Language of document : ECLI:EU:C:2022:3

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Jannar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 4 u 5 – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Għalliema tar-reliġjon Kattolika – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti – Bżonn permanenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni”

Fil-Kawża C‑282/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ April 2019, fil-proċedura

YT,

ZU,

AW,

BY,

CX,

DZ,

EA,

FB,

GC,

IE,

JF,

KG,

LH,

MI,

NY,

PL,

HD,

OK

vs

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca MIUR,

Ufficio scolastico Regionale per la Campania,

fil-preżenza ta’:

Federazione GILDA-UNAMS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal YT, ZU, AW, BY, CX, DZ, EA, FB, GC, IE, JF, KG, LH, MI, NY u PL, minn S. Tramontano, avukat,

–        għal HD, minn F. Sorrentino, avukat,

–        għal OK, minn V. De Michele, avukat,

–        għall-Federazione GILDA-UNAMS, minn T. de Grandis, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġenta, assistita minn L. Fiandaca u minn P. Gentili, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek kif ukoll minn C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn YT, ZU, AW, BY, CX, DZ, EA, FB, GC, IE, JF, KG, LH, MI, NY, PL, HD u OK (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali”), li jgħallmu r-reliġjon Kattolika fi ħdan stabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku, minn naħa, u l-Ministero dell’Istruzione dell’Università e della Ricerca – MIUR (il-Ministeru tal-Edukazzjoni, tat-Tagħlim Superjuri u tar-Riċerka – MIUR, l-Italja), l-Ufficio Scolastico Regionale per la Campania (l-Uffiċċju Reġjonali tat-Tagħlim tal-Campania, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar it-talba tagħhom għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 1999/70

3        Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tipprovdi:

“Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

 IlFtehim qafas

4        It-tieni paragrafu tal-preambolu għall-Ftehim qafas jistipula li l-partijiet f’dan il-Ftehim “jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema [u li] l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema”.

5        Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas huma mfassla kif ġej:

“6.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7.      Billi l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg f’ ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

[…]

10.      Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’natura staġjonali;”

6        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

7        Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

8        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem:

1.      […] ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

[…]”

9        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha li:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

10      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

11      Il-klawżola 8 tal-istess ftehim qafas, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni”, tistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.”

[…]”

 IdDirettiva 2000/78

12      Il-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tagħha dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, irrikonoxxiet espliċitament li tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta l-istat ta’ l-organizzazzjonijiet filosofiċi u dawk mhux konfessjonali. B’dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti tax-xogħol essenzjali, leġittimi u ġustifikati, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi eżerċitata attività professjonali.”

13      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi li din għandha l-iskop li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi, b’mod partikolari, ta’ reliġjon jew twemmin, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

14      L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

 Iddritt Taljan

15      L-Artikolu 3(4), (7), (8), u (9) tal-legge n. 186 – Norme sullo stato giuridico degli insegnanti di religione cattolica degli istituti e delle scuole di ogni ordine e grado (il-Liġi Nru 186 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet li Jirregolaw l-Istatus Legali tal-Għalliema tar-Reliġjon Kattolika fi Stabbilimenti u Skejjel ta’ Kull Tip u Livell), tat‑18 ta’ Lulju 2003 (GURI Nru 170, tal‑24 ta’ Lulju 2003) jipprovdi:

“4.      Kull kandidat f’kompetizzjoni għandu jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ kapaċità […] maħruġ mill-Ordinarju djoċesan territorjalment kompetenti u jista’ jikkompeti biss għall-pożizzjonijiet disponibbli fit-territorju li jaqgħu taħt id-djoċesi

[…]

7.      Il-kummissjonijiet għandhom jistabbilixxu l-lista tal-persuni li għaddew mill-kompetizzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-riżultat tal-eżamijiet, esklużivament il-kwalifiki […]. Id-direttur reġjonali għandu japprova l-lista u jibgħat lill-Ordinarju djoċesan territorjalment kompetenti l-ismijiet tal-persuni li jkunu jinsabu adatti sabiex jokkupaw il-pożizzjonijiet tad-dotazzjonijiet organiċi […]. Id-direttur reġjonali għandu jinkludi fil-lista tal-persuni li jkunu għaddew mill-kompetizzjoni sabiex tiġi kkomunikata lill-Ordinarju djoċesan l-ismijiet neċessarji sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet li eventwalment isiru vakanti fid-dotazzjonijiet organiċi matul il-perijodu ta’ validità tal-kompetizzjoni.

8.      Ir-reklutaġġ permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiġi deċiż mid-direttur reġjonali, b’konsultazzjoni mal-Ordinarju djoċesan territorjalment kompetenti.

9.      Mar-raġunijiet ta’ riżoluzzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol previsti mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ tiżdied ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ kapaċità mill-Ordinarju djoċesan territorjalment kompetenti, li tkun saret eżekuttiva taħt id-dritt Kanoniku […].”

16      L-Artikolu 36(1), (2) u (5) tad-decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, li Jistabbilixxi Regoli Ġenerali Dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad‑9 ta’ Mejju 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001”), kien jipprovdi:

“1.      Għar-rekwiżiti marbutin mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw esklużivament permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat […].

2.      Sabiex jissodisfaw rekwiżiti ta’ natura esklużivament temporanja jew eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli għar-reklutaġġ u għall-impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol fl-impriża, bl-osservanza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ fis-seħħ.

[…]

5.      Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi.”

17      L-Artikolu 5(2) u (4 bis) tad-decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, tas‑6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235 tad‑9 ta’ Ottubru 2001) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”) jipprovdi:

“2.      Jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tkompli lil hinn mit-tletin jum, fil-każ ta’ kuntratt ta’ tul ta’ inqas minn sitt xhur u meta jkun għadda ż-żmien totali msemmi fil-paragrafu 4 bis, jew lil hinn mill-ħamsin jum fil-każijiet l-oħra, il-kuntratt jitqies bħala wieħed għal żmien indeterminat b’effett mill-iskadenza tal-imsemmija termini.

[…]

4 bis.      […] meta, b’riżultat ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess impjegat taqbeż, globalment, il-perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, indipendentement mill-perijodi ta’ interruzzjoni bejn il-kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies bħala li hija waħda għal żmien indeterminat skont il-paragrafu 2 […]”.

18      L-Artikolu 10(4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 kien jipprovdi:

« […] huma […] esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan id-digriet il-kuntratti għal żmien determinat konklużi biex jipprovdu għas-sostituzzjoni tal-persunal tal-għalliema u tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz skolastiku u edukattiv, inkluż f’każ ta’ assenza temporanja tal-persunal tal-għalliema u tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju li għandu relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew anki determinat. […]»


19      Id-decreto legislativo n. 81 – Disciplina organica dei contratti di lavoro e revisione della normativa in tema di mansioni, a norma dell’articolo 1, comma 7, della legge 10 dicembre 2014, n° 183 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81 dwar is-Sistema Organika tal-Kuntratti ta’ Xogħol u r-Reviżjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Funzjonijiet, skont l-Artikolu 1(7) tal-Liġi Nru 183, tal‑10 ta’ Diċembru 2014), tal‑15 ta’ Ġunju 2015 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 144, tal‑24 ta’ Ġunju 2015) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015”), li ħassar u ssostitwixxa d-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, essenzjalment irriproduċa, fl-Artikolu 19 tiegħu, l-istess dispożizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 5(4 bis) ta’ dan l-aħħar digriet leġiżlattiv. Dan l-Artikolu 19 kien jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal perijodu li ma jeċċedix 36 xahar.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-diversi dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim kollettiv, […] it-tul tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, li jirriżulta minn suċċessjoni ta’ kuntratti konklużi għat-twettiq ta’ kompiti tal-istess livell u tal-istess kategorija ġuridika, u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ interruzzjoni bejn kuntratt ta’ xogħol u dak sussegwenti, ma jistax jaqbeż is-36 xahar. […] Meta l-limitu ta’ 36 xahar jinqabeż, wara kuntratt wieħed jew sensiela ta’ kuntratti, il-kuntratt jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat.”

20      L-Artikolu 29(2)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015 jirriproduċi, essenzjalment, l-istess kontenut tal-Artikolu 10(4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, sa fejn jipprovdi li huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015 dwar xogħol għal żmien determinat il-kuntratti għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema u ma’ membri tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ sostituti.

21      L-Artikolu 309 tad-decreto legislativo n. 297 – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative vigenti in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine e grado (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, li Japprova t-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi Applikabbli fil-Qasam tat-Tagħlim, dwar l-Iskejjel ta’ Kull Tip u ta’ Kull Livell), tas‑16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad‑19 ta’ Mejju 1994, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994”) jipprovdi:

“1.      Fl-iskejjel pubbliċi mhux universitarji ta’ kull tip u ta’ kull livell, it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika huwa rregolat mill-ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Taljana u s-Santa Sede u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu […] u mill-ftehim previsti fil-punt 5(b) tal-imsemmi protokoll addizzjonali.

2.      Għat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika, il-kap tal-istabbiliment edukattiv ikkonċernat għandu jappunta missjonijiet annwali b’konsultazzjoni mal-Ordinarju djoċesan, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-paragrafu 1.”

22      L-Artikolu 399 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi li r-reklutaġġ ta’ għalliema tal-kindergarten, tal-iskola primarja u tal-iskola sekondarja, inklużi l-liċej artistiċi u l-istituti tal-arti, għandu jsir, għal nofs il-pożizzjonijiet disponibbli għal kull sena skolastika, permezz ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet u, għan-nofs li jifdal, fuq il-bażi tal-listi permanenti ta’ kandidati xierqa msemmija fl-Artikolu 401. Jekk il-lista tal-kandidati xierqa ta’ kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet tkun eżawrita u jkun għad hemm postijiet li għandhom jimtlew skont din il-kompetizzjoni, dawn tal-aħħar għandhom jiżdiedu mal-postijiet allokati għal-lista permanenti korrispondenti ta’ kandidati xierqa. Dawn il-pożizzjonijiet għandhom jiġu integrati mill-ġdid matul il-proċedura ta’ kompetizzjoni segwenti.

23      L-Artikolu 1(95) tal-legge n. 107 – Riforma del sistema nazionale di istruzione e formazione e delega per il riordino delle disposizioni legislative vigenti (il-Liġi Nru 107 dwar ir-Riforma tas-Sistema Nazzjonali ta’ Tagħlim u ta’ Taħriġ u dwar id-Delega għar-Riformulazzjoni tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fis-Seħħ), tat‑13 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 162, tal‑15 ta’ Lulju 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 107/2015”) jipprovdi li, għas-sena skolastika 2015/2016, il-MIUR huwa awtorizzat jimplimenta pjan straordinarju ta’ reklutaġġ ta’ għalliema għal żmien indeterminat għall-istabbilimenti skolastiċi pubbliċi ta’ kull livell, bil-għan li jimtlew il-postijiet kollha komuni u ta’ sostenn għall-ħaddiema “stabbiliti”, li għadhom vakanti u liberi fl-aħħar tal-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti mwettqa għal din l-istess sena skolastika abbażi tal-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, li fil-konklużjoni tagħhom jitħassru l-listi ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u eżamijiet ippubblikati qabel l-2012.

24      L-Artikolu 40(1) u (5) tal-ftehim kollettiv nazzjonali tas-settur “tat-tagħlim”, tad‑29 ta’ Novembru 2007, ikkompletat mill-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol, tad‑19 ta’ April 2018 (suppliment ordinarju Nru 274 għall-GURI Nru 292, tas-17 ta’ Diċembru 2007) (iktar ’il quddiem iċ-“CCNL”), jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2), (3) u (4) għandhom japplikaw għall-persunal kopert minn dan l-artikolu.

[…]

5.      L-għalliema tar-reliġjon Kattolika huma rreklutati skont is-sistema prevista fl-Artikolu 309 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, permezz ta’ kuntratt ta’ missjoni annwali li jitqies li huwa kkonfermat meta jippersistu l-kundizzjonijiet u l-kwalitajiet meħtieġa mid-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.”

25      L-Artikolu 25(3) taċ-CCNL jipprovdi:

“Ir-relazzjonijiet individwali ta’ xogħol għal żmien determinat jew indeterminat tal-korp tal-għalliema u edukattiv tal-istituti u tal-iskejjel pubbliċi ta’ kull tip u livell huma stabbiliti u rregolati minn kuntratti individwali, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-ftehim kollettiv nazzjonali fis-seħħ.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma għalliema tar-reliġjon Kattolika li ġew irreklutati mill-MIUR u li ilhom impjegati fi ħdan stabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku għal diversi snin permezz ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

27      Peress li qiesu li din is-suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat hija illegali u li kkonstataw li huma ma setgħux jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti previst fl-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla mal-għalliema ta’ suġġetti oħra. Għaldaqstant huma ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiksbu, skont l-Artikolu 5(2) u (4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, il-konverżjoni tal-kuntratti attwali tagħhom f’kuntratti għal żmien indeterminat jew, sussidjarjament, il-kumpens għad-dannu subit minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

28      Il-Federazione GILDA-UNAMS (il-Federazzjoni GILDA-UNAMS) assoċjazzjoni professjonali u sindakali ta’ għalliema, li intervjeniet fil-proċedura fil-kawża prinċipali bħala organizzazzjoni sindakali firmatarja taċ-CCNL, issostni, b’mod partikolari, li l-għalliema tar-reliġjon Kattolika huma vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba l-impossibbiltà li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat tiġi kkonvertita f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, filwaqt li huma għandhom l-istess kapaċità li jgħallmu bħall-għalliema l-oħra.

29      Il-qorti tar-rinviju tqis li ebda waħda mit-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tista’ tintlaqa’ fir-rigward tad-dritt Taljan.

30      F’dan ir-rigward, hija qabel kollox tippreċiża li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kuntratti ta’ xogħol rispettivi tagħhom kellhom tul akkumulat ta’ iktar minn 36 xahar. Issa, għalkemm, f’dan il-każ, bħala prinċipju, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jipprevedi t-trasformazzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratt għal żmien indeterminat, l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 jeskludi espressament, fis-settur tas-servizz pubbliku, tali trasformazzjoni.

31      Sussegwentement hija tirrileva li għalkemm is-suċċessjoni kontinwa ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat lil hinn minn 36 xahar tista’ wkoll, skont l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, tiġi ssanzjonata permezz tal-kumpens għad-dannu subit mill-ħaddiem minħabba din is-suċċessjoni, l-Artikolu 10(4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jeskludi tali possibbiltà fis-settur tat-tagħlim, hekk kif ikkonferma ulterjorment l-Artikolu 29(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015.

32      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħux jibbenefikaw mill-ħatra bħala uffiċjal permanenti la skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 u lanqas abbażi tal-Liġi Nru 107/2015, li tat lok għal regolarizzazzjoni ġenerali tal-persunal awżiljarju tat-tagħlim billi awtorizzat il-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indeterminat.

33      Minn dawn l-elementi jirriżulta li ebda miżura ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, ma hija prevista mid-dritt Taljan għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika li jgħallmu fi stabbilimenti pubbliċi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk id-dritt Taljan huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, hija tindika li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), l-Artikolu 10(4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, li huwa lex specialis, jeskludi, fis-settur tat-tagħlim, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, konklużi sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ sostituti, f’kuntratti għal żmien indeterminat.

35      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), li wettqet stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 10(4 bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 u tal-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, huwa impossibbli, fis-settur tas-servizz pubbliku, li relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tiġi ttrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

36      Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza hija kuntrarja għal dik li tirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas kellha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ma humiex applikabbli għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali r-regoli tad-dritt komuni li jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol u intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi permezz tar-riklassifikazzjoni awtomatika ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol iddum lil hinn minn ċertu perijodu, meta ma tkun teżisti ebda miżura effettiva oħra fis-sistema legali interna li tissanzjona l-abbuż ikkonstatat f’dan is-settur.

37      Finalment, il-qorti tar-rinviju tfakkar li t-tagħlim tar-reliġjon Kattolika huwa possibbli biss jekk l-Ordinarju djoċesan ikun ħareġ “ċertifikat ta’ kapaċità” lill-għalliem (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ kapaċità”) u jekk dan iċ-ċertifikat ma jkunx ġie rrevokat. Ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ kapaċità tikkostitwixxi għalhekk raġuni valida għat-tkeċċija, u dan jixhed ukoll in-natura prekarja tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ għalliem tar-reliġjon Kattolika.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      It-trattament differenti rriżervat biss għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika bħalma huma r-rikorrenti [fil-kawża prinċipali], jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 21 tal-[Karta] u tad-Direttiva [2000/78], jew il-fatt li t-titolu ta’ kapaċità li għandu l-ħaddiem jista’ jiġi rrevokat jikkostitwixxi ġustifikazzjoni xierqa għaliex huma biss l-għalliema tar-reliġjon Kattolika, bħalma huma r-rikorrenti [fil-kawża prinċipali], li jiġu ttrattati b’mod differenti mill-għalliema l-oħra, billi ma jibbenefikawx mill-ebda waħda mill-miżuri ta’ prevenzjoni previsti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas […]?

2)      Jekk jiġi kkunsidrat li hemm diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva [2000/78], ibbażata fuq ir-reliġjon (Artikolu 1), kif ukoll fis-sens tal-Karta […], għandha ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-qorti [tar-rinviju] sabiex telimina l-konsegwenzi ta’ din id-diskriminazzjoni, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-għalliema kollha għajr l-għalliema tar-reliġjon Kattolika bbenefikaw mill-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju previst fil-Liġi Nru 107/2015, billi kisbu l-ħatra bħala uffiċjal permanenti tagħhom u, għalhekk, kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat; konsegwentement, għandha l-qorti [tar-rinviju] tiddeċiedi fis-sens li tistabbilixxi relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mal-amministrazzjoni konvenuta [fil-kawża prinċipali]?

3)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas […] għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, skont liema r-regoli ta’ dritt komuni li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol u li huma intiżi li jippenalizzaw l-użu ħażin ta’ kuntratt għal żmien determinat suċċessivi, bil-konverżjoni awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkompli wara ċerta data, ma japplikawx għas-settur tal-edukazzjoni, speċifikament għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika, b’tali mod li tiġa permessa suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat għal perijodu indeterminat? B’mod iktar speċifiku, tista’ n-neċessità għal ftehim mal-ordinarju djoċesan tkun raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, jew għandha, għall-kuntrarju, titqies bħala diskriminazzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 21 tal-[Karta]?

(4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikolu 21 tal-[Karta], il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas […] jew l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jippermettu li r-regoli li jipprekludu l-konverżjoni awtomatika minn kuntratt għal żmien determinat għal kuntratt għal żmien indeterminat jiġu applikati meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkompli lil hinn minn ċerta data?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

39      Il-Gvern Taljan, filwaqt li jinvoka l-Artikolu 17(1) TFUE, iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha mill-qorti tar-rinviju minħabba li dawn id-domandi jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-ordinament ġuridiku tar-Repubblika Taljana u l-ordinament ġuridiku konfessjonali, f’dan il-każ l-ordinament ġuridiku tal-Knisja Kattolika, peress li dawn ir-relazzjonijiet jaqgħu esklużivament taħt id-dritt intern.

40      L-Artikolu 17(1) TFUE jimponi obbligu ta’ osservanza tal-istatus li jibbenefikaw minnu, skont id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-knejjes, li jirriżulta fin-nuqqas ta’ ndħil fil-materji strettament reliġjużi u li ġie stabbilit mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Mejju 2012, Fernández Martínez vs Spanja (CE:ECHR:2012:0515JUD005603007).

41      F’dan il-każ, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istabbiliment skolastiku kkonċernat u l-għalliema tar-reliġjon Kattolika hija rregolata mill-ftehim li jemenda l-ftehim konkluż fit‑18 ta’ Frar 1984 bejn ir-Repubblika Taljana u s-Santa Sede (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) kif ukoll mill-protokoll addizzjonali tiegħu. Skont il-punt 5 ta’ dan tal-aħħar, it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika huwa pprovdut minn għalliema rrikonoxxuti bħala adatti mill-awtorità ekkleżjastika u maħtura, bi ftehim magħha, mill-awtorità skolastika.

42      Skont il-Kanoni 804(2) tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, l-Ordinarju djoċesan għandu jiżgura li dawk li jinħatru bħala għalliema tar-reliġjon fl-iskejjel, inkluż dawk li ma humiex Kattoliċi, ikunu distinti fil-korrettezza tad-duttrina, fix-xhieda ta’ ħajja Nisranija, u fil-kompetenza tagħhom fit-tagħlim. Għalhekk huwa paċifiku li teżisti rabta bejn, minn naħa, it-titolu ta’ kapaċità u, min-naħa l-oħra, ir-reklutaġġ u s-sostenibbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliem tar-reliġjon Kattolika.

43      Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward tal-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku ma tistax tiġi kkonstatata mingħajr ma jkun hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ ndħil li huwa stabbilit b’mod espliċitu fl-Artikolu 17 TFUE.

44      F’dan il-kuntest, il-Gvern Taljan jenfasizza n-natura fakultattiva tat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika, hekk kif dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 9(2) tal-ftehim, ikkonfermat barra minn hekk mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali). Din in-natura fakultattiva għandha neċessarjament riperkussjonijiet fuq is-sistema applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema tar-reliġjon Kattolika. Id-“domanda” ta’ dan it-tagħlim hija, b’mod partikolari, imprevedibbli u estremament volatili fiż-żmien, u dan anki fi żmien qasir, peress li hija tiddependi kompletament mill-għażla tal-istudenti u/jew tal-ġenituri tagħhom li jsegwu jew le l-imsemmi tagħlim. Minn dan, il-Gvern Taljan jikkonkludi li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema tar-reliġjon Kattolika għandha tkun partikolarment flessibbli u twassal sabiex madwar 30 % tal-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika jikkonkludu kuntratt għal żmien determinat.

45      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ifakkar li l-Artikolu 351 TFUE jipprevedi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 bejn Stat Membru wieħed jew iktar, minn naħa, u Stat terz wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra, ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Issa, l-ftehim tal-1984 kien irreveda l-ftehim tal-1929, li l-Artikolu 36 tiegħu kien diġà jipprevedi li t-tagħlim tar-reliġjon Kattolika kellu jiġi fdat lil persuni li kisbu l-approvazzjoni tal-awtorità ekkleżjastika jew, fi kwalunkwe każ, li għandhom ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ mill-Ordinarju djoċesan, fejn ir-revoka ta’ dan iċ-ċertifikat tkun suffiċjenti sabiex l-għalliem jiġi mċaħħad mill-kapaċità tiegħu li jgħallem.

46      F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 17(1) TFUE, l-Unjoni għandha tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt id-dritt nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.

47      Din id-dispożizzjoni madankollu ma għandhiex bħala konsegwenza, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li differenza fit-trattament li tinsab f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti lil ċerti ħaddiema ta’ btala pubblika maħsuba sabiex tippermetti ċ-ċelebrazzjoni ta’ festa reliġjuża tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u li l-konformità ta’ tali differenza fit-trattament ma’ din id-direttiva ma tkunx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 31).

48      Bl-istess mod, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax timplika li eventwali differenza fit-trattament li tinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet fil-każ ta’ abbuż fl-użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku bejn l-għalliema tar-reliġjon Kattolika ta’ dawn l-istabbilimenti u l-għalliema l-oħra tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Ftehim qafas.

49      Fil-fatt, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 TFUE tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u ta’ organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa mal-att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam. Issa, il-fatt li din tal-aħħar hija ċċitata espliċitament fil-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni matul l-adozzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Min-naħa l-oħra, ċertament, l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58; tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 48, u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 33)

51      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex intiżi li jorganizzaw ir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u l-knejjes, f’dan il-każ il-Knisja Kattolika, iżda jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika fl-istabbilimenti pubbliċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 33).

52      Ċertament, teżisti, kif issostni r-Repubblika Taljana, rabta bejn, minn naħa, iċ-ċertifikat ta’ kapaċità mogħti lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika u, min-naħa l-oħra, ir-reklutaġġ u s-sostenibbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn l-għalliema. Madankollu, mhux biss il-ħruġ u r-revoka ta’ dan iċ-ċertifikat, kif ukoll il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnha, għandu rabta mar-reklutaġġ u mal-perennità tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema msemmija, iżda barra minn hekk il-kompetenza tal-Ordinarju djoċesan ma titpoġġiex indiskussjoni mid-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari u ser tibqa’ teżisti, kemm jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirnexxilhom jew le jiksbu l-konverżjoni tal-kuntratt għal żmien determinat tagħhom f’kuntratt għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Ftehim qafas għall-fatti tal-kawża prinċipali ma timplikax li tingħata deċiżjoni dwar in-natura fakultattiva tat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika.

53      Minn dan isegwi li fil-kawża prinċipali ma huwiex inkwistjoni l-“istatus” li jibbenefikaw minnu, skont id-dritt Taljan, il-knejjes imsemmija fl-Artikolu 17(1) TFUE, bħal, f’dan il-każ, il-Knisja Kattolika.

54      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża lanqas ma tista’ titpoġġa indiskussjoni mill-Artikolu 351(1) TFUE, li jipprovdi li “[i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati”.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet li l-Istati terzi jisiltu, konformement mad-dritt internazzjonali, minn dawn il-konvenzjonijiet preċedenti (Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles mas-Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 254 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex rilevanti għall-proċedura fil-kawża prinċipali sa fejn il-ftehim konklużi mas-Santa Sede jew relatati magħha jikkonċernaw il-kompetenza tal-Ordinarji djoċesani li joħorġu u li jirrevokaw iċ-ċertifikati ta’ kapaċità għat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika, kompetenza li ma titpoġġiex indiskussjoni, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, mid-dispożizzjonijiet imsemmija mid-domandi preliminari, b’mod partikolari l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomandi preliminari

58      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u tal-Artikolu 21 tal-Karta, kif ukoll tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi biex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, u, min-naħa l-oħra, jekk din il-klawżola għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ minn awtorità ekkleżjastika intiż biex jippermetti lil dawn l-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika jikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt (1)(a) ta’ din l-istess klawżola.

59      Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u kif jirriżulta kemm mit-titolu kif u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-reliġjon għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol sabiex fl-Istati Membri jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi kull persuna tingħata protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 32).

60      B’dan il-mod, id-direttiva msemmija tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 33).

61      Minn dan isegwi li, meta tiġi adita b’domanda preliminari li għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, li permezz tagħhom dan l-Artikolu 21 jiġi implimentat, u li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 21, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwu u amministrazzjoni pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-kwistjoni fir-rigward ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva msemmija jippreċiża li għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom hemm ir-reliġjon. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ reliġjon partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra.

63      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn il-QEDB, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Mejju 2012 Fernández Martínez vs Spanja (CE:ECHR:2012:0515JUD005603007), u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28).

64      Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ċċaħħad lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-possibbiltà li jittrasformaw il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u/jew li jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba s-suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat mhux minħabba r-reliġjon tagħhom iżda, bħall-għalliema l-oħra ta’ dawn l-istabbilimenti, minħabba li huma jaqgħu taħt is-settur pubbliku. Barra minn hekk, jekk, kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, huma ma bbenefikawx mill-proċeduri applikabbli skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 u lanqas mill-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ previst mil-Liġi Nru 107/2015, ma huwiex għal din ir-raġuni iżda minħabba t-tul annwali tal-missjonijiet tagħhom, li ma kinux jippermettu l-inklużjoni tagħhom fil-listi permanenti ta’ kandidati xierqa, minkejja li din l-inklużjoni kienet neċessarja għall-ħatriet bħala uffiċjali permanenti li seħħew f’dan ir-rigward. Finalment, tali tul ma għandu l-ebda rabta mal-għoti ta’ ċertifikat ta’ kapaċità u mal-prattika ta’ twemmin neċessarji għat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika, kif ukoll mal-possibbiltà li dan iċ-ċertifikat jiġi rrevokat, peress li dawn l-elementi jikkonċernaw ukoll l-għalliema tar-reliġjon Kattolika rreklutati għal żmien indeterminat.

65      Għalhekk, anki jekk jitqies li l-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli mal-għalliema li jgħallmu suġġetti oħra f’dawn l-istess stabbilimenti, li għandhom kuntratt għal żmien determinat u li bbenefikaw mill-imsemmi Artikolu 399 jew mill-imsemmi pjan, tali differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata fuq ir-reliġjon, iżda tikkonċerna biss is-sistema applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol.

66      Finalment, il-qorti tar-rinviju ma staqsietx dwar l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, u t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix l-elementi li jippermettu li jitqies li l-kriterju apparentement newtrali li għandha l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon partikolari.

67      Min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-Kummissjoni, id-dannu invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirriżulta esklużivament mill-impossibbiltà li wieħed jinvoka strumenti ta’ protezzjoni previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, huwa s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni, jiġifieri dik prevista mill-Ftehim qafas.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju sabiex issolvi t-tilwima li għandha quddiemha, hemm lok li d-domandi preliminari jiġu fformulati mill-ġdid esklużivament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim qafas u li jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, u jekk il-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġa minn awtorità ekkleżjastika tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. Fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedi ebda miżura ta’ natura li tipprevjeni, fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jew li tissanzjona l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tippermettix li ma jiġux applikati r-regoli li jipprekludu t-trasformazzjoni awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkompli lil hinn minn ċertu perijodu.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’ peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien determinat” skont il-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjegahom (digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Popescu, C‑614/15, EU:C:2016:726, punt 33).

70      Sa fejn il-Ftehim qafas ma jeskludi ebda settur partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa għalhekk japplika wkoll għall-persunal irreklutat fis-settur tat-tagħlim mogħti fi ħdan stabbilimenti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 69).

71      Minn dan isegwi li ħaddiema bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati mill-MIUR u li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom huma konklużi għal żmien determinat, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas.

72      Fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, l-eventwali differenzi fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Viejobueno Ibáñez et de la Vara González, C‑245/17, EU:C:2018:934, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

73      B’mod partikolari, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija intiża għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ dan it-tip minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Issa, il-fatt li ċerti ħaddiema għal żmien determinat, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jibbenefikaw minn klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom f’kuntratt għal żmien indeterminat filwaqt li ħaddiema oħra tat-tagħlim pubbliku li jgħallmu suġġetti oħra u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli setgħu, jikkostitwixxi preċiżament differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għal żmien determinat.

75      Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma tistax tħalli mhux applikati r-regoli nazzjonali li jipprekludu, fil-każ ta’ għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku, it-trasformazzjoni awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkompli lil hinn minn ċerta data abbażi tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, peress li din is-sitwazzjoni ma taqax taħt din il-klawżola.

76      Fir-rigward tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandu jitfakkar li din il-klawżola għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi ftehim, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-bżonnijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll dawk tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi Universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għaldaqstant, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan tal-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew ta’ tali relazzjonijiet ta’ impjieg, għat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u n-numru massimu ta’ tiġdid tagħhom (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti. B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jassenja lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, sa fejn ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80      Hekk kif jirriżulta mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas u konformement mat-tielet paragrafu tal-preambolu kif ukoll mal-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas, huwa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn dan ikun oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Barra minn hekk, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn ikunu ġew ikkonstatati abbużi. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu ta’ natura mhux biss proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      B’hekk, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas tħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien indeterminat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Madankollu, sabiex tali leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista’ titqies bħala konformi mal-Ftehim qafas, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu madankollu jinkludi miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, skont il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Isegwi li, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-istess termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti [minn din] id-Direttiva” (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għalhekk, għandu jitqies li, f’dan il-każ, jekk jirriżulta li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżisti ebda miżura effettiva oħra sabiex jiġu evitati u ssanzjonati l-abbużi eventwalment ikkonstatati fir-rigward tal-persunal tas-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika, tali sitwazzjoni tkun tali li tippreġudika l-għan u l-effett utli tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjonar tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil dawk il-qrati fl-evalwazzjoni tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti r-reklutaġġ, fis-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika, ta’ numru kbir ta’ għalliema permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr ma tipprevedi ebda waħda mil-limiti msemmija fil-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas fir-rigward tat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew tan-numru ta’ tiġdidiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur imsemmi huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li tali kuntratti konklużi b’mod suċċessiv lil hinn minn ċertu perijodu jiġu kkonvertiti f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kumpens għad-dannu subit minħabba tali suċċessjoni.

90      Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma huma destinatarji tal-proċeduri applikabbli skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 u lanqas tal-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ ta’ għalliema għal żmien indeterminat stabbilit mill-MIUR, li ġew imqabbla mill-Qorti tal-Ġustizzja ma’ forma ta’ trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punti 32 sa 36).

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu, fis-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika, ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jistax jiġi ġġustifikat mill-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, u, b’mod iktar partikolari, jekk il-ħruġ tat-titolu ta’ kapaċità mill-Ordinarju djoċesan sabiex l-għalliem tar-reliġjon Kattolika jkun jista’ jgħallem dan is-suġġett jistax jikkostitwixxi tali raġuni oġġettiva.

92      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas, il-partijiet firmatarji tiegħu qiesu li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq “raġunijiet oġġettivi” huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, dan għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li fir-rigward tat-twettiq tagħhom ġew konklużi tali kuntratti u mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94      Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti. Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn reali, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. B’hekk din id-dispożizzjoni tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95      Il-Gvern Taljan jinvoka diversi argumenti intiżi sabiex juru li jeżistu, f’dan il-każ, ċirkustanzi preċiżi u konkreti ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika ta’ stabbilimenti pubbliċi, peress li dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw prinċipalment mir-relazzjoni bejn ir-Repubblika Taljana u s-Santa Sede kif ukoll mill-flessibbiltà organizzattiva meħtieġa għat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika.

96      Fir-rigward tal-ewwel aspett, il-Gvern Taljan jenfasizza, qabel kollox, li t-tagħlim tar-reliġjon Kattolika fl-iskejjel pubbliċi huwa partikolarità tas-sistema edukattiva Taljana. Ir-rabta ta’ fiduċja speċjali li għandha teżisti bejn l-għalliem ta’ dan is-suġġett u l-Ordinarju djoċesan timplika li l-kandidat għat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika jiġi neċessarjament evalwat mill-Isqof stess sabiex jiġi evitat li t-tagħlim ikun kuntrarju għar-rekwiżiti tal-ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Taljana u s-Santa Sede, billi jagħti lill-Isqof djoċesan il-possibbiltà li jevalwa, sena wara sena, il-kapaċità ta’ kull għalliem.

97      Dan il-gvern sussegwentement jibbaża ruħu fuq il-fatt li għalliem tar-reliġjon Kattolika jista’ jgħallem dan is-suġġett biss wara l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ kapaċità mill-Isqof djoċesan, li jevalwa jekk l-għalliem ikkonċernat jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Kanoniku u jekk dan iċ-ċertifikat jistax jinżamm. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jippreċiża li r-“raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, tirriżulta mhux mir-revoka eventwali ta’ tali ċertifikat, iżda min-neċessità li jiġi osservat il-ftehim kif ukoll li jingħata tagħlim tar-reliġjon Kattolika li jkun konformi mal-prinċipji tiegħu, b’mod partikolari sabiex jiġu ssodisfatti l-aspettattivi tal-istudenti u tal-ġenituri tagħhom.

98      Barra minn hekk, billi tikkontribwixxi konformement mal-ftehim, b’awtonomija sħiħa, b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-profili tal-għalliema, għar-rikonoxximent tal-kapaċità tagħhom u għall-ħatra tagħhom, il-Knisja Kattolika tassumi r-responsabbiltajiet marbuta mal-aspetti konfessjonali ta’ tagħlim li fir-rigward tiegħu l-Istat jibqa’ miftuħ u disponibbli mingħajr madankollu ma jipparteċipa fih. Dan jirrikonoxxi l-valur tal-kultura reliġjuża u jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipji tal-Kattoliċiżmu jifformaw parti mill-patrimonju storiku Taljan, filwaqt li tinżamm id-distanza xierqa għal Stat sekulari pluralista li ma jidentifika ruħu ma’ ebda twemmin reliġjuż.

99      Fir-rigward tat-tieni aspett, il-Gvern Taljan jindika li n-numru kbir ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-settur tat-tagħlim tar-reliġjon Kattolika jiggarantixxi l-flessibbiltà li tirriżulta min-natura fakultattiva ta’ dan it-tagħlim, li jippermetti li jiġi adattat in-numru neċessarju ta’ għalliema bis-sempliċi nuqqas ta’ tiġdid ta’ ċertu numru ta’ kuntratti annwali pjuttost milli permezz tax-xoljiment ta’ kuntratti għal żmien indeterminat. Dan l-approċċ, li għalhekk jippermetti reazzjoni xierqa għall-varjazzjoni fid-domanda ta’ tagħlim tar-reliġjon Kattolika minħabba l-imsemmija natura fakultattiva, huwa approvat mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u jikkostitwixxi, barra minn hekk, espressjoni tal-preżervazzjoni tal-interessi finanzjarji u organizzattivi tal-Istat.

100    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument ibbażat fuq ir-rabta ta’ fiduċja speċjali li għandha teżisti bejn l-għalliem tar-reliġjon Kattolika u l-Isqof djoċesan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ir-rabta tikkonċerna kemm lill-għalliema li kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat kif ukoll lil dawk li għandhom kuntratt għal żmien determinat, b’tali mod li dan l-argument ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat.

101    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-preżervazzjoni tal-kultura reliġjuża u tal-patrimonju storiku Taljan, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm dan l-għan jista’ jitqies li jistħoqqlu protezzjoni kostituzzjonali, il-Gvern Taljan madankollu ma jesponix kif it-twettiq tal-għan imsemmi jiġġustifika li 30 % tal-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika jiġu rreklutati permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 45).

102    F’dan il-kuntest, għandu madankollu jiġi kkonstatat, fit-tielet lok, li ma huwiex eskluż li s-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika jeħtieġ aġġustament kostanti bejn in-numru ta’ ħaddiema li huma impjegati fih u n-numru ta’ utenti potenzjali, kif jenfasizza l-Gvern Taljan, li jinvolvi, għall-persuna li timpjega, bżonnijiet provviżorji fil-qasam tar-reklutaġġ. B’hekk, ir-reklutaġġ temporanju ta’ ħaddiem sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet provviżorji u speċifiċi tal-persuna li timpjega f’termini ta’ persunal jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 47).

103    F’dan ir-rigward, is-servizz skolastiku għandu jiġi organizzat b’mod li jiżgura aġġustament kostanti bejn in-numru ta’ għalliema u n-numru ta’ studenti. Issa, ma jistax jiġi miċħud li dan l-aġġustament jiddependi fuq numru kbir ta’ fatturi, li xi wħud minnhom jistgħu, sa ċertu punt, ikunu diffiċilment kontrollabbli jew prevedibbli, bħal, b’mod partikolari, il-flussi migratorji esterni u interni jew l-għażla ta’ suġġetti mill-istudenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 94).

104    Tali fatturi jixhdu, fis-settur tat-tagħlim inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bżonn partikolari ta’ flessibbiltà li, kif issemma fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, huwa ta’ natura, f’dan is-settur speċifiku, li jiġġustifika oġġettivament, fid-dawl tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi sabiex tiġi ssodisfatta b’mod xieraq id-domanda fl-iskejjel u sabiex jiġi evitat li l-Istat jiġi espost, bħala persuna li timpjega f’dan is-settur, għar-riskju li jkollu jimpjega fuq bażi permanenti lil numru ta’ għalliema sinjifikattivament ogħla minn dak li huwa effettivament neċessarju sabiex jaqdi l-obbligi tiegħu f’dan il-qasam (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et., C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 95).

105    Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jistgħu jiġġeddu għall-finijiet tat-twettiq, b’mod permanenti u fit-tul, ta’ kompiti li jifformaw parti mill-attività normali tas-settur ta’ attività tat-tagħlim. Hekk kif iddeċidiet kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda permanenti u għal żmien estiż ma huwiex iġġustifikat, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, sa fejn tali użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat dan il-Ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, anki jekk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    L-osservanza tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas teżiġi għalhekk li jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ikun intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tintużax, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti u għal żmien estiż tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Għal dan il-għan għandhom jiġu eżaminati, f’kull każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jiġi evitat li kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, anki jekk konklużi apparentement sabiex ikopru bżonn ta’ supplenti, jintużaw b’mod abbużiv mill-persuni li jimpjegaw (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108    L-eżistenza ta’ “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas teskludi għalhekk, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ abbuż, ħlief meta minn eżami globali taċ-ċirkustanzi tat-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ikkonċernati jirriżulta li s-servizzi mitluba mill-ħaddiem ma jkunux jikkorrispondu għal sempliċi bżonn temporanju (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et., C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 103).

109    Konsegwentement, il-fatt biss li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tista’ tkun iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex irendi tali leġiżlazzjoni konformi magħha, jekk jirriżulta li l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-leġiżlazzjoni twassal, fil-prattika, għal użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et., C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 104).

110    Issa, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissuġġetta għal ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip lid-deroga li hija tintroduċi għar-regoli tad-dritt komuni applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol u intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċesssivi. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-kuntratti tax-xogħol suċċessivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tissodisfa sempliċi ħtiġijiet provviżorji tal-persuna li timpjega, iżda tidher li pjuttost għamlet tajjeb għan-neċessitajiet ta’ tmexxija normali tagħha. Barra minn hekk, il-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat differenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew impjegati taw lok għat-twettiq ta’ kompiti simili u saħansitra identiċi matul numru ta’ snin, fejn għalhekk din ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tinftiehem fis-sens li ssodisfat ħtieġa li ma kinitx provviżorja, iżda, għall-kuntrarju, kienet fit-tul, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

111    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument dwar l-interessi finanzjarji tal-Istat, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, dawn madankollu ma jikkostitwixxux fihom innifishom għan segwit minn din il-politika u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-assenza ta’ kwalunkwe miżura preventiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 55).

112    F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, il-kwistjoni dwar jekk in-neċessità tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ kapaċità li għandu jkollhom l-għalliema tar-reliġjon Kattolika sabiex jgħallmu dan is-suġġett tistax tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan iċ-ċertifikat jingħata darba biss, fil-mument meta l-awtorità skolastika tippreżenta l-lista ta’ kandidati tagħha, u indipendentement mit-tul tal-missjoni fdata lill-għalliem tar-reliġjon Kattolika kkonċernat. Għalhekk, l-għoti tal-imsemmi ċertifikat lill-għalliema kollha tar-reliġjon Kattolika, kemm jekk ikunu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat jew kuntratt għal żmien determinat, jikkostitwixxi, kif diġà ssemma fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, aspett indipendenti mit-tul tal-missjonijiet fdati lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika.

113    Bl-istess mod, ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ kapaċità tikkostitwixxi kawża ta’ xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol kemm għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika li jaħdmu fuq bażi permanenti kif ukoll għal dawk li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom biss kuntratt għal żmien determinat, u għalhekk ma tikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas.

114    Finalment, sa fejn il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ kapaċità ma għandux rabta mal-implimentazzjoni ta’ miżuri rrikonoxxuti bħala li jsegwu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali bħal dawk, pereżempju, li jirrigwardaw il-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità jew tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja, dan ma jistax jitqies li jservi sabiex jintlaħaq għan ta’ politika soċjali, peress li l-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” li jinsab fil-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas jinkludi fih, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, it-tfittix ta’ tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et., C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 92 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Minn dan isegwi li ċ-ċertifikat ta’ kapaċità ma jikkostitwixxix “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas.

116    Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-fatt li ma jeżistux “miżuri legali ekwivalenti intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi”, fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika ma hijiex ta’ natura li tipprevjeni jew li tissanzjona l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

117    F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, billi jiżguraw li l-ħaddiema li ġarrbu abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma jiġux dissważi, fit-tama li jkomplu jiġu impjegati fis-settur speċifiku, milli jinvokaw quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi dawk ġudizzjarji, id-drittijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-miżuri preventivi kollha previsti fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    B’mod iktar partikolari, hija l-qorti adita li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, b’kull mod possibbli u meta jseħħ użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, interpretazzjoni u applikazzjoni tali li jiġi ssanzjonat debitament dan l-abbuż u li jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et. (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi regoli applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol irregolati mid-dritt komuni li huma intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, billi tipprevedi l-klassifikazzjoni mill-ġdid awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkompli lil hinn minn data preċiża, applikazzjoni ta’ tali regoli fil-kawża prinċipali tista’ b’dan il-mod tikkostitwixxi miżura li tipprevjeni tali abbuż, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

120    F’dan il-kuntest, għandu madankollu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas ma hijiex mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali. B’hekk, tali dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkollhiex effett dirett, ma tistax tiġi invokata, bħala tali, fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra din il-klawżola (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121    Dan premess, għandu jitfakkar li, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretawh sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122    Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE minħabba li dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu t-tilwim li jitressaq quddiemhom (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et. (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123    Ċertament, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

124    Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi madankollu li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).  Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hijiex possibbli.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, meta ma tkun teżisti ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku intern li tissanzjona l-imsemmi użu abbużiv u, min-naħa l-oħra, li l-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ minn awtorità ekkleżjastika bil-għan li tippermetti lil dawn l-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika ma tikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, peress li dan iċ-ċertifikat jinħareġ darba biss, u mhux qabel kull sena skolastika li tagħti lok għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

 Fuq lispejjeż

126    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens, minn naħa, li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, meta ma tkun teżisti ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku intern li tissanzjona l-imsemmi użu abbużiv u, min-naħa l-oħra, li l-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ minn awtorità ekkleżjastika bil-għan li tippermetti lil dawn l-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika ma tikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-ftehim qafas, peress li dan iċ-ċertifikat jinħareġ darba biss u mhux qabel kull sena skolastika li tagħti lok għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.