolat biss mid-Direttiva bħala materja tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-obbligi tal-Unjoni skont il-WPPT.

83.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija korretta meta ssostni li d-Direttiva 2006/115 hija konformi mal-obbligu tal-Unjoni li joriġina minn strumenti internazzjonali, li jingħata trattament nazzjonali skont il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u l-applikazzjoni tiegħu għal atti ġewwa l-Unjoni. Dan ma jeżiġix riferiment speċifiku għall-kunċett ta’ trattament nazzjonali fil-każ ta’ trattament nazzjonali sabiex id-Direttiva tkun kompatibbli mal-Artikolu 4 tal-WPPT. L-obbligu li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-WPPT ma huwiex, għalhekk, affettwat mill-fatt li trattament nazzjonali ma jissemmiex espressament fid-Direttiva. L-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża SENA, C‑245/00, EU:C:2002:543, ikkonkluda li r-regoli dwar trattament nazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma jagħmlu parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. Ninnota li dawk il-konklużjonijiet kienu saru qabel ir-ratifika formali tal-WPPT mill-Unjoni (17). Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jikkorrispondi mal-Artikolu 15 tal-WPPT.

84.      B’mod sinjifikattiv, sabiex tkun konformi mal-obbligi tagħha skont il-WPPT (ara d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea msemmija fl-Artikolu 26 tal-WPPT), l-Unjoni għandha (tkun tista’) tiżgura li l-Istati Membri tagħha jikkonformaw mal-obbligu ta’ trattament nazzjonali. Dan huwa wieħed mill-modi kif tiġi żgurata konformità ma’ trattament nazzjonali.

85.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-argument magħmul fid-digriet tar-rinviju (punt 37) li jista’ jsir riferiment għall-Artikolu 23(1) tal-WPPT li jipprovdi li l-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jieħdu, skont l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-trattat. Għalhekk, l-Unjoni, bħala Parti Kontraenti, hija marbuta b’dan l-obbligu, u wieħed mill-modi li bih l-Unjoni Ewropea tosserva dan l-obbligu huwa permezz tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

86.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li l-argument ta’ PPI, li jgħid li fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika f’dik id-direttiva, it-trattament nazzjonali jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, ma jistax jintlaqa’.

87.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti tal-WPPT li fir-rigward tiegħu l-Unjoni hija parti u huwa konformi mal-obbligu tal-Unjoni li tagħti trattament nazzjonali kif mitlub mill-Artikolu 4 tal-WPPT mingħajr il-ħtieġa ta’ dispożizzjoni speċifika għal dan l-għan.

B.      Fuq it-tieni domanda

1.      Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

88.      RAAP issostni li Stat Membru ma għandux diskrezzjoni jippreskrivi kriterji sabiex jiġi stabbilit liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti rilevanti” skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, sa fejn dawn il-kriterji jikkunfliġġu mal-obbligi tal-Istat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma u/jew il-WPPT.

89.      PPI ssostni essenzjalment li, peress li l-Artikolu 8(2) ma jistabbilixxi ebda miżura għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ trattament nazzjonali tal-Artikolu 4 tal-WPPT, f’ċirkustanzi fejn il-prestazzjoni inkwistjoni ma tkunx twettqet fiż-ŻEE u ma tkunx saret minn ċittadin, iddomiċiljat jew residenti fiż-ŻEE, l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni sħiħa sabiex jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tad-dritt tal-Artikolu 8(2), bla ħsara, naturalment, għall-fatt li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi ta’ trattati internazzjonali tagħhom stess. Għaldaqstant, ma huwiex kontra l-obbligu ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, li jiġi limitat id-dritt li l-ħlas ekwu jinqasam f’sitwazzjonijiet meta r-reġistrazzjoni użata għax-xandira jew għall-komunikazzjoni mingħajr fili lill-pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat kienet (i) ta’ prestazzjoni li twettqet f’pajjiż taż-ŻEE jew (ii) ingħatat minn artist li jkun ċittadin, iddomiċiljat jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE.

90.      L-Irlanda tirrileva li d-Direttiva 2006/115 tippermetti lill-Istati Membri, bħall-Irlanda, fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, diskrezzjoni leġiżlattiva normali dwar il-forma u l-metodi ladarba l-għanijiet tad-Direttiva jkunu trasposti fid-dritt nazzjonali.

91.      F’kull każ, l-Irlanda ssostni, essenzjalment, li ma hemm ebda obbligu li jeżiġi li hija tipprovdi ħlas ekwu kull darba li jinħoloq dritt għal ħlas għal produttur ta’ reġistrazzjoni skont ir-regola tal-ewwel pubblikazzjoni u r-regola tat-tletin jum skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma u inkorporata fil-WPPT skont l-Artikolu 4 tal-WPPT. L-ebda wieħed mill-istrumenti ma għandu effett dirett u lanqas ma hemm test fid-Direttiva dwar tali kunċetti; għalhekk, ma hemm xejn li jistgħu jkunu bbażati fuqu.

92.      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li Stat Membru ma għandux diskrezzjoni li jippreskrivi kriterji li jistabbilixxu liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti rilevanti” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva.

2.      Analiżi

93.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istati Membri għandhomx diskrezzjoni japplikaw il-kriterji tagħhom stess għall-kunċett ta’ “artisti rilevanti” billi jibbażaw ruħhom fuq il-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li fir-rigward tagħhom huma partijiet bħall-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-WPPT, inkluż f’ċirkustanzi fejn il-prestazzjoni sseħħ fiż-ŻEE.

94.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda.

95.      Jidhirli li, minħabba li din id-domanda ma tirreferi espressament għal ebda obbligu internazzjonali, hija għandha tingħata risposta biss b’riferiment għad-Direttiva 2006/115 fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni stess. Ser nindirizza l-kwistjoni ta’ kwalunkwe diskrezzjoni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tat-tielet domanda u, kif ser naraw, l-Istati Membri ma għandhomx tali diskrezzjoni.

96.      Skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tingħata protezzjoni kemm lil artisti kif ukoll lil produtturi meta jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, (i) il-prestazzjoni tkun irreġistrata f’fonogramma “[i]ppubblikat[a] għal finijiet kummerċjali” u (ii) dik il-fonogramma tintuża minn utent billi jiġu skattati atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew b’xandir mingħajr fili.

97.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni u ta’ kwalunkwe riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ fonogramma “[i]ppubblikat[a] għal finijiet kummerċjali” skont l-Artikolu 8(2) għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Il-kontenut tiegħu jista’ jiġi stabbilit mill-għan u mill-fini ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li l-Artikolu 8(2) iservi sabiex jimplimenta l-Artikolu 15 tal-WPPT, jekk isir rikors għad-definizzjoni rilevanti ta’ “pubblikazzjoni” fl-Artikolu 2(e) tal-WPPT, fejn “pubblikazzjoni” ta’ prestazzjoni rreġistrata jew ta’ fonogramma tfisser l-offerta ta’ kopji tal-prestazzjoni rreġistrata jew tal-fonogramma lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-dritt, u sakemm ikunu offruti kopji lill-pubbliku fi kwantità raġonevoli.

98.      Il-WPPT stabbilixxa li prestazzjonijiet li jkunu ġew irreġistrati f’fonogramma għandhom jingħataw trattament nazzjonali fil-każijiet kollha li fihom il-fonogramma tkun eliġibbli għal proteżżjoni. Filwaqt li partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma u għall-WPPT għandhom ċerta diskrezzjoni b’rabta ma’ aspetti tal-obbligi tagħhom għal trattament nazzjonali, dan huwa obbligu ċar mingħajr possibbiltà ta’ deroga. RAAP issostni li l-kriterji għat-tgawdija tad-dritt ma għandhomx jikkompromettu l-garanzija għal ħlas għaż-żewġ gruppi ta’ detenturi ta’ drittijiet u għad-dritt effettiv u sostanzjali għaż-żewġ detenturi li huwa intiż li jingħata skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

99.      Kif irrilevat korrettament il-Kummissjoni, id-definizzjoni ta’ “pubblikazzjoni” fl-Artikolu 2(e) tal-WPPT ma tirreferix għall-post ta’ pubblikazzjoni; lanqas għall-ewwel (enfasi miżjuda) pubblikazzjoni. Din tirreferi pjuttost biss għall-att ta’ offerta lill-pubbliku b’kunsens. Dan l-att ta’ offerta ta’ fonogramma, li jkun jinkludi prestazzjoni rreġistrata, għandu jkun att li jseħħ fl-Unjoni. Huwa għandu wkoll isir għal “finijiet kummerċjali” li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni, għandu jitqies li jfisser li tali fonogramma tkun inħarġet b’mod ġenerali u tqegħdet fis-suq għall-użu, b’kunsens.

100. Madankollu, ma hemm xejn fit-test tal-Artikolu 8(2), moqri fid-dawl tal-Artikolu 15 tal-WPPT, li minnu jista’ jinsilet li l-prestazzjoni partikolari ffissata fil-fonogramma għandha l-ewwel tkun ġiet ipprestata jew li dik il-prestazzjoni għandha l-ewwel tkun ġiet iffissata (enfasi miżjuda) fl-Unjoni sabiex tibbenefika mid-dritt għal ħlas ekwu.

101. B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax jirrestrinġi d-dritt li ħlas ekwu jinqasam għal ċirkustanzi meta l-prestazzjoni sseħħ fiż-ŻEE indipendentement minn jekk l-artisti jkunux iddomiċiljati jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE. Fil-fatt, id-Direttiva 2006/115 ma tinkludi ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

102. Kif spjegat fil-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ fonogramma li tiġi “ippubblikata għal finijiet kummerċjali” skont l-Artikolu 8(2) għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jeżiġu biss li l-utent skatta d-dritt għal ħlas billi jdoqq ir-reġistrazzjoni awdjo fl-Unjoni. F’dan is-sens, prestazzjoni sseħħ fl-Unjoni/fiż-ŻEE indipendentement min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza tal-artist jew tal-produttur tar-reġistrazzjoni jew minn fejn isir l-ewwel iffissar tar-reġistrazzjoni.

103. L-Artikolu 8(2) japplika għall-użu sekondarju ta’ fonogramma li jkun dirett jew indirett u li jseħħ fit-territorju tal-Unjoni/taż-ŻEE. Meta moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(a), li jirreferi għal “artist” b’mod ġenerali, u tal-Artikolu 15 tal-WPPT, l-Artikolu 8(2) tal-WPPT jiskatta minn kwalunkwe utent li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jirriproduċi l-ħoss jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes rreġistrati f’fonogramma, jiġifieri billi jdoqq il-fonogramma jew billi jxandar b’mezzi mingħajr fili, jiġifieri b’mezzi tradizzjonali analogi.

104. Għaldaqstant, “l-artist rilevanti”, għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) huwa l-artist, jiġifieri persuna li l-prestazzjoni tagħha ssir b’mod li tkun tista’ tinstema’ meta tindaqq fonogramma li fiha tkun ġiet irreġistrata dik il-prestazzjoni fit-territorju tal-Unjoni.

105. Kif irrilevat il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) huwa differenti mill-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li jippermettu lill-partijiet kontraenti japplikaw kriterju ta’ nazzjonalità jew ta’ reġistrazzjoni jew ta’ pubblikazzjoni kemm għal produtturi kif ukoll għal prestazzjonijiet irreġistrati f’fonogrammi. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 8(2).

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll il-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u ta’ “fonogramma” (SCF, PPL Ireland u Rundfunk (18)) u ta’ “postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul” (Rundfunk) b’riferiment għall-WPPT u wkoll għall-Konvenzjoni ta’ Ruma. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jeżiġi interpretazzjoni individwali tal-identità ta’ “utent” u tal-kwistjoni tal-użu tal-fonogramma inkwistjoni (SCF).

107. Barra minn hekk, inqis (kif tagħmel il-Kummissjoni) li din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115 hija l-unika waħda li hija konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni (premessa 5), protezzjoni uniformi u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (premessa 17) (19).

108. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi SCF u PPL Ireland, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jagħti dritt lil artisti u produtturi ta’ fonogrammi li huwa kumpensatorju min-natura tiegħu u li jiġi eżerċitat fil-każ ta’ użu ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor protett. Dan huwa dritt li min-natura tiegħu huwa essenzjalment finanzjarju, li ma jistax jiġi eżerċitat qabel ma tkun ippubblikata fonogramma għal finijiet kummerċjali, jew sakemm riproduzzjoni ta’ tali fonogramma tkun intużat għal komunikazzjoni lill-pubbliku minn utent.

109. Fl-istess waqt id-Direttiva 2006/115 ma tagħmilx referenza għal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-iskop ta’ kull wieħed mill-kunċetti msemmija fl-Artikolu 8(2). Għaldaqstant, minħabba l-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dawn il-kunċetti għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (20).

110. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li Stat Membru ma għandux diskrezzjoni jippreskrivi kriterji sabiex jiġi stabbilit liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti rilevanti” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115. B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax jirrestrinġi d-dritt li ħlas ekwu jinqasam f’ċirkustanzi fejn il-prestazzjoni sseħħ fiż-ŻEE indipendentement minn jekk l-artisti jkunux iddomiċiljati jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE.

C.      Fuq it-tielet domanda

1.      Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

111. RAAP issostni li d-diskrezzjoni li għandu Stat Membru li jirrispondi reċiprokament għal riżerva magħmula minn Parti Kontraenti oħra skont l-Artikolu 15(3) tal-WPPT hija limitata fis-sens li r-risposta għandha tirrifletti t-termini tar-riżerva magħmula. Parti Kontraenti ma hijiex obbligata ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar ir-regola tat-tletin jum sabiex tevita kriterji asimmetriċi ta’ kwalifika bejn produtturi ta’ reġistrazzjonijiet u artisti. Dak li huwa meħtieġ huwa li d-dispożizzjonijiet tal-WPPT għal kwalifika ta’ prestazzjonijiet għal trattament nazzjonali abbażi ta’ inkorporazzjoni f’fonogramma protetta (li tkun tinkorpora l-kriterji tal-Konvenzjoni ta’ Ruma) ikunu osservati. Parti Kontraenti għad-WPPT hija libera li tagħti drittijiet lil ċittadini ta’ Parti Kontraenti oħra li tkun għamlet riżerva skont l-Artikolu 15(3), liema drittijiet ikunu iktar ġenerużi minn dawk mogħtija mill-parti li tagħmel ir-riżerva fid-dritt nazzjonali tagħha, madankollu, tali dispożizzjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tal-WPPT u, jekk ikun il-każ, mal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u għandha wkoll tkun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

112. PPI tqis li, bħala prinċipju, Stat Membru għandu diskrezzjoni skont il-WPPT li jirrispondi għal riżerva skont l-Artikolu 15(3). Ma huwiex obbligat jirrifletti l-effett ta’ riżerva u jevita kull sitwazzjoni li fiha ċittadini tal-Istat tar-riżerva jitqiegħdu f’qagħda iktar vantaġġuża minn dik taċ-ċittadini tiegħu vis-à-vis l-Istat tar-riżerva. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma stess kienet tipprevedi l-possibbiltà li ċittadini ta’ Stati terzi mhux Kontraenti jistgħu jiksbu vantaġġ mhux irreċiprokat permezz tar-regola tat-tletin jum tal-Artikolu 5(2), iżda ma kinitx teżiġi lil Stati Kontraenti jevitaw dik il-possibbiltà. L-Irlanda hija obbligata, skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma, tonora l-obbligi tagħha lejn produtturi Amerikani skont ir-regola tat-tletin jum.

113. Il-pożizzjoni vantaġġjuża ta’ produtturi Amerikani (u ta’ dawk ta’ Partijiet Kontraenti oħra ta’ riżerva) toriġina mill-applikazzjoni tar-regola tal-ewwel pubblikazzjoni/tletin jum skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma biss. L-Irlanda setgħet għamlet riżerva skont l-Artikolu 16(1)(a)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma sabiex teskludi l-possibbiltà ta’ ħlasijiet lil produtturi li jkunu ċittadini ta’ Stati mhux Kontraenti skont l-Artikolu 5(2), iżda l-Irlanda għażlet li ma tagħmilx hekk u ma kinitx obbligata tagħmel hekk. Hija ma tistax issa tkun obbligata tagħmel tali riżerva sabiex tiżgura trattament ugwali ta’ produtturi u artisti li jkunu ċittadini ta’ Stati b’riżerva.

114. Riżerva magħmula minn Parti Kontraenti għall-WPPT li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) ikollha l-konsegwenza li, fir-rigward ta’ dik il-Parti Kontraenti, l-istatus quo ante sabiex jingħata ħlas ekwu lil produtturi u artisti jibqa’ jkollu effett; b’mod partikolari, ir-riżerva tfisser li ma jkunx jista’ jkun hemm obbligu għall-Irlanda li tipprovdi ħlasijiet lill-artisti li jkunu ċittadini tal-parti b’riżerva.

115. L-Irlanda tqis li riżerva, indipendentement mill-estent tagħha, tagħti dritt lill-Partijiet Kontraenti l-oħra sabiex ma jagħtu ebda trattament nazzjonali. Hija tikkontendi li r-risposta “kopja preċiża” ta’ RAAP ma hijiex sostnuta mil-lingwa, mill-għan jew mill-kuntest tal-WPPT. Parti Kontraenti għandha d-dritt, fiċ-ċirkustanzi ta’ riżerva għall-finijiet ta’ din id-domanda, tittratta artisti b’mod differenti minn produtturi ta’ fonogrammi meta fonogramma tiġi ppubblikata għall-ewwel darba fi Stat Kontraenti. Bħala kwistjoni ta’ prinċipji li jiġu l-ewwel, u indipendentement mill-obbligi skont it-Trattat, sakemm ma jkunx hemm projbizzjoni applikabbli tad-dritt internazzjonali, il-parti mitluba tagħti risposta tkun ħielsa tipprovdi sistema iktar ġeneruża minn dik mogħtija mill-parti ta’ riżerva. Dan jista’ jseħħ minħabba kunsiderazzjonijiet li ma jkollhomx rabta diretta mas-suġġett jew minħabba strateġija jew politika nazzjonali.

116. Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-Istati Membri ma għandhomx diskrezzjoni f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u ma jistgħux jirrispondu għar-riżervi magħmula minn Partijiet Kontraenti oħra jew japplikaw kriterji oħra ħlief dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

2.      Analiżi

117. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Istati Membri jistgħux jirrispondu għal riżervi magħmula minn Partijiet Kontraenti oħra tal-WPPT jew japplikaw ir-regoli partikolari tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar l-eliġibbiltà għal protezzjoni.

118. Dwar ir-rabta bejn il-kunċett ta’ “ħlas xieraq” fl-Artikolu 15 tal-WPPT, fl-Artikolu 12(d) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (li huwa l-mudell tal-Artikolu 15 tal-WPPT) u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (issa d-Direttiva 2006/115), jidhirli li huwa biss il-WPPT li huwa rilevanti. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ma hijiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u r-rekwiżiti speċifiċi inklużi fiha, b’rabta ma’ dak li jikkostitwixxi fonogramma protetta fl-Artikolu 5, ma jorbtux lill-Unjoni; lanqas ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar it-trattament nazzjonali, li jippermettu għażla bejn reġistrazzjoni, pubblikazzjoni u nazzjonalità għall-eliġibbiltà għal trattament nazzjonali, ma huma vinkolanti għall-Unjoni.

119. Kif irrilevat il-Kummissjoni, ebda waħda mir-regoli inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Ruma ma huma riflessi fit-test tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li, anki meta ġiet adottata bħala d-Direttiva 92/100, ma tippermetti ebda riżerva jew restrizzjoni fl-applikazzjoni tagħha.

120. Għalhekk, huwa biss l-Artikolu 4(2) tal-WPPT li għandu jiġi analizzat hawnhekk.

121. L-Artikolu 4(2) tal-WPPT, li fir-rigward tiegħu l-Unjoni hija parti, jipprovdi eċċezzjoni għal trattament nazzjonali fil-każ ta’ riżervi awtorizzati taħt l-Artikolu 15(3) tal-WPPT.

122. Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2006/115 tagħmel parti minn “qasam li issa huwa ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni” u tirreferi b’mod ġenerali għal “regoli komuni tal-Unjoni skont id-drittijiet diversi tal-proprjetà intellettwali previsti mid-dritt tal-Unjoni”.

123. Skont il-Kummissjoni, filwaqt li huwa minnu li fiż-żmien tal-iffirmar u tar-ratifika tal-WPPT u tat-trattat relatat, it-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT) mill-Unjoni, dan il-qasam tqies li kien ta’ kompetenza kondiviża u, għalhekk, l-Istati Membri rratifikaw dawn it-trattati flimkien mal-Unjoni, dan ma għadux il-każ. L-Unjoni issa ħadet post l-Istati Membri fir-rigward tal-WPPT. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tittrasponi (fil-każ tal-WPPT) ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża TV2 Danmark (21), li kienet dwar il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (22).

124. B’mod partikolari, il-punt 31 ta’ dik is-sentenza jipprovdi: “[...] meta adotta d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kkunsidrat li eżerċita l-kompetenzi preċedentement mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li ssostitwixxiet ruħha għall-Istati Membri li ma għadhomx iktar kompetenti sabiex jimplementaw l-istipulazzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Berne [...]”.

125. Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba li l-qasam kopert mid-Direttiva 2006/115 issa huwa wieħed ta’ kompetenza esklużiva, l-Istati Membri ma jistgħux jirrispondu għal riżervi magħmula minn Partijiet Kontraenti oħra skont l-Artikolu 15(3) tal-WPPT; lanqas ma jistgħu huma stess japplikaw l-Artikolu 4(2). Għalhekk, huwa l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi, b’mod uniformi għat-territorju kollu tal-Unjoni, liema għandha tkun il-konsegwenza għal artisti Amerikani, li l-mużika tagħhom tixxandar fl-Unjoni, tar-riżerva magħmula minn dik il-Parti Kontraenti abbażi tal-Artikolu 15(3) imsemmi iktar ’il fuq tal-WPPT.

126. Jiena naqbel ma’ din l-argumentazzjoni. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li ma jintlaqax l-argument ta’ PPI u tal-Irlanda bbażat fuq il-fatt li l-WPPT ma għandux effett dirett u intiż sabiex jintwera li t-trattament nazzjonali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif stabbilit f’dan it-trattat b’ebda mod ma jirrigwarda d-Direttiva.

127. Huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-WPPT kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Ruma ma għandhomx effett dirett bl-ebda mod ma jiżvija mill-obbligu li d-Direttiva 2006/115 tiġi interpretata fid-dawl ta’ dawk il-ftehimiet (23).

128. Iktar minn hekk, is-sempliċi fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni, li jfittex li jiżgura ħlas ekwu lil artisti li x-xogħlijiet kreattivi tagħhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku fl-Unjoni, ma jsemmix espressament l-obbligu internazzjonali tal-Unjoni li tittratta b’mod ugwali artisti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni b’mod konformi ma’ dak l-obbligu.

129. Barra minn hekk, inqis li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu fil-fatt jidher bħala l-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-Artikolu 15 tal-WPPT, b’mod partikolari minħabba l-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu (24).

130. Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li tkun konformi ma’ ftehim imħallat ma jestendix għal obbligi li hemm f’dak il-ftehim li jagħmlu parti mill-oqsma fejn l-Unjoni Ewropea għadha ma eżerċitatx is-setgħat tagħha u lleġiżlat b’importanza suffiċjenti (25).

131. Għaldaqstant, għandu l-ewwel jiġi stabbilit jekk hemmx regoli tal-Unjoni “fil-qasam ikkonċernat” (26).

132. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2010:436, punt 66), ma huwiex neċessarjament ċar liema livell ta’ eżerċizzju ta’ setgħat tal-Unjoni huwa ta’ “importanza suffiċjenti” sabiex iwassal għall-konklużjoni li l-Unjoni lleġiżlat f’“qasam” partikolari.

133. Kif għandu jiġi ddefinit “qasam” partikolari? Jista’ jkun kunċett wiesa’ ta’ “leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali”? Huwa minnu li fil-kawża Etang de Berre (27), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “leġiżlazzjoni li tolqot l-ambjent” li kienet teżisti kienet biżżejjed sabiex tkun stabbilita l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’kull każ, isegwi mill-ġurisprudenza diskussa f’dawn il-konklużjonijiet li l-“qasam rilevanti” għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ każ b’każ.

134. F’din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-qasam inkwistjoni għandu jiġi deskritt bħala kunċett eċċessivament wiesa’, dak tal-qasam tal-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni kienet diġà qajmet dan l-argument preċedentement fil-kawżi Dior (28) u Merck Genericos (29).

135. Bħalma dak l-argument estensiv ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk iż-żewġ kawżi – u minkejja l-formulazzjoni tal-punt 31 tas-sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, (C‑510/10, EU:C:2012:244), li naħseb li għandu jkun applikat b’analoġija f’din il-kawża – jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-qasam inkwistjoni ma jistax jiġi deskritt bħala li huwa, b’mod ġenerali ħafna, dak tal-acquis tal-proprjetà intellettwali.

136. Fil-fatt, li kieku dan il-qasam kellu jkun, fl-intier tiegħu, il-qasam inkwistjoni, kien ikun faċli li jingħad li l-Unjoni Ewropea kienet illeġiżlat b’mod estensiv fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u li jiġi konkluż li l-aspetti kollha ta’ dak il-qasam, li kienu jkunu fi ftehim imħallat, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni pjuttost milli taħt dik tal-Istati Membri, u dan minkejja li għadd kunsiderevoli ta’ suġġetti tal-proprjetà intellettwali sa issa kienu biss armonizzati superfiċjalment.

137. Filwaqt li huwa neċessarju li l-qasam inkwistjoni jiġi ddelimitat b’mod suffiċjentement preċiż, il-kwistjoni tqum jekk, fid-dawl b’mod partikolari tat-tielet domanda preliminari – liema domanda tikkonċerna l-għażliet possibbli ta’ Parti Kontraenti meta Parti Kontraenti oħra tagħmel riżerva u dan fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni – huwiex xieraq li tiġi invokata l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 3(2) TFUE.

138. Din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna impenji internazzjonali konklużi mill-Unjoni u teżiġi, sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, li l-qasam rilevanti jkun “qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa ġa kopert bir-regoli tal-Unjoni” (30) (ara wkoll il-punt 147 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

139. Liema huwa għalhekk dan il-qasam, minħabba li ġeneralment ma jistax ikopri l-qasam kollu tal-proprjetà intellettwali?

140. Jiena naqbel ma’ dak li ġie argumentat mill-Kummissjoni waqt is-seduta; il-qasam rilevanti li fir-rigward tiegħu l-Unjoni tista’ tinvoka kompetenza esklużiva huwa l-qasam tad-drittijiet ta’ reġistrazzjonijiet awdjo: id-drittijiet tal-artist, id-drittijiet tal-produttur tar-reġistrazzjoni fis-suġġett tal-protezzjoni li huwa l-fonogramma (jew ir-reġistrazzjoni) li tindaqq fi stabbilimenti, bars, ristoranti, eċċ, jiġifieri tintuża mill-utenti fl-Unjoni bħala att ta’ użu għall-finijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta’ xandir (tinkludi wkoll id-drittijiet tal-awtur tax-xogħol oriġinali li huwa eżegwit – jistgħu jikkoinċidu peress xi drabi jkun hemm kantanti li jkunu kantanti-kompożituri).

141. Fir-rigward tat-trattament innifsu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-acquis; kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu PPI u l-Irlanda, huwa biżżejjed li jingħad li d-Direttiva 2006/115 ma tgħid xejn dwar dan. Għaldaqstant, dan japplika għaċ-ċittadini kollha.

142. Kif irrilevat il-Kummissjoni, fejn l-acquis ma jgħid xejn, dan japplika għaċ-ċittadini kollha, kuntrarjament għal oqsma oħra tad-dritt, bħad-dritt tal-kumpanniji u d-dritt tal-kontabbiltà, fejn hemm kunċetti ta’ stabbiliment jew ta’ residenza u fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel provvediment għalihom. Dan ma huwiex il-każ fil-qasam tal-acquis tad-drittijiet tal-awtur bħala prinċipju. Din il-leġiżlazzjoni hija newtrali b’rabta mal-kwistjoni ta’ fir-rigward ta’ min tapplika. Dan huwa l-mod kif l-Unjoni tħares l-obbligi tagħha fil-kuntest ta’ trattati internazzjonali li jipprevedu trattament nazzjonali.

143. Jekk wieħed jipprova jevadi d-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, allura jkun id-dritt tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel dan b’mod espress, bi strument leġiżlattiv. Il-fatt li d-Direttiva 2006/115 ma tgħid xejn dwar dan huwa sostnut mit-test, li ma jeskludi lil ħadd skont it-termini tiegħu. Fil-fatt, bħala paragun ta’ din id-direttiva ma leġiżlazzjoni fejn dan iseħħ, nirreferi għad-Direttiva 2001/84 (dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti). Hawnhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel provvediment espress, f’din id-direttiva, sabiex jiżgura li huma biss il-Partijiet Kontraenti tal-Unjoni ta’ Bern, li kellhom fid-dritt tagħhom provvediment materjali ekwivalenti għall-artisti meta jbigħu mill-ġdid ix-xogħlijiet artistiċi tagħhom, li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid tal-artist.

144. F’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espressament taħt id-dispożizzjoni intitolata “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi intitolati li jirċievu royalties” li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awturi li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, soġġetti għall-Artikolu 8(2), is-suċċessuri tagħhom fit-titolu għandhom igawdu mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid skond din id-Direttiva u l-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat biss jekk il-leġislazzjoni fil-pajjiż li tiegħu l-awtur innifsu jew is-suċċessur tiegħu/tagħha fit-titolu jkun ċittadin tippermetti l-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’dak il-pajjiż għall-awturi mill-Istati Membri u s-suċċessuri tagħhom fit-titolu”.

145. Eżempju ieħor huwa d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (31), fejn il-leġiżlatur introduċa d-dritt sui generis li ma kellu ebda korrispettiv fi trattat internazzjonali; ġiet inkluża dispożizzjoni li kellha l-effett li d-dritt għall-prevenzjoni ta’ estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew użu mill-ġdid fir-rigward ta’ database għandha tapplika għal databases li l-prodotturi tagħhom ikunu ċittadini jew residenti abitwali ta’ pajjiżi terzi jew għal dawk prodotti minn persuni legali mhux stabbiliti fi Stat Membru, fis-sens tat-Trattat, biss jekk tali pajjiżi terzi joffru protezzjoni paragunabbli għal databases prodotti minn ċittadini ta’ Stat Membru jew persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tal-Komunità.

146. Fid-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (32), li kienet deroga mid-drittijiet tal-awturi u drittijiet relatati oħra, filwaqt li kien konxju mill-obbligi tiegħu taħt ftehimiet internazzjonali u fl-interessi ta’ kortesija internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa d-deċiżjoni li ma japplikax ir-regoli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sakemm ma kienx hemm deċiżjoni raġonevoli meħuda fil-kuntest kollu tal-każ li huma kellhom għarfien tal-użu li kien qiegħed isir mix-xogħlijiet tagħhom. Għaldaqstant, ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu esklużi mill-effetti possibbilment dannużi tad-Direttiva dwar xogħlijiet orfni.

147. Sussegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk wieħed jistax, f’din il-kawża, jinvoka l-ġurisprudenza b’rabta mal-Artikolu 3(2) TFUE, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151) u l-Opinjoni 3/5 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati) (3/15, EU:C:2017:114).

148. Inqis li — minkejja l-fatt li dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet kienu jikkonċernaw ftehim internazzjonali li għad irid jiġi nnegozjat u trattat li ġie nnegozjat, hawnhekk l-Unjoni hija ġġustifikata li tinvoka kompetenza esklużiva fuq l-effett intervenjenti mhux biss fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-acquis dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, iżda wkoll fil-qasam tal-approfondiment ta’ armonizzazzjoni permezz ta’ korp ta’ regoli (33). Id-Direttiva 2014/26/UE tinkludi tliet definizzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet li huma rilevanti sabiex jiġi riżolt dan il-każ: definizzjoni newtrali ta’ detentur tad-dritt, definizzjoni newtrali tad-dħul tad-dritt, u definizzjoni newtrali ta’ mmaniġġar. Għaldaqstant, għal kwalunkwe att ta’ użu tad-drittijiet ta’ awtur ta’ persuna jew ta’ dritt relatat fl-Unjoni, dik il-persuna tirċievi dħul tad-drittijiet u kwalunkwe detentur tad-dritt jista’ jagħmel pretensjoni għal dan id-dħul.

149. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat, kif diġà sostna l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Merck, li l-ftehimiet konklużi konġuntament mill-Unjoni u l-Istati Membri flimkien jiżvelaw l-għan komuni tagħhom u jorbtuhom ma’ pajjiżi terzi li huma partijiet għal dawk il-ftehimiet; il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE jeżiġi li l-Istati Membri jikkooperaw mhux biss fil-proċess sabiex ikunu nnegozjati u konklużi ftehimiet bħal dawk, iżda wkoll sabiex jiġu implimentati (Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ftehimiet annessi mal-Ftehim tal-WTO) (EU:C:1994:384, punt 108)); dan għandu jinqara flimkien mad-dmir li tinkiseb l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni mhux biss fil-qasam leġiżlattiv iżda wkoll fl-oqsma tal-eżekuttiv u tal-ġustizzja (34).

150. Nixtieq nirrileva li hemm ukoll possibbilment kompetenza esklużiva oħra tal-Unjoni li tista’ tkun rilevanti għal dan il-każ: dik tal-politika kummerċjali komuni (Artikolu 3(1)(e) TFUE). Fil-kawża tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 52 u 53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli TRIPS jaqgħu taħt din il-kompetenza. Fil-fatt, uħud minn dawn ir-regoli jirrigwardaw preċiżament drittijiet ta’ artisti u ta’ produtturi (35). Għalhekk, filwaqt li, teknikament, ma hemmx koinċidenza bejn it-TRIPS u il-WPPT, ma hemmx dubju li teżisti ċerta rabta.

151. Huwa minnu li d-dritt speċifiku inkwistjoni hawnhekk ma huwiex fil-Ftehim TRIPS (dak li huwa meħtieġ huwa osservanza tal-obbligi ta’ trattament anzzjonali u tad-dispożizzjonijiet tat-TRIPS dwar l-istatus tan-nazzjon l-iktar favorit). Fi kwalunkwe każ, dan ma jipprekludix l-Unjoni milli tipprovdi tali dritt, dan ifisser sempliċement li dan ma jagħmilx parti mill-kuntest tal-Ftehim ta’ TRIPS.

152. Għaldaqstant, isegwi mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq jemenda d-Direttiva 2006/115 u jeskludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi, allura għandha tkun l-Unjoni li tagħmel dan u mhux is-27 Stat Membru li jippruvaw jagħmlu dan b’modi differenti. Fil-fatt, li kieku dan jitħalla f’idejn l-Istati Membri, dan ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni adottati mill-Unjoni.

153. Il-kwistjoni segwenti tqum obiter: jekk, fir-rigward tal-WPPT kollu kemm hu, l-Unjoni titqies li ħadet il-post tal-Istati Membri, liema huma l-konsegwenzi legali li jkollhom ir-riżervi magħmula mill-Istati Membri skont dak it-trattat (ara d-dikjarazzjonijiet tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju tal-Isvezja fin-Notifika Nru 78 ta’ dak it-trattat, kif ukoll id-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fin-Notifika Nru 88 mehmuża ma’ dak it-trattat)?

154. Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet f’dawn il-konklużjonijiet isegwi li, sa fejn l-effett ta’ dawn ir-riżervi jkun li tiġi prekluża l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dawn ir-riżervi ma għandhomx ikunu applikabbli.

155. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Istati Membri ma għandhomx diskrezzjoni f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u huma preklużi milli jirrispondu għar-riżervi magħmula minn Partijiet Kontraenti oħra jew milli japplikaw kriterji għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

D.      Fuq ir-raba’ domanda

1.      Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

156. RAAP u l-Kummissjoni jqisu, essenzjalment, li ma huwiex permissibbli li d-dritt għal ħlas ekwu previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ikun limitat għal produtturi ta’ reġistrazzjoni awdjo, jiġifieri li d-dritt jiġi miċħud lill-artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi f’dik ir-reġistrazzjoni awdjo f’ċirkustanzi li fihom il-produtturi jingħataw id-dritt.

157. PPI ssostni li, permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex permess, skont il-WPPT, li produtturi u artisti jiġu ttrattati b’mod differenti, billi jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ produtturi għal ħlas ekwu filwaqt li dak id-dritt ma jingħatax lil artisti. PPI tissottometti li r-risposta għal din id-domanda tista’ tingħata fl-affermattiv.

158. L-Irlanda ssostni li hija għandha dritt tittrasponi d-Direttiva 2006/115, u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riżerva magħmula mill-Istati Uniti, jekk ikun meħtieġ, tagħti trattament nazzjonali lil artisti li jkunu qegħdin jippreżentaw jew li jkunu residenti/domiċiljati f’pajjiż taż-ŻEE, flimkien mal-għażla li żżid il-kategoriji ta’ artisti permezz ta’ ordni eżekuttiva. Din id-diskrezzjoni teżisti abbażi tat-test tad-Direttiva, l-istorja leġiżlattiva tagħha u l-preambolu tagħha indirizzat lil operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea. L-Irlanda għandha d-dritt, l-iktar meta jitqies in-nuqqas relatat ta’ drittijiet mogħtija fil-liġijiet interni tal-Istati Uniti, iżda wkoll minħabba li l-WPPT ma huwiex direttament effettiv, li tifred id-dritt għal ħlas li jistgħu jiksbu l-produtturi mid-drittijiet li jistgħu jiksbu l-artisti meta l-prestazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati mod ieħor f’fonogramma minħabba regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-ewwel pubblikazzjoni fi Stat Kontraenti ieħor.

2.      Analiżi

159. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex permissibbli li d-dritt għal ħlas ekwu jiġi limitat b’mod li artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi f’dik ir-reġistrazzjoni awdjo ma jirċievu ebda ħlas u l-ħlas jakkumula biss għall-benefiċċju tal-produttur tar-reġistrazzjoni.

160. Kif irrilevat RAAP, l-Artikolu 8(2) huwa espliċitu ħafna meta jobbliga lill-Istati Membri jagħtu drittijiet ta’ ħlas kemm lil artisti kif ukoll lil produtturi. Din kienet devjazzjoni maħsuba mill-pożizzjoni fid-dritt internazzjonali esposta fil-Konvenzjoni ta’ Ruma meta ġiet adottata d-Direttiva 2006/115 (36). L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-WPPT allinjat il-pożizzjoni internazzjonali u l-pożizzjoni skont id-Direttiva.

161. Dan huwa kkorroborat mill-kuntest u mill-għan ta’ din id-direttiva. Huwa ċar, partikolarment mill-premessi 5, 7 u 10 tagħha, li l-għanijiet ta’ din id-direttiva jinkludu l-protezzjoni ta’ artisti, l-armonizzazzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea kollha u li jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw id-drittijiet inkwistjoni, konformement mal-obbligi tagħhom fid-dritt internazzjonali.

162. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-test tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm qsim tal-ħlas. Minħabba li dan id-dritt ma jistax jiġi rrinunzjat, qsim li huwa ekwiparabbli għal ebda ħlas ikun de facto esproprjazzjoni tad-dritt anki meta dan ikun miftiehem bejn il-produtturi ta’ reġistrazzjonijiet u l-artisti (ara l-premessi 12 u 13 tad-Direttiva f’dan ir-rigward).

163. Kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju, mill-kawża SENA (37) isegwi li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (illum l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115) għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u applikat minn kull Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk il-ħlas ikunx ekwu, li jirrappreżenta l-korrispettiv għall-użu ta’ fonogramma kummerċjali, inter alia għal finijiet ta’ xandir, għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-valur ta’ dak l-użu fil-kummerċ.

164. Anki l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni jistabbilixxu, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar xierqa sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mid-Direttiva 2006/115, konformità ma’ dak il-kunċett tal-Unjoni dwar jekk il-ħlas, li jirrappreżenta l-korrispettiv għall-użu ta’ fonogramma kummerċjali, ikunx ekwu, b’mod partikolari, fid-dawl tal-valur ta’ dak l-użu fil-kummerċ.

165. Madankollu, inqis li r-riferiment għall-“kriterji xierqa li jiżguraw konformità” ma jestendix għad-determinazzjoni ratione personae tal-benefiċjarji skont l-Artikolu 8(2). Għall-kuntrarju, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri tkun limitata, bħala prinċipju, għal evalwazzjoni ta’ dak li huwa ekwu f’termini ta’ ħlas.

166. Inkella, ikun imur kontra l-għan tad-Direttiva 2006/115 li tiġi stabbilita protezzjoni legali armonizzata fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, jekk l-Artikolu 8(2) ikun jista’ jintuża mill-Istati Membri bħala bażi sabiex jiġu identifikati l-benefiċjarji ta’ dak il-ħlas. Tali approċċ imur kontra l-premessa 17 (38).

167. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi rrilevat li l-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur tal-maġġoranza tal-Istati Membri (mill-inqas 18-il Stat Membru) jipprevedu espliċitament (39) li, fin-nuqqas ta’ ftehim, il-ħlas ekwu uniku — wara t-tnaqqis tal-ispejjeż leġittimi għal xogħol — għandu jinqasam indaqs (50:50) bejn artisti u produtturi.

168. Isegwi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li huwa inkonsistenti mal-Artikolu 8(2) li d-dritt għal ħlas ekwu jiġi limitat b’tali mod li l-artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi fir-reġistrazzjoni awdjo ma jirċievu ebda ħlas u li huwa biss il-produttur tar-reġistrazzjoni li jirċievi tali benefiċċju.

IV.    Konklużjoni

169. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-High Court (l-Irlanda) għal deċiżjoni preliminari, kif ġej:

1)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) li fir-rigward tiegħu l-Unjoni hija parti u huwa konformi mal-obbligu tal-Unjoni li tagħti trattament nazzjonali kif mitlub mill-Artikolu 4 tal-WPPT mingħajr il-ħtieġa ta’ dispożizzjoni speċifika għal dan l-għan.

2)      Stat Membru ma għandux diskrezzjoni jippreskrivi kriterji sabiex jiġi stabbilit liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti rilevanti” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115. B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax jirrestrinġi d-dritt li ħlas ekwu jinqasam f’ċirkustanzi fejn il-prestazzjoni sseħħ fiż-Żona Ekonomika Ewropea indipendentement minn jekk l-artisti jkunux iddomiċiljati jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE.

3)      L-Istati Membri ma għandhomx diskrezzjoni f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u huma preklużi milli jirrispondu għar-riżervi magħmula minn Partijiet Kontraenti oħra tal-WPPT jew milli japplikaw kriterji għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

4)      Ikun inkonsistenti mal-Artikolu 8(2) li d-dritt għal ħlas ekwu jiġi limitat b’tali mod li l-artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi fir-reġistrazzjoni awdjo ma jirċievu ebda ħlas u li huwa biss il-produttur tar-reġistrazzjoni li jirċievi tali benefiċċju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU 2006 L 376, p. 28; iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).


3      Deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000 L 89, p. 6, iktar ’il quddiem il-“WPPT”).


4      Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).


5      Mill-proċess jirriżulta li hemm żewġ tipi ta’ proċeduri b’rabta mat-tilwima. Il-proċeduri l-oħra jikkonċernaw il-funzjonijiet statutorji tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi u artisti rispettivament, b’mod partikolari liema organizzazzjoni għandha d-dmir tikkalkola t-tariffi tal-liċenzja li jitħallsu lil artisti individwali. RAAP issostni li din hija l-funzjoni tagħha, bħala organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv li tirrappreżenta artisti. Jekk dan huwa l-każ, PPI ikollha tħallas somma f’daqqa lil RAAP, u RAAP imbagħad tqassam dik is-somma — wara li tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi — lil artisti individwali. Hemm kwistjoni oħra dwar jekk RAAP għandhiex id-dritt tiġbor f’isem l-artisti kollha ta’ kategorija partikolari, jew biss dawk l-artisti li jkunu effettivament assenjaw dak id-dritt lilha. Dawn il-proċeduri l-oħra ma humiex is-suġġett tad-digriet.


6      Reinbothe, J. u Von Lewinski, S., The WIPO Treaties on Copyright: A Commentary on the WCT, the WPPT, and the BTAP, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 296, li jagħti wkoll ħarsa ġenerali tajba dwar il-kuntest storiku tal-WPPT u jipprovdi kummentarju dwaru.


7      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012 (C‑135/10, EU:C:2012:140). Ara, f’dan il-kuntest, Malenovsky, J., La contribution de la Cour de justice à l’harmonisation du droit d’auteur dans l’Union européenne, ERA Forum (2012), 13, p. 411.


8      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141).


9      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017 (C-641/15, EU:C:2017:131).


10      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, EU:C:1998:353, punt 20), u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 35).


11      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998 (C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 28).


12      Proposta tat-30 ta’ April 1992 (COM(92) 159 final, p. 12).


13      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


14      Ara, dwar dan, SCF punt 52 et seq. Għal kritika ta’ din il-ġurisprudenza ara Simon, D., Effets des accords internationaux dans l’ordre juridique de l’Union, Europe, Nru 5, Mejju 2012.


15      Għal approċċ differenti, ara d-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17. Vol. 1, p. 240).


16      L-għan ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikoli 114, 56 u 62 TFUE.


17      Ara wkoll, għal dan il-għan Sterling on World Copyright Law, ir-raba’ edizzjoni, Sweet & Maxwell Thomson Reuters, Artikolu 28B.07.


18      Rispettivament, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140 (SCF)); tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141 (“PPL Ireland”); u tas-16 ta’ Frar 2017, Verwertungsgesellschaft Rundfunk (C‑641/15, EU:C:2017:131.) Ara, b’mod ġenerali, Ben Dahmen, K., Interactions du droit international et du droit de l’Union européenne: Un pluralisme juridique rénové en matière de propriété industrielle, L’Harmattan, 2013.


19      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Sony Music Entertainment (C‑240/07, EU:C:2009:19, punti 20-25, 27 u 35). Dan huwa diġà evidenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training Gesellschaft (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 28).


20      Ara dwar dan is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 27 u 28), u tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn and Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 14 u 15).


21      Sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark (C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 31). Għal kritika ta’ din il-ġurisprudenza ara Treppoz, E.,– Le juge européen et les normes internationales en matière de droit d’auteur, Chronique Droit européen de la propriété intellectuelle, RTD Eur., 2012, p. 964. Ara wkoll Bergé, J.-S., Les mots de l’interaction : compétence, applicabilité et invocabilité, JDI, 2012, chron. 5.


22      Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, kif emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il-quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”). Ara, f’dan ir-rigward, b’rabta ma’ “trattament nazzjonali”, Ricketson, S. u Ginsburg, J. C., International Copyright and Neighbouring Rights: The Berne Convention and Beyond, Vol. 1, Oxford, 2006, p. 295.


23      Ara SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 47 sa 50, 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, madankollu, Moura Vicente, D., La propriété intellectuelle en droit international privé, ADI Poche, 2009, p. 120 u n-nota 274, li tispjega li ċerti artikoli ta’ TRIPS jistgħu jkollhom effett dirett, kif kien deċiż preċedentement fil-Ġermanja.


24      Li jgħid: “Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali [nazzjonali] li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.”


25      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punti 34, 35 u 46).


26      Qabbel sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 35) u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 31 u 32).


27      Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598, punt 28). Għal kritika tal-ġurisprudenza ara, pereżempju, Tanghe, Y., The EU’s external competence in IP matters: the contribution of the Daiichi Sankyo case to cloudy constitutional concepts, blurred borders, and corresponding court jurisdiction, Columbia Journal of European Law, Vol. 22.1, 2015, p. 139 et seq.


28      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688).


29      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496). Ara, pereżempju, Holdgaard, R., Case C431/05, Merck Genéricos, CMLR 45, 2008, p. 1233.


30      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 65 et seq.), Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati), EU:C:2017:114, punt 107.


31      ĠU 1996 L 9, verżjoni kkonsolidata, p. 1.


32      Test b’rilevanza ŻEE, ĠU 2012 L 299, p. 5.


33      Pereżempju, Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterratorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014 L 84, p. 72).


34      L-Opinjoni fis-sentenza Merck tirreferi għal Kahl, W. “Artikel 10”, f’Callies, Ch. u Ruffert, M., Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Ed. Luchterhand, it-tieni edizzjoni, ireveduta u estiża, Neuwied u Kriftel, 2002, p. 451 et seq. Dawn l-argumenti huma sostnuti wkoll minn Etienne, J., Arrêt « Merck Genéricos » : la compétence d’interprétation d’un accord international conclu par la Communauté et les Etats membres, Journal de droit européen, 2008, p. 46.


35      Ara l-Artikolu 14 tal-Ftehim TRIPS.


36      Ara, pereżempju, Walter, M., von Lewinski, European Copyright Law: A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2010, punt 6.8.13.


37      Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003 (C‑245/00, EU:C:2003:68). Din is-sentenza tindirizza l-estent sa fejn ftehimiet internazzjonali jistgħu jintużaw bħala għajnuna fl-interpretazzjoni tad-Direttiva.


38      “Id-drittijiet tal-kiri u s-self armonizzati u l-protezzjoni armonizzata fil-qasam tad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur m’għandhomx ikunu eżerċitati b’mod li jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri […]”


39      Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, u l-Isvezja.